6. Il-Qaddejja fit-Tieġ ta’ Kana
Dawk imlewhom sax-xifer
Din hija silta mill-Evanġelju li bir-raġun kollu aktarx tinqara f’xi ċelebrazzjoni taż-żwieg. Madankollu l-messaġġ imwassal lilna minn din il-ġrajja li sseħħ propju fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù huwa bil-ferm aktar profond. Il-mira tiegħu, mhumiex biss l-għarajjes li qed jiżżewġu llum, imma ċertament il-Knisja kollha għaliex huwa għal kull dixxiplu. Huwa sejħa għalina biex naraw sewwa s-sinjali li għadu jagħmel l-Imgħallem anke fi żmienna biex bħad-dixxipli li kienu preżenti f’Kana tal-Galilija, aħna wkoll nemmnu fih.
† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9
QARI
Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f'Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: "Ma għandhomx inbid." U Ġesù qalilha: "X'hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx." Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: "Agħmlu kull ma jgħidilkom hu." Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa' xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: "Imlew il-ġarar bl-ilma." U dawk imlewhom sax-xifer. Mbagħad qalilhom: "Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda." U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: "Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa." Dan li għamel Ġesù f'Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm għal ħafna żmien. Ġw 2:1-12
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Mbagħad fit-tielet jum.
X’kien ifisser tassew it-tielet jum għall-ewwel komunità nisranija? Huwa minnu li fis-siltiet preċedenti rajna kif dan l-evanġelsta, fuq mudell ta’ dak li naqraw fl-ewwel kapitlu tal-Ġenesi, jibni r-rakkont tiegħu, jum wara jum. Hawn dan jagħmlu billi ripetutament juża l-kelma “l-għada”. Madankollu għall-ewwel komunità nisranija, it-tielet jum kellu tifsira ferm aktar profonda għaliex kien ifakakrhom f’dak li seħħ fit-tielet jum mill-mewt tal-Mulej. San Pawlu kiteb li “Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura” 1Kor 15:3-4.
It-tielet jum huwa r iferenza diretta għal jum il-Qawmien ta’ Kristu li seħħ, kif jikteb Pawlu, “fit-tielet jum,” ġrajja li seħħet litteralment iżda fl-istess ħin kienet mimlija sinifikat simboliku, għaliex permezz tagħha, dawk kollha li jemmnu, jitqajmu wara mewthom għall-ħajja ta’ dejjem.
Tant kellu importanza dan il-jum għal dawk li jemmnu, li daħal saħansitra fl-istqarrija tal-fidi, il-kredu kemm dak imsejjaħ tal-Appostli u kif ukoll f’dak ta’ Niċea.
Għalina llum, x’tifsira għandu jum il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet? Festa ta’ darba fis-sena, bil-figolli u bil-bajd taċ-ċikkulta? Napprezza jiena li kull nhar ta’ Ħadd huwa ċelebrazzjoni ta’ dak it-tielet jum, tant għażiż għall-ewwel kommunità nisranija?
Ftit mumenti ta’ skiet
Omm Ġesù, Ġesù nnfsu u d-dixxipli.
Fejn hemm Ġesù, hemm ukoll Ommu kif ukoll id-dixxipli tiegħu, dawk li jemmnu fih, li jimxu warajh, li jmorru għandu u joqgħodu miegħu. Dawk li Hu jmur għandhom u joqgħod magħhom. F’dik il-festa tat-tieġ kienu kollha mistiedna, Marija u Ġesù, flimkien mad-dixxipli.
Ġieli għamilt bħall-iben il-kbir tal-parabbola, li għax ħija jirritorna lura d-dar, jiena nibqa’ barra u ma nkunx irrid nidħol? Nifhem dak li għamel il-Missier dakinhar, meta ħareġ mhux biss biex jilqa’ lil ħija, imma wkoll biex jipperswadi lili biex nidħol lura, għax posti huwa ġewwa fil-festa li tkun għaddejja? Posti huwa ġewwa mhux biss ma’ Missieri, imma wkoll ma’ ħija.
Kemm drabi jiġri li, għax wieħed minna jkun tilef triqtu lura, allura il-Mulej stess joħroġ ifittxu, l-istess kif ir-Ragħaj it-tajjeb jfittex in-nagħġa li tkun intilfitlu?
