ITTRA
ENĊIKLIKA
UT UNUM SINT
TAL-PAPA
ĠWANN PAWLU II
DWAR
L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU
15 ta' Mejju 1995
Ħajr lil Myriam Buttigieg tal-għajnuna
tagħha fir-reviżjoni tat-test
Malti. |
ITTRA
ENĊIKLIKA
UT UNUM SINT
TAL-PAPA ĠWANN PAWLU II
DWAR L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU
DAĦLA
1. UT
UNUM SINT
– Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda.
Is-sejħa għall-għaqda tal-Insara
li l-Konċilju Vatikan II għamel
b’impenn hekk ħerqan qed issib
tweġiba dejjem aktar qawwija fi
qlub dawk li jemmnu, speċjalment
issa li qed toqrob dejjem iżjed
is-sena 2000, sena li l-Insara
se jiċċelebraw bħala Ġublew
imqaddes, b’tifkira
tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’
Alla li sar bniedem biex isalva
l-ġens kollu tal-bnedmin.
Ix-xhieda qalbiena ta’ tant
martri ta’ żmienna, li fosthom
hemm ukoll il-membri tal-Knejjes
u tal-Komunitajiet Ekklesjali li
mhumiex f’xirka sħiħa mal-Knisja
Kattolika, tagħti qawwa ġdida
lis-sejħa tal-Konċilju u
tfakkarna li hu dmirna nagħtu
widen u nagħmlu bil-fatti dak li
ħeġġiġna għalih. Dawn ħutna,
magħqudin magħna, bl-offerta ta’
ħajjithom għas-Saltna ta’ Alla,
huma l-prova l-aktar qawwija li
kull ħaġa li ġabet il-firda
tista’ tingħeleb u tintrebaħ
fl-għoti sħiħ tiegħek innifsek
f’ġieħ l-Evanġelju.
Kristu qiegħed isejjaħ
għall-għaqda d-dixxipli kollha
tiegħu,
ix-xewqa kbira tiegħi llum hi li
nġedded din is-sejħa, u
nipproponiha mill-ġdid
b’determinazzjoni sħiħa, billi
ntenni dak li għidt fil-Kolossew
ta’ Ruma nhar il-Ġimgħa Mqaddsa
1994, fi tmiem il-meditazzjoni
tal-Via Crucis,
meditazzjoni mħejjija
mill-Venerabbli Hija Bartilmew,
Patrijarka Ekumeniku ta’
Kostantinopli. Hemm għidt li
dawk li jemmu fi Kristu,
magħqudin flimkien fil-mixi
tagħhom wara l-martri, ma jistax
ikun li jibqgħu mifrudin minn
xulxin. Jekk tassew iridu
bil-fatti jmorru kontra
t-tendenza tad-dinja li ġġib
fix-xejn il-Misteru tal-Fidwa,
għandhom flimkien
jistqarru l-istess verità dwar
is-Salib.
Is-Salib! Fehma kontra
l-Kristjaneżmu trid iġġib
fix-xejn is-Salib, tneħħilu
t-tifsir kollu tiegħu, tiċħad li
fih il-bniedem għandu l-għeruq
ta’ ħajja ġdida. Din il-fehma
tippretendi li s-Salib la jista’
jagħti prospetti u lanqas
tamiet. Il-bniedem, skont din
il-fehma, mhuwiex ħlief esseri
tal-art, li għandu jgħix qisu
m’hemmx Alla.
2. Kulħadd jagħraf li din hi
sfida għal kull min jemmen. U
dawn ma jistgħux ma
jaċċettawhiex. Kif jistgħu ma
jaċċettawx li jagħmlu kull ma
jista’ jkun, bl-għajnuna ta’
Alla, ħa jġarrfu l-ħitan
tal-firda u ta’ suspetti,
jegħlbu t-tfixkil u
l-preġudizzji li qed iżommu
t-tħabbira tal-Evanġelju
tas-salvazzjoni fis-Salib ta’
Ġesù, il-Feddej waħdieni
tal-bniedem, ta’ kull individwu?
Inrodd ħajr lill-Mulej għaliex
mexxiena ’l quddiem fit-triq
tal-għaqda u tax-xirka bejn
l-Insara, triq iebsa iżda
mimlija ferħ. Id-djalogu
interkonfessjonali fuq livell
teoloġiku ta riżultati pożittivi
li jista’ jarahom kulħadd: dan
iqawwilna qalbna biex nimxu ’l
quddiem.
Iżda barra d-differenzi
duttrinali li jridu jiġu
maħlulin, l-Insara ma jistgħu ma
jqisux sewwa t-toqol tas-suspetti
li wiritna mill-imgħoddi, u tan-nuqqas
ta’ ftehim u ta’
preġudizzji li hemm
bejnietna. Sodisfatti bina
nfusna, indifferenti u neqsin
mill-għarfien ta’ xulxin
spiss nagħmlu agħar din
il-qagħda. Għalhekk l-impenn
favur l-ekumeniżmu irid jimbena
fuq il-konverżjoni tal-qlub u
fuq it-talb, li jwassal wkoll
għat-tisfija meħtieġa
tat-tifkiriet tal-imgħoddi.
Bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu,
id-dixxipli tal-Mulej, ispirati
mill-imħabba, mill-qawwa
tal-verità u minn xewqa sinċiera
għall-maħfra ta’ xulxin u
għar-rikonċiljazzjoni, huma
msejħin biex jerġgħu
jeżaminaw flimkien l-imgħoddi
kollu niket tagħhom, dan
l-imgħoddi li għadu jweġġa’ llum
ukoll. Il-qawwa dejjem ġdida
tal-Evanġelju qed issirilhom
biex jagħrfu flimkien
sinċerament u b’mod oġġettiv
l-iżbalji li saru u l-fatturi
l-oħra kollha li wasslu għal
dawn il-firdiet tassew ta’ min
jistmerrhom. Dan li hu
meħtieġ hi ħarsa ħienja, ċara,
skont il-verità, ħarsa
mqawwija mill-ħniena ta’ Alla u
kapaċi tagħmel ħielsa l-fehmiet
tan-nies, u tispira f’kull
wieħed rieda ġdida, propju
bil-ħsieb li jixxandar
l-Evanġelju lill-irġiel u
lin-nisa ta’ kull poplu u
nazzjon.
3. Fil-Konċilju Vatikan II,
il-Knisja Kattolika mpenjat
ruħha, b’mod li ma tistax
terġa’ lura minn dan
l-impenn tagħha, li timxi
fit-triq tal-ekumeniżmu, u hekk
tagħti widen għall-Ispirtu
tal-Mulej, li jgħallem lin-nies
jaqraw sewwa s-“sinjali
taż-żminijiet”. L-esperjenzi
ta’ dawn l-aħħar snin wasslu
lill-Knisja biex tagħraf aktar
fil-fond x’inhi l-identità
tagħha u l-missjoni tagħha
fl-istorja. Il-Knisja Kattolika
tagħraf u tistqarr
id-dgħufija ta’ wliedha, taf
li dnubiethom huma tant u tant
ċaħdiet u tfixkil ħa jseħħ
il-pjan tal-Feddej. Għax hi
tħoss li hija bla heda msejħa
biex tiġġedded fl-ispirtu
tal-Evanġelju, ma tieqaf qatt
milli tagħmel penitenza.
Fl-istess waqt, tagħraf u
tgħolli dejjem aktar il-qawwa
tal-Mulej, li jimlieha
bid-don tal-qdusija, imexxiha ’l
quddiem, u jagħmilha xebħ
mal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu.
Mgħallma mill-ġrajjiet
tal-istorja tagħha, il-Knisja hi
mpenjata li teħles lilha nfisha
minn kull għajnuna kollha kemm
hi tal-bniedem, biex tgħożż
għal kollox il-liġi Evanġelika
tal-Beatitudnijiet. Għaliex taf
li l-verità ma timponix ruħha
“jekk mhux bil-qawwa tagħha
stess, hija u fl-istess waqt
tidħol fil-moħħ bil-kwiet u
bil-qawwa”,
ma tfittix għaliha xejn ħlief li
tkun tista’ b’mod ħieles tħabbar
l-Evanġelju. Fil-fatt hi
tħaddem l-awtorità tagħha
għall-qadi tal-verità u
tal-imħabba.
Jien
stess għandi l-ħsieb li
nġib
il-quddiem kull
inizjattiva adatta biex
ix-xhieda tal-komunità Kattolika
kollha kemm hi tiftiehem
fis-safa u l-koerenza kollha
tagħha, speċjalment meta nqis
l-impenn li qed jistenna
lill-Knisja fuq l-għatba
tat-tielet elf sena. Din tkun
okkażjoni eċċezzjonali u
għalhekk qed titlob lill-Mulej
biex ikabbar l-għaqda tal-Insara
kollha sakemm jilħqu xirka sħiħa
bejniethom.
Din l-enċiklika għandha titqies
bħala kontribut għal dan
il-ħsieb hekk nobbli. Hi
enċiklika essenzjalment
pastorali u trid tqawwi l-qalb
ta’ dawk kollha li qed jaħdmu
favur l-għaqda.
4. Dan hu dmir speċifiku
tal-Isqof ta’ Ruma, bħala
Suċċessur tal-Appostlu San
Pietru. Qed naqdi dan id-dmir
b’konvinzjoni sħiħa li hekk qed
nobdi lill-Mulej u b’sens ċar
ħafna tad-dgħufija tiegħi. Jekk
Kristu nnifsu ta lil Pietru din
il-missjoni speċjali fil-Knisja
biex iwettaq lil
ħutu,
urieħ ċar ukoll
id-dgħufija tiegħu bħala
bniedem, u l-ħtieġa speċjali li
jikkonverti: “Meta terġa’ lura
għas-sewwa, wettaq lil ħutek”
(Lq 22:32). Hu propju
fid-dgħufija ta’ San Pietru
bħala bniedem, li l-Papa, biex
jaqdi dan il-ministeru speċjali
tiegħu fil-Knisja, jiddependi
għal kollox mill-grazzja
tal-Mulej u mit-talb: “Jien
tlabt għalik, biex il-fidi
tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq
22:32). Il-konverżjoni ta’ San
Pietru u tas-Suċċessur tiegħu hi
mwettqa mit-talba stess
tal-Feddej, u l-Knisja bla heda
tagħmel tagħha din it-talba.
F’dan iż-żmien ekumeniku tagħna,
immarkat mill-Konċilju Vatikan
II, il-missjoni tal-Isqof ta’
Ruma hi b’mod partikulari
diretta biex tfakkar il-ħtieġa
ta’ għaqda sħiħa bejn
id-dixxipli kollha ta’ Kristu.
L-isqof ta’ Ruma nnifsu għandu
bil-ħeġġa kollha jagħmel tiegħu
t-talba ta’ Kristu għal din
il-konverżjoni, li “Pietru” ma
jistax jgħaddi mingħajrha, jekk
irid jaqdi lil ħutu. Bil-ħeġġa
kollha nistieden lill-Insara
tal-Knisja Kattolika u l-Insara
kollha biex jissieħbu f’din
it-talba. Jalla kulħadd
jissieħeb miegħi fit-talb għal
din il-konverżjoni.
Nafu li l-Knisja
fil-pellegrinaġġ tagħha
fid-dinja ġarrbet u għad
iġġarrab oppożizzjoni u
persekuzzjoni, iżda t-tama li
twettaqha hi soda fuq li soda
kif il-ferħ li jiġi minn din
it-tama ma jinqered qatt. Dan
għaliex il-blata li fuqha hi
mibnija hu Ġesù Kristu Sidna u
hi soda u tibqa’ għal dejjem.
KAP I
L-IMPENN TAL-KNISJA KATTOLIKA
FL-EKUMENIŻMU
Il-pjan ta’ Alla u l-għaqda
5. Flimkien mad-dixxipli kollha
ta’ Kristu, il-Knisja Kattolika
tibni l-impenn tagħha ħa twassal
l-Insara kollha għall-għaqda
skont il-pjan ta’ Alla. Dan
għaliex il-Knisja mhijiex xi
realtà li tingħalaq fiha
nnifisha.
Anzi
hi dejjem miftuħa għall-ħidma
missjunarja u ekumenika, għax
intbagħtet fid-dinja biex
tħabbar u tagħti xhieda, biex
twassal u xxerred il-misteru
tal-għaqda li hu essenzjali
għaliha, u biex tiġbor
il-bnedmin kollha u kull ħaġa fi
Kristu, ħalli tkun għal kulħadd
“sagrament ta’ għaqda li qatt ma
tiġi fix-xejn”.
Sa mit-Testment il-Qadim,
il-profeta Eżekjel, huwa u
jsemmi l-qagħda tal-Poplu ta’
Alla f’dak iż-żmien, jagħmel użu
mill-eżempju sempliċi ta’ żewġ
injamiet, l-ewwel mifrudin minn
xulxin u mbagħad magħqudin
bejniethom, biex ifisser
ir-rieda ta’ Alla li “jiġbor
minn kull naħa” l-membri
tal-poplu tiegħu li kienu
xterdu. “Jiena nkun Alla
tagħhom u huma jkunu l-poplu
tiegħi. Imbagħad jagħarfu
l-ġnus li jiena l-Mulej li
nqaddes lil Israel” (ara Eżek
37:16-28). L-Evanġelju ta’ San
Ġwann, min-naħa tiegħu, huwa u
jqis il-qagħda tal-Poplu ta’
Alla fiż-żmien li fih inkiteb,
jara fil-mewt ta’ Ġesù r-raguni
tal-għaqda ta’ wlied Alla.
“Ġesù kellu jmut għall-ġens
kollu, u mhux għall-ġens tiegħu
biss, imma wkoll biex jiġbor
ġemgħa waħda l-ulied Alla li
kienu mxerrdin” (11:51-52).
Fil-fatt, kif tfisser l-Ittra
lill-Efesin, Ġesù “ġarraf
il-ħajt li kien jifridna...
permezz tas-Salib li bih qered
il-mibegħda ta’ bejnietna”; fejn
kien hemm il-firda, ġieb
l-għaqda (ara, 2:14-16).
6. L-għaqda tal-ġens mifrud
tal-bnedmin iridha Alla.
Għalhekk bagħat ’l Ibnu biex
bil-mewt u l-qawmien tiegħu
għalina jagħtina l-Ispirtu
tal-imħabba. Lejlet
is-sagrifiċċju tiegħu fuq
is-Salib, Ġesù talab
lill-Missier għad-dixxipli
tiegħu u għal dawk kollha li
jemmnu fih, biex ikunu
ħaġa waħda, għaqda ħajja.
Dan hu l-pedament mhux biss
tad-dmir imma wkoll
tar-responsabbilità, quddiem
Alla, quddiem il-pjan tiegħu,
ta’ dawk kollha li
bil-Magħmudija saru membri
tal-Ġisem ta’ Kristu, Ġisem li
fih trid tidher il-milja
tar-rikonċiljazzjoni u
l-għaqda. Kif jista’ jkun li
nibqgħu mifrudin, aħna li
bil-Magħmudja “ndfinna” fil-mewt
tal-Mulej, f’dak l-għemil stess
li bih Alla, bil-mewt ta’ Ibnu,
ġarraf il-ħitan tal-firda?
Il-firda tmur “direttament
kontra r-rieda ta’ Alla, hi
skandlu għad-dinja, u hi ta’
ħsara kbira għat-tħabbira
mqaddsa tal-Bxara t-Tajba
lill-ħolqien kollu”.
It-triq tal-ekumeniżmu: it-triq
tal-Knisja
7. “Is-Sid taż-żminijiet kollha
bl-għerf u s-sabar kollu jfassal
il-pjan tal-grazzja tiegħu
għalina l-midinbin. F’dawn
l-aħħar żminijiet, b’id aktar
miftuħa, beda jagħti sogħba
lill-Insara mifrudin minħabba
l-firdiet tagħhom u ħerqa
għall-għaqda. Kullimkien għadd
kbir ta’ nies ħassew il-qawwa
ta’ din il-grazzja, u fost ħutna
l-mifrudin ukoll minn jum
għall-ieħor qed jikber
moviment, imqanqal
mill-grazzja tal-Ispirtu
s-Santu, biex terġa sseħħ
l-għaqda bejn l-Insara kollha.
Huma mseħbin f’dan il-moviment,
imsejjaħ ekumeniku, dawk kollha
li jitolbu ’l Alla wieħed fi
Tliet Persuni, u jistqarru li
Ġesù hu Mulej u Salvatur.
Jissieħbu magħna mhux biss bħala
individwi imma wkoll bħala
membri u gruppi kostitwiti, fejn
jisimgħu l-Evanġelju, u kull
wieħed iqishom bħala l-Knisja
tiegħu u l-Knisja wkoll ta’
Alla. U madankollu tista’ tgħid
kulħadd, għalkemm mhux bl-istess
mod, jixtieq li jkun hemm
Knisja waħda ta’ Alla li tidher,
Knisja verament universali,
mibgħuta fid-dinja kollha biex
id-dinja ddur lejn l-Evanġelju u
ssalva, għall-glorja ta’ Alla.”
8. Kliem id-Digriet Unitatis
Redintegratio jrid jinqara
skont il-ħsieb kollu tat-tagħlim
tal-Konċilju Vatikan II.
Il-Konċilju juri d-deċiżjoni
tal-Knisja li tindaħal
għall-ħidma ekumenika biex iġġib
l-għaqda bejn l-Insara u
tipproponiha b’konvinzjoni u
qawwa. “Il-Konċilju mqaddes
iħeġġeġ lill-fidili Kattoliċi
kollha biex jagħrfu s-sinjali
taż-żminijiet u jissieħbu
b’ħeġġa fil-ħidma
tal-ekumeniżmu”.
