Laikos

 

Aktar dwar il-Madonna


 

Il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu

 

 

ORIĠINI, TIFSIRA U PUNTI PRATTIĊI

Il-Labtu tal-Karmnu huwa wieħed mis-simboli l-kbar ta' l-ispiritwalità karmelitana. Minn fejn ġie u x'tifsira għandu dan is-simbolu? Biex nifhmu aħjar, nagħtu daqqa t'għajn lejn in-natura proprja tal-labtu fl-ambjent storiku u teoloġiku.

1. L-Oriġini tal-Labtu

Sa mis-seklu tlieta, mal-bidu tal-monastiċiżmu, kienet użanza komuni li dawk li jiddeċiedu li jagħtu ħajjithom għall-imħabba ta' Kristu jilbsu lbies speċjali li jfisser id-dmirijiet tal-ħajja li għażlu. Dan l-ilbies kien għalihom sinjal ħaj li huma mhumiex aktar tad-dinja imma ta' Kristu. Il-labtu kien parti minn dan l-ilbies użat minn ħafna Ordnijiet reliġjużi.

Fiż-Żminijiet tan-Nofs, meta l-monastiċiżmu u l-Ordnijiet mendikanti żviluppaw ruħhom aħjar, minħabba l-influss tas-sistema fewdali, l-għamla tal-libsa kienet tfisser ukoll rabta bilaterali bejn is-sid u l-qaddej. F'din is-sistema l-foqra kienu jintefgħu b'ruħhom u ġisimhom għall-qadi ta' l-għonja, filwaqt li dawn, min-naħa tagħhom kienu jaħsbulhom għall-għixien u jaqbżu għalihom. Imma qabel ma wieħed kien jidħol biex jagħmel parti minn din is-sistema, kienet issir bħal speċi ta' ċerimonja, il-wegħda min-naħa l-waħda u l-għotja ta' libsa min-naħa l-oħra. Lil min kien iwiegħed f'riġlejh li lest li jaqdih f'kollox, is-sid kien jagħtih libsa, bħal speċi ta' uniformi, li kienet tagħżlu u turi lil liema sid jappartieni. Din iċ-ċerimonja ntirtet mill-Ordnijiet religjużi. Huma l-voti li jagħmlu n-novizzi f'riġlejn is-superjur quddiem l-artal u l-libsa jew it-tonka li hu jagħtihom. Il-libsa sservi biex tagħżel u tipproteġi lil min jissieħeb f'dak l-Ordni u fl-istess ħin tfakkar u turi li hu mogħti kollu kemm hu lill-Mulej.

Id-devozzjoni tal-Karmelitani lejn il-Madonna tal-Labtu bdiet fl-Ingilterra fi tmiem is-seklu tlettax meta l-Ordni kien għaddej minn persekuzzjoni qalila. Imma Marija, il-Patruna, dejjem daħlet għall-għeżież tagħha, u lill-Karmelitani għenithom joħorġu rebbieħa fuq dawk li riedu jagħmlulhom il-ħsara. Għalhekk, bir-raġun kollu li l-Karmelitani ma sabuhiex bi tqila li jemmnu fid-dehra ta' Marija lil San Xmun Stock meta l-Ordni, imdawwar minn tant tfixkil, kien donnu f'xifer il-qerda tiegħu. It-tradizzjoni tirrakkonta li San Xmun Stock, waqt li b'qalbu magħfusa u kollu ħeġġa kien qiegħed jitlob l-għajnuna lill-Madonna għall-Ordni bit-talba tal-Flos Carmeli (Fjur tal-Karmelu), Marija dehritlu u qaltlu li l-Labtu kellu jkun is-sinjal tal-ħelsien tagħhom mit-tiġrib. Kien att ta' protezzjoni tal-Patruna tagħhom, li lilha kienu ddedikaw l-Ordni u lilhom infushom. U ladarba l-libsa kienet ir-rahan ta' l-għixien u l-protezzjoni li s-sid jew il-patrun kien jagħti lill-qaddejja tiegħu, hekk huma emmnu li permezz tal-libsa mqaddsa tagħhom, il-Labtu, Marija toħroġhom rebbieħa. Għaldaqstant il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huwa l-libsa mqaddsa ta' Ordni reliġjuż, l-Ordni Karmelitan, li juri r-rabta li tgħaddi bejn Marija u dawk li jilbsuh.

2. Il-konsagrazzjoni tagħna lill-Madonna

Id-devozzjoni lejn il-Labtu tal-Karmnu xterdet mhux biss fost il-patrijiet Karmelitani imma wkoll fost ħafna nsara, hekk li twaqqfu bosta Konfraternitajiet tal-Karmnu u ħafna knejjes ġew iddedikati lill-Madonna tal-Karmnu.

