Il-Papa Franġisku — f’intervista
esklussiva minn Austen
Ivereigh għal The
Tablet — l-ewwel
pubblikazzjoni tiegħu fir-Renju
Unit — jgħid li dan ir-Randan u
Żmien l-Għid straordinarji
jistgħu jkunu mumenti ta’
kreattività u konverżjoni
għall-Knisja, għad-dinja, u
għall-kreazzjoni kollha.
Din hija verżjoni mqassra
tat-test sħiħ, kif preżentata
minn The Tablet u Catholic
Voices u publikat bil-Malti minn
Newsbook fil-11 ta' April 2020.
Fir-ritratt,
Austen
Ivereigh jidher qed
jgħin fil-quddiesa tal-Papa
Franġisku f'Dar Santa Marta.
Lejn l-aħħar ta’ Marzu,
issuġġerejt lill-Papa Franġisku
li dan jista’ jkun mument tajjeb
biex jindirizza lid-dinja
Anglofona: il-pandemija li tant
kienet affettwat l-Italja u
Spanja issa kienet riesqa fuq
ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u
l-Awstralja. Mingħajr ma wiegħed
xejn, talabni nibgħat xi
mistoqsijiet. Jiena għażilt sitt
temi, kull waħda b’serje ta’
mistoqsijiet li seta’ jagħżel li
jwieġeb jew le skont kif iħoss
xieraq. Ġimgħa wara, irċevejt
komunikazzjoni li kien
irreġistra xi riflessjonijiet bi
tweġiba għall-mistoqsijiet. L-intervista
saret bl-Ispanjol; It-traduzzjoni
hija tiegħi.
1. L-ewwel mistoqsija kienet
dwar kif kien qed jesperjenza l-pandemija
u l-lock-down, kemm fir-residenza
Santa Marta kif ukoll l-amministrazzjoni
tal-Vatikan (“il-Kurja”) b’mod
usa’, kemm prattikament u kemm
b’mod spiritwali.
Il-Papa Franġisku: Il-Kurja
qed tipprova tkompli bil-ħidma
tagħha, u tgħix normalment,
billi torganizza ruħha
f’xiftijiet tant li mhux kulħadd
ikun preżenti fl-istess ħin.
Ġiet maħsuba sew. Qed
nirrispettaw il-miżuri ordnati
mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Hawnhekk fir-residenza ta’ Santa
Marta issa għandna żewġ
xiftijiet għall-ikliet, li jgħin
ħafna biex itaffi l-impatt.
Kulħadd jaħdem fl-uffiċċju
tiegħu jew mill-kamra tiegħu,
bl-użu tat-teknoloġija. Kull
persuna qed taħdem; hawnhekk
m’hawnx min qed jitlajja.
Kif qed ngħix dan il-mument
spiritwalment? Qed nitlob iktar,
għaliex hekk inħoss li għandi
nagħmel. Meta naħseb fin-nies
inħossni kkonsagrat, jagħmilli
tajjeb, ma nibqax moħħi fija
nnifsi. Ovvjament għandi l-oqsma
tiegħi ta’ egoiżmu. Nhar ta’
Tlieta jiġi l-konfessur tiegħi,
u nieħu ħsieb ta’ l-affarijiet
hemm.
Qed naħseb dwar
ir-responsabbiltajiet tiegħi
issa, u dak li se jiġi wara.
X’se jkun is-servizz tiegħi
bħala l-Isqof ta’ Ruma, bħala
kap tal-Knisja, wara dan? Dawk
il-konsegwenzi traġiċi u
diffiċli qed jibdew jiġu żvelati,
u huwa għalhekk li rridu naħsbu
dwarhom issa. Id-Dikasteru
tal-Vatikan għall-Promozzjoni ta’
l-Iżvilupp Uman Integrali qed
jaħdem fuq dan, u qed jiltaqa’
miegħi.