Id-Digriet Unitatis
Redintegratio, meta juri
liema huma l-prinċipji Kattoliċi
tal-ekumeniżmu, ifakkar qabel
kollox, it-tagħlim tal-Knisja
kif hu mfisser fil-Kostituzzjoni
Dommatika Lumen Gentium
fil-kapitlu dwar il-Poplu ta’
Alla.
Fl-istess waqt iqis ukoll kull
ma ntqal fid-Dikjarazzjoni
tal-Konċilju dwar il-Libertà
Reliġjuża Dignitatis Humanae.
Il-Knisja Kattolika tħaddan
bit-tama l-impenn
għall-ekumeniżmu bħala dmir
tal-kuxjenza nisranija, mdawwla
bil-fidi u mmexxija
mill-imħabba. Hawn ukoll
nistgħu nużaw kliem San Pawl
lill-ewwel Insara ta’ Ruma:
“L-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi
qlubna permezz tal-Ispirtu
s-Santu, li kien mogħti lilna”,
għalhekk “it-tama ma tqarraqx
bina” (Rum 5:5). Hi t-tama
tal-għaqda tal-Insara li għandha
l-bidu tagħha fl-għaqda
tat-Trinità Qaddisa tal-Missier,
tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
9. Ġesù nnifsu, fil-ħin
tal-Passjoni tiegħu, talab: “Ha
jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:
21). Din l-għaqda li l-Mulej ta
lill-Knisja tiegħu u li biha
jrid iħaddan il-ġnus kollha,
mhijiex xi ħaġa żejda, imma hi
fil-qalba tal-missjoni ta’
Kristu. U lanqas hi xi kwalità
sekondarja tal-komunità
tad-dixxipli tiegħu, imma hi
parti essenzjali ta’ din
il-komunità. Alla jrid
il-Knisja, għax irid l-għaqda, u
l-għaqda hija l-espressjoni
l-aktar għolja tal-agape
tiegħu.
Fil-fatt, l-għaqda mogħtija
mill-Ispirtu s-Santu mhijiex
biss ġemgħa ta’ nies miġburin
flimkien bħala individwi. Hija
għaqda li sseħħ bir-rabtiet
tal-istqarrija tal-fidi,
tas-sagramenti, u tax-xirka
ġerarkika.
L-Insara huma ħaġa waħda
għaliex, fl-Ispirtu, huma f’għaqda
mal-Iben, u fih għandhom sehem
fl-għaqda tiegħu
mal-Missier:
“L-għaqda tagħna tkun
mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù
Kristu” (1 Gw 1:3).
Għall-Knisja Kattolika mela, l-għaqda
tal-Insara mhijiex ħlief
id-dehra fihom tal-grazzja li
biha Alla jagħtihom sehem fl-għaqda
tiegħu li hi l-ħajja ta’ dejjem
tiegħu. Kliem Kristu, “ha jkunu
lkoll ħaġa waħda”, hu għalhekk
talba lill-Missier biex il-pjan
tal-Missier iseħħ kollu kemm hu,
b’mod li kulħadd ikun jista’
jara “il-pjan tal-misteru li
kien moħbi sa minn mijiet ta’
snin f’Alla li ħalaq kollox” (Ef
3:9). Temmen fi Kristu jfisser
tixtieq l-għaqda: tixtieq
l-għaqda jfisser tixtieq
il-Knisja; tixtieq il-Knisja
jfisser tixtieq ix-xirka
tal-grazzja li hi l-pjan ta’
Alla minn dejjem ta’ dejjem.
Dan tfisser it-talba ta’
Kristu: ut umun sint.
10. Fil-qagħda ta’ llum,
bin-nuqqas tal-għaqda bejn
l-Insara u t-tħabrik kollu tama
ha sseħħ għaqda sħiħa, l-Insara
Kattoliċi jħossu li s-Sid
tal-Knisja qed jimpenjaha
bil-qawwa kollha. Il-Konċilju
Vatikan II saħħaħ dan l-impenn
permezz ta’ dehra ekkleżjoloġika
ċara, miftuħa għall-valuri
Ekkleżjali kollha li jinsabu
fost l-Insara l-oħra. L-Insara
Kattoliċi jħarsu lejn
il-kwistjoni ekumenika bi spirtu
ta’ fidi. Il-Konċilju jgħid li
l-Knisja ta’ Kristu “issib
il-milja tagħha fil-Knisja
Kattolika mmexxija mis-Suċċessur
ta’ San Pietru u mill-Isqfijiet
f’xirka miegħu” u fl-istess waqt
tagħraf li “ħafna elementi ta’
qdusija u ta’ verità jinsabu
barra l-istruttura visibbli
tagħha: dawn l-elementi bħala
doni tal-Knisja ta’ Kristu,
iwasslu għall-għaqda fil-Knisja
Kattolika”.
“Minn dan joħroġ li l-Knejjes u
l-Komunitajiet mifrudin minna,
għalkemm aħna nemmu li huma
mġarrbin minn xi nuqqasijiet,
bl-ebda mod ma ġew imċaħħdin
mit-tifsir u s-siwi tagħhom
fil-misteru tas-salvazzjoni.
Għax l-Ispirtu ta’ Kristu ma
ċaħadx jużahom bħala mezzi ta’
salvazzjoni, li jiksbu l-qawwa
kollha tagħhom mill-milja
tal-grazzja u tal-verità fdata
lill-Knisja Kattolika”.
11. Għalhekk il-Knisja
Kattolika ttenni li tul l-elfejn
sena tal-istorja tagħha żammet
l-għaqda, bil-mezzi kollha li
bihom Alla jogħġbu jagħni
l-Knisja tiegħu, u dan minkejja
l-kriżijiet spiss kbar li
ġarrbuha, l-infedeltà ta’ xi
whud mill-ministri tagħha, u
l-ħtijiet li fihom jaqgħu kuljum
il-membri tagħha. Il-Knisja
Kattolika taf li, bil-qawwa li
tiġi mill-Ispirtu, id-dgħufija
tagħha, il-medjokrità,
id-dnubiet u xi drabi
t-tradimenti ta’ xi wħud minn
uliedha ma jistgħu qatt jeqirdu
dak li Alla taha bħala parti
mill-pjan tiegħu ta’ grazzja.
“Is-setgħat tal-infern ma
jegħelbuhiex” (Mt 16:18).
Madankollu, il-Knisja Kattolika
ma tinsiex li ħafna fost
il-membri tagħha qed idallmu
l-pjan ta’ Alla. Id-Digriet
dwar l-Ekumeniżmu, meta
jitkellem dwar in-nuqqas ta’
għaqda fost l-Insara ma jiċħadx
li l-ħtija hi ta’ “nies miż-żewġ
naħat”,
u jammetti li r-responsabbiltà
tal-firda m’għandhiex taqa’ fuq
“l-oħrajn” biss. Iżda,
bil-grazzja ta’ Alla, la dak li
hu parti mill-istruttura
tal-Knisja ta’ Kristu u lanqas
ix-xirka li għad hemm
mal-Knejjes u mal-Komunitajiet
Ekkleżjali l-oħra ma nqerdux.
Anzi l-elementi ta’ qdusija u
ta’ verità li jinsabu
fil-Komunitajiet Insara l-oħra,
elementi li jvarjaw fil-grad
minn Komunità għall-oħra, huma
l-pedament oġġettiv tal-għaqda
li, għalkemm mhux perfetta,
teżisti bejniethom u mal-Knisja
Kattolika.
Il-Knisja ta’ Kristu hi
effettivament preżenti
fil-Komunitajiet Insara l-oħra,
daqskemm jinsabu fihom dawn
l-elementi. Hu għalhekk li
l-Konċilju Vatikan II jitkellem
dwar ċerta għaqda, għalkemm mhux
perfetta. Il-Kostituzzjoni
Dommastika Lumen Gentium
tinsisti li l-Knisja Kattolika
“tagħraf li hi marbuta b’ħafna
modi”
ma’ dawk il-Komunitajiet
b’għaqda fl-Ispirtu s-Santu.
12. Din l-istess Kostituzzjoni
Dommatika semmiet fit-tul
“l-elementi ta’ qdusija u ta’
verità” li b’ħafna modi jinsabu
u qed jaħdmu barra l-limiti
tal-Knisja Kattolika. “Għax
hemm ħafna li jagħtu ġieħ
lill-Iskrittura Mqaddsa u
jqisuha bħala norma ta’ twemmin
u ta’ ħajja, u juru vera ħeġġa
reliġjuża. Jemmnu b’imħabba
fil-Missier Alla li jista’
kollox u fi Kristu, l-Iben ta’
Alla u Salvatur. Huma
kkonsagrati bil-Magħmudija li
biha huma magħqudin ma’ Kristu.
Jagħarfu u jirċievu sagramenti
oħra fi ħdan il-Knejjes jew
Komunitajiet Ekkleżjali
tagħhom. Ħafna minnhom jifirħu
fl-episkopat, jiċċelebraw
l-Ewkaristija, jgħożżu
d-devozzjoni lejn il-Verġni Omm
Alla. Hemm għaqda magħna
fit-talb u f’ġid spiritwali
ieħor. Nistgħu ngħidu wkoll li
huma marbutin magħna fl-Ispirtu,
għax lilhom ukoll jagħti d-doni
u l-grazzji tiegħu, u hekk qed
jaħdem fosthom bil-qawwa tiegħu
li tqaddes. Lil xi wħud minnhom
qawwihom tant li xerrdu
demmhom. Fid-dixxipli kollha
ta’ Kristu l-Ispirtu jqanqal
ix-xewqa biex jingħaqdu
fis-sliem flimkien, kif Kristu
jrid, bħal merħla waħda taħt
ragħaj wieħed”.
Id-Digriet tal-Konċilju dwar
l-Ekumeniżmu, meta tkellem dwar
lill-Knejjes Ortodossi, wasal
biex jgħid li “permezz
taċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull
waħda minn dawn il-Knejjes,
il-Knisja ta’ Alla tinbena u
tikber”.
Il-verità titlob li dan kollu
jkun magħruf.
13. L-istess dokument
Unitatis Redintegratio juri
fil-qosor x’tifsir għandha din
l-għaqda għad-duttrina. Meta
jitkellem dwar il-membri ta’
dawn il-Komunitajiet jgħid:
“Dawk li kisbu l-ġustifikazzjoni
bil-fidi permezz tal-Magħmudija,
saru ġisem wieħed ma’ Kristu.
Għandhom għalhekk id-dritt li
jissejħu Insara u, bir-raġun
kollu għandhom jitqiesu bħala
aħwa fil-Mulej minn ulied
il-Knisja Kattolika”.
Dwar il-ħafna elementi pożitivi
li jinsabu fil-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali
l-oħra, id-Digriet iżid jgħid:
“Dan kollu, kull ma jiġi minn
Kristu u jwassal lura
lejh,
hu bid-dritt kollu tal-Knisja
waħda ta’ Kristu. L-aħwa
mifrudin ukoll jagħmlu mhux ftit
għemejjel mqaddsa tar-reliġjon
Nisranija. Hu żgur li dawn
l-għemejjel, li, jvarjaw skont
il-qagħda ta’ kull Knisja u
Kommunità, jistgħu jnisslu
l-ħajja tal-grazzja u bir-raġun
kollu nistgħu ngħidu li kapaċi
jagħtu d-dħul fix-xirka
tas-salvazzjoni”.
Dawn huma siltiet ekumeniċi
importanti ħafna. Ma hemmx xi
vojt ekkleżjali barra l-limiti
tal-komunità Kattolika. Ħafna
elementi ta’ siwi kbir li
fil-Knisja Kattolika huma parti
mill-milja ta’ mezzi ta’
salvazzjoni u tad-doni
tal-grazzja li jagħmlu l-Knisja,
insibuhom ukoll fil-Komunitajiet
Insara l-oħra.
14. Dawn l-elementi minnhom
infushom jiġbdu lejn l-għaqda,
għax fl-għaqda tinsab il-milja
kollha tagħhom. Hawn mhux
ngħoddu l-għana kollu li jinsab
imxerred fil-ħafna Komunitajiet
Insara biex naslu għal dik
il-Knisja tal-ġejjieni li Alla
għandu fi ħsiebu. Skont
it-Tradizzjoni kbira, li tagħha
huma xhieda Missirijiet
il-Knisja tal-Lvant u
tal-Punent, il-Knisja Kattolika
temmen li fil-ġrajja ta’ Għid
il-Ħamsin, Alla ġa wera l-Knsija
fir-realtà eskatoliġika tagħha,
li hu ħejja “sa minn żmien Abel,
il-ġust”.
Din ir-realtà hi ħaġa li ġa ġiet
mogħtija. Għalhekk issa ġa
qegħdin fl-aħħar żminijiet.
Dawn l-elementi ta’ din
il-Knisja li ġa ġew mogħtija
jinsabu fil-milja kollha tagħhom
fil-Knisja Kattolika u mingħajr
din il-milja, fil-Komunitajiet
l-oħra,
fejn ċerti aspetti tal-misteru
nisrani xi drabi dehru b’mod
aktar effikaċi. L-għan
tal-ekumeniżmu hu propju dak li
jwassal għall-għaqda sħiħa
fil-verità u l-imħabba, l-għaqda
parzjali li ġa teżisti bejn
l-Insara.
Tiġdid u konverżjoni
15. Il-Konċilju Vatikan II,
wara li semma’ l-prinċipju u
d-dmirijiet tal-kuxjenza
Nisranija, għadda biex isemmi
l-mixi tal-ekumeniżmu lejn
l-għaqda. U nsista l-aktar
fuq il-ħtieġa tal-konverżjoni
tal-qalb. It-tħabbira
messjanika li ż-żmien huwa
mitmum u s-Saltna ta’ Alla
waslet, u mbagħad is-sejħa ta’
wara: “Indmu u emmnu fil-Bxara
t-Tajba” (Mk 1:15), li biha Ġesù
beda l-missjoni tiegħu, juru
liema hu l-element essenzjali
ta’ kull bidu ġdid: il-ħtieġa
fundamentali
tal-evanġelizzazzjoni f’kull
pass tal-mixja tas-salvazzjoni
tal-Knisja. Dan b’mod speċjali
hu veru għall-proċess mibdi
mill-Konċilju Vatikan II meta
wera, bħala dimensjoni
għat-tiġdid, il-ħidma ekumenika
għall-għaqda tal-Insara
mifrudin. “Ma jistax ikun
hemm veru ekumeniżmu
mingħajr bidla fil-qlub”.
Il-Konċilju jistieden kemm
għall-konverżjoni individwali u
kemm għall-konverżjoni
komunitarja. Ix-xewqa ta’ kull
Komunità Nisranija għall-għaqda
trid tmur id f’id mal-fedeltà
tagħha lejn l-Evanġelju.
Fil-każ ta’ individwi li qed
jgħixu l-vokazzjoni Nisranija
tagħhom, il-Konċilju jitkellem
dwar konverżjoni tal-qalb, dwar
tiġdid fil-fehmiet.
Mela kull individwu jrid ikun
konvertit b’mod aktar radikali
għall-Evanġelju, u jbiddel
il-mod kif iħares lejn kull
ħaġa, mingħajr qatt ma jinsa
l-pjan ta’ Alla. Permezz
tal-ekumeniżmu,
il-kontemplazzjoni tagħna
“tal-għemejjel kbar ta’ Alla
“stagħniet b’orizzonti ġodda, li
għalihom Alla wieħed fi Tliet
Persuni qed jistedinna nroddu
ħajr: l-għarfien li l-Ispirtu
qed jaħdem f’Komunitajiet Insara
oħra, l-iskoperta ta’ eżempji
ta’ qdusija, l-esperjenza
tal-għana bla qies li tinsab
fix-xirka tal-Qaddisin, u
l-kuntatti ma’ dimensjonijiet
ta’ mpenn Nisrani li ma kinux
mistennija. Min-naħa l-oħra,
hemm sentiment dejjem akbar
tal-ħtieġa tal-indiema:
l-għarfien ta’ ċertu twarrib li
jagħmel ħsara sewwa lill-imħabba
bejn l-aħwa, ċerti ċaħdiet ta’
maħfra, ċerta suppervja,
insistenza xejn evanġelika biex
tiġi kkundannata “n-naħa
l-oħra”, stmerrija ġejja minn
prużunżjoni li ma hi xejn
sabiħa. Hekk, il-ħajja kollha
kemm hi tal-Insara tingħaraf
minn ħerqa għall-ekumeniżmu, u
huma msejħin, biex ngħid hekk,
ħa jiġu ffurmati minnha.
16. Fit-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II hemm rabta ċara bejn
tiġdid, ekumeniżmu u riforma.
Il-Konċilju jgħid li “qed
isejjaħ lill-Knisja,
fil-pellegrinaġġ tagħha
fid-dinja, għal dak it-tiġdid
dejjem sejjer u dejjem meħtieġ,
għax hi istituzzjoni ta’ bnedmin
hawn fuq l-art. Għalhekk, jekk
xi ħwejjeġ ma tħarsux bir-reqqa
kollha... dawn għandhom jiġu
korretti sewwa u meta jkun
il-waqt”.
Ebda Komunità Nisranija ma
tista’ tħoss li mhux imsejħa
għal dan.
Permezz ta’ djalogu sinċier u
ħieles il-Komunitajiet jistgħu
jgħinu biex jagħarfu ’l xulxin
fid-dawl tat-Tradizzjoni
tal-Appostli. Din twassalhom
biex jistaqsu lilhom infushom
jekk tassew humiex ifissru sewwa
kull mal-Ispirtu Qaddis
għaddielna permezz tal-Appostli.