Nifhem li sakemm wieħed jew waħda minna huma nieqsa, allura l-festa tat-tieġ tal-Ħaruf ma tista’ qatt tkun kompluta?
Ftit mumenti ta’ skiet
Ma kienx fadal iżjed inbid.
Mhux għax żvujtaw il-btieti, imma l-qlub. Ma kienx fadlilhom iżjed ferħ. Imma kif jista’ jkun ma kienx hemm ferħ, meta fosthom kien hemm Ġesù?
Kemm drabi jista’ jiġri li uffiċjalment lil Ġesù nistiednu. Iċ-ċeremonjal meħtieġ inkun għamiltu kollu. Tgħammidt u rċevejt is-sagramenti l-oħra. Immur il-quddies tal-Ħadd, jew forsi wkoll ta’ kuljum. Xi talba ‘l hawn jew ‘l hinn, ngħid. Imma lilu nkun tliftu qalb tant u tant ħwejjeġ oħra li nkun rekkint għax mingħalija bihom inkun ser insib il-paċi u l-ferħ. Naqasna l-inbid, mhux dak tal-fliexken imma dak li jferraħ u jikkonsla tassew.
“Ġie fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,”. Ġw 1:10-11-12
Ftit mumenti ta’ skiet
X'hemm bejni u bejnek, mara?
Mara? Dan għaliex Ġesù, fil-bidu tal-ministeru publiku tiegħu, qiegħed isejjaħ lil ommu b’dan il-mod? Kien hemm żmien meta dan il-kliem minn fomm Ġesù kien jaħsadni.
Imbagħad jerġa’ jtenni jagħmel hekk fi tmiem il-ministeru tiegħu, meta minn fuq is-salib, hekk kif lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hawn hu ibnek." Ġw19:26
Madankollu, hawnhekk, il-kelma, “mara” li bħal tant oħrajn li jużaw l-erba’ evanġelsti, tipponta ferm ‘il bogħod minn dak il-mument li fih tlissnet għax tfakkarna f’dak li l-Ħallieq kien qal lis-serp, l-għadu qarrieq fil-bidu ta’ ġrajjet il-bniedem, “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” Ġen 3:15
Huwa evidenti ħafna li hawn Ġesù qiegħed jikkonferma b’mod ċar, li dik il-mara, mwegħda minn Alla nnifsu fil-Ġnien tal-Għeden, kienet ommu stess. Nisilha, dak li kellu jisħaq il-Ħażin, kien huwa nnifsu. Hekk, is-siegħa li fiha kellha sseħħ il-wegħda tal-Ħallieq, kienet issa qorbot.
Ftit mumenti ta’ skiet
Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.
Kemm hu parir differenti minn dak li spiss aħna nagħtu lil xulxin. “Isma minni. Aħjar tagħmel kif qed ngħidlek.” Imma Marija mhux hekk, “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.” Kien il-parir li tat lill-qaddejja dakinhar u huwa l-parir li qed ittenni tagħti lilna llum, “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”
Jiena nagħmel kull ma jgħidli Hu jew nagħmel dak li tgħidli rasi? Dak li tgħidli d-dinja? Dak li tgħidli l-media bir-riklami u l-messaġġ tagħha?
Ftit mumenti ta’ skiet
Is-siegħa ta’ Ġesù.
L-evanġelista jgħidilna wkoll li dan kien l-ewwel sinjal (miraklu) li għamel Ġesù, u allura forsi nistħajjel li Ġesù wkoll kellu xi siegħa li fiha setgħa jibda jagħmel il-mirakli. Imma meta naqraw il-kumplament tar-raba’ evanġelju u niflu tant drabi li fihom Ġesù jsemmu din is-siegħa tiegħu, allura nintebħu li din ma’ kienet xejn marbuta mal-mirakli. Is-siegħa ta’ Ġesù kienet dik tal-mewt u l-qawmien tiegħu, meta kellu juri lid-dinja l-imħabba kbira tal-Missier. Kienet is-siegħa li fiha kellu jwettaq l-opra tiegħu tal-fidwa. Fi tmiem l-aħħar ċena, Huwa jdur lejn Missieru u jgħidlu, "Missier, waslet is-siegħa.” Ġw 17:1.
