DAĦLA
Matul il-mixja ta' ħajjitna, aħna lkoll ngħaddu minn waqtiet ta' hena u ferħ li jġibu fuqna ħafna ottimiżmu. Aħna ngħaddu wkoll minn esperjenzi ta' niket u ta’ tbatija, li jimlewna bit-taqtigħ il-qalb u bin-nuqqas ta' kuraġġ.
Madankollu kemm l-ottimiżmu u kemm il-kuraġġ, huwa biss atteġġjamenti umani li jiddependu minn tant ċirkustanzi li ftit li xejn għandna kontroll fuqhom. Spiss huma biss burdati ta’ mument. Iżda t-tama nisranija mhix sempliċi burdata umana. Hija rigal tal-Ispirtu Santu. Hija virtù, li bħall-fidi u bħall-imħabba, tiġi mogħtija lilna minn Alla nnifsu. Għalina li nemmu, it-tama hija persuna. Hija Kristu nnifsu. Iva Kristu huwa t-tama taghna.
Spiss nisemgħu min jgħid, li min jgħix bit-tama, imut bil-piena. Imma meta jitkellem fuq it-tama vera, it-tama nisranija, San Pawl jgħidilna li t-tama ma tqarraqx, Dan huwa dak li jfakkarna fih il-Papa Franġisku fid-dokument li bih pproklama il-Ġublew tas-Sena 2025: Pellegrini tat-Tama. It-Tama ma tqarraqx – Spes non confundit.
Fl-Evanġelju naqraw dwar diversi persuni, li wara l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, ħajjithom inbidlet u saret għalihom pellegrinaġġ ta’ tama. Mhux bilfors għaliex ħelsu mit-tbatijiet tagħhom, imma għaliex magħhom, issa kellhom lil Ġesù. Miegħu saru huma wkoll Pellegrini tat-Tama.
Illum aħna għandna l-istess sejħa li darba kellhom huma u nistgħu ngħixu l-istess esperjenza li għaddew huma minnha dakinhar. Dan huwa l-għan ta’ din is-sensiela ta’ kitbiet, dik li bħal dawn il-personaġġi u flimkien ma’ Kristu, aħna wkoll insiru Pellegrini tat-Tama.
Joe Farrugia