It-tħassib ewlieni tiegħi —
għall-inqas dak li ġej mit-talb
tiegħi — huwa kif għandi
nakkumpanja u nkun eqreb
il-poplu ta’ Alla. Għalhekk, l-istreamjar
‘live’ tal-quddiesa tas-7 a.m. (jien
niċċelebraha kull filgħodu) li
ħafna nies isegwu u japprezzaw,
kif ukoll l-indirizzi li tajt, u
l-avveniment tal-27 ta’ Marzu fi
Pjazza San Pietru. Għalhekk,
ukoll, iż-żieda fl-attivitajiet
ta’ l-uffiċċju tal-karità tal-Papa,
li jieħu ħsieb il-morda u dawk
bil-ġuħ.
Qed ngħix dan iż-żmien bħala
waqt ta’ inċertezza kbira. Wasal
iż-żmien għall-invenzjoni,
għall-kreattività.
2. Fit-tieni mistoqsija tiegħi,
irreferejt għar-rumanz tas-seklu
dsatax tant għal qalb il-Papa
Franġisku, li huwa semma dan l-aħħar:
I Promessi Sposi ta’ Alessandro
Manzoni. Ir-rumanz idur mal-pesta
ta’ Milan tal-1630. Hemm diversi
karattri li huma saċerdoti:
il-kurat beżżiegħ Don Abbondio,
l-isqof cardinal qaddis Borromeo,
u l-patrijiet Kapuċċini li
jservu fil-Lazzarett, tip ta’
sptar fejn dawk infettati huma
sseparati b’mod riġoruż minn
dawk f’saħħithom. Fid-dawl tar-rumanz,
il-Papa Franġisku kif kien jara
l-missjoni tal-Knisja
fil-kuntest ta’ Covid-19?
Il-Papa Franġisku: Il-Kardinal
Federigo [Borromeo] verament
huwa eroj tal-pesta ta’ Milan.
Madankollu, f’wieħed mill-kapitoli,
huwa jmur biex jagħti merħba lil
villaġġ iżda bil-tieqa
tal-karozzella tiegħu magħluqa
biex jipproteġi lilu nnifsu. Dan
ma niżilx tajjeb man-nies. Il-poplu
ta’ Alla għandu bżonn ragħaj
miegħu biex ikun viċin tiegħu,
li ma jipproteġix lilu nnifsu
żżejjed. Il-poplu ta’ Alla
jeħtieġ li r-rgħajja tagħhom li
jkunu lesti jissagrifikaw lilhom
infushom, bħall-Kapuċċini, li
baqgħu qrib.
Il-kreattività tan-Nisrani
teħtieġ li tintwera fil-ftuħ ta’
orizzonti ġodda, il-ftuħ ta’
twieqi, il-ftuħ ta’ traxxendenza
lejn Alla u lejn in-nies, u l-ħolqien
ta’ modi ġodda ta’ kif wieħed
ikun id-dar. Mhuwiex faċli li
tkun imsakkar f’darek. Dak li
jiġi f’moħħi huwa vers mill-Enejde
f’nofs it-telfa: il-parir
mhuwiex li taqta’ qalbek, iżda
biex issalva lilek innifsek għal
żminijiet aħjar, għax f’dawk
iż-żminijiet meta niftakru minn
xiex għaddejna, dak se jgħinna.
Ħudu ħsieb tagħkom infuskom għal
futur li se jiġi. U f’dak
il-ġejjieni, li tiftakar f’dak
li ġara jagħmillek tajjeb.
Ħu ħsieb tal-preżent, f’ġieħ
il-ġejjieni. Dejjem b’mod
kreattiv, bi kreattività
sempliċi, li kapaċi tivvinta xi
ħaġa ġdida kuljum. F’darna mhux
diffiċli tiskopri dan
il-kreattività, iżda taħrabx,
tintilifx f’eskepjiżmu, li f’dan
iż-żmien m’għandekx bżonnu.
3. It-tielet mistoqsija tiegħi
kienet dwar il-politiki
tal-gvernijiet b’reazzjoni
għall-kriżi. Filwaqt li l-kwarantina
tal-popolazzjoni hija sinjal li
xi gvernijiet huma lesti
jissagrifikaw il-benesseri
ekonomiku b’risq persuni
vulnerabbli, issuġġerejtlu li
dan kien ukoll qed jesponi
livelli ta’ esklużjoni li qabel
kienu kkonsidrati bħala normali
u aċċettabbli.
