4. L-Ewwel Żewġ Dixxipli
U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu
Lill-Għammiedi kienu saru jafuh u kliemu kien dejjem ċar u bla tlaqliq. “Jien m'iniex il-Messija, imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.”
Kultant nistħajjel li dal-kliem bħal donnu qed jgħidu lili llum, “F’nofskom hemm wieħed li inti ma tafux”. Imma, kif ser insir nafu? Kif ser insibu?
Min jaf kemm kien hemm oħrajn li semgħu dal-kliem ta’ Ġwanni? Imma f’qalb tnejn minnhom, kienet tnisslet xewqa kbira, tant li meta semgħu jidwi f’widnejhom il-kliem, “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”, dak il-ħin stess taw il-pass deċiżiv. Kien propju dakinhar, li beda l-pellegrinaġġ nisrani tagħhom, u f’ċertu sens tagħna wkoll bħala Knisja.
† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9
QARI
Mill-Evanġelju skont San Ġwann. 1:35-42
L-għada Ġwanni raġa' kien hemm ma' tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta' Alla.” Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” - li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta ta' l-għaxar siegħa.
Wieħed mit-tnejn li semgħu x'kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” - li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” - jew Pietru.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
L-għada.
Ir-rakkont tal-Evanġelista huwa mibni jum wara l-ieħor. Dak li qed jiġri llum, huwa filata oħra fuq dak li nbena ‘l bieraħ. Mix-xhieda ta’ Ġwanni, telqet il-mixja tal-ewwel żewġ dixxipli li segwew lil Ġesù. Mix-xhieda li taw huma, ġew tnejn oħra, u warajhom bosta oħrajn, sal-lum.
Imma forsi mhux hekk kien seħħ fil-bidu taż-żmien, meta Alla ħalaq is-sema u l-art. Meta Hu kien iħares lejn dak li kien għamel, u jum wara jum kien jara li kollox kien tajjeb. Hekk saru s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna”. Ġen 1:31
Nifhem jien ir-responsabbiltà tas-sejħa tiegħi, li nkompli fuq dak li lestew ta’ qabli u li, bl-aħjar mod li nista’, inħejji saff ieħor għal dawk li jridu jiġu warajja għada?
Ftit mumenti ta’ skiet
Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
Huma ma xtaqux biss ikunu jafu aktar dwar il-Messija. Kieku kien hekk, kienu jibqgħu hemm, maġenb il-Ġordan, jisemgħu lill-Għammiedi jgħdilhom dwaru. Kieku xtaqu biss ikunu jafu dwaru, kien ikun biżżejjed ifittxu fil-kitbiet tal-profeti. Imma aktar milli jafu dwaru, huma xtaqu jsiru jafu lilu. Għalhekk, ħallew lil Ġwanni u mxew wara Ġesù.
Kultant, jiena nikkuntenta lili nnifsi billi naqra dwar Ġesù, billi nisma fuqu u forsi wkoll nattendi xi kors. Tajjeb! Imma dan waħdu mhux biżżejjed! Sabiex insir naf lil Ġesù, irrid jiena wkoll nimxi warajh. Nisma’ lilu. Nagħmilha miegħu.
Ftit mumenti ta’ skiet
Xi tridu?
Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u staqsiehom: “Xi tridu?” Tgħid ma kienx jaf x’riedu dawk it-tnejn li segwewh? Forsi mhux għalihom ukoll kien mar hemm, dakinhar?
Kemm drabi nsibu lil Ġesù jagħmel domandi li tagħhom ikun diġà jaf it-tweġiba. Jiġi f’moħħi Bartilmew, l-għama ta’ Ġeriko, “Xi tridni nagħmillek?” Mhux ovvju, Mulej? “Li nerġa' nara, Rabbuni,” wieġbu dak.
Fil-verità, mhux dejjem ikun ovvju li nkunu nafu tassew il-għala ta’ dak li nkunu qegħdin nagħmlu jew nitolbu. Meta mmur il-quddies, kuljum jew kull nhar ta’ Ħadd, qatt smajt dak il-leħen fija jagħmilli l-istess domanda? “Illum għalfejn ġejt? Xi tridni nagħmillek?” Ikolli nistqarr li kultant, tkun biss id-drawwa u r-rutina tal-ħajja.
U d-domanda ta’ Ġesù, l-istess waħda li kien għamel dakinhar lil dawk it-tnejn, twaqqafni u ġġiegħelni nirrifletti. Jiena għaliex għadni mmur il-knisja? Għaliex nitlob ir-rużarju jew talb ieħor? Jiena għaliex jiena nisrani? Jiena għaliex qed nimxi, jew nipprova nimxi, wara Ġesù?
