1.  Marija

Minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?

 

Aktarx li dik ma kinitx l-ewwel darba li Marija żaret lil qaribitha, u forsi wkoll lanqas kienet tal-aħħar.  Madankollu żġur, li dakinhar kien differenti għaliex għall-ewwel darba, hija ġarret magħha lil Ġesù f’ġufha.  Sabiex jiggwidaha kien hemm lill-Ispirtu s-Santu. Bihom u magħhom it-tnejn, il-mixja tagħha tal-ħajja, inbidlet f’pellegrinaġġ – pellegrinaġġ ta’ tama. Kienet tama mhux biss għaliha nfisha, imma wkoll għal dawk kollha li minn dak il-mument kellhom jiltaqgħu magħha, l-ewwel fosthom l-istess Eliżabetta, u magħha wkoll, binha li hija wkoll kienet qed iġġor f’ġufha.

Il-mixja tagħna tal-ħajja tinbidel f’pellegrinaġġ tassew, meta wara li aħna stess inħallu lil Kristu jsir parti minna, imbagħad dakinhar stess, nitilqu biex inlaqqgħuh mal-oħrajn.

Il-Mulej li permezz tal-Arkanġlu Gabriel kellem lit-tfajla, Marija ta’ Nazaret u wrieha li xtaqha tkun omm Ibnu, illum jixtieq ikellem lili u jurini r-rieda tiegħu għalija.

 

† Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.  1Sam 3:9

 

QARI

Mill-Evanġelju skont San Luqa. 1:39-45

F’dawk il-jiem, Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Ftit mumenti ta’ skiet

 

MEDITAZZJONI I

Marija, Omm il-Ħniena

Dik, li f’dak il-mument kellha bżonn min jgħin lilha, qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet biex tgħin lil qaribitha.

§  Tgħid kienet għarfet li l-qaddejja tal-Mulej, ħtieġilha tkun ukoll qaddejja tal-oħrajn?

§  Tgħid kienet intebħet li s-sigriet tal-hena ma kienx f’li tkun moqdi, imma li taqdi?

§  Forsi dik li stqarret li l-Mulej kien għamel magħha ħwejjeġ kbar, ma kienetx lesta li hija wkoll tagħmel xi ħaġa mal-oħrajn?

§  U jiena, llum kemm jiena lest li nagħmel kif għamlet Marija dakinhar? Nagħraf u nistqarr il-ħwejjeġ kbar li għamel miegħi, l-Mulej biex wara nimxi mal-oħrajn, kif mexa miegħi Hu.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

MEDITAZZJONI II

Marija, Omm it-Tama

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu. Għax min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu, m’għandux bżonn jagħmel priedki. Tislima minn għandu tkun biżżejjed.

Dan huwa l-mod kif jaħdem l-Ispirtu. Minn Marija għal Eliżabetta. Mill-omm għal binha fil-ġuf. Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. F’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Din kienet it-tama ta’ Iżrael. Din hija t-tama tal-poplu ta’ Alla, mhux biss għalih innifsu, imma wkoll għal kumplament tal-umanità. Anzi għall-kumplament tal-ħolqien.

Dan huwa l-pellegrinaġġ tat-tama, min nisel għal nisel, minn persuna għall-oħra.  U dawk li jissieħbu f’dan il-pellegrinaġġ tat-tama, isiru huma stess, pellegrini tat-tama, u ħabbara tat-tama.

Din hija s-sejħa tal-Knisja ta’ Kristu, mhux li hija tkun it-tama tal-popli, imma li tkun ħabbara tat-tama. It-tama mhix kunċett astratt x’imkien hemm barra, imma l-persuna ta’ Kristu nnifsu, dak l-istess wieħed li Marija wasslet lil Eliżabetta.

Huwa l-istess Kristu li kellha fiha, u li llum qiegħed fija. Mhux għax jien tajjeb, imma “għaliex Hu ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma kien wiegħed lil missirijietna.”

Wara Kristu nnifsu, l-ewwel pellegrinaġġ tat-tama, għamlitu Marija meta ġarret fiha lil Ġesù.  Huwa biss permezz tiegħu, u miegħu, u bih, li l-mixja ta’ ħajjti tista’ tinbidel f’pellegrinaġġ tassew.

Nemmnu dan? Lest jiena wkoll nibda nwassal lilu u mhux aktar lili nnifsi?

Ftit mumenti ta’ skiet

 

TALB

Għajnuna f’dan il-mument ta’ talb, jista’ jkun il-kantiku ta’ Marija. Ma nikkwotax lilha, imma kliemha nagħmlu tiegħi.  Huwa jiena li bħalissa qed ngħid, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.”  Huwa jiena li qed nistqarr li s-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.

 

Il-Kantiku ta’ Marija. Lq 1:47-55

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.

Ftit mumenti ta’ skiet

 

Hawn ukoll din is-silta minn Salm 13:6

Jien fit-tjieba tiegħek nitma, Mulej.

Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 

U din minn Iżaija 52:7

Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta' min iħabbar il-bxara,

ta' min ixandar is-sliem, ta' min iħabbar ir-riżq, ta' min ixandar is-salvazzjoni,

 

KONTEMPLAZZJONI

"Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” Salm 46:11

Il-kontemplazzjoni hija differenti ħafna mill-meditazzjoni, għaliex fiha aħna nkunu mistiedna nistrieħu fil-preżenza tal-Mulej. Spiss niftakar fid-dixxiplu l-maħbub, b’rasu mistrieħa fuq sider Ġesù. F’dan ħin, jiena mhu qed ngħidlu xejn, u anke hu, jidher li mhu qed jgħidli xejn. Imma f’din il-ħemda tant profonda, dak li hu għaddej bejnietna, ma tistax tfissru bil-kliem.  Għalhekk, issa huwa l-mument li niskot.