Il-Papa Franġisku: Huwa
minnu li għadd ta’ gvernijiet
ħadu miżuri eżemplari biex
jiddefendu l-popolazzjoni abbażi
ta’ prijoritajiet ċari. Iżda qed
nirrealizzaw li l-ħsieb tagħna,
irridu jew ma rridux, idur
madwar l-ekonomija. Fid-dinja
tal-finanzi kienet ħaġa normali
li tissagrifika l-poplu, biex
tipprattika politika tal-kultura
tal-iskart, mill-bidu sal-aħħar
tal-ħajja. Qed naħseb,
pereżempju, dwar is-selezzjoni
ta’ qabel it-twelid. Dawn
il-ġranet tassew mhux tas-soltu
biex niltaqgħu ma’ nies
bis-sindromu ta’ Down fit-triq.
Meta dawn jiġu skoperti waqt it-tqala,
jintremew. Din hija kultura
tal-ewtanasja, legali jew
moħbija, li fiha l-anzjani
jingħataw medikazzjoni iżda biss
sa ċertu punt.
Tiġini f’moħħi l-enċiklika tal-Papa
Pawlu VI Humanae Vitae. Il-kontroversja
kbira f’dak iż-żmien kienet fuq
il-pillola [kontraċettiva], iżda
li ma rrealizzawx in-nies kienet
il-forza profetika tal-enċiklika,
li pprevediet in-neo-Maltusjaniżmu
li kien għadu kemm beda madwar
id-dinja. Pawlu VI qajjem l-allarm
fuq dik il-mewġa ta’ Neo-Maltusjaniżmu.
Narawh fil-mod kif jintgħażlu n-nies
skont l-utilità jew
il-produttività tagħhom:
il-kultura tal-iskart.
Bħalissa, min hu bla dar għadu
bla dar. Deher ritratt ftit ilu
ta’ parkeġġ f’Las Vegas fejn
daħħlu l-kwarantina. U l-lukandi
kienu vojta. Iżda n-nies bla dar
ma jistgħux imorru f’lukanda.
Dik hija l-kultura tal-iskart
fil-prattika.
4.
Kont kurjuż biex inkun naf jekk
il-Papa rax il-kriżi u d-devastazzjoni
ekonomika li se tħalli warajh
bħala opportunità għal
konverżjoni ekoloġika, għal
bidla fil-prijoritajiet u stili
ta’ ħajja. Staqsejtu b’mod
konkret jekk kienx possibbli li
fil-ġejjieni naraw ekonomija li
— biex nuża l-kliem tiegħu —
kienet aktar “umana” u inqas “likwida”.
Il-Papa Franġisku: Hemm
espressjoni bl-Ispanjol: “Alla
dejjem jaħfer, aħna naħfru xi
drabi, iżda n-natura ma taħfer
qatt.” Ma nweġbux
għall-katastrofi parzjali. Min
issa jitkellem dwar in-nirien
fl-Awstralja, jew jiftakar li
18-il xahar ilu bastiment seta’
jaqsam il-Pol tat-Tramuntana
għax li l-glaċieri kienu nħallu
kollha? Min jitkellem issa dwar
l-għargħar? Ma nafx jekk dawn
humiex il-vendetta tan-natura,
iżda ċertament dawn huma t-tweġibiet
tan-natura.
Għandna memorja selettiva.
Nixtieq nieqaf ftit fuq dan il-punt.
Stagħġibt fis-sebgħin
anniversarju tal-kommemorazzjoni
tal-iżbarki fin-Normandija, li
attendew għaliha persuni fl-ogħla
livelli tal-kultura u l-politika.
Kienet ċelebrazzjoni kbira. Huwa
minnu li dan l-anniversarju kien
il-bidu ta’ tmiem id-dittatorjat,
iżda ħadd ma deher li qed
jfakkar fl-10,000 ġuvni li
baqgħu fuq din il-bajja.
Meta mort Redipuglia għal għeluq
il-mitt sena tal-Ewwel Gwerra
Dinjija rajt monument sabiħ u
ismijiet imnaqqxa fuq ġebla,
iżda daqshekk. Bkejt, jien u
niftakar fil-frażi ta’ Benedittu
XV “massakru bla sens”, u l-istess
ġrali f’Anzio f’Jum l-Erwieħ
kollha, jien u naħseb f’dawk is-suldati
kollha Nord Amerikani midfuna
hemmhekk, li kull wieħed minnhom
kellu familja, u kif kull wieħed
minnhom seta’ kien jien.