Ftit mumenti ta’ skiet
Fejn toqgħod, Rabbi?
Is-sitwazzjoni ta’ dawk it-tnejn kienet xi ftit imbarazzanti. Mhux normali li żewġt irġiel isegwu bniedem li ma jafuhx u li qatt ma kienu kellmuh jew iltaqgħu miegħu. Aktarx li kieku jiena kont minflokhom dakinhar, id-domanda ta’ Ġesù kienet tifxilni. Imma huma ma nfixlux. Kienu jafu x’iridu, Anzi kienu jafu lil min iridu, “Mgħallem, fejn toqgħod?” Ġesù fehemhom. “Ejjew u taraw.”
Ġesù, ma jagħtiniex id-direzzjoni jew jurina t-triq, imma jimxi magħna, għaliex huwa Hu, it-Triq. “Ħadd ma jmur għand il-Missier, jekk mhux bija.” Ġw 14:6
Ftit mumenti ta’ skiet
Marru miegħu, raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu.
Ma kienetx deċiżjoni ta’ mument, li wara reġa’ bdielhom minnha. Marru miegħu u baqgħu miegħu. Żmien wara kienu semgħuh jgħid li min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m'huwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla." Lq 9:62. Kienet għalihom twissija serja, li ta’ min jixtarrha sewwa llum ukoll, meta s-soċjetà tant toffrilna għażliet ilellxu. L-Imgħallem ma ridhomx jinqatgħu mid-dinja, imma biss li ma jkunux tagħha. Hekk kien talab għalihom lil Missieru, ftit mumenti qabel beda l-passjoni, “Missier, ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Ġw 17:15
Il-missjoni ta’ kull nisrani, hija hemm barra, fid-dinja. Knisja magħluqa fiha nfisha, mhix dik li xtaqha tkun Kristu. U meta ngħid, “il-Knisja”, qed ninkludi wkoll lili nnifsi, lilek u lil kull min huwa mgħammed.
Ftit mumenti ta’ skiet
Sibna l-Messija.
Indri żgur kien għadu ma fehemx biżżejjed il-konsegwenzi ta' dik il-laqgħa li kien għadu kif kellhom. Forsi fil-ferħ u l-ħeġġa tal-mument lanqas kien intebah li ma kienux huma li sabu lill-Messija, imma kienu l-Messija li sab lilhom.
Kemm spiss jiġrili l-istess! Tfakakrni fil-parabbola Fariżew u l-pubblikan li marru fit-tempju biex jitolbu. Lq 18:9-14. "Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li m'iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan."
Kemm jiena tajjeb hux! Sibt lil Ġesù! Imma meta ħa nintebaħ li mhux jiena sibt lil Ġesù, imma huwa Hu li sab lili. Huwa jħabbatli u jerġa’ jħabbatli. Jiena jeħtieġli biss niftaħlu, u bħal dawk it-tnejn nistaqsih, “Mgħallem fejn toqgħod?”
Ftit mumenti ta’ skiet
U ħadu għand Ġesù.
Kienet Marija li tat l-ewwel pass meta marret b’Ġesù għand Eliżabetta. Minn hemm, biċċa, biċċa, bdiet tintiseġ katina sħiħa. Minn Eliżabetta għal binha Ġwanni fil-ġuf. Minn Ġwanni, issa adult, liż-żewġ dixxipli, “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Wara Ġwanni, ikun Indri, wieħed mit-tnejn, li l-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun u ħadu għand Ġesù. Dakinhar stess, Xmun jirċievi l-missjoni u dik il-komunità ġdida tad-dixxipli tkun mogħtija lil Pietru, il-blata li fuqha l-Mulej ried jibni l-Knisja tiegħu.
Dan kien il-pjan tal-Ħallieq sa mill-bidu nett, jum wara jum. Kollox minsuġ ħolqa ma’ ħolqa. Kollox u kulħadd għandu sehem importanti u responsabiltà komuni. Jiena, illum, naf x'inhija r-responsabiltà tiegħi? Naf lil min irrid immur insib, biex nieħdu għad Ġesù?
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Salm 40:8-9
Hawn jien, ġej... nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."
Ftit mumenti ta’ skiet
Ara wkoll Salm 96:1-3
Għannu lill-Mulej għanja ġdida; għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11
Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem. Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.