Dwar il-Knisja Kattolika jien
fakkart spiss dawn il-ħtiġijiet
u dawn il-prospetti, kif
għamilt, biex insemmi eżempju,
fl-anniversarju tal-Magħmudija
tar-Rus ta’ Kiev
jew meta fakkart il-ħdax-il mitt
sena mill-ħidma evanġelika ta’
San Ċirillu u San Metodju.
Aktar qrib illum id-Direttorju
għall-applikazzjoni
tal-Prinċipji u n-Normi dwar
l-Ekumeniżmu, ħareġ,
bl-approvazzjoni tiegħi,
mill-Kunsill Pontifiċju biex
iġġib il-quddiem l-Għaqda
tal-Insara ħalli dawn
il-ħtiġijiet u dawn il-prospetti
jseħħu fit-prattika.
17. Dwar l-Insara l-oħra
d-dokumenti ewlenin
tal-Kummissjoni dwar Fidi u
Xirka,
u d-dikjarazzjonijiet li ħarġu
minn ħafna djalogi bilaterali ġa
taw lill-Komunitajiet Insara
għodda mill-aħjar biex jagħarfu
dak li hu meħtieġ għall-moviment
ekumeniku u għall-konverżjoni li
għandu jħajjar għaliha. Dawn
l-istudji huma importanti għal
żewġ raġunijiet: juru
x’progress kbir sar u huma għajn
ta’ tama għaliex juru pedament
sod għal aktar studju u studju
aktar fil-fond.
It-tisħib dejjem aktar jiżdied
f’tiġdid ma jieqaf qatt u
magħmul fid-dawl tat-Tradizzjoni
tal-Appostli, huwa żgur,
fiċ-ċirkostanzi ta’ llum
tal-Insara, wieħed mill-aspetti
l-aktar singulari u l-aktar
importanti tal-ekumeniżmu. U
huwa wkoll garanżija essenzjali
għall-ġejjieni. Il-fidili
tal-Knisja Kattolika ma jistgħux
jinsew li l-moviment ekumeniku
tal-Konċilju Vatikan II huwa
l-frott ta’ dak kollu li dak
iż-żmien il-Knisja Kattolika
impenjat li tagħmel biex
tgħarbel lilha infisha fid-dawl
tal-Evanġelju u tat-Tradizzjoni
kbira. Il-Papa ta’ qabli,
Ġwanni XXIII fehem dan b’mod
tassew ċar: meta sejjaħ
il-Konċilju, u ma riedx jifred
l-aġġornament mill-ftuħ
ekumeniku.
Fl-għeluq tal-Konċilju, il-Papa
Pawlu VI b’mod solenni ssiġilla
l-impenn tal-Konċilju favur
l-ekumeniżmu billi ġedded
id-djalogu ta’ mħabba
mal-Knejjes li huma f’xirka
mal-Patrijarka ta’
Kostantinopli, u ngħaqad
mal-Patrijarka biex, b’għemil li
jfisser ħafna, “jikkundanna
b’mod li tintesa għal kollox” u
li “titneħħa mit-tifkira
l-Knisja” l-iskomunika
tal-imgħoddi. Ta’ min ifakkar
li t-twaqqif ta’ kummissjoni
speċjali għall-kwistjonijiet
ekumeniċi ħabtet mal-bidu
tat-tħejjijiet għall-Konċilju
Vatikan II.
U permezz ta’ din il-Kummissjoni
l-fehmiet u l-ġudiżżji
tal-Komunitatjiet Insara l-oħra
kellhom sehem
fid-diskussjonijiet kbar li sar
fil-Konċilju dwar
ir-rivelazzjoni, il-Knisja,
in-natura tal-ekumeniżmu u
l-libertà reliġjuża.
L-importanza fondamentali
tad-duttrina
18. Id-Digriet dwar
l-Ekumeniżmu għamel tiegħu
l-ħsieb tal-Papa Ġwanni XXIII
fil-ftuħ tal-Konċilju
u jsemmi l-mod kif għandha tiġi
mfissra d-duttrina bħala wieħed
mill-elementi ta’ tiġdid dejjem
sejjer.
Din mhijiex kwistjoni dwar bdil
tad-depożitu tal-fidi, bdil
fit-tfissir tad-dommi, tneħħija
ta’ kliem essenzjali minnhom,
adattament tal-verità
għal-preferenzi ta’ żmien
partikulari, tneħħija ta’ xi
artikoli tal-Kredu bl-iskuża li
llum ma jiftehmux aktar.
L-għaqda li jrid Alla tinkiseb
biss billi kulħadd iħaddan
il-verità rivelata kollha kemm
hi b’kull ma fiha.
F’materja ta’ fidi, kull
kompromess imur kontra r-rieda
ta’ Alla li huwa l-Verità fih
innifsu. Fil-Ġisem ta’ Kristu,
li hi “t-Triq, il-Verità u
l-Ħajja” (Ġw 14:6) min se jqis
ġusta rikonċiljazzjoni li
tinkiseb bis-sagrifiċċju
tal-verita? Id-Dikjarazzjoni
tal-Konċilju dwar il-libertà
tal-bniedem Dignitatis
Humanae tgħid li hu dmir
id-dinjità tal-bniedem
it-tfittix tal-verità
speċjalment “dwar dak kollu li
għandu x’jaqsam ma’ Alla u
l-Knisja tiegħu”
u r-rabta ma’ dak li titlob
il-verità. Il-fatt “li nkunu
flimkien” b’mod li nkunu niċħdu
l-verità kontra kemm in-natura
ta’ Alla li jagħtina l-għaqda
tiegħu, u kemm kontra l-ħtieġa
tal-verità li tinsab fil-fond
tal-qalb ta’ kull bniedem.
19. Iżda d-duttrina trid tiġi
preżentata b’mod li tista’
tiftiehem minn dawk li Alla
jridha għalihom. Fl-Enċiklika
tiegħi Slavorum Apostoli
fakkart li propju din kienet
ir-raġuni għaliex San Ċirillu u
San Metodju ħabirku biex l-ideat
bibliċi u l-fehmiet teoloġiċi
Griegi jiġu mfissra b’mod
korrett lil nies li kienu jaħsbu
mod ieħor u kellhom esperjenza
storika oħra. Riedu jwasslu
l-Kelma waħdanija ta’ Alla
“bil-mod kif kull kultura
tesprimi ruħha”.
Għarfu li ma setgħux “jimponu
fuq il-ġnus li fosthom intbagħtu
jxandru l-Evanġelju, l-ilsien
Grieg u l-kultura Biżantina, li
żgur kienu aqwa mill-ilsien u
l-kultura tas-Slavi, u jdaħħlu
fosthom id-drawwiet u s-sura ta’
ħajja tas-soċjetà aktar
progredita li fiha trabbew”.
B’dan il-mod wettqu “dik
ix-xirka sħiħa fl-imħabba li
tħares lill-Knisja minn kull
sura ta’ partiġjaniżmu, ta’
esklusiviżmu etniku, ta’
preġudiżżji razzjali, u minn
nazzjonaliżmu esaġerat”.
Bl-istess spirtu ma ħsibtiex
darbtejn biex ngħid lill-Popli
Aboriġeni tal-Awstralja: “Ma
għandkomx tkunu maqsumin f’żewġ
partijiet... Ġesù jsejħilkom
biex tilqgħu kliemu u l-valuri
tiegħu fil-kultura propja
tagħkom”.
Minħabba n-natura tal-fidi, kull
ma fiha hu għall-umanità kollha,
u jrid jidħol f’kull kultura.
Fil-fatt, l-element li jġib
l-għaqda fil-verità, hu t-tifsir
tal-verità. Il-mod kif
tfisser il-verità jista’ jkun
ta’ ħafna suriet. It-tiġdid ta’
dawn is-suriet ta’ espressjoni
hu meħtieġ biex lin-nies ta’
llum jitwassal il-messaġġ
tal-Evanġelju fit-tifsir tiegħu
li ma jinbidel qatt.
“Dan it-tiġdid għalhekk għandu
tifsir ekumeniku importanti
ħafna”.
Hu tiġdid meħtieġ
mhux biss fil-mod kif titfisser
il-fidi, imma wkoll fl-istess
ħajja tal-fidi. U għalhekk
nistgħu nistaqsu: Min hu
responsabbli ħalli dan isir?
Għal din il-mistoqsija
l-Konċilju wieġeb b’mod tassew
ċar: “It-tħassib ħa terġa’
sseħħ l-għaqda hu dmir
tal-Knisja kollha, kemm
tal-fidili u kemm tal-kleru.
Jorbot lil kulħadd, skont
il-ħila ta’ kull wieħed kemm
jekk jintwera fil-ħajja
Nisranija ta’ kuljum, u kemm
fl-istudji teoloġiċi u storiċi”.
20. Dan kollu hu importanti
ħafna u għandu tifsir
fondamentali għall-ħidma
ekumenika. Hu għalhekk ħaġa
tassew ċara li l-ekumeniżmu,
il-moviment ħa tiġi ’l quddiem
l-għaqda tal-Insara, mhuwiex
xi “appendiċi”, xi żieda
mal-ħidma tas-soltu tal-Knisja.
Iżda l-ekumeniżmu hu parti
organika tal-ħajja u tal-ħidma
tal-Knisja, u għalhekk irid
jidħol f’dak kollu li hi u li
tagħmel; qisu l-frott ta’ siġra
b’saħħitha u għammiela li tasal
għall-kobor sħiħ tagħha.
Dan emmen il-Papa Ġwanni XXIII
dwar l-għaqda tal-Knisja u dwar
kif kien jara l-għaqda Nisranija
sħiħa. Dwar l-Insara l-oħra,
dwar li familja Nisranija kollha
kemm hi, hu nnota li “dak li
jgħaqqadna hu wisq akbar minn
dak li jifridina”. Il-Konċilju
Vatikan II, min-naħa tiegħu,
ħeġġeġ “lill-fidili kollha ta’
Kristu biex jiftakru li aktar ma
jħabirku biex jgħixu b’mod safi
skont l-Evanġelju, aktar qed
iġibu ’l quddiem u jippratikaw
l-għaqda tal-Insara, għaliex
b’hekk ikunu qed isaħħu bla
tfixkil u sal-fond il-fraternità
bejniethom hekk li jaslu biex
igawdu xirka sħiħa mal-Missier,
il-Verb u l-Ispirtu s-Santu”.
Il-primat tat-talb
Il-bidla tal-qlub u l-qdusija
tal-ħajja, flimkien ma’ talb
komunitarju u privat
għall-għaqda tal-Insara
għandhom jitqiesu bħala r-ruħ
tal-moviment ekumeniku kollu
kemm hu, u bir-raġun kollu
jista’ jissejjaħ “ekumeniżmu
spiritwali”.
Numxu ’l quddiem fit-triq li
twassal għall-konverżjoni
tal-qlub jekk ikunu mmexxijin
mill-imħabba għal Alla u,
fl-istess waqt, għal ħutna
wkoll, għal dawk ukoll li
mhumiex f’għaqda sħiħa magħna.
L-imħabba tqanqal ix-xewqa
għall-għaqda, f’dawk ukoll li
qatt ma ntebħu bil-ħtieġa
tagħha. L-imħabba ġġib xirka
bejn l-individwi u bejn
il-Komunitajiet. Jekk inħobbu
lil xulxin, inħabirku biex
insaħħu x-xirka tagħna u
nwassluha għall-perfezzjoni.
L-imħabba nuruha ’l Alla
għaliex hu l-għajn perfetta
tal-għaqda — l-għaqda
tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu
s-Santu — biex minn dik il-għajn
niksbu l-qawwa ħa nwaqqfu għaqda
bejn l-individwi u
l-Komunitajiet, jew inġibuha
mill-ġdid fost l-Insara li
għadhom mifrudin bejniethom.
L-imħabba hija l-kurrent moħbi
li jagħti l-ħajja u jsaħħaħ
l-qawwa tal-moviment lejn
l-għaqda.
Din l-imħabba ssib
l-espressjoni sħiħa tagħha
fit-talb flimkien. Meta
l-aħwa li mhumiex f’għaqda sħiħa
bejniethom, jiltaqgħu flimkien
biex jitolbu, il-Konċilju
Vatikan II ifisser it-talb
tagħhom bħala r-ruħ
tal-moviment ekumeniku kollu
kemm hu. Din it-talba hija
“mezz tassew effettiv biex
tintalab il-grazzja tal-għaqda”
espressjoni vera tar-rabtiet
li minn issa stess jorbtu
l-Kattoliċi ma’ ħuthom mifrudin”.
Ukoll meta t-talb ma jsirx
speċifikament għall-għaqda
tal-Insara, imma
għall-intenzjonijiet oħra,
bħalma hi l-paċi, fil-fatt
ifisser u jwettaq l-għaqda.
It-talb flimkien tal-Insara hu
stedina lil Kristu nnifsu biex
iżur lill-komunità ta’ dawk li
qed isejħulu: “Fejn tnejn jew
tlieta jkunu miġburin f’ismi,
hemm inkun jien f’nofshom (Mt
18:20).
22. Meta l-Insara jitolbu
flimkien, l-għan tal-għaqda
jidher aktar qrib li jintlaħaq.
L-istorja twila tal-Insara
bil-ħafna firdiet li seħħu
matulha, tidher li qed tersaq
mill-ġdid għall-għaqda għax qed
tfittex dak li hu l-għajn
tal-għaqda tagħna, Ġesù Kristu.
Hu “dak li kien, fl-imgħoddi,
issa u għal dejjem” (Lhud
13:8). Fit-talb flimkien Ġesù
hu tassew preżenti, jitlob
“fina”, “magħna” u “għalina”.
Ħuwa hu li jmexxi t-talb tagħna
fl-Ispirtu Paraklitu li wiegħed
u mbagħad ta lill-Knisja,
fiċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm, meta
waqqafha fl-għaqda tal-bidu
tagħha.
Fil-mixja ekumenika lejn
l-għaqda żgur għandu l-aqwa post
it-talb flimkien,
l-għaqda fit-talb ta’ dawk li
jinġabru flimkien madwar Kristu
nnifsu. Jekk l-Insara, minkejja
l-firdiet tagħhom, jaslu biex
ikunu aktar magħqudin fit-talb
flimkien madwar Kristu dejjem
aktar jintebħu kemm ftit hu dak
li jifridhom meta hu mqabbel ma’
dak kollu li jgħaqqadhom. Jekk
jiltaqgħu aktar ta’ spiss u
aktar regolarment quddiem Kristu
fit-talb, ikunu jistgħu jiksbu
l-kuraġġ biex iqisu sewwa
r-realtà umana tal-firdiet
tagħhom u jerġgħu jsibu ruħhom
flimkien f’dik il-komunità
tal-Knisja li Kristu bla heda
jibni fl-Ispirtu s-Santu,
minkejja d-dgħufija u l-limiti
kollha tal-bnedmin.
23. Fl-aħħarnett it-tisħib
fit-talb iwassal lin-nies
biex iħarsu lejn il-Knisja u
lejn il-Kristjaneżmu mod ieħor.
M’għandniex ninsew li Kristu
talab lill-Missier biex
id-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa
waħda bejniethom ħalli l-għaqda
tagħhom tkun xhieda tal-missjoni
tiegħu u d-dinja temmen li
l-Missier bagħtu (Ara Ġw
17:21). Nistgħu ngħidu li
l-moviment ekumeniku f’ċertu
sens twieled mill-esperjenza
negattiva ta’ kull waħda
mill-Knejjes jew Komunitajiet
Ekklesjali li, huma u jħabbru
l-Evanġelju, ħarsu lejn
il-Knisja jew Komunità
Ekklesjali tagħhom biss. Din
kienet kontradizzjoni li ma
setgħux ma jintebħux biha dawk
li semgħu l-bxara
tas-salvazzjoni u f’din il-ħaġa
raw tfixkil għalihom biex
jaċċettaw l-Evanġelju.
Diżgrazzjatament dan it-tfixkil
kbir għadu hemm. Veru li għad
m’aħniex f’għaqda sħiħa
bejnietna... iżda, minkejja
l-firdiet tagħna, aħna mexjin
lejn l-għaqda sħiħa, dik
l-għaqda li kellha l-Knisja
tal-Appostli fil-bidu tagħha u
li aħna qed infittxu
bis-sinċerità kollha. It-talb
tagħna flimkien, imnebbaħ
mill-fidi, jipprova dan. F’din
it-talba ningħaqdu flimkien
f’isem Kristu li hu Wieħed. Hu
l-għaqda tagħna.
It-talb “Ekumeniku” hu
għall-qadi tal-missjoni
Nisranija u għall-kredibbiltà
tagħna. Għalhekk b’mod
speċjali jrid ikun preżenti
fil-ħajja tal-Knisja u f’kull
ħidma li ssir bil-għan li tiġi
l-quddiem l-għaqda tal-Insara.
Qisna qed inħossu bla heda
l-ħtieġa li nerġgħu lura u
niltaqgħu fiċ-Ċenaklu ta’ Ħamis
ix-Xirka, ukoll jekk il-preżenza
tagħna f’dak il-post ma tistax
tkun perfetta, qabel ma
jingħeleb it-tfixkil li hemm
għall-għaqda ekkleżjali sħiħa u
l-Insara kollha jkunu jistgħu
jinġabru għaċ-ċelebrazzjoni
flimkien tal-Ewkaristija”.