F’dan iż-żmien meta fl-Ewropa
qed nibdew nisimgħu diskorsi
populisti u qed naraw
deċiżjonijiet politiċi ta’ dan
it-tip selettiv, trid jew ma
tridx tiftakar fid-diskorsi ta’
Hitler tal-1933, li ma kinux
tant differenti minn uħud mid-diskorsi
ta’ xi politiċi Ewropej ta’ issa.
Jiġini f’rasi vers ieħor ta’
Virġilju: “forsi għad jasal
il-jum meta jkun tajjeb li
wieħed jiftakar f’dawn l-affarijiet
ukoll”. Irridu nirkupraw
il-memorja tagħna għaliex se
tkun il-memorja li se tgħinna.
Din m’hijiex l-ewwel pandemija
tal-umanità; L-oħrajn saru
sempliċement aneddoti. Jeħtieġ
li niftakru fl-għeruq tagħna,
it-tradizzjoni tagħna miżgħuda
b’memorji. Fl-Eżerċizzji ta’
Sant Injazju, l-Ewwel Ġimgħa,
kif ukoll il-“Kontemplazzjoni
kif tikseb l-Imħabba” fir-Raba’
Ġimgħa, huma kompletament meħuda
bl-att tal-memorja. Din hija
konverżjoni li sseħħ permezz
tal-att al-memorja.
Din il-kriżi qed taffettwa lilna
lkoll, sinjuri u foqra, u qed
tixħet dawl fuq l-ipokrisija.
Ninsab imħasseb bl-ipokrisija ta’
ċerti personalitajiet politiċi
li jitkellmu dwar il-bżonn li
naffaċċjaw din il-kriżi,
tal-problema tal-ġuħ fid-dinja,
iżda li sadanittant
jimmanifatturaw l-armi. Dan huwa
żmien ta’ konverżjoni minn din
it-tip ta’ ipokrisija funzjonali.
Dan huwa żmien ta’ integrità.
Jew aħna koerenti fit-twemmin
tagħna jew nitilfu kollox.
Qed issaqsini dwar
il-konverżjoni. Kull kriżi fiha
kemm il-periklu kif ukoll l-opportunità:
l-opportunità li noħorġu mill-periklu.
Illum nemmen li għandna nnaqqsu
r-rata ta’ produzzjoni u konsum
tagħna (Laudato Si’, 191) u biex
nitgħallmu nifhmu u
nikkontemplaw id-dinja naturali.
Jeħtieġ li jkollna rabta mill-ġdid
mal-ambjent reali tagħna. Din
hija l-opportunità għal
konverżjoni.
Iva, jien nara sinjali bikrija
ta’ ekonomija li hija inqas
likwida, aktar umana. Iżda ejja
ma nitilfux il-memorja tagħna
ladarba dan kollu jkun fl-imgħoddi,
ejja ma npoġġuhiex fil-ġenb u
mmorru lura fejn konna. Dan huwa
ż-żmien biex jittieħed il-pass
deċiżiv, biex nimxu mill-użu u
l-użu ħażin tan-natura,
għall-kontemplazzjoni tagħha.
Tlifna d-dimensjoni
kontemplattiva; Irridu nerġgħu
nakkwistawha f’dan iż-żmien.
Waqt li kien qed nitkellem dwar
il-kontemplazzjoni, nixtieq
nisħaq fuq punt wieħed. Dan huwa
l-mument fejn tassew nagħrfu
lill-foqra. Ġesù jgħid li se
jkollna l-foqra magħna dejjem, u
dan huwa minnu. Dawn huma realtà
li ma nistgħux ninnegaw. Iżda l-foqra
huma moħbija għaliex il-faqar
huwa mistħi. Dan l-aħħar f’Ruma,
f’nofs il-kwarantina, wieħed
pulizija qal lil raġel: “Ma
tistax toqgħod fit-triq, trid
tmur id-dar.” It-tweġiba kienet:
“M’għandix dar. jien ngħix fit-triq.”