Kull nisrani huwa msejjaħ biex ikun qaddis. Kulħadd hu mitlub minn Ġesù Kristu biex ikun tajjeb u perfett: "Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet." Niksbu l-perfezzjoni jekk kemm-il darba aħna ngħixu bir-reqqa kollha fl-imħabba ta' Alla, billi nimitaw bil-fedeltà u l-ġenerozità kollha lil Ġesù Kristu. Hu t-triq, il-verità u l-ħajja, u ħadd ma jista' jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu (Ġw 14,6). Ġesù mexa fit-triq taċ-ċaħda u tas-salib, imma l-qofol tal-ħidma tiegħu kien jikkonsisti fir-rabta tiegħu mar-rieda ta' Alla l-Missier: "Jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu", "Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi."

Wara Kristu, il-Madonna hi l-aqwa mudell tal-qdusija. Hi twassalna għand Ġesù billi turina fil-prattika li aħna wkoll, bħalha, nistgħu nagħmlu dak li ordnalna Binha. Il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huwa wieħed mis-sagramentali tal-Knisja li jgħin lin-nisrani jimxi wara Kristu, għax permezz tal-Labtu n-nisrani jidħol f'relazzjoni speċjali ma' Marija. Hija relazzjoni li għandha l-karattru ta' konsagrazzjoni, għax permezz tal-Labtu n-nisrani jibda jagħmel parti minn Ordni religjuż "dedikat", jiġifieri "ikkonsagrat" lilha sa mit-twaqqif tiegħu. Għaldaqstant il-konsagrazzjoni lil Marija tfisser li wieħed iwiegħed li jagħmel ħiltu biex jimxi fuq l-eżempju tagħha, mera tal-qdusija ta' Alla, speċjalment fl-imħabba tagħha lejn il-proxxmu, fit-talb bla heda u fir-rabta qawwija tagħha mar-rieda ta' Alla.

Meta wieħed jilbes il-Labtu jew il-libsa ta' Ordni reliġjuż ifisser li jrid jimxi fuq l-eżempju u jilħaq l-għan ta' l-istess Ordni. Għaldaqstant min jidħol jagħmel parti mill-Familja Karmelitana permezz tal-Labtu mqaddes ifisser li jrid jaqbad triq speċjali li twasslu biex jilħaq l-għan li għalih twaqqaf l-Ordni Karmelitan. Hawn ta' min izid li permezz ta' din l-għazla n-nisrani jidħol għall-ispiritwalità kollha kemm hi ta' l-Ordni u mhux biss għall-aspett marjan, li mhux ħaġa oħra għajr aspett wieħed tal-kristoċentriżmu Karmelitan. L-att ta' konsagrazzjoni huwa l-impenn l-aktar għoli ta' fedeltà li jsir lil Alla, u li wieħed jidħol għalih permezz ta' Marija għandu garanzija kbira li ser jirnexxielu.

L-att tal-konsagrazzjoni jsir fil-vestizzjoni, jiġifieri f'dak il-waqt li n-nisrani jirċievi għall-ewwel darba l-Labtu tal-Madonna tal-Karmelu. Meta mbagħad iġibu fuqu, kif suppost jagħmel, huwa juri quddiem kulħadd li għandu rabta specjali ma' Marija. Fl-istess waqt ifakkru li huwa mogħti lill-Madonna u jappartieni lilha fi ħdan il-Familja Karmelitana.

3. Punti prattiċi dwar il-Labtu

• Id-devozzjoni lejn il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu hija devozzjoni approvata mill-Knisja għal aktar minn seba' mitt sena.
• Min jinkiteb fil-Labtu, jinkiteb darba biss minn saċerdot.
• Wara l-kitba fil-Labtu, minflok l-Labtu tad-drapp, wieħed jista' jilbes domna li fuq naħa waħda jkollha x-xbieha tal-Qalb ta' Ġesu' u fuq in-naħa l-oħra x-xbieha tal-Madonna.
• Il-Labtu jistedinna biex ngħixu ta' veri nsara skond ma jitlob minna l-Evanġelju, biex nircievu s-sagramenti u nistqarru d-devozzjoni speċjali tagħna lejn il-Verġni Mbierka billi:
- ngħixu b'qalbna miftuħa għal Alla u għar-rieda tiegħu murija fil-ġrajjiet tal-ħajja,
- nisimgħu l-Kelma ta' Alla fil-Kotba Mqaddsa u fil-ħajja ta' kuljum, nemmnuha u nagħmlu dak li titlobna,
- nishru bla waqfien fit-talb biex insibu 'l Alla preżenti fil-ġrajjiet kollha,
- ngħixu qrib ħutna fil-bżonn u naqbżu għalihom.

 

AC