3. Ġwanni l-Għammiedi
Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Kien fit-tempju ta’ Ġerusalemm, li l-Mulej kellem lix-xwejjaħ saċerdot, Żakkarija, ir-raġel ta’ Eliżabetta. Imma kien fid-deżert tal-Ġordan li huwa kellem lil binhom, il-profeta żagħżugħ, Ġwanni l-Għammiedi. Alla lest ikellem lil kulħadd u kullimkien. Basta, aħna nkunu lesti nisemgħuh.
U l-poplu kien imur fit-tempju biex joffri sagrifiċċju tal-ħruq, imma kien imur ukoll bi ħġaru, għand Ġwanni fid-deżert, biex ixandrilhom magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet u biex ikunu mgħammda minnu. Alla lilna jkellimna fit-tempju, imma Alla jkellimna wkoll fil-periferiji kollha tas-soċjetà.
L-istess Mulej, li dakinhar kellem lil Żakkarija waqt ir-rit tal-inċens fit-tempju, u li kellem ukoll lil Ġwanni fid-deżert, illum irid ikellem lilek u lili, eżattament fil-post fejn aħna qegħdin bħalissa.
† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. 1Sam 3:9
QARI I
Mill-Evanġelju skont San Ġwann. 1:6-9
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ġwann kien jaf min kien u x’kienet il-missjoni li ġie msejjaħ għaliha. “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. Lq 3:16-17
Ħajjiet Ġwanni ma kinitx ċċentrata fuqu nnifsu, imma fuq dak li kellu jiġi warajh. Stqarr li huwa stess ma kienx jafu, imma kien l-Ispirtu nnifsu li uriehulu. Ġw 1:33
Lest inkun onest miegħi nnifsi, li minkejja kollox, jiena lil Kristu għadni ma nafux u li jrid ikun biss l-Ispirtu s-Santu li jurihuli? Lest nindem jiena wkoll mill-awtoreferenzjalità li taħkimli ħajti biex nibda niskopri l-ħtieġa taċ-ċentralità ta’ Kristu?
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI II
Mill-Evanġelju skont San Ġwann. 1:29-34
L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: "Araw il-Ħaruf ta' Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, 'Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.' Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael." U Ġwanni xehed għalih u qal: "Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, 'Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. Dan rajtu b'għajnejja, u għalhekk xhedt, Dan hu l-Iben ta' Alla."
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.
Huwa l-Ispirtu li ta l-missjoni lil Ġesù. Għalhekk irid ikun l-istess Spirtu li jurina lil Ġesù f’ħajjitna.
Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu, imma dak li bagħtni …
Jiena nafu lil Ġesù? Niftakar iċ-ċirkustanzi tal-ġrajja meta l-Ispirtu laqqani miegħu u għarrafni dwaru?
Ftit mumenti ta’ skiet
QARI III
Mill-Evanġelju skont San Luqa. 3:1-6
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:
‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew. U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla’.
Ftit mumenti ta’ skiet
MEDITAZZJONI
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari …
Alla dejjem kellem lill-bniedem fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja tiegħu. Dan huwa għamlu b’mod meraviljuż meta sar wieħed minna u ġie jgħammar fostna
Meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija …
Kull awtorità, kemm jekk ċivili u kemm jekk reliġjuża bħal ma kienet dik tal-persuni msemmija fis-silta, hija hemm biex taqdi lill-oħrajn. Dan jgħodd ukoll fil-kuntest kollu tal-ħajja personali tagħna, kemm jekk fuq il-post tax-xogħol u kemm jekk fil-familja. Kultant jista’ jiġri li jiena ninsa dan kollu u minflok naqdi, nibda’ naħkem?
Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert
Illum, liema huwa dak il-leħen li hemm jgħajjat fid-deżert ta’ ħajti? Liema huma l-ħofor f’ħajti li jridni nimla, il-ħotob f’ħajti li rrid nbaxxi? Hemm fil-mod ta’ kif qed ngħix, xi mogħdijiet mgħawwġa li jeħtieġ ikunu ddrittati? Hemm xi t-triqat imħarbta li hemm bżonn ikunu mwittija?
Il-mixja ta’ ħajti tista’ ssir pellegrinaġġ tassew, jekk jiena nifli triqti kontinwament u nħalli l-Kelma ta’ Alla tibdilni. Imbagħad, minkejja l-ħofor u l-ħotob kollha, bla ma nintebaħ, jiena wkoll bħal Ġwanni, insir xhud tad-dawl, leħen, mhux li jgħajjat fid-deżert tal-Ġordan, imma f’dak tal-ħajja tiegħi u ta’ ħuti.
Dan għaliex l-Ispirtu ta’ Alla jkellem lil kull bniedem, kemm jekk saċerdot waqt li qiegħed joffri s-sagrifiċċju fit-tempju, kemm jekk żagħżugħ fid-deżert, imħażżem b’libsa tax-xagħar tal-ġemel u bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu. Alla jkellem kemm lil min l-ikel tiegħu hu minn dak offrut lis-saċerdoti fil-maqdes, u kemm lil min jitrejjaq bil-ġradijiet u għasel selvaġġ.
U anke lili u lilek, ikellem l-Ispirtu ta’Alla.
Ftit mumenti ta’ skiet
TALB
Għal dan il-ħin ta’ talb, nistgħu aħna wkoll imbierku lil Alla bil-kantiku li niseġ Żakkarija fit-twelid ta’ ibnu, Ġwanni.
“Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.
Waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu, bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu, biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.
U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem. “ Lq 1:68-79
Ftit mumenti ta’ skiet
KONTEMPLAZZJONI
"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11
Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem. Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.