Li niskopru numru tant kbir ta’
nies li jgħixu fil-marġini
tas-soċjetà… U ma narawhomx,
għaliex il-faqar huwa mistħi.
Dawn qegħdin hemm iżda ma
nagħrfuhomx: Saru parti mill-pajsaġġ;
saru oġġetti.
Santa Tereża ta’ Kalkutta
għarfithom, u kellha l-kuraġġ
timbarka fuq vjaġġ ta’
konverżjoni. Li “naraw” il-fqar
ifisser li nirrestawraw l-umanità
tagħhom. Mhumiex oġġetti,
mhumiex żibel; huma bnedmin. Ma
nistgħux nikkuntentaw irwieħna
b’politika soċjali bħalma
għandna għall-annimali li jiġu
salvati. Ħafna drabi nittrattaw
il-fqar bħal dawn l-annimali. Ma
nistgħux nikkuntentaw irwieħna
b’politika soċjali parzjali.
Se nazzarda noffri parir. Wasal
iż-żmien li mmorru taħt l-art.
Qed naħseb dwar in-novella
qasira ta’ Dostoyvsky, ‘Noti
minn Taħt l-Art’. L-impjegati ta’
dak l-isptar tal-ħabs tant kienu
xrafu li kienu jittrattaw
lill-imsejknin priġunieri bħala
oġġetti. U meta jara l-mod kif
ittrattaw wieħed li kien għadu
kemm miet, dak li kien fuq is-sodda
ħdejh jgħidilhom: “Biżżejjed! Hu
wkoll kellu omm!” Għandna ngħidu
lilna nfusna dan ta’ spiss: dak
l-imsejken kellu omm li rabbietu
b’għożża. Aktar tard f’ħajjithom,
ma nafux x’ġara. Iżda ta’ min
niftakru fl-imħabba li darba
rċieva permezz tat-tama ta’ ommu.
Aħna nneżżgħu lill-foqra minn
kull poter. Ma nagħtuhomx id-dritt
li joħolmu b’ommijiethom. Ma
jkunux jafu x’inhi l-imħabba;
ħafna jgħixu fuq id-drogi. U
meta narawhom nistgħu nerġgħu
niskopru l-miżerikordja, il-pietas,
li tipponta lejn Alla u lejn
il-ġar tagħna.
Inżel taħt l-art, u għaddi minn
dinja iper-virtwali u bla ġisem,
għall-ġisem magħdur bit-tbatija
tal-fqir. Din hija l-konverżjoni
li rridu ngħaddu minnha. U jekk
ma nibdewx minn hawn, mhux se
jkun hemm konverżjoni.
Qed naħseb f’dan il-ħin
fil-qaddisin li jgħixu maġenbna.
Huma eroj: it-tobba,
il-voluntiera, is-sorijiet,
il-qassisin, il-ħaddiema
tal-ħwienet — kollha jaqdu
dmirijiethom sabiex is-soċjetà
tkun tista’ tkompli taħdem. Kemm
mietu tobba u infermiera! Kemm
mietu sorijiet! Kollha waqt li
qed jaqdu…, niftakar xi ħaġa li
qal il-ħajjât, fil-fehma tiegħi
wieħed mill-karattri bl-ikbar
integrità fil-Promessi Sposi.
Dan qal: “Il-Mulej ma jħallix l-mirakli
nofs leħja.” Jekk nintebħu
bil-miraklu tal-qaddisin li
jgħixu maġenbna, jekk nistgħu
nimxu fuq il-passi tagħhom,
il-miraklu se jintemm sew,
għall-ġid ta’ kulħadd. Alla ma
tħallix l-affarijiet f’nofs triq.
Dak aħna nagħmluh.
Dak li qed ngħixu llum huwa l-ispazju
ta’ Metanoja (konverżjoni), u
għandna l-opportunità li nibdew.
Mela ejja ma nħalluhiex
tiżżerżaq minn idejna, u ejja
nimxu ‘l quddiem.