24. Hi ħaġa ta’ ferħ tara li
ħafna laqgħat ekumeniċi kważi
dejjem idaħħlu t-talb, anżi
jilħqu l-qofol tagħhom
fit-talb. L-Ottavarju ta’
Talb u għall-Għaqda tal-Insara
li jiġi ċelebrat f’Jannar, u
f’xi pajjiżi, qrib Għid
il-Ħamsin, sar tradizzjoni
mxerrda ma’ kullimkien u
twaqqfet sewwa. Iżda hemm ħafna
okkażjonijiet oħra matul is-sena
meta l-Insara jistgħu jaslu biex
jitolbu flimkien. Dwar dan,
nixtieq insemmi l-esperjenza
speċjali tal-pellegrinaġġi
tal-Papa lil Knejjes
fil-kontinenti u l-pajjiżi tal-oikomene
ta’ llum. Nagħraf sewwa li kien
il-Konċilju Vatikan II li wassal
lill-Papa biex jaqdi l-ministeru
appostoliku tiegħu b’dan il-mod
partikulari. U nista’ ngħid
wisq aktar. Il-Konċilju għamel
dawn iż-żjajjar tal-Papa bħala
responsabbilità speċifika
tal-ħidma tal-Isqof ta’ Ruma
għall-qadi tal-għaqda.
Iż-żjajjar tiegħu kważi dejjem
qed ikollhom laqgħa ekumenika u
talb flimkien ma’ ħutna li
qed ifittxu l-għaqda fi Kristu u
fil-Knisja. B’emozzjoni
mill-aqwa, niftakar it-talb
flimkien mal-Primat tal-Knisja
Anglikana fil-Kattidral ta’
Canterbury (29 ta’ Mejju 1982);
f’dak il-bini hekk tal-għaġeb
jein rajt “xhieda titkellem
ħafna sew tal-ħafna snin
tal-qsim tal-wirt flimkien u sew
tas-snin kollhom niket tal-firda
li ġiet wara.
U lanqas nista’ ninsa l-laqgħat
li saru fil-pajjiżi Skandinavi u
Nordiċi (l-10 ta’ Ġunju 1989)
fl-Amerika ta’ fuq u fl-Amerika
t’Isfel, fl-Afrika u
fil-kwartieri ġenerali tal-Work
Council of Churches (12 ta’
Gunju 1984), l-organiżmu mpenjat
li jsejjaħ il-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali membri
tiegħu ha jfittxu “l-għan ta’
għaqda li tidher fil-fidi waħda
u f’tisħib Ewkaristiku wieħed,
imfissrin fil-qima u fil-ħajja
flimkien fi Kristu”.
U kif qatt nista’ ninsa s-sehem
tiegħi fil-Liturġija Ewkaristika
fil-Knisja ta’ San Ġorġ
fil-Patrijarkat Ekumeniku (30
ta’ Novembru 1979) u fis-servizz
li sar fil-Bażilika ta’ San
Pietru waqt iż-żjara f’Ruma
tal-Venerabbli Hija,
il-Patrijarka Dimitrios I (6 ta’
Diċembru 1987)? Dak in-nhar fuq
l-Artal tal-Konfessjoni għidna
flimkien il-Kredu
Niċenu-Kostantinopolitan
fil-verżjoni oriġinali Griega
tiegħu. Diffiċli tfisser bi
ftit kliem in-natura waħdanija
ta’ kull waħda minn dawn
l-okkażjonijiet ta’ talb.
Minħabba s-suriet differenti li
għandha kull waħda minn dawn
il-laqgħat għax kundizzjonata
mill-ġrajjiet tal-imgħoddi, kull
darba kull waħda tkellmet
bil-mod propju tagħha. Kollha
huma parti mit-tifkiriet
tal-Knisja kif hi mmexxija
mill-Ispirtu Paraklitu ha
tfittex l-għaqda sħiħa ta’ dawk
kollha li jemmnu fi Kristu.
25. Mhux il-Papa biss sar
pellegrin. F’dawn l-aħħar snin,
ħafna mexxejja magħrufin
tal-Knejjes u tal-Komunitajiet
Ekkleżjali ġew iżuruni f’Ruma u
jien stajt ningħaqad magħhom
fit-talb, kemm pubblikament u
kemm privatament. Semmejt
iż-żjara tal-Patrijarka
Ekumeniku Dimitrios I, u issa
nixtieq infakkar il-laqgħa ta’
talb li saret ukoll fil-Bażilika
ta’ San Pietru meta isseħħibt
mal-Arċisqfijiet Luterani
Primati tal-Isverzja u
tal-Finlandja għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Għasar fl-okkażjoni tas-sitt
mitt sena mill-Kanonizzazzjoni
ta’ Santa Briġida (5 ta’
Ottubru, 1991). Dan hu biss
eżempju wieħed għaliex
l-għarfien tad-dmir li nitolbu
għall-għaqda sar parti integrali
tal-ħajja tal-Knisja. M’hemmx
ġrajja importanti jew ġrajja li
tfisser ħafna, li ma tiksibx ġid
mill-fatt li l-Insara jiltaqgħu
flimkien u jitolbu. Ma jistax
ikun li nagħti lista sħiħa ta’
dawn il-laqgħat kollha, ukoll
jekk kull laqgħa jistħoqqilha li
tiġi mfakkra. Tassew li l-Mulej
qabadna minn idejna u qed
imexxina. Dan il-bdil u dan
it-talb kollu ġa kiteb paġni fuq
paġni fil-“Ktieb tal-għaqda”
tagħna, “Ktieb” li rridu spiss
neħduh f’idejna u naqrawh u
nerġgħu naqrawh biex minnu
niksbu ispirazzjonijiet u tamiet
ġodda.
26. It-talb, it-talb
tal-komunità dejjem jgħinna
nsibu mill-ġdid il-verità
tal-kelma tal-Evanġelju: “Il-Missier
tagħkom wieħed hu” (Mt
23:9), il-Missier – Abba
– li lilu Kristu talab, Kristu,
l-Iben imnissel mill-Missier u
ta’ natura waħda mal-Missier. U
aktar: “L-imgħallem
tagħkom wieħed hu, u intom
ilkoll aħwa” (Mt 23:8).
It-talb “Ekumeniku” juri din
id-dimensjoni ta’ fraternità fi
Kristu, li miet biex jiġbor
flimkien l-ulied Alla li kienu
xterrdu, biex ikunu “għalih
ulied” (Ef 1:5), u nkunu nistgħu
nuru aħjar kemm ir-realtà
misterjuża tal-paternità ta’
Alla u kemm il-verità dwar
in-natura umana li fiha għandhom
sehem kull individwu u
l-individwi kollha.
It-talba “Ekumenika” bħala talba
tal-aħwa tfisser dan kollu.
Propju għax mifrudin minn
xulxin, jiltaqgħu fi Kristu,
b’tama aqwa, huma u jafdawlu
l-ġejjieni tal-għaqda tagħhom u
x-xirka tagħhom. Hawn ukoll
nistgħu napplikaw it-tagħlim
tal-Konċilju. “Il-Mulej Ġesù
meta talab lill-Missier biex
ilkoll inkunu ħaġa waħda...
bħalma aħna ħaġa waħda” (Gw
17:21-22) fetaħ wesgħat
magħluqin għar-raġuni
tal-bniedem, għax ta x’wieħed
jifhem li hemm ċertu xebħ bejn
l-għaqda tat-Tliet Persuni
Divini u l-għaqda ta’ wlied Alla
fil-verità u l-imħabba”.
Il-bidla
tal-qlub li hi kondizzjoni
essenzjali għal kull tfittix
awtenitku u tal-għaqda, toħroġ
mit-talb, u s-sħubija
tagħha tiddependi mit-talb:
“Mill-qagħda ġdida tagħna,
miċ-ċaħda tagħna nfusna u minn
imħabba bla qies, joħorġu
x-xewqat għall-għaqda u jaslu
għall-kobor sħiħ tagħhom.
Irridu għalhekk nitolbu
lill-Ispirtu s-Santu
l-grazzja biex tassew niċħdu
lilna nfusna, inkunu umli u nuru
ħlewwa fil-qadi tal-oħrajn u
qagħda ta’ ġenerożità fraterna
mal-oħrajn”.
27. It-talb għall-għaqda
mhuwiex xi ħaġa riżervata biss
għal dawk li qed iħossu n-nuqqas
tal-għaqda bejn l-Insara.
Fid-djalogu personali ħerqan li
kull wieħed u waħda minna għandu
jkollu mal-Mulej fit-talb,
il-ħerqa għall-għaqda
m’għandhiex tonqos.
Hekk biss din il-ħerqa tista’
ssir kollha kemm hi parti minn
ħajjitna u mill-impenji li
għalihom dħalna fil-Knisja.
Propju biex ninsisti fuq dan
id-dmir li jien ippreżentajt
lill-Insara tal-Knisja
Kattolika l-ħajja li nqis
eżemplari ta’ Soru Trappista,
il-Beata Marija Gabriella
tal-Għaqda, li jien
ibbeatifikajt fil-25 ta’ Jannar
1983.
Suor Marija Gabriella, li kellha
l-vokazzjoni li tinfatam
mid-dinja, għaddiet ħajjitha
timmedita u titlob il-kap sbatax
tal-Evanġelju ta’ San Ġwann u
titlob u toffri ħajjitha
għall-għaqda tal-Insara. Din hi
tassew il-ġebla tax-xewka
tat-talb kollu, l-offerta sħiħa
tal-ħajja bla ebda kondizzjoni
ta’ xejn lill-Missier, b’Ibnu,
fl-Ispirtu s-Santu. L-eżempju
ta’ Swor Marija Gabriella
jgħallimna; jgħinna nifhmu li ma
hemmx mumenti speċjali, qagħdiet
jew postijiet ta’ talb għal
għaqda. It-talba ta’ Kristu
lill-Missier tingħatalna bħala
eżempju għal kulħadd, dejjem u
kullimkien.
Djalogu ekumeniku
28. Jekk it-talb hu r-“ruħ”
tal-tiġdid ekumeniku u tal-ħerqa
għall-għaqda, hu l-pedament u
l-għajnuna ta’ kull
mal-Konċilju jifhem bi “djalogu”.
Din il-fehma żgur mhijiex illum
kontra s-sura personalistika
tal-ħsieb. Il-ħila
għad-“djalogu” għandha l-għeruq
tagħha fin-natura tal-persuna u
fid-dinjità tagħha. Kif taraha
l-filosofija, din il-qagħda hi
marbuta mal-verità Nisranija
dwar il-bniedem u mfissra
mill-Konċilju: “il-bniedem hu
l-kreatura waħdanija fuq l-art
li Alla riedha għaliha nfisha”;
għalhekk il-bniedem “ma jistax
isib b’mod sħiħ lilu nnifsu jekk
mhux bl-għoti sinċier tiegħu
nnifsu”.
Id-djalogu hu pass li ma tistax
tgħaddi mingħajru fil-mixja
lejn il-kobor sħiħ tal-bniedem
fih innifsu, kemm ta’
kull individwu u kemm ta’
kull komunità
ta’
bnedmin.
Għalkemm il-ħsieb ta’ “djalogu”
jista’ jidher li qed tingħatalu
preferenza fuq id-dimensjoni
konoxxitiva, (dia-logos),
iżda kull djalogu għandu
dimensjoni globali,
eżistenzali. Jimpenja l-bniedem
kollu kemm hu, u d-djalogu bejn
komunitajiet jimpenja b’mod
partikulari is-soġġettività ta’
kull komunità.
Din il-verità dwar id-djalogu,
imfissra hekk fil-fond mill-Papa
Pawlu VI fl-Enċiklika tiegħu
Ecclesiam Suam,
ittieħdet ukoll mill-Konċilju
fit-tagħlim u l-ħidma ekumenika
tiegħu. Id-djalogu mhuwiex biss
bdil ta’ fehmiet. B’xi mod hu
dejjem “bidl ta’ doni”.
29. Hu għalhekk li d-Digriet
tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu
jagħti importanza wkoll lil
“kull sforz biex jitwarrbu
kliem, ġudizzji, u għemil li ma
jkunux iwieġbu skont il-verità u
s-sewwa għall-qagħda tal-aħwa
mifrudin u hekk jagħmlu aktar
diffiċli r-relazzjonijiet ma’
xulxin”.
Id-Digriet iqis il-kwistjoni
fid-dawl tal-qagħda tal-Knisja
Kattolika u jsemmi l-kriterji li
trid tħares fir-relazzjonijiet
tagħha mal-Insara l-oħra. Iżda
f’dan kollu meħtieġa
reċiproċità. Il-ħarsien ta’
dawn il-kriterji hu mpenn ta’
dawk kollha li jridu jidħlu fi
djalogu bejniethom, u hi
kondizzjoni meħtieġa qabel jibda
d-djalogu. Jeħtieġ ngħaddu minn
qagħda ta’ antagoniżmu u ġlied
għall-qagħda fejn kull parti
tqies lill-ieħor bħala sieħeb.
Meta jidħlu għad-djalogu,
kull parti għandha tissopponi li
hemm ix-xewqa
tar-rikonċiljazzjoni fil-parti
l-oħra, hemm ix-xewqa
għall-għaqda fil-verità.
Biex dan iseħħ, kull sinjal ta’
oppożizzjoni kontra xulxin irid
jispiċċa. Hekk biss id-djalogu
jista’ jgħin biex tingħeleb
il-firda u tressaqna aktar lejn
l-għaqda.
30. Nistghu ngħidu, b’sens
ta’ ħajr liema bħalu lil-Ispirtu
tal-Verità, li l-Konċilju
Vatikan II kien żmien ta’ barka,
li matulu tqiegħdu l-pedamenti
għat-tisħib tal-Knisja Kattolika
fid-djalogu ekumeniku.
Fl-istess waqt, il-presenza ta’
tant osservaturi mill-ħafna
Knejjes u Komunitajiet
Ekkleżjali, l-impenn tagħhom
fil-fond fil-ġrajjiet kollha
tal-Konċilju, il-ħafna laqgħat u
t-talb flimkien li l-Konċilju
wassal biex setgħu jsiru, kollox
għen biex ikun hemm il-kondizzjonijiet
għad-djalogu ma’ xulxin.
Tul il-Konċilju,
ir-rappreżentanti tal-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra
bl-esperjenza taghhom raw kemm
l-Episkopat Kattoliku mad-dinja
kollha, u b’mod partikulari,
is-Santa Sede, kienu lesti ha
jibdew id-djalogu.
Strutturi lokali għad-djalogu
31. L-impenn tal-Knisja
għad-djalogu ekumeniku, kif
deher ċar mill-Konċilju ’l hawn,
mhuwiex responsabbiltà tas-Sede
Appostolika biss, imma hu dmir
ukoll ta’ kull Knisja
individwali lokali jew
partikulari. Kummissjonijiet
speċjali ha jġibu ’l quddiem
l-ispirtu u l-ħidma ekumenika
twaqqfu mill-Konferenzi
tal-Isqfijiet u mis-Sinodi
tal-Knejjes Kattoliċi
Orjentali. Strutturi adatti
bħalhom qed jagħmlu ħidma fi
Djoċesijiet individwali. Dawn
l-iniżjattivi huma sinjal
tal-impenn prattiku mxerred ma’
kullimkien tal-Knisja Kattolika
biex tapplika n-normi
tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu:
dan hu aspett essenzjali
tal-moviment ekumeniku”.
Id-djalogu mhux biss beda, imma
sar ħtieġa mill-aqwa, wieħed
mill-prioritajiet
tal-Knisja. Bħala frott ta’
dan, il-“metodi” tad-djalogu
ttejbu, u dan għen biex jikber
l-ispirtu tad-djalogu. Hawn ta’
min isemmi l-ewwelnett
“id-djalogu bejn esperti
tal-affari tagħhom minn Knejjes
u Komunitajiet differenti.
Fil-laqgħat tagħhom li jiġu
organizzati bi spirtu reliġjuż,
kull wieħed ifisser it-tagħlim
tal-Komunità tiegħu aktar
fil-fond u joħroġ sewwa
l-karatteristiċi distintivi
tiegħu”.
Iżda mbagħad jiswa ħafna li
l-Insara jkunu midħla tal-metodu
li bih id-djalogu seta jseħħ.
32. Kif tgħid id-Dikjarazzjoni
tal-Konċilju dwar il-Libertà
Reliġjuża: “il-verità wieħed
għandu jfittixha b’mod li jkun
jaqbel mad-dinjità tal-persuna
umana, u man-natura soċjali
tagħha. It-tfittix irid isir
b’mod ħieles, bl-għajnuna
tal-maġisteru jew tat-tagħlim,
jew ta’ komunikazzjoni
istruttiva jew ta’ djalogu.
Bihom in-nies ifehmu lil xulxin
il-verità li sabu jew jaħsbu li
sabu biex jgħinu lil xulxin
fit-tfittix tal-verità. Iżda,
meta tingħaraf il-verità,
titħaddan bil-kunsens personali
ta’ kull individwu”.
Id-djalogu ekumeniku għandu
importanza essenzjali. “B’dan
id-djalogu kulħadd jista’ jikseb
tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim
u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull
waħda mill-Komunitajiet, u jibda
japprezzahom iżjed.
Barra minn hekk, dawn
il-Komunitajiet jaslu għall-kooperazzjoni
aqwa f’kull proġett li
l-kuxjenza Nisranija titlob
għall-ġid komuni. Jiltaqgħu
wkoll għal talb flimkien, fejn
dan hu permess. Fl-aħħarnett
ilkoll jitwasslu biex jeżaminaw
il-fedeltà tagħhom lejn ir-rieda
ta’ Kristu għall-Knisja u, fejn
meħtieġ, jidħlu bil-ħeġġa kollha
għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’
riforma”.
Djalogu bħala eżami ta’
kuxjenza
35. Fil-ħsieb tal-Konċilju,
id-djalogu ekumeniku għandu juri
t-tfittix flimkien tal-verità,
b’mod partikulari tal-verità
dwar il-Knisja. Fil-fatt,
il-verità tifforma l-kuxjenzi, u
tiddirieġi l-isforzi biex
l-għaqda tiġi ’l quddiem.