Fil-bidu tal-missjoni tiegħu, ġewwa Kana tal-Galileja, huwa jitkellem dwar is-siegħa ma’ Ommu. Issa li wasal biex itemm il-missjoni tiegħu fostna, jerġa’ jsemmi din is-siegħa ma’ Missieru.
Illum, li għaddew elfejn sena minn dik il-ġrajja, jiena qatt daħalli f’moħħi li f’dik is-siegħa ta’ Ġesù, jiena wkoll kont preżenti? Fl-istess talba li l-Mulej għamel lill-Missieru, wara li kien talab għal “dawk li Inti tajtni”, imbagħad ikompli jgħidlu, "M'iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. Ġw 17:20-21. Dakinhar Ġesù talab għalija u għalik ukoll.
Ftit mumenti ta’ skiet
Il-qaddejja - Imlewhom sax-xifer.
Dan kien l-ewwel sinjal ta’ Ġesù, allura l-fama tiegħu, bħala bniedem li jwettaq il-mirakli kienet għadha ma xterditx. Kultant nistaqsi lili nnifsi, “Imma x’kien li pperswada lil dawk il-qaddejja, jagħmlu dak li qalilhom Hu b’tant ħeġġa?” Mhux biss imlew il-ġarar bl-ilma, imma imlewhom sax-xifer. Kienu qaddejja li taw is-sehem sħiħ tagħhom kollu. Qatt ikkunsidrajt li kieku dakinhar minflok sax-xifer, huma imlew biss nofshom, allura l-inbid li tahom Ġesù kien ikun inqas abbundanti. Il-providenza ta’ Alla magħna, tasal għandna permezz tal-oħrajn. kif lilhom taslilhom permezz tagħna. Nagħtu minn dak li għandna, bħat-tfajjel fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u tal-ħut. Imma kien minn dak il-ftit, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, li l-Mulej tema aktar minn ħamest elef persuna.
Jiena nagħmel bħall-armla fit-tempju ta’ Ġerusalemm meta tat l-unika minuti ċkejkna li kellha? Dakinhar Ġesù ddikjara li l-offerta tagħha kienet iktar minn tal-oħrajn kollha.
Il-qaddejja ta’ Kana kellhom biss ilma, aktarx maħmuġ, li kien jintuża għall-ħasil tal-idejn u r-riġlejn. Imma dak li kellhom tawh bl-abbundanza. Kien lilu li Ġesù bidel fl-aħjar inbid.
Il-ħtieġa li d-dixxiplu jkun ukoll qaddej, saħqu Ġesù nnifsu fl-aħħar ċena, “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” Mt 23:11.
F’dan is-sens nistgħu liberament nistqarru li fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana, wara Ġesù u ommu Marija, il-protagonisti tal-ġrajja kienu bla dubju ta’ xejn, il-qaddejja.
L-għarus u l-għarusa
Kienet festa ta’ tieġ u f’okkażjonijiet bħal din, normalment l-attenzjoni kollha tkun fuq l-għarajjes, imma f’dan ir-rakkont l-għarus jissemma darba biss, u b’mod għal kollox sekondarju. L-għausa ma tissemma qatt. Fil-verità, jekk nerġgħu mmorru lura għall-ewwel komunità nisranija, nintebħu bl-importanza kbira li l-għarus veru jingħata mill-evanġelista.
Għall-ewwel insara, l-għarus tassew huwa Kristu. Kien hu stess li rrefera għalih innifsu bħala l-għarus meta kien mistoqsi dwar il-għaliex li d-dixxipli tiegħu ma samux. "Huwa l-ħbieb ta' l-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom?” Mk 2:18 – 20. Ġwanni l-Għammiedi wkoll, ippreżenta lilu nnifsu bħala l-ħabib tal-għarus. Ġw 3:29. Imma jekk l-għarus huwa Ġesù, fejn hija l-għarusa?
Naqraw fil-ktieb tar-Rivelazzjonijiet, “Wieħed mis-seba' anġli qalli: "Ejja nurik l-Għarusa, mart il-Ħaruf." Apk 21:9. Dan nifhmuh aħjar meta naqraw dak li kiteb San Pawl lill-Efesin, “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha”. Efes 5:25. Għall-ewwel komunità nisranija, l-għarusa hija l-Knisja. Għahekk fit-tieġ ta’ Kana, l-għarusa hija l-komunità tad-dixxipli, li jissemmew fl-aħħarnett tal-ġrajja.