5. Il-ħames mistoqsija tiegħi
kienet tiffoka fuq l-effetti
tal-kriżi fuq il-Knisja, u l-ħtieġa
li naħsbu mill-ġdid dwar
il-ħidma tagħna. Jara li joħroġ
minn dan Knisja li hija aktar
missjunarja, aktar kreattiva,
anqas marbuta mal-istituzzjonijiet?
Qed naraw tip ġdid ta’ “knisja
domestika”?
Il-Papa Franġisku: Inqas
marbuta mal-istituzzjonijiet?
Iktar ngħid li inqas marbuta ma’
ċerti modi ta’ ħsieb. Għax
il-Knisja hija istituzzjoni. It-tentazzjoni
hija li ssir ħolma ta’ knisja
deistituzzjonalizzata, knisja
gnostika mingħajr
istituzzjonijiet, jew waħda li
hija soġġetta għal
istituzzjonijiet fissi, li tkun
Knisja Pelaġjana. Huwa l-Ispirtu
s-Santu li jagħmel il-Knisja, li
la hu gnostiku u l-anqas
Pelaġjan. Huwa l-iSpirtu s-Santu
li jistituzzjonalizza, b’mod
alternattiv u kumplimentari,
il-Knisja, minħabba li l-Ispirtu
s-Santu jipprovoka d-diżordni
permezz tal-kariżmi, iżda
mbagħad minn din id-diżordni
joħloq l-armonija.
Knisja li hija ħielsa m’hijiex
knisja anarkika, għaliex
il-libertà hija rigal ta’ Alla.
Knisja istituzzjonali tfisser
Knisja li hija
istituzzjonalizzata mill-iSpirtu
s-Santu.
Tensjoni bejn id-diżordni u l-armonija:
Din hija l-Knisja li trid toħroġ
mill-kriżi. Irridu nitgħallmu
ngħixu fi Knisja li teżisti fit-tensjoni
bejn l-armonija u d-diżordni
pprovokat mill-Ispirtu s-Santu.
Jekk tistaqsini liema ktieb tat-teoloġija
jista’ jgħinek tifhem aħjar dan,
dan ikun l-Atti tal-Appostli.
Hemmhekk se tara kif l-Ispirtu
s-Santu jiddeistituzzjonalizza
dak li m’għadux ta’ siwi, u
jistituzzjonalizza l-ġejjieni
tal-Knisja. Din hija l-Knisja li
għandha bżonn toħroġ mill-kriżi.
Xi ġimgħa ilu ċempilli isqof
Taljan, kemxejn imħawwad. Kien
qed idur mal-isptarijiet biex
jagħti l-assoluzjoni lil dawk
fis-swali mill-intrata
tal-isptar. Iżda kien tkellem
ma’ xi avukati kanoniċì li kienu
qalulu li ma setax, għax l-assoluzzjoni
setgħet tingħata biss f’kuntatt
dirett. “X’taħseb, Papa?” kien
talabni. Għedtlu “Isqof, wettaq
id-dmir saċerdotali.” u l-Isqof
qalli: ”Grazzi, fhimtek”. Iktar
tard, skoprejt li kien qiegħed
jagħti l-assoluzzjoni kullimkien.
Din hija l-libertà tal-Ispirtu
f’nofs kriżi, u mhux il-Knisja
magħluqa fl-istituzzjonijiet.
Dan ma jfissirx li l-liġi
kanonika mhijiex importanti: hi
importanti, u tgħin, u ejja
nagħmlu użu tajjeb minnha, għax
tagħmel il-ġid. Iżda l-aħħar
klawżola tgħid li l-liġi
kanonika kollha qiegħda hemm
biex issalva l-erwieħ. Dak hu li
jiftaħ il-bieb meta nkunu
f’diffikultà biex inwasslu l-konsolazzjoni
ta’ Alla.
Qed tistaqsini dwar “Knisja
domestika”. Irridu nirrispondu
għall-għeluq fi djarna
bil-kreattività kollha tagħna.
Nistgħu jew naqgħu f’depressjoni
jew naljenaw irwieħna — permezz
tal-mezzi tax-xandir li jistgħu
jeħdulna lil hinn mir-realtà
tagħna — jew nistgħu insiru l-kreattivi.