Fl-istess waqt, titlob li
l-kuxjenzi u l-għemil
tal-Insara, bħala aħwa mifrudin
minn xulxin, għandhom ikunu
mnebbħin mit-talba ta’ Kristu
għall-għaqda, u joqogħdu
għaliha. Hemm relazzjoni
stretta ħafna bejn talb u
djalogu. Aktar mat-talb ikun
fil-fond u aktar jinħass, aktar
jagħti frott id-djalogu. Jekk
min-naħa d-djalogu jiddependi
mit-talb, min-naħa l-oħra,
it-talb ukoll ikun frott aktar
misjur tad-djalogu.
34. Minħabba d-djalogu
ekumeniku nistgħu nitkellmu
b’maturità aqwa dwar it-talb
flimkien u għal xulxin. Dan
seta’ jkun għaliex id-djalogu
jaqdi wkoll, u l-istess
waqt, id-dmir ta’ eżami
tal-kuxjenza. Dwar dan kif
ma niftakrux il-kliem tal-Ewwel
Ittra ta’ San Ġwann: “Jekk
ngħidu li m’għandniex dnub,
inkunu qegħdin inqarrqu bina
nfusna, u l-verità ma tkunx
fina. Jekk nistqarru dnubietna,
hu fidil hekk li jaħfrilna
dnubietna u jnaddafna minn kull
ħażen” (1:8-9). San Ġwann iżid
jgħid ukoll; “Jekk ngħidu li ma
dnibniex, inkunu qegħdin
ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx
fina” (1:10).
Eżortazzjoni hekk qawwija
biex nagħrfu l-qagħda tagħna ta’
midinbin, għandha tkun
l-ispirtu li biħ aħna nidħlu
għad-djalogu ekumeniku. Jekk
dan l-eżami tal-kuxjenza
ma jsirx “djalogu bejn
il-kuxjenzi” nistgħu nkunu żguri
minn dak li tgħidilna din
l-Ittra? “Uliedi, dan qed
niktibulkom, biex ma tidinbux,
imma jekk xi ħadd jidneb għandna
Difensur quddiem il-Missier,
lil Ġesù Kristu l-ġust. U
hu ħallas għal dnubietna, u mhux
għal tagħna biss, imma wkoll
għal dawk tad-dinja kollha”
(2:1-2). Id-dnubiet
kollha tad-dinja tħaddnu
mis-sagrifiċċju ta’ Kristu
għas-salvazzjoni, u għalhekk
id-dnubiet ukoll li saru kontra
l-għaqda tal-Knisja: id-dnubiet
tal-Insara sew tal-isqfijiet u
sew tal-fidili. Iżda wkoll wara
tant dnubiet li wasslu għal dawn
il-firdiet kollha, l-għaqda tal-Insara
għad tista’ tkun,
jekk aħna bl-umiltà kollha
magħarfu li dnibna u nifhmu li
jeħtieġ li jinħafru u jiġu
megħluba d-dnubiet personali,
imma wkoll id-dnubiet soċjali,
dawk l-“istrutturi” stess
tad-dnub li wasslu għall-firda u
għenuha u wettquha.
35. Għal darb’oħra l-Konċilju
Vatikan II jgħinna. Nistgħu
ngħidu li d-Digriet dwar
l-Ekumeniżmu, kollu kemm hu, hu
mimli bi spirtu ta’ konverżjoni.
Id-djalogu ekumeniku f’dan
id-Dokument jikseb
karatteristika propja: jinbidel
fi djalogu ta’ konverżjoni
u għalhekk, skont kliem Pawlu
VI, jinbidel f’veru “djalogu ta’
salvazzjoni”.
Id-djalogu ma jistax jibqa’
sejjer permezz ta’ laqgħat
flimkien, bi bdil ta’ fehmiet u
bl-għoti ta’ doni propji lil
kull komunità. Iżda għandu
jfittex ukoll, anżi fuq kollox,
direzzjoni oħra, ’il fuq, lejn
il-Feddej tad-dinja u s-Sid
tal-istorja, li Hu l-paċi
tagħna. Din id-dimensjoni
tad-djalogu ekumeniku hi
l-għarfien flimkien u ta’ xulxin
bħala irġiel u nisa midinbin.
Dan l-għarfien jiftaħ għall-aħwa
li qed jgħixu f’komunitajiet li
mhumiex f’xirka waħda
bejniethom, dak l-ispazju intern
li fih Kristu, il-bidu
tal-għaqda fil-Knisja, jista’
jaħdem b’mod effikaċi bil-qawwa
kollha tal-Ispirtu Paraklitu.
Djalogu biex jintemm in-nuqqas
ta’ ftehim
36. Id-djalogu hu wkoll
strument naturali biex bih
jitqabblu bejniethom fehmiet
differenti, u l-ewwelnett biex
jitqiesu dawk in-nuqqasijiet ta’
ftehim li qed ifixklu għaqda
sħiħa bejn l-Insara. Id-Digriet
dwar l-Ekumeniżmu jinsisti
l-ewwel nett fuq
id-dispożizzjoni morali meħtieġa
biex jibdew diskussjonijiet
dottrinali.
“Fid-djalogu ekumeniku,
it-teoloġi Kattoliċi, huma u
jħaddnu d-duttrina tal-Knisja, u
huma u ifittxu flimkien mal-aħwa
mifrudin, li jistudjaw
il-misteri qaddisa, għandhom
ifittxu li jimxu ’l quddiem
b’imħabba għall-verità, b’karità
u umiltà”.
L-imħabba għall-verità hija
d-dimensjoni l-aktar għolja ta’
tħabrik veru hu jkun hemm għaqda
sħiħa bejn l-Insara kollha.
Mingħajr din l-imħabba ma jistax
ikun li wieħed jitkellem dwar
id-diffikultajiet teoloġiċi,
kulturali, psikoloġiċi u soċjali
li juri ruħhom meta jiġi studjat
oġġettivament in-nuqqas ta’
ftehim li jkun hemm. Ma dan
id-dimensjoni interna u
personali għandu jkun hemm
imseħbin, b’qawwa liema bħala,
spirtu ta’ karità u ta’ umiltà:
ta’ karità ma min qed jitkellem,
u ta’ umiltà lejn il-verità li
tingħaraf u li forsi tista’
titlob li wieħed jirrivedi
l-affermazzjonijiet u d-drawwiet
tiegħu.
Meta jiġu studjati l-firdiet,
il-Konċilju jitlob li d-duttrina
kollha tiġi mfissra b’mod
l-aktar ċar. Jitlob ukoll li
l-mod u l-metodu kif tiġi
mfissra l-fidi Kattolika ma
jkunux ta’ tfixkil għad-djalogu
mal-aħwa.
Żgur li wieħed jista’ jagħti
xhieda tad-duttrina propja
tiegħu u jfissirha b’mod
korrett, leali u jiftiehem, u
fl-istess waqt iqis kemm il-mod
kif jaħseb l-ieħor u kemm
l-esperjenza storika li għadda
minnha l-ieħor.
Hi ħaġa ċara li l-għaqda sħiħa
sseħħ meta titħaddan il-verità
kollha li lejha l-Ispirtu
s-Santu qed iwassal id-dixxipli
tal-Mulej. Għalhekk irid jiġi
evitat kull tnaqqis u kull xorta
ta’ kunsens malajr. Iridu
jinħallu problemi kbar: inkella
aktar tard f’xi żmien ieħor
jerġgħu jidhru fl-istess sura
jew f’xi sura oħra.
37. Id-Digriet Unitatis
Redintegratio jgħid ukoll
liema kriterji wieħed għandu
juża meta jiġi biex ifisser jew
iqabbel id-duttrina Kattolika:
“Wieħed għandu jiftakar li hemm
ordni jew ġerarkija
fil-veritajiet tad-duttrina
Kattolika, minħabba r-rabta
diversa li għandhom mal-pedament
tal-fidi Kattolika. B’dan
il-mod titħejja t-triq biex
ilkoll, f’sura ta’ pika bejn
l-aħwa, jitħeġġu għall-għarfien
aktar fil-fond u
għall-manifestazzjoni aktar ċara
tal-għana bla qjies ta’ Kristu”.
38. Fid-djalogu bilfors
titfaċċa l-problema tal-formuli
diversi li l-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali
għandhom biex ifissru
d-duttrina; dan għandu aktar
minn konsegwenza waħda
għall-ħidma tal-ekumeniżmu.
Qabel xejn,
fil-formuli duttrinali li ma
jaqblux ma’ dawk li għandha
l-komunità li tagħha wieħed hu
membru, wieħed għandu minnufih
jara jekk il-kliem użat fl-aħħar
mill-aħħar ma jfissirx l-istess
ħaġa, kif ġara, biex insemmi
eżempju, f’dikjarazzjonijiet li
saru dan l-aħħar u li jiena u
l-Papiet ta’ qabli ffirmajna
mal-Patrijarki ta’ Knejjes li
għall-mijiet ta’ snin kellna
bejnietna nuqqas ta’ ftehim dwar
il-Kristoloġija.
Id-Dikjarazzjoni Mysterium
Ecclesiae tgħid: “Għalkemm
il-veritajiet li l-Knisja trid
tassew tgħallem bil-formuli
dommatiċi tagħha, jintgħażlu
mill-fehmiet li jistgħu jinbidlu
maż-żmien u jkun u jistgħu jiġu
mfissrin mingħajrhom, jista’
jiġri wkoll li l-Maġisteru
Mqaddes jgħallem dawn
il-veritajiet bi kliem li b’xi
mod juru l-fehmiet taż-żmien li
jkun. Meta nqisu dan, nistgħu
ngħidu li l-formuli
dommatiċi tal-Maġisteru
tal-Knisja fil-bidu fissru sewwa
l-verità rivelata u jibqgħu
dejjem adatti biex iwassluha lil
dawk li jifhmuha sewwa”.
Dwar dan, id-djalogu ekumeniku
jwassal lil dawk li qed jieħdu
sehem fih biex jistaqsu lil
xulxin, jifhmu lil xulxin,
ifissru lil xulxin, u
jippermetti wkoll li jinstabu
affarijiet mhux mistennija.
Il-polemika intolleranti u
l-kontroversji biddlu
f’dikjarazzjonijiet li wieħed ma
jistax jaċċettahom, dak li
fil-fatt ma kienx ħlief żewġ
suriet kif wieħed iħares lejn
l-istess verità minn żewġ naħiet
differenti. Jeħtieġ illum li
tinsab formula li hija u tħaddan
il-verità sħiħa, tmur ’l hemm
mill-qari parżjali tagħha jew
mit-tifsiriet qarrieqa tagħha.
Wieħed mill-vantaġġi
tal-ekumeniżmu hu dak li permezz
tiegħu l-Komunitajiet Insara
jiksbu għajnuna biex jagħrfu
l-għana bla qies tal-verità.
F’dan il-qasam ukoll dak li
l-Ispirtu jagħmel fl-“oħrajn”
jista’ jkun ta’ ġid għal kull
komunità
u b’xi mod jgħallimha l-misteru
ta’ Kristu. L-ekumeniżmu veru
hu grazzja ta’ verità.
39. Fl-aħħarnett id-djalogu
jwassal lil dawk li qed
jiddjalogaw bejniethom biex
ikollhom quddiemhom in-nuqqas
veru ta’ ftehim li jkun hemm
dwar il-fidi. Dawn
in-nuqqasijiet ta’ ftehim
għandhom l-ewwelnett jitqiesu bi
spirtu ta’ mħabba fraterna
sinċiera, b’rispett sħiħ
għall-kuxjenza propja u
tal-oħrajn, b’umiltà kbira u
mħabba għall-verità. F’dan
il-każ il-konfront għandu żewġ
elementi essenzjali li għalihom
għandha ssir riferenza:
l-Iskrittura u t-Tradizzjoni.
Għall-Kattoliċi hemm ukoll
l-għajnuna vitali tal-Maġisteru
ħaj tal-Knisja.
Kooperazzjoni fil-prattika
40. Ir-relazzjonijiet bejn
l-Insara ma jwasslux biss
għall-għarfien aħjar ta’ xulxin,
għat-talb flimkien u
għad-djalogu; jaħsbu wkoll
għall-kooperazzjoni fil-prattika
u jitolbuha fl-oqsma kollha
pastorali, kulturali u soċjali u
wkoll fix-xhieda għat-tħabbira
tal-Evanġelju.
“Il-kooperazzjoni bejn l-Insara
kollha turi b’mod ħaj dik
l-għaqda li ġa hemm fosthom, u
turi f’dawl aħjar il-wiċċ ta’
Kristu Qaddej”.
Din il-kooperazzjoni li għandha
l-għeruq tagħha fl-istess fidi,
hi mhux biss mimlija b’imħabba
bejn l-aħwa imma hija wkoll
manifestazzjoni ta’ Kristu
nnifsu.
Barra dan il-kooperazzjoni
ekumenika hija skola ta’
ekumeniżmu, it-triq dinamika li
twassal għall-għaqda. Il-ħidma
flimkien twassal għall-għaqda
fil-fidi: “Permezz ta’ din
il-kooperazzjoni dawk kollha li
jemmnu fi Kristu malajr
jitgħallmu kif jistgħu jsiru
jafu aħjar lil xulxin u jistmaw
aktar lil xulxin, u kif iwittu
t-triq għall-għaqda tal-Insara”.
Quddiem id-dinja l-kooperazzjoni
bejn l-Insara qisha xhieda
nisranija flimkien u ssir mezz
ta’ evanġelizzazzjoni li jkun
ta’ ġid għal wieħed u
għall-ieħor.
KAP II
IL-FROTT TAD-DJALOGU
Il-Fraternità misjuba mill-ġdid
41. Dak li għidna hawn fuq dwar
id-djalogu ekumeniku minn mindu
ntemm il-Konċilju Vatikan II
iwassalna biex inroddu ħajr
lill-Ispirtu tal-Verità,
imwiegħed minn Kristu l-Mulej
lill-Appostli u lill-Knisja (ara
Ġw 14:26).
Din
hi l-ewwel darba fl-istorja
li l-ħidma għall-għaqda
tal-Insara kibret daqshekk u
xterdet b’dan il-mod. Dan huwa
don kbir mogħti minn Alla li
jistħoqqlu li jitfakkar b’radd
ta’ ħajr liema bħala.
Mill-milja ta’ Kristu aħna lkoll
ħadna, “grazzja fuq grazzja” (Ġw
1:16). L-għarfien ta’ kull ma
ġa tana Alla hi l-kundizzjoni
meħtieġa biex tħejjina ħa
nirċievu d-doni li għad neħtieġu
biex tasal għat-tmiem tagħha
l-ħidma ekumenika għall-għaqda
tal-Insara.
Ħarsa lejn dak li sar f’dawn
l-aħħar tletin sena twassalna
biex nifhmu aħjar il-ħafna frott
li nkiseb minn din
il-konverżjoni tagħna lkoll lejn
l-Evanġelju li l-Ispirtu ta’
Alla ġieb permezz tal-moviment
ekumeniku.
42. Ġara li — biex insemmi
eżempju — skont l-istess spirtu
tad-Diskors tal-Muntanja,
l-Insara ta’ xi waħda
mill-konfessjonijiet m’għadhomx
aktar iqisu l-Insara l-oħra
bħala għedewwa u barranin, imma
jaraw fihom ħuthom. Fl-aħħar
mill-aħħar illum it-tendenza hi
li l-istess kliem l-aħwa
mifrudin jiġu mibdula ma’
kliem aktar adatt biex ifisser
kemm hi kbira l-għaqda — marbuta
mal-karattru tal-magħmudija — li
lilha l-Ispirtu s-Santu qiegħed
jagħti l-ħajja, minkejja li
mhumiex neqsin firdiet storiċi u
kanoniċi. Illum id-diskors qed
ikun dwar “l-Insara l-oħra”,
“l-Imgħammdin l-oħra”, “l-Insara
tal-Komunitajiet l-oħra”; waqt
li d-Direttorju dwar
Prinċipji u Normi fl-Ekumeniżmu
jsejjaħ il-Komunitajiet li
tagħhom dawn l-Insara huma
membri Knejjes u Komunitajiet
Ekkleżjali li “mhumiex f’xirka
sħiħa mal-Knisja Kattolika”.
Dan il-mod aktar wiesgħa ta’
diskors juri bidla kbira ta’
mentalità. L-għarfien
mill-Insara kollha li lkoll huma
ta’ Kristu qed isir dejjem aktar
sħiħ. Dan rajtu jiena stess
personalment
fiċ-ċelebrazzjonijiet ekumeniċi,
li huma wieħed mill-ġrajjiet
importanti tal-Vjaġġi
Appostoliċi tiegħi f’naħat
diversi tad-dinja, jew f’laqgħat
u ċelebrazzjonijiet ekumeniċi
f’Ruma. Il-“fraternità
universali tal-Insara” saret
konvinzjoni ekumenika tassew
soda. Issa li ntessew
l-iskomuniki tal-imgħoddi,
il-Komunitajiet li dari kienu
għedewwa ta’ xulxin, illum qed
jgħinu lil xulxin; xi kultant
jisilfu ’l xulxin il-postijiet
tal-kult; qed jiġu offerti boroż
ta’ studju għall-formazzjoni
tal-ministri tal-Komunitajiet
neqsin mill-mezzi; jed jiġu
avviċinati l-awtoritajiet ċivili
biex Insara oħra mixlija
nġustament ikunu mħarsin; qed
jintwerew kemm huma fiergħa
l-kalunnji li tagħhom xi gruppi
jsibu ruħhom vittmi.
