METODU
Aħna u nimxu lejn il-Ġublew, ejjew nerġgħu lura għall-Iskrittura Mqaddsa u nisimgħu jitlissnu lilna dawn il-kelmiet: ‘Aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu ’l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù għalina’. Lhud 6:18-20
Hija stedina qawwija biex ma nitilfu qatt it-tama li ngħatatilna, u nrossuha ma’ qalbna biex hekk insibu kenn f’Alla”. Spes nin confundit, 25
Il-Ġublew huwa għalina lkoll sena ta’ grazzja speċjali. Minn dak li kiteb il-Papa Franġisku fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew 2025, toħroġ qawwija l-istedina sabiex matul il-mixja tagħna lejn il-ġrajja tal-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama, imma wkoll ‘l hinn minnha, aħna nimxu pass pass mal-gwida li toffrilna l-Kelma ta’ Alla.
Fis-sensiela ta’ tmienja u tletin katekeżi dwar it-talb li l-Papa Franġisku għamel bejn l-2020 u l-2021[i], kien tkellem ukoll dwar it-talb bl-Iskrittura Mqaddsa[ii] u fisser kif aħna nistgħu nitolbu b’silta mill-Bibbja għaliex il-kelmiet tal-Iskrittura Mqaddsa ma ġewx miktuba biex jibqgħu msakkra fuq il-papir, fuq l-iskroll, inkella fuq il-karta, imma biex jiġu milqugħa minn persuna li titlob, biex tħallihom jagħmlu l-frott f’qalbha. Dakinhar huwa fakkar li t-tradizzjoni Nisranija hi għanja b’esperjenzi u b’riflessjonijiet fuq it-talb bl-Iskrittura Mqaddsa. B’mod partikulari, issaħħaħ il-metodu tal-Lectio Divina, li nibet f’ambjent monastiku, imma llum hu pprattikat anki mill-Insara li jiffrekwentaw il-parroċċi.
Il-Lectio Divina, li l-Papa Franġisku tkellem dwarha diversi drabi, tista’ tkun għalina, forma ta’ talba li tgħinna b’mod prattiku biex illum, aħna wkoll ngħixu l-istess esperjenza li kellhom tant persuni, elfejn sena ilu, meta ltaqgħu ma’ Ġesù. Hija spiss tkun deskritta bħala l-qari tal-Kelma ta’ Alla f’atmosfera ta’ talb, imma aktar minn hekk, din hija il-qari tal-Kelma ta’ Alla li ssir talba.
Il-metodu tradizzjonali huwa wieħed sempliċi u jinkonsisti f’erba’ passi, li jridu jsiru f’atmospera ta’ ġabra u skiet. Importanti li qabel nibdew, aħna ninfetħu għall-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li hemm fina, u li kien huwa stess li nebbaħ l-awturi sagri fil-kitbiet tagħhom tat-testi bibliċi.
Il-passi ssuġeriti fil-Lectio Divina huma …
(a) Il-Qari tas-silta.
(b) Il-Meditazzjoni fuq dak it-test li jkun inqara.
(ċ) It-Talb. Hawn jistgħu jintużaw is-Salmi bibliċi, deskritti mill-Papa Franġisku bħala sinfonija ta’ talb.[iii]
(d) Il-Kontemplazzjoni. Din l-aħħar parti hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem. Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.
Bejn pass u ieħor, imma wkoll matulhom, huma rakkomandati mumenti ta’ skiet.
Fl-Evanġelju niltaqgħu mal-esperjenza ta’ diversi personaġġi, li wara l-laqgħa li huma kellhom mal-Imgħallem, il-mixja tagħhom tal-ħajja, inbidlet f’pellegrinaġġ veru tat-tama. Flimkien ma’ Ġesù, huma wkoll saru Pellegrini tat-Tama.
F’dawn il-kitbiet ta’ hawn taħt, tista’ ssib xi suġġeriment ta’ siltiet li nistgħu nirrakomandaw. Imma minbarra dawn hemm tant oħrajn mill-Iskrittura kollha. Jekk xi silta tkun waħda twila, tista’ titqassam f’mumenti differenti. Hemm ukoll uħud fil-lista li fihom aktar minn silta waħda. Għalkemm dawn ikunu kollha relatati mat-tema ewlenija, madankollu, anke huma jistgħu jittieħdu f’waqtiet differenti.
L-għan ta’ dawn il-kitbiet huwa li bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis, huma jistgħu jkunu ta’ għajnuna kemm għal individwi li jixtiequ jirriflettu dwar xi silta evanġelika jew oħra, kif ukoll għal persuni li jmexxu laqgħat ta’ Lectio Divina jew ta’ riflessjoni fil-parroċċi, fl-għaqdiet u fil-movimenti. Għalhekk qed isir kull sforz biex it-taqsima tal-meditazzjoni tinżamm sempliċi u qasira kemm jista’ jkun. B’hekk titħalla l-opportunità li min qed jaqra, jikkumplimenta l-kitba bis-sehem tiegħu jew tagħha. U dan huwa important ħafna.
Nerġa’ ntenni, li mhux l-għan ta’ dawn il-kitbiet li jinqraw biss, imma aktar minn hekk li jservu ta’ għajnuna fi process għal kollox personali jew komunitarju.
Huma maħsuba wkoll li jservu ta’ għajnuna bi tħejjija għal qabel jew għal matul il-Ġublew: Pellegrini tat-Tama. Madonkollu meta s-sena tal-ġublew tkun għaddiet, il-Kelma ta’ Alla fis-siltiet inklużi, ser tibqa’ ħajja u valida kif baqgħet valida u ħajja matul l-aħħar elfejn sena minn meta nkitbu l-kotba tal-Evanġelju. Fuq kollox, l-Ispirtu s-Santu li dakinhar nebbaħ lill-awturi umani, illum għadu jrid inebbaħ lili u lilek li naqrawhom u ngħixuhom. Il-ġrajja tal-ġublew tgħaddi, imma l-pellegrinaġġ tat-tama irid li jibqa’ ħaj. Dan jista’ jsir biss flimkien ma’ Kristu l-Mulej, li huwa l-istess Kelma ta’ Alla.
[i] 38 tal-Papa Franġisku dwar it-talb, 2020-2021: https://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Kat_Talb.htm
[ii] Katekeżi tal-Papa Franġisku dwar it-talb bl-Iskrittura fis-27 ta’ Jannar 2020: https://www.laikos.org/papa_frangisku_udjenza_27012021.htm
[iii] Katekeżi tal-Papa Franġisku fis-sensiela dwar l-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 4. L-Ispirtu jgħallem lill-Għarusa titlob. Is-Salmi, sinfonija ta’ talb fil-Bibbja: https://www.laikos.org/papa_fr1_udjenza_19062024.htm