Jiena wkoll parti mill-komunità tad-dixxipli. Jiena wkoll membru sħiħ tal-Knisja ta’ Kristu, l-għarusa ta’ Ġesù.
Ftit mumenti ta’ skiet
L-ewwel wieħed fost is-sinjali ta’ Ġesù.
L-ebda sinjal tassew ma jipponta lejh nnifsu. Kien propju għalhekk li l-Evanġelista Ġwanni, tul il-kitba tiegħu, ma jużax il-kelma “mirakli” imma “sinjali”. Bħall-mirakli l-oħra kollha, dak li jagħmel Ġesù jipponta ferm lil hinn miċ-ċirkustanzi u l-persuni tal-ġrajja nfisha. Jipponta lil hinn mill-post u miż-żmien. Jipponta saħansitra lejna li qed ngħixu llum.
Inkella x’sinifikat tassew fiha l-abbundanza kbira ta’ dak li wettaq Ġesù, sitt ġarar b’mija jew mija u għoxrin litru kull waħda. B’kollox madwar seba’ mitt flixkun inbid, għal festa żgħira ta’ tieġ f’raħal ċkejken u remot kif kienet Kana. Huwa bla dubju sinjal kbir u ċar li jipponta lejn realtà ferm akbar mill-ġrajja nfisha. Jfakkar f’dak li kien kiteb il-profeta Għamos aktar minn seba’ mitt sena qabel.
"Araw, għad jiġi żmien," oraklu tal-Mulej, "meta min jaħrat jilħaq fuq min jaħsad, min jagħsar l-għeneb jilħaq fuq min jiżra'; u l-inbid ġdid iqattar mill-muntanji, l-għoljiet kollha jkunu jnixxu minnu. U jiena nreġġa' l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien. Huma jibnu l-ibliet meqruda u jgħammru fihom." Għam 9:13-14
Għalhekk, mal-miġja ta’ Ġesù, kien wasal ukoll iż-żmien imħabbar mill-profeta.
Ftit mumenti ta’ skiet
Id-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Is-sinjal ta’ Ġesù kien sar proprju għalihom. Huma rawh, u għalkemm kienu għadhom ma fehmux, imma emmnu fih. Minn dak il-ħin, ħajjithom inbidlet, għax meta nħallu lilu jidħol, ħajjitna tinbidel. Jidħol il-ferħ. Tidħol it-tama. Bħad-dixxipli, aħna wkoll nibdew naraw is-sinjali li jagħmel il-Mulej. Għalina, ir-religjon ma tibqax aktar liġi miktuba fuq il-ġebel żonqri, imma issir beatitudni miktuba f'qalb ratba u tenera. Insiru aħna stess pellegrini tat-tama, mhux għalina nfusna biss imma wkoll għal dawk kollha li niltaqgħu magħhom.
Meta d-dixxipli emmnu fih, allura kienet l-għarusa nfisha li qed temmen fl-għarus. Hija l-għarusa li qed tafda l-għarus. Dan kien il-bidu ta’ żmien ġdid. It-twelid ta’ dik li llum insejjħula l-Knisja. Jista’ jkun li kien għalhekk, li dan kollu seħħ f’kuntest ta’ familja?
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Salm 4:6-3
Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu, u ittamaw fil-Mulej.
Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?"
Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.
Int nissilt l-hena f'qalbi, aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.
Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.
Ftit mumenti ta’ skiet
Salm 104:13-15
Mulej, inti ssaqqi l-muntanji mill-imħażen għolja tiegħek, u tixba' l-art bil-frott ta' għemilek.
Inti tnibbet il-ħdura għall-bhejjem, u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem, biex joħroġ il-ħobż mill-art, inbid li jferraħ qalb il-bniedem, żejt li jsebbħilhom wiċċhom, u ħobż li jsaħħilhom qalbhom.
Ftit mumenti ta’ skiet
Iżaija 62:3-5
Għad tkun kuruna ta' ġmiel f'id il-Mulej, u dijadema ta' sultan f'id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar: 'L-Abbandunata', lanqas lil artek: 'L-Imħarbta'.
Lilek għad isejjħulek: 'Għaxqti fiha', u lil artek għad jgħidulha: 'Għarusa'; għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b'għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11
Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem. Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.