F’kelma waħda, l-Insara
kkovertew għall-imħabba li
tħaddan id-dixxipli kollha ta’
Kristu. Jekk jiġri li, minħabba
rvellijiet politiċi imseħbin
mal-vjolenza, tidher ċerta
aggressività jew spirtu ta’
vendetta, l-awtoritajiet
għandhom ifittxu li toħroġ
rebbieħa l-“Liġi Ġdida”
tal-ispirtu tal-imħabba. Dan
l-ispirtu, jiddispjaċini ngħid,
ma rnexxilux ibiddel il-qagħdiet
kollha ta’ ġlied brutali.
F’dawn iċ-ċirkostanzi d-dmir
ekumeniku spiss jistenna minn
dawk li qed jaqduh għażliet li
jitolbu qawwa ta’ eroiżmu.
Hawnhekk jeħtieġ intenni li
l-ispirtu ta’ fraternità mhux
frott ta’ xi filantropija
liberali jew ta’ xi spirtu mhux
ċar ta’ familja.
Għall-kuntrarju rrid ngħid li
l-għarfien ta’ din il-fraternità
hu frott tal-għarfien ta’
Magħmudija waħda u għalhekk hemm
il-ħtieġa li jissebbaħ il-Mulej
fl-għemejjel tiegħu.
Id-Direttorju dwar Prinċipji u
Normi fl-Ekumeniżmu juri
x-xewqa li jkun hemm għarfien
pubbliku tal-Magħmudija ta’
xulxin minn kulħadd;
dan imur ’l hemm minn kull
għemil ta’ kortesija ekumenika,
u hu dikjarazzjoni
ekklesjoloġika fundamentali.
Tajjeb li wieħed jiftakar li
l-karattru fundamentali
tal-Magħmudija għall-bini
tal-Knisja ħareġ ċar ukoll
mid-djalogu bejniethom ta’ ħafna
mill-partijiet impenjati.
Solidarjetà għall-qadi tal-ġens
kollu tal-bnedmin
43. Dejjem aktar ta’ spiss qed
jiġri li dawk li qed imexxu
l-Komunitajiet Insara jieħdu
qagħda waħda flimkien, f’isem
Kristu, quddiem problemi serji
li għandhom x’jaqsmu
mal-vokazzjoni tal-bniedem:
il-libertà, il-ġustizzja,
il-paċi, il-ġejjieni tad-dinja.
Huma u jagħmlu dan, huma jkunu
“qed jingħaqdu” flimkien
għall-qadi ta’ wieħed
mid-dmirijiet Insara: jiġifieri
dak li jfakkru lis-soċjetà b’mod
realistiku r-rieda ta’ Alla,
huma u jħeġġu lill-awtoritajiet
u liċ-ċittadini biex ma jaqbdux
it-triq tan-niżla li twassal
għat-tkasbir tad-drittijiet
tal-bniedem. Jidher — u dan
tikkonfermah l-esperjenza — li
f’xi ċirkostanzi leħen l-Insara
kollha flimkien għandu qawwa
akbar minn leħen wieħed.
Iżda mhux il-mexxejja biss
tal-Komunitajiet qed jingħaqdu
f’dan l-impenn għall-għaqda.
Ħafna Insara mill-Komunitajiet
kollha, minħabba l-fidi tagħhom,
qed jissieħbu flimkien
f’proġetti qalbiena ħa tinbidel
id-dinja, biex jirbaħ ir-rispett
għad-drittijiet u
għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd u
speċjalment għal dawk tal-foqra,
tal-imċaħħdin u ta’ dawk li ma
għandhom lil ħadd li jidħol
għalihom. Fl-Enċiklika
Sollicitudo Rei Socialis
bil-ferħ faħħart din
il-kollaborazzjoni, u wrejt li
l-Knisja Kattolika
ma
setghetx tibqa’ lura
minnha.
L-Insara, li dari kienu jaħdmu
kull wieħed għal rasu, illum
huma mpenjati flimkien fil-qadi
ta’ din il-kawża biex tissebbaħ
il-ħniena ta’ Alla.
Il-mod tal-ħsieb u tal-għemil hu
ġa dak tal-Evanġelju.
Għalhekk, jiena u nwettaq
dak li ktibt fl-ewwel Enċiklika
tiegħi Redemptor Hominis,
kelli l-okkażjoni li “ninsisti
fuq din il-ħaġa u ninkoraġġixxi
kull sforz li sar f’din
id-direzzjoni, fil-livelli
kollha fejn niltaqgħu ma’ ħutna
l-Insara l-oħra
u raddejt ħajr lil Alla għal dak
li għamel fil-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali
l-oħra, u għal dak li għamel
permezz tagħhom”, kif għamel
ukoll permezz tal-Knisja
Kattolika.
Illum bil-ferħ kollu qed naraw
kemm in-nisġa tal-kooperazzjoni
ekumenika dejjem aktar qed
tinxtered. Permezz tal-“World
Council of Churches” ukoll qed
issir ħidma kbira f’dan
il-qasam.
Qed nersqu lujn xulxin permezz
tal-Kelma ta’ Alla u tal-Kult
divin
44. Il-progress li sar
fil-kooperazzjoni ekumenika
b’mod liema bħalu jidher ukoll
f’qasam ieħor, dak tal-Kelma ta’
Alla. Ħsiebu l-ewwel imur lejn
il-fatt, hekk importanti
għall-gruppi ta’ ilsna
differenti, tat-traduzzjonijiet
ekumeniċi tal-Iskrittura. Wara
li l-Konċilju Vatikan II ħareġ
il-Kostituzzjoni Dei Verbum,
il-Knisja ma setgħetx ma tilqax
bil-ferħ dan il-fatt.
Dawn
it-traduzzjonijiet, magħmulin
minn esperti, joffru
pedament żgur
għall-predikazzjoni u
għall-ħidma pastorali
tad-dixxipli kollha ta’ Kristu.
Min jiftakar x’influwenza
kellhom fuq il-firda,
speċjalment fil-punent,
id-diskussjonijiet dwar
l-Iskrittura, jifhem xi progress
sar permezz ta’ dawn
it-traduzzjonijiet flimkien.
45. Għat-tiġdid liturġiku li
seħħ fil-Knisja Kattolika
wieġbet l-iniżjattiva ta’ xi
Komunitajiet Ekkleżjali oħra
biex iġeddu l-kult tagħhom. Xi
wħud minnhom, fuq bażi ta’ xewqa
espressa fuq livell ekumeniku,
warrbu d-drawwa tagħhom li
jiċċelebraw l-Ikla tal-Mulej
darba fit-tant biss, u għażlu li
jiċċelebrawha kull nhar ta’
Ħadd. Imbagħad, jekk inqabblu
flimkien iċ-ċikli tal-qari
liturġiku ta’ ħafna Komunitajiet
Insara tal-Punent, insibu li
jaqblu flimkien f’dak li hu
essenżjali. F’livell ekumeniku
wkoll,
ingħatat importanza għal kollox
speċjali lil-liturġija,
lill-ikoni, lill-paramenti,
lid-dwal, lill-inċenz, lil
ġesti. Barra dan, fl-istituti
teoloġiċi fejn jiġu ppreparati
l-ministri ta’ għada, l-istudju
tal-istorja u tat-tifsir
tal-liturġija sar parti
mill-programm tal-istudji bħala
ħtieġa li qed tinħass mill-ġdid.
Dan hu sinjal ta’ qbil dwar
ħafna aspetti tal-ħajja
sagramentali. Veru li, minħabba
nuqqas ta’ ftehim dwar il-fidi,
għad ma tistax tiġi ċċelebrata
l-istess Liturġija Ewkaristika,
iżda hemm ħerqa kbira li
niċċelebraw flimkien
l-Ewkaristija waħda tal-Mulej, u
din il-ħerqa hi ġa tifħir
flimkien, hi talba. Flimkien
qed induru lejn il-Missier u dan
dejjem aktar qed nagħmlu “qalb
waħda”. Xi kultant jidher li
aħna aktar qrib għall-mument li
fih nistgħu nwettqu din l-għaqda
“vera għalkemm mhux sħiħa”. Min
qatt kien jaħseb li se sseħħ
ħaġa bħal din mitt sena ilu?
46. Meta din hija l-qagħda,
tajjeb infakkru li l-ministri
Kattoliċi f’każijiet
partikulari, ċerti u definiti,
jistgħu jamministraw
is-Sagramenti tal-Ewkaristija,
tal-Penitenza, tad-Dlik
tal-Morda lill-Insara oħra, li
mhumiex f’għaqda sħiħa
mal-Knisja Kattolika, iżda
għandhom ħerqa kbira li jirċievu
dawn is-sagramenti, qed
jitolbuhom minn rajhom u juru li
għandhom il-fidi li l-Knisja
Kattolika tistqarr dwar dawn
is-sagramenti. Min-naħa l-oħra,
x’ċerti każijiet partikulari,
l-Kattoliċi ukoll jistgħu
jitolbu dawn is-sagramenti
mingħand ministru ta’ dawk
il-Knejjes li fihom dawn
is-sagramenti huma validi. Ġew
stabbiliti n-normi dwar dan
kollu, u dawn in-normi jeħtieġ
li jkunu mħarsin f’ġieħ
il-progress ekumeniku.
Stima tal-ġid li jinsab fost
l-Insara l-oħra
47. Id-djalogu mhuwiex biss
dwar duttrina,
imma jimpenja l-persuna kollha,
għax hu djalogu ta’ mħabba.
Il-Konċilju Vatikan II jgħid:
“Jeħtieġ li l-Kattoliċi bil-ferħ
jagħrfu u japprezzaw
il-ġid tassew Nisrani, li jinsab
fost ħutna mifrudin, li hu frott
wirt komuni. Hi ħaġa xierqa u
sewwa tagħraf l-għana ta’ Kristu
u l-għemejjel ta’ virtù
fil-ħajja tal-Insara l-oħra li
qed jagħtu xhieda ta’ Kristu xi
kultant bit-tixrid ta’ demmhom.
Alla hu dejjem tal-għaġeb u
jgħaġġeb fl-għemejjel tiegħu”.
48. Ir-relazzjonijiet li
l-membri tal-Knisja Kattolika
waqfu mal-Insara l-oħra
mill-Konċilju ’l hawn, urew dak
li Alla jagħmel f’dawk li huma
membri tal-Knejjes u
tal-Komunitajiet Ekkleżjali
l-oħra. Dawn il-kuntatti
mill-qrib, f’ħafna livelli, bejn
ragħajja u membri tal-Komunitajiet,
wasluna biex nagħrfu x-xhieda li
l-Insara l-oħra jagħtu għal Alla
u għal Kristu. Hekk infetaħ
qasam tassew wiesgħa
għall-esperjenza ekumenika
kollha, li fl-istess waqt hu
sfida għal żmienna. Mhux forsi
s-seklu għoxrin żmien ta’ xhieda
kbira, “sat-tixrid tad-demm”? U
dan ma jgħoddx ukoll
għall-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali l-oħra, li jieħdu
isimhom minn Kristu msallab u
mqajjem mill-imwiet?
Din ix-xhieda komuni ta’
qdusija, bħala xhieda ta’
fedeltà lejn Mulej wieħed, hi
qawwa ekumenika, għanja
bil-grazzja b’mod tassew
tal-għaġeb. Il-Konċilju Vatikan
II tenna li l-ġid li hemm fost
l-Insara l-oħra, jista’ jkun ta’
edifkazzjoni għall-Kattoliċi:
“Lanqas għandna ninsew li kull
ma jsir mill-aħwa mifrdua
bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu
jista’ jgħin ukoll
għall-edifikazzjoni tagħna.
Kull ma hu tassew Nisrani,
mhuwiex kuntrarju għall-ġid veru
tal-fidi, iżda dejjem jista’
jwassal biex jintlaħaq b’mod
aktar perfett il-misteru ta’
Kristu u tal-Knisja.
Id-djalogu ekumeniku, bħal veru
djalogu ta’ salvazzjoni, mhux se
jonqos li jġib il-quddiem dan
il-proċess, li ġa mexa sewwa,
biex inkompli miexi lejn
l-għaqda sħiħa.
It-tkabbir tal-għaqda
49. Frott mill-aqwa
tar-relazzjonijiet bejn l-Insara
u tad-djalogu li qed ikollhom
bejniethom hu t-tkabbir
tal-għaqda. Dawn
ir-relazzjonijiet u dan
id-djalogu
wasslu lill-Insara biex
jagħrfu l-elementi tal-fidi li
għandhom flimkien bejniethom.
Dan wassal biex isaħħaħ dejjem
aktar l-impenn tagħhom
għall-għaqda sħiħa.
F’dan kollu, il-Konċilju Vatikan
II jibqa’ ċentru qawwi ta’
inċentivi u orjentament.
Il-Kostituzzjoni Dommatika
Lumen Gentium tgħaqqad
id-duttrina dwar il-Knisja
mal-għarfien tal-elementi ta’
salvazzjoni li jinsabu
fil-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali l-oħra.
Mhux qed nitkellem dwar għarfien
ta’ elementi statiċi li huma
preżenti passivament f’dawn
il-Knejjes u f’dawn
il-Komunitajiet. Għax dawn huma
ġid tal-Knisja ta’ Kristu, u
min-natura tagħhom stess
jimbuttaw biex l-għaqda sseħħ.
Minn dan jiġi, li t-tfittix
tal-għaqda tal-Insara mhuwiex xi
għemil fakultattiv jew opportun,
imma hu esigenża li toħroġ
min-natura stess tal-komunità
Nisranija.
Hekk ukoll, id-djalogi teoloġiċi
bilaterali mal-Komunitajiet
Insara kbar jibdew mill-għarfien
tal-grad ta’ għaqda li ġa hemm,
biex imbagħad ftit ftit
jisħarrġu u jiġu studjati dawk
l-elementi li ma hemmx qbil
fuqhom, ma’ kull waħda
mill-Komunitajiet. Lill-Insara
ta’ żminijietna l-Mulej taħom li
jkunu jistgħu jnaqsu l-għadd ta’
elementi tal-fidi li dwarhom ma
kienx hemm qbil.
Id-djalogu mal-Knejjes tal-Lvant
50. Dwar dan, qabel xejn irridu
nammettu, b’radd ta’ ħajr
partikulari lil Providenza ta’
Alla, li r-rabtiet
mal-Knejjes tal-Lvant,
imdgħajfin tul mijiet ta’ snin,
reġgħu ssaħħu permezz
tal-Konċilju Vatikan II.
L-osservaturi ta’ dawn
il-Knejjes li ħadu sehem
fil-Konċilju, flimkien
mal-legati tal-Knejjes u
tal-Komunitajiet Ekkleżjali
tal-Punent, urew pubblikament,
f’mument hekk solenni tal-Knisja
Kattolika r-rieda komuni
għat-tfittix tal-għaqda.
Il-Konċilju, min-naħa tiegħu,
ħares lejn il-Knejjes tal-Lvant
oġġettivament u b’tjieba liema
bħalha, u wera ċar il-karattru
ekkleżjali tagħhom u r-rabtiet
veri ta’ għaqda li jorbtuhom
mal-Knisja Kattolika.
Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu
jgħid: “Biċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull
waħda minn dawn il-Knejjes,
il-Knisja ta’ Alla tinbena u
tikber”, u jżid jgħid li
għalhekk dawn il-Knejjes
għalkemm mifrudin għandhom “veri
sagramenti, u speċjalment,
bil-qawwa tas-suċċessjoni
appostolika, dawk tas-saċerdożju
u tal-Ewkaristija, u permezz
tagħhom huma marbutin magħna
b’rabta liema bħalha”.
Tal-Knejjes tal-Lvant huma
magħrufin it-tradizzjoni
liturġika u spiritwali kbira li
għandhom, il-karattru speċifiku
tal-iżvilupp storiku tagħhom,
id-dixxiplina li huma ħarsu sa
mill-bidu u li ġiet imwettqa
minn Missirijiet Qaddisa u minn
Sinodi, u minn Konċilji
Ekumeniċi wkoll, u l-mod propju
tagħhom kif jgħallmu
d-duttrina. Dan kollu qed
jingħad b’konviżjoni li
d-differenzi li għandhom ma
jmorrux kontra l-għaqda
tal-Knisja, anżi jżidulha l-ġieħ
u jgħinu mhux ftit ha sseħħ
il-missjoni tagħha. Il-Konċilju
Vatikan II ried jibni d-djalogu
fuq l-għaqda li ġa hemm, u
jfakkar propju l-għana li hemm
fil-Knejjes tal-Lvant.
“Il-Konċilju Mqaddes għalhekk
iħeġġeġ lil kulħadd, u
speċjalment lil dawk li qed
jaħdmu bil-ħsieb li seħħ
l-għaqda sħiħa tant mixtieqa
bejn il-Knejjes tal-Lvant u
l-Knisja Kattolika, biex iqisu
sewwa din il-qagħda speċjali
tal-bidu tal-kobor tal-Knejjes
tal-Lvant, u s-sura
tar-relazzjonijiet li kien hemm
bejnhom u bejn is-Sedi ta’ Ruma
qabel il-firda, u jiffurmaw
ġudizzju dwar dan kollu.”
51. Din il-fehma tal-Konċilju
kienet ta’ siwi kemm
għar-relazzjonijiet fraterni li
ġew il-quddiem permezz ta’
djalogu ta’ mħabba, u permezz
tad-diskussjonijiet dottrinali
li seħħu fi ħdan il-Kummissjoni
Internazzjonali Mista biex iġġib
il-quddiem id-djalogu bejn
il-Knisja Kattolika u
l-Knisja Ortodossa kollha kemm
hi. Din il-fehma tat kotra
ta’ frott ukoll
fir-relazzjonijiet mal-Knejjes
Antiki tal-Lvant.
Kien proċess tqil li mexa
bil-mod, iżda kien għajn ta’
ferħ liema bħalu u qanqal
il-qlub għax biż-żmien wassal
għall-għarfien ftit ftit li aħna
lkoll aħwa.
Kuntatti mill-ġdid
52. Għal dak li għandu x’jaqsam
mal-Knisja ta’ Ruma u
mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’
Kostantinopli, il-proċess li
għadni kemm semmejt, beda
bil-ftuħ għal xulxin mill-Papiet
Ġwanni XXIII u Pawlu VI
min-naħa, u l-Patrijarka
Athenagoras u s-suċċessuri
tiegħu min-naħa l-oħra.
Il-bidla li seħħet ġiet imfissra
storikament permezz ta’ att
ekkleżjali li bih “tneħħiet
it-tifkira minn ħdan dawn
il-Knejjes”
tal-iskomunika li disa’ mitt
sena ilu, is-sena 1054, saret
simbolu tax-xiżma bejn is-Sede
ta’ Ruma u dik ta’
Kostantinopli. Din il-ġrajja
ekkleżjali hekk mimlija b’impenn
ekumeniku, seħħet fl-aħħar jiem
tal-Konċilju, nhar is-7 ta’
Diċembru 1965.
U hekk il-Konċilju ntemm b’att
solenni li fl-istess waqt kien
tisfija ta’ tifkira storika u
maħfra għal xulxin u mpenn sħiħ
għat-tfittix tal-għaqda.
Il-Laqgħa tal-Papa Pawlu VI
mal-Patrijarka Athenagoras I
f’Ġerusalemm fix-xahar ta’
Jannar 1964 kienet seħħet ftit
qabel, tul il-pellegrinaġġ
tal-Papa fl-Art Imqaddsa. F’dik
l-okkażjoni l-Papa seta’
jiltaqa’ wkoll ma’ Beneditt,
il-Patrijarka Ortodoss ta’
Ġerusalemm. Imbagħad il-Papa
Pawlu VI fil-15 ta’ Lulju 1967
għamel żjara lill-Patrijarka
Athenagoras fil-Phanar, is-Sede
tiegħu fil-belt ta’
Kostantinopli; fix-xahar ta’
Ottubru tal-istess sena
il-Patrijarka ġie milqugħ
mill-istess Papa b’solennità
kbira. Dawn il-laqgħat fit-talb
urew liema hi t-triq
għar-rikonċiljazzjoni bejn
il-Knisja tal-Lvant u l-Knisja
tal-Punent u biex jerġa’ jkun
hemm dik l-għaqda li kienet
teżisti bejnhom tul l-ewwel elf
sena.
Wara l-mewt ta’ Pawlu VI u
l-pontifikat qasir ta’ Ġwann
Pawlu I, meta ġie fdat lili
l-ministeru ta’ Isqof ta’ Ruma,
deherli li l-ewwel dmir tiegħi
fil-qadi pontifiċju tiegħi kien
li nġedded il-kuntatti personali
tiegħi mal-Patrijarka Ekumeniku
Dimitrios I, li kien issa laħaq
flok il-Patrijarka Athenagoras
fis-Sede ta’ Kostantinopli.
Meta mort inżuru fil-Phanar
fid-29 ta’ Novembru 1979,
flimkien ftehemna li nibdew
djalogu teoloġiku bejn il-Knisja
Kattolika u l-Knejjes Ortodossi
kollha, li huma f’għaqda
kanonika mad-Sede ta’
Kostantinopli. Dwar dan, tajjeb
milli jidher, li nżid ngħid li
dak iż-żmien kienu ġa bdew
it-tħejjijiet għall-Konċilju
tal-Knejjes Ortodossi
fil-ġejjieni. Il-ħidma biex
ikun hemm armonija bejniethom
ikun żgur ta’ għajnuna
għall-ħajja u għas-saħħa ta’
dawk il-Knejjes ħutna u dan
ukoll jekk tqies il-ħidma li
jridu jagħmlu fil-mixi lejn
l-għaqda. Il-Patrijarka
Ekumeniku ried ipatti ż-żjara li
għamiltlu u fix-xahar ta’
Diċembru 1987 ferħan ilqajtu
f’Ruma b’imħabba sinċiera u
bis-solennità kollha li kienet
tixraqlu. F’din il-qagħda ta’
fraternità ekkleżjali ta’ min
ifakkar id-drawwa li issa ilha
ħafna snin li f’Ruma għall-Festa
tal-Appostli San Pietru u San
Pawl tiġi delegazzjoni
tal-Patrijarka Ekumeniku, u
tintbagħat fil-Phanar
delegrazzjoni tas-Santa Sede
għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’
San Andrija.
53. Dawn il-kuntatti regolari
jgħinu,
fost affarijiet oħra, fil-bdil
dirett ta’ tagħrif u ta’
opinjonijiet biex jiġi l-quddiem
ftehim fil-ħidma flimkien bħal
aħwa. Fl-aħħar mill-aħħar
it-talb tagħna flimkien għal
xulxin darriena ngħixu qrib
xulxin u qed jimbuttana nilqgħu
flimkien ir-rieda tal-Mulej dwar
il-Knisja tiegħu u naraw li
sseħħ bil-fatti. Fit-triq li
mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn
għaddejna minnha hemm almenu
żewġ ġrajjiet li għandhom ikunu
mfakkra sewwa, żewġ ġrajjiet li
jfissru ħafna u għandhom
importanza kbira
fir-relazzjonijiet bejn il-Lvant
u l-Punent: l-ewwelnett hemm
il-Ġublew imniedi fl-1984
b’tifkira tal-ħdax il-mitt sena
tal-ħidma evanġelizzatriċi ta’
San Ċirillu u San Metodju; dan
wassalni biex niddikjara bħala
kompatruni tal-Ewropa lil dawk
iż-żewġ Qaddisin Appostli
tal-Islavi u ħabbara tal-fidi.
Qabel dan, Pawl VI, fis-sena
1964 waqt il-Konċilju,
ipproklama lil San Benedittu
l-Patrun tal-Ewropa. Meta
ssieħeb iż-żewġ Aħwa ta’
Salonika mal-aqwa fundatur
tal-monakiżmu fil-Punent
indirettament tkun qed turi
l-importanza ta’ dik
it-tradizzjoni ekkleżjali u
kulturali tal-Lvant u tal-Punent
li għad għandha tifsir kbir
għall-elfejn sena ta’
Kristjaneżmu, li kkaratterizzaw
l-istorja kollha tal-kontinent
tal-Ewropa. Għalhekk mhijiex
ħaġa barra minn postha tfakkar
li San Ċirillu u San Metodju
kienu ġejjin minn ħdan il-Knisja
Biżantina ta’ dak iż-żmien, meta
dik il-Knisja kienet f’għaqda
mal-Knisja ta’ Ruma. Meta
ddikjarajthom Patruni tal-Ewropa
flimkien ma’ San Benedittu mhux
biss xtaqt inwettaq il-verità
tal-istorja tar-Reliġjon
Nisranija fil-kontinent
tal-Ewropa, imma noffri wkoll
argument mill-aqwa għad-djalogu
bejn il-Lvant u l-Punent, li
qanqal tant tamiet wara
l-Konċilju. L-Ewropa, kif issib
l-għeruq spiritwali tagħha f’San
Benedittu, issibhom ukoll f’San
Ċirillu u f’San Metodju. Qrib
it-tmiem tat-tieni elf sena wara
t-twelid ta’ Kristu, dawn
il-Qaddisin għandhom jiġu
miqjuma flimkien sew
bħala Patruni ta’ żminijietna u
sew bħala Qaddisin li lilhom
il-Knejjes u n-Nazzjonijiet
tal-Ewropa jridu jafdawlhom
il-ġejjieni tagħhom.
54. Il-ġrajja l-oħra li jidhili
li għandi nfakkar hi
ċ-ċelebrazzjoni tal-Elf Sena
tal-Magħmudija tan-Nazzjoni
tar-Rus’ (988-1988). Il-Knisja
Kattolika, u b’mod speċjali
s-Sede Apostolika, riedu jieħdu
sehem f’dawn
iċ-ċelebrazzjonijiet Ġubilari u
riedu juru li l-Magħmudija li
ngħatat bil-belt ta’ Kiev lil
Vladimir kienet waħda
mill-ġrajjiet ewlenin
tal-evanġelizzazzjoni
tad-dinja. Jafu l-fidi tagħhom
lil din il-ġrajja mhux biss
in-nazzjonijiet Slavi kbar
tal-Lvant tal-Ewropa, imma wkoll
dawk il-ġnus li jgħammru ’l hemm
mill-muntanji Urali sal-Alaska.
Fid-dawl ta’ dan kollu,
l-espressjoni li jien imdorri
nuża spiss tikseb it-tifsir sħiħ
tagħha. Il-Knisja trid tieħu
n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha.
Fl-ewwel elf sena
tal-Kristjaneżmu l-espressjoni
tfisser l-aktar ir-relazzjoni
bejn
Bisanżju u Ruma; wara
l-Magħmudija tan-Nazzjoni
tar-Rus’ it-tifsir tagħha
twessa’ aktar;
l-evanġelizzazzjoni xterdet tant
li l-espressjoni ħaddnet
il-Knisja kollha. Jekk inqisu
mbagħad li l-missjoni
tas-salvazzjoni qrib ix-xmara
Dnieper, bdiet fi żmien meta
l-Knisja tal-Lvant u l-Knisja
tal-Punent ma kinux mifrudin
minn xulxin, joħroġ ċar li
l-għaqda sħiħa rridu nfittxuha
f’għaqda fejn huma mħarsin
diversitajiet leġittimi. Dan
tennejtu bil-qawwa kollha
fl-Enċiklika Slavorum
Apostoli
f’ġieħ San Ċirillu u San
Metodju u wkoll fl-Ittra
Appostolika Magnum Baptismi
Donum
li bgħatt lill-Insara kollha
tal-Knisja Kattolika biex
infakkar l-Elf Sena
tal-Magħmudija tar-Rus’ ta’
Kiev.
Knejjes Aħwa
55. Id-digriet tal-Konċilju
Unitatis Redintegratio,
fil-ħarsa tiegħu lejn l-istorja,
kellu quddiemu l-għaqda li,
minkejja l-ħafna
kuntrarjitajiet, kienet teżisti
fl-ewwel elf sena: dan b’xi mod
jista’ jservi ta’ eżempju: “Bi
pjaċir il-Konċilju... irid
ifakkar lil kulħadd li fil-Lvant
kienu qed jikbru u jissaħħu
ħafna Knejjes partikulari jew
lokali, u fost dan kellhom
l-ewwel post il-Knejjes
Patrijarkali, li ħafna minnhom
kellhom il-ġieħ li ġew imwaqqfa
mill-Appostli”.
Il-mixi tal-Knisja beda nhar
Għid il-Ħamsin fil-belt ta’
Ġerusalemm u l-iżvilupp
oriġinali tagħha fl-oikoumene
ta’ dak iż-żmien kien madwar San
Pietru u l-Ħdax (ara Atti 2:
14). Meta l-istrutturi
tal-Knisja kienu qed jitfasslu
skont dan il-partrimonju
Appostoliku. L-għaqda
tal-Knisja, tul l-ewwel elf
sena, kienet imħarsa f’dawn
l-istess strutturi
mill-Isqfijiet, is-Suċċessuri
tal-Appostli, f’għaqda mal-Isqof
ta’ Ruma. Jekk illum, qrib
it-tmiem tat-tieni elf sena,
irridu nfittxu l-għaqda sħiħa,
irridu nħarsu lejn l-istruttura
ta’ din l-għaqda.
Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu
jqiegħed fid-dawl aspett
karatteristiku ieħor, aspett li
bil-qawwa tiegħu l-Knejjes
partikulari kienu jżommu
l-għaqda bejniethom, jiġifieri
“il-ħerqa u l-ħsieb li jżommu
relazzjonijiet ta’ aħwa
bejniethom fil-fidi u
fl-imħabba, relazzjonijiet li
bħal aħwa għandu jkun hemm bejn
il-Knejjes lokali”.
56. Wara l-Konċilju Vatikan II
seħħet sura ta’ rabta ma’ din
it-tradizzjoni, billi reġgħet
daħlet id-drawwa li nsejħu
“Knejjes Aħwa” il-Knejjes
partikulari jew lokali miġburin
madwar l-Isqof tagħhom.
It-tneħħija tal-iskomunika ta’
xulxin, li biha twarrab tfixkil
kanoniku u psikoloġiku, kien
pass il-quddiem ifisser ħafna
lejn għaqda sħiħa.
L-istrutturi tal-għaqda li kien
hemm qabel il-firda huma
patrimonju ta’ esperjenza li
jurina t-triq li minnha għandna
ngħaddu ħa tinkiseb għaqda
sħiħa. Kif kien jixraq, tul dan
it-tieni elf sena l-Mulej ma
waqafx ixerred fil-Knisja tiegħu
kotra frott ta’ grazzja u ta’
kobor. Iżda disgrazzjatament
it-tbegħid minn xulxin
tal-Knejjes tal-Lvant u
tal-Punent, tbegħid li kien
dejjem aktar jikber, ċaħħadhom
mill-għana ta’ dawn id-doni għal
xulxin. “Jeħtieġ isir sforz
kbir bil-grazzja ta’ Alla biex
terġa’ sseħħ l-għaqda
bejniethom, għajn ta’ tant ġid
għall-Knisja ta’ Kristu. Dan
l-isforz jitlob minna rieda
sħiħa bla ebda tnikkir ta’ xejn,
talb umli u kooperazzjoni dejjem
sejra li xejn ma hu se jżommha.
San Pawl iħeġġiġna għal dan:
“Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin”
(Gal 6:2). Kemm tgħodd għalina
u kemm hi adatta l-eżortazzjoni
tal-Appostlu! Is-sejħa
tradizzjonali ta’ “Knejjes Aħwa”
għandha dejjem tissieħeb magħna
f’dan il-mixi tagħna.
57. Kif xtaq Pawlu VI l-għan
dikjarat tagħna hu li flimkien
insibu l-għaqda sħiħa waqt li
jibqgħu mħarsin id-diversitajiet
leġittimi tagħna. Alla tana
s-setgħa li nilqgħu fil-fidi din
ix-xhieda tal-Appostli.
Bil-Magħmudija aħna ħaġa
waħda fi Kristu (ara Gal
3:28). Bis-saħħa
tas-suċċessjoni appostolika
s-saċerdożju u l-Ewkaristija
jsieħbuna flimkien b’mod l-aktar
intimu; bit-tisħib tagħna
fid-doni li Alla jagħti
lill-Knisja tiegħu, aħna
f’għaqda mal-Missier, bl-Iben,
fl-Ispirtu s-Santu. F’kull
Knisja lokali jseħħh dan
il-misteru tal-imħabba ta’
Alla. Mhux din hi r-raġuni
tal-espressjoni Tradizzjonali
hekk sabiħa li biha l-Knejjes
lokali jħobbu jsejħu lil xulxin
“Knejjes Aħwa”? (ara Digriet
Unitatis Redintegratio, 14).
Għal mijiet ta’ snin għexna
din il-ħajja ta’ Knejjes waqt li
ċċelebrajna flimkien Konċilji
Ekumeniċi li ħarsu d-depositu
tal-fidi minn kull tibdil. U
issa, wara żmien twil li fih ma
konniex qed nifhmu lil xulxin,
il-Mulej tana li mill-ġdid
insibu ruħna qisna Knejjes aħwa
minkejja d-diffikultajiet li
fl-imgħoddi inqalgħu bejnietna”.
Jekk illum, qrib il-bidu
tat-tielet elf sena, inħabirku
biex isseħħ għaqda sħiħa,
ħsiebna jrid ikun dejjem f’dan
il-għan, u għal dan il-għan
irridu nagħmlu kollox.
Ir-rabta ma’ din it-tradizzjoni
hekk ta’ ġieħ hi ta’ frott kbir
għall-Knisja. Il-Konċilju jgħid
li “l-Knejjes tal-Lvant sa
mill-bidu kellhom teżor li minnu
l-Knisja tal-Punent ħadet ħafna
fl-oqsma tal-liturġija,
tat-tradizzjoni spiritwali u
tal-ordni ġuridiku”.
Ta’ dan it-“teżor” huwa wkoll
“l-għana ta’ dawk
it-tradizzjonijiet spiritwali li
l-aktar intwerew
fil-monakiżmu”. Dan għaliex
fil-Lvant “sa minn iż-żminijiet
glorjużi tal-Missirijiet Qaddisa
dehret dik l-ispirtwalità
monastika li xterdet imbagħad
fil-Punent”.
Kif ġa wrejt fl-Ittra
Appostolika ta’ dan l-aħħar,
Orientale Lumen,
il-Knejjes tal-Lvant għexu
b’ġenerożità kbira l-impenn li
jiġi mill-ħajja ċenobitika,
“mill-evanġelizzazzjoni li hi
l-ogħla qadi li n-nisrani jista’
jagħti lil ħutu, sa l-ħafna
suriet oħra ta’ qadi spiritwali
u materjali. Anżi nistgħu
ngħidu li l-monakiżmu
fl-imgħoddi — u kemm-il darba
fiż-żminijiet ta’ wara — kien
strument privileġġjat
għall-evanġelizzazzjoni
tal-ġnus”.
Il-Konċilju mhux biss juri sewwa
dak li jagħmel il-Knejjes
tal-Lvant u tal-Punent jixbħu
lil xulxin, imma, bl-ebda
eżitazzjoni ta’ xejn, b’fedeltà
sħiħa lejn l-istorja jgħid: “Ma
għandniex għax nistagħġbu li xi
drabi xi aspetti tal-misteru
rivelat jistgħu jingħarfu aħjar
u jitqegħdu f’dawl aqwa issa
minn Knisja u issa minn oħra,
hekk li l-ħafna formuli
teoloġiċi ta’ spiss, aktar milli
huma kontra xulxin, nistgħu
ngħidu li jikkompletaw lil
xulxin”.
Il-bdil tad-doni bejn il-Knejjes
permezz ta’ din
il-komplementarjetà jwassal biex
l-għaqda tagħti kotra ta’ frott.
58. Mill-għaqda fil-fidi li ġa
hemm u li ġiet imtennija
mill-Konċilju Vatikan II ħarġu
xi konsegwenzi pastorali li
jiswew ħafna għall-ħajja ta’
kuljum tal-Insara u
għall-promozzjoni tal-Ispirtu
tal-għaqda. Minħabba r-rabtiet
sagramentali tassew qawwija li
hemm bejn il-Knisja Kattolika u
l-Knejjes Ortodossi, id-Digriet
Orientalium Eccelesiarum
jgħid dan: “L-esperjenza
pastorali turi ċar li fil-każ
tal-aħwa Ortodossi jista’ jkun
hemm, u għandhom jitqiesu sewwa,
ċirkostanzi ta’ individwi li
fihom la se jsir xejn li jkun
ta’ ħsara għall-għaqda
tal-Knejjes u lanqas se jkun
hemm xi perikli li jridu jiġu
evitati, imma biss hemm ħtieġa
kbira għas-salvazzjoni u
għall-ġid spiritwali
tal-persuni. Għalhekk il-Knisja
Kattolika, skont iċ-ċikostanzi
taż-żminijiet, spiss uriet u qed
turi mġiba inqas iebsa billi
offriet lill-Insara kollha
l-mezzi tas-salvazzjoni u
x-xhieda tal-imħabba permezz ta’
tisħib fis-sagramenti u
f’funzjonijiet u għemil imqaddes
ieħor”.
Din il-fehma teoloġika u
pastorali sabet postha fiż-żewġ
Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika
wara li tqiset l-esperjenza li
nkisbet fis-snin ta’ wara
l-Konċilju.
L-aspett pastorali ta’ dan ġie
mfisser ċar fid-Direttorju
tal-Prinċipji u n-Normi
għall-Applikazzjoni
tal-Ekumeniżmu.
F’din il-ħaġa hekk importanti li
titlob ukoll għaqal kbir,
l-Isqfijiet huma fid-dmir li
jgħallmu lill-Insara ha jkunu
jafu sewwa r-raġunijiet eżatti
ta’ dan it-tisħib f’dak li
għandu x’jaqsam mal-kult
liturġiku u mal-ħafna
regolamenti li hemm dwaru. Qatt
ma trid titħalla fil-ġenb
id-dimensjoni ekkesjoloġika
tat-tisħib fis-sagramenti,
speċjalment fl-Ewkaristija.
Progress fid-djalogu
59. Wara li fl-1979 twaqqfet
il-Kummissjoni
Internazzjonali Mista
għad-Djalogu Teoloġiku
bejn il-Knisja Kattolika u
l-Knisja Ortodossa kollha kemm
hi; din ħadmet bla heda u
mexxiet l-istħarriġ tagħha lejn
l-oqsma li, bi qbil ma’ kulħadd,
intagħżlu minn qabel bil-ħsieb
li terġa’ sseħħ l-għaqda sħiħa
bejn iż-żewġ Knejjes. Din
l-għaqda mibnija fuq fidi waħda,
miexja fuq il-passi
tal-esperjenza u t-tradizzjoni
tal-Knisja antika, issib
it-tifsir sħiħ tagħha
fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija. Bi spirtu
kollu kemm hu pożittiv,
il-Kummissjoni Mista bbażzat
ruħha fuq kull ħaġa li ġa hemm
qbil bejnietna, u hekk imxiet
fis-sod ħafna l-quddiem u, kif
stajt ngħid flimkien
mal-Venerabbli Hija, il-Qdusija
Tiegħu Dimitrios I, Patrijarka
Ekumeniku, waslet biex tgħid li
“l-Knisja Kattolika u l-Knisja
Ortodossa jistgħu jistqarru
flimkien bħala l-fidi komuni
tagħhom il-fidi fil-misteru
tal-Knisja u fir-rabta tal-fidi
u s-sagramenti”.
Il-Kummissjoni mbagħad għarfet
ukoll u qalet: “fil-Knejjes
tagħna s-suċċessjoni appostolika
hi fundamentali għall-qdusija u
l-għaqda tal-Poplu ta’ Alla”.
Dawn huma fehmiet importanti
ħafna biex id-djalogu jkun
jista’ jkompli miexi ’l
quddiem. U dan mhux kollox:
dawn id-dikjarazzjonijiet
magħmulin flimkien iwasslu biex
il-Kattoliċi u l-Ortodossi, sa
minn issa, fi żmienna, jistgħu
jagħtu xhieda flimkien,
bil-fedeltà kollha, ħalli isem
il-Mulej jitħabbar u jissebbaħ.
60. Dan l-aħħar il-Kummissjoni
Internazzjonali Mista għamlet
pass ’l quddiem ifisser ħafna
fil-kwistjoni tassew diffiċli
ta’ kif u b’liema mod għandna
nfittxu t-triq li twassalna biex
isseħħ l-għaqda sħiħa bejn
il-Knisja Kattolika u l-Knisja
Ortodossa, kwistjoni li spiss
kienet ta’ tiġrib
fir-relazzjonijiet bejn
il-Kattoliċi u l-Ortodossi.
Il-Kummissjoni bniet
il-pedamenti duttrinali li
fuqhom tinsab soluzzjoni
pożittiva għall-kwistjoni li hi
bażata fuq id-duttrina taż-żewġ
Knejjes Aħwa. F’dan ukoll deher
ċar li l-metodu li għandu
jintuża biex ikun hemm għaqda
sħiħa, u d-djalogu skont
il-verità, imwettaq u mogħti
l-ħajja minn djalogu
fl-imħabba. L-għarfien
tad-dritt tal-Knejjes Kattoliċi
tal-Lvant li jorganizzaw u iġibu
’l quddiem l-appostolat tagħhom
u l-impenn ta’ dawn il-Knejjes
fid-djalogu tal-imħabba u
fid-djalogu teoloġiku jgħinu
mhux biss biex ikun hemm veru
rispett bħal aħwa bejn
l-Ortodossi u l-Kattoliċi li
jgħixu fl-istess pajjiż, imma
biex ikun hemm ukoll impenn
komuni għall-għaqda.
Ġa sar xi pass ’l quddiem.
L-impenn irid ikompli. Iżda
minn issa wieħed qed jara spirtu
ta’ sliem u paċi li se jwassal
biex it-tħabrik għall-għaqda
jagħti aktar frott.
Dwar il-Knejjes
tal-Lvant li huma f’għaqda
mal-Knisja Kattolika,
il-Konċilju wera l-istima tiegħu
għalihom b’dan il-kliem:
“Dan il-Konċilju irodd ħajr
lil Alla li ħafna orjentali
ulied il-Knisja Kattolika... ġa
qed jgħixu f’għaqda sħiħa ma’
ħuthom li jħaddnu t-tradizzjoni
tal-Punent u jiddikjara li dan
il-patrimonju kollu spiritwali u
liturġiku, dixxiplinaru u
teoloġiku fit-tradizzjonijiet
diversi tiegħu jappartjeni
lill-kattoliċità u
l-appostoliċità sħiħa
tal-Knisja.
Żgur li l-Knejjes Kattoliċi
tal-Lvant fl-Ispirtu tad-Digriet
tal-Ekumeniżmu, jagħrfu
jissieħbu b’mod pożittiv
fid-djalogu tal-imħabba u
fid-djalogu teoloġiku, sew
f’livell lokali u sew f’livell
internazzjonali u hekk jgħinu
għall-għarfien ta’ xulxin u
għall-ħidma ħerqana favur għaqda
sħiħa.
61. Fid-dawl ta’ dan kollu,
il-Knisja Kattolika ma tridx
ħaġ’oħra ħlief li sseħħ għaqda
sħiħa bejn il-Knisja Kattolika u
l-Knisja tal-Lvant. F’dan trid
timxi fuq l-esperjenza tal-ewwel
elf sena.
F’dak
iż-żmien “l-iżvilupp ta’ tant
esperjenzi ta’ ħajja
ekkleżjali ma kienx ta’ tfixkil
għall-Insara biex ikomplu jħossu
u jkunu żguri li qegħdin
f’darhom, huma f’liema Knisja
qegħdin, għaliex mill-Knejjes
kollha kienet titla’, b’varjetà
tassew tal-għaġeb ta’ ilsna, ta’
melodiji, ta’ tifħir
lill-Missier wieħed, bi Kristu,
fl-Ispirtu s-Santu: ilkoll kienu
ġemgħa waħda għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Ewkaristija, qalb u xbieha
għall-ġemgħa kollha,
mhux biss minħabba l-ispiritwalità
u l-ħajja morali, imma wkoll
minħabba l-istess struttura
tal-Knisja fil-varjetà
tal-ministeri u tal-qadi tagħha
taħt il-presidenza tal-Isqof,
is-suċċessur tal-Appostli.
L-ewwel Konċilji huma
xhieda qawwija ta’ din l-għaqda
li baqgħet isseħħ fost ħafna
diversitajiet”.
B’liema mod tista’ terġa’ sseħħ
din l-għaqda wara kważi elf
sena? Din hi l-ħidma li trid
taqdi, ħidma wkoll li trid
timpenja l-Knisja Ortodossa.
Dan kollu jurina kemm hu floku
d-djalogu mwettaq bid-dawl u
l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Ir-relazzjonijiet mal-Knejjes
Antiki tal-Lvant
62. Mill-Konċilju Vatikan II ’l
hawn b’ħafna manjieri u b’ritmu
mhux dejjem l-istess, il-Knisja
Kattolika reġgħet waqfet
relazzjonijiet fraterni
mal-Knejjes Antiku tal-Lvant li
rrifjutaw il-formoli dommatiċi
tal-Konċilji ta’ Efesu u ta’
Kalċedonja. Dawn il-Knejjes
kollha bagħtu l-legati tagħhom
għall-Konċilju Vatikan II;
il-Patrijarki tagħhom tawni ġieħ
biż-żjarat tagħhom u l-Isqof ta’
Ruma seta’ jkellimhom bħala aħwa
li wara tant żmien bil-ferħ
jerġgħu jiltaqgħu flimkien.
Il-bidu mill-ġdid tar-rabtiet
ta’ fraternità ma’ dawn
il-Knejjes Antiki tal-Lvant, li
spiss kienu xhieda tal-fidi
Nisranija f’ċirkostanzi ostili u
traġiċi, juri ċar kif Kristu
qiegħed iseħibna, minkejja li
hemm fin-nofs tfixkil storiku u
politiku, soċjali u kulturali.
U propju fuq il-problema
Kristoloġiku stajna flimkien
mal-Patrijarki ta’ xi whud minn
dawn il-Knejjes inxandru l-fidi
komuni tagħna fi Kristu, veru
Alla u veru bniedem. Pawlu VI
kien iffirma xi
dikjarazzjonijiet f’dan is-sens
mal-Qdusija Tiegħu Shenouda III,
Papa u Patrijarka Ortodoss
tal-Kopti,
u mal-Patrijarka Ortodoss
tas-Sirja ta’ Antjokja,
il-Qdusija Tiegħu Ġakbu III.
Jien stess stajt inwettaq dan
il-ftehim Kristoloġiku u ninqeda
bih biex inġib l-quddiem
id-djalogu mal-Papa Shenouda,
u biex tiġi l-quddiem ħidma
pastorali flimkien
mal-Patrijarka Siro-Antjoken Mor
Injażju Zakka I Iwas.
Mal-Venerabbli Patrijarka
tal-Knisja Etjopika Abuna Paulos
li ġie Ruma jżurni fil-11 ta’
Lulju 1993 flimkien insistejna
fuq l-għaqda kbira li hemm bejn
iż-żewġ Knejjes tagħna:
“Għandna l-istess fidi li
rċevejna mill-Appostli, l-istess
sagramenti. L-istess ministeru
li għandu l-għeruq tiegħu
fis-suċċessjoni appostolika.
Illum nistgħu ngħidu li għandna
l-istess fidi fi Kristu, fidi li
għal żmien twil ġabet firda
bejnietna”.
Fi żmien iktar qrib lejn illum,
il-Mulej tani l-ferħ kbir li
niffirma Dikjarazzjoni
Kristoloġika Komuni
mal-Patrijarka tal-Assirja
tal-Lvant, il-Qdusija Tiegħu Mar
Dinkha IV li għal dan il-għan
ġie jżurni f’Ruma fix-xahar ta’
Novembru 1994. “Wara li qisna
l-formularji teoloġiċi
differenti, stajna flimkien
nistqarru l-fidi vera fi Kristu.
Irrid nuri l-ferħ kollu tiegħi
għal dan kollu bi kliem
il-Verġni Marija: “Ruħi tfaħħar
il-kobor tal-Mulej”(Lq 1:46).
63. Għal dak li għandu x’jaqsam
mal-kontroversji Kristoloġiċi
tradizzjonali,
l-ħidma ekumenika wasslet
biex ikun hemm kjarifikazzjoni
f’dak li hu essenzjali f’din
il-ħaġa tant li fl-aħħar stajna
nagħtu xhieda tal-fidi li
għandna flimkien. Irridu
nammettu għal darb’oħra li dan
kollu żgur inkiseb permezz ta’
riċerka teoloġika u djalogu bejn
l-aħwa. U mhux biss dan. Dan
kollu jqawwilna qalbna; jurina
li t-triq li qbadna hija dik
tajba u bir-raġuni kollu nistgħu
nittamaw li flimkien nistgħu
ngħollu l-kwistjonijiet li għad
fadal bejnietna.
Djalogu mal-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra
tal-Punent
64. Fil-pjan tassew wiesgħa ħa
sseħħ l-għaqda sħiħa ta’ dawk
kollha li jemmnu fi Kristu,
id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu
iqies ukoll ir-relazzjonijiet
mal-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali tal-Punent.
Bil-ħsieb li joħloq
kundizzjonijiet għall-fraternità
Nisranija u għad-djalogu,
l-Konċilju jiġbor it-twissijiet
tiegħu f’żewġ
konsiderazzjonijiet ġenerali:
waħda ta’ karattru storiku u
psikoloġiku l-oħra ta’ natura
dottrinali u teoloġika. Dwar
waħda d-dokument jgħid:
“Il-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali li, jew minħabba
t-taqlib kbir li seħħ fil-Punent
fiż-żminijiet tan-Nofs jew aktar
tard, infirdu mis-Sede
Appostolika Rumana, għandhom
rabta mal-Knisja Kattolika
minħabba ċerta affinità speċjali
u minħabba relazzjonijiet ħafna
fil-qrib tul iż-żmien twil ta’
ħajja Nisranija li l-poplu
Nisrani għex f’għaqda
Ekkleżjastika”.
Dwar l-oħra, bl-istess realiżmu,
jgħid; “Iżda rridu nammettu li
bejn il-Knisja Kattolika u dawn
il-Knejjes u Komunitajiet
Ekkleżjali hemm differenzi kbar
ħafna, differenzi, mhux biss ta’
natura storika, soċjoloġika,
psikoloġika u kulturali imma
wkoll, u fuq kollox, ta’
interpretazzjoni tal-verità
rivelata”.
65. Iżda l-għeruq huma komuni u
l-istess, minkejja d-differenzi
u l-orjentamenti li fil-Punent
mexxew l-iżvilupp tal-Knisja
Kattolika u tal-Knejjes u
tal-Komunitajiet li ħarġu
mir-riforma. Għalhekk kollha
għandhom l-istess
karatteristika; huma kollha
“tal-Punent”. “Id-differenzi”,
għalkemm kbar ħafna, ma jfixklux
l-influwenza tagħhom fuq xulxin
u lanqas il-komplementarjetà.
L-ewwel passi tal-Moviment
Ekumeniku bdew propju
mal-Knejjes u l-Komunitajiet
tar-Riforma. Fl-istess żmien,
sa mix-xahar ta’ Jannar tas-sena
1920, il-Patrijarka Ekumeniku
wera x-xewqa li titwaqqaf xi
ħidma ta’ għajnuna, xi
ko-operazzjoni bejn
il-komunitajiet Insara. Dan
ukoll juri li l-aspett kulturali
mhuwiex it-tfixkil prinċipali.
Il-kwistjoni essenzjali hi
kollha kemm hi kwistjoni dwar
il-fidi. It-talb ta’ Kristu,
Sid waħdieni tagħna, Feddej u
mgħallem tagħna, hi talba li
timpenja lil kulhadd, sew
il-Lvant u sew il-Punent. Hi
ordni u ħtieġa li jitwarrbu
l-firdiet biex tinsab u
titwaqqaf mill-ġdid l-għaqda
minn dawk li huma wkoll
imbuttati għaliha minħabba
l-esperjenza qarsa tal-firda.
66. Il-Konċilju Vatikan II ma
riedx
jiddeskrivi r-reliġjon Nisranija
ta’ “wara r-Riforma”, għaliex
il-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali huma “different mhux
biss minna, imma huma differenti
wkoll u mhux ftit bejniethom”
minħabba li kellhom bidu
differenti u minħabba raġunijiet
ta’ duttrina u ta’ ħajja
spiritwali”.
Id-Dgiriet dwar l-Ekumeniżmu
jinnota wkoll li l-Moviment
Ekumeniku u x-xewqa għall-għaqda
mal-Knisja Kattolika għad ma
xterdux kullimkien.
Iżda minkejja dawn
iċ-ċirkostanzi, il-Konċilju
jħajjar għad-djalogu.
Id-Digriet tal-Konċilju mbagħad
ifittex li “juri ċar sewwa xi
punti” li jistgħu jkunu