Fid-dar għandna bżonn ta’
kreattività appostolika,
kreattività mingħajr tant
affarijiet inutli, iżda b’xenqa
li nesprimu l-fiduċja tagħna
fis-sens ta’ komunità, bħala
poplu ta’ Alla. Għalhekk: Li
noqogħdu msakkrin ġewwa, imma
b’xewqa qawwija, bil-memorja li
tixxennaq u tiġġenera t-tama —
dan huwa li se jgħinna naħarbu
mill-iżolament li ninsabu fih
issa.
6 Fl-aħħar nett, saqsejt lill-Papa
Franġisku kif qegħdin nissejħu
biex ngħixu dan il-Randan u
żmien l-Għid straordinarji.
Staqsejt jekk kellux messaġġ
partikolari għall-anzjani li
kienu qed jiżolaw lilhom
infushom, għal żgħażagħ
imsakkrin ġewwa, u għal dawk li
qed jiffaċċjaw il-faqar bħala
riżultat tal-kriżi.
Il-Papa Franġisku: Inti
titkellem dwar l-anzjani iżolati:
is-solitudni u d-distanza. Kemm
hemm anzjani li t-tfal tagħhom
ma jmorrux iżuruhom fi żminijiet
normali! Fi Buenos Aires,
niftakar meta kont inżur id-djar
tal-anzjani u kont nistaqsihom:
u kif inhi l-familja tiegħek?
Tajjeb, tajjeb! Jiġu? Iva,
dejjem! Imbagħad l-infermiera
kienet toħodni fil-ġenb u
tgħidli li t-tfal kienu ilhom ma
jarawhom sitt xhur. Solitudni u
abbandun … distanza.
Madankollu, l-anzjani jibqgħu l-għeruq
tagħna. U jridu jitkellmu
maż-żgħażagħ. Din it-tensjoni
bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani
għandha dejjem tissolva fl-inkontru
ta’ bejniethom. Għax iż-żgħażagħ
huwa nwar u weraq torja, imma
mingħajr għeruq ma jistgħux
jagħtu l-frott. L-anzjani huma
l-għeruq. Kieku llum ngħidilhom:
naf li tħossu li l-mewt hija
qrib, u qed tibżgħu, iżda dawru
ħarsitkom, ftakru f’uliedkom, u
tiqfux toħolmu. Dan huwa dak li
qed jitlobkom Alla: li toħolmu
(Joel 3: 1).
Xi ngħid kieku liż-żgħażagħ?
Għandu jkollkom il-kuraġġ li
tħarsu ‘l quddiem, u li tkunu
profetiċi. Jalla l-ħolma
tal-anzjani jaqbel mal-profeziji
tagħkom — Joel 3:1 ukoll.
Dawk li ftaqqru mill-kriżi huma
l-imċaħħda ta’ dan iż-żmien, li
huma miżjuda mal-għadd ta’
persuni mċaħħda ta’ kull żmien,
irġiel u nisa li l-istat tagħhom
huwa mċaħħdin”. Tilfu kollox,
jew ser jitilfu kollox. Xi
tfisser din it-telfa għalija,
fid-dawl tal-Vanġelu? Tfisser li
tidħol fid-dinja ta’ min hu
fil-bżonn, li tifhem li min
kellu, issa m’għandu xejn. Dak
li nitlob min-nies huwa li
jindukraw lix-xjuħ u ż-żgħażagħ,
li jindukraw l-istorja, li
jindukraw lil min m’għandu xejn.
Niftakar f’vers ieħor ta’
Virġilju, fl-aħħar tat-Tieni
Ktieb tal-Enejde, meta Enea,
wara t-telfa ta’Troy, tilef
kollox. Quddiemu kellu żewġ
mogħdijiet: li jibqa’ hemm
jitbekka u jtemm ħajtu, jew li
segwi dak li kellu f’qalbu, li
jmur sal-muntanja u jħalli l-gwerra
warajh. Vers mill-isbaħ. “Ċedejt
lid-destin u, b’missieri fuq
spallejja, tlaqt lejn
il-muntanja”.
Dan huwa dak li għandna nagħmlu
issa, illum: li nieħdu magħna l-għeruq
tat-tradizzjonijiet tagħna, u
nitilqu lejn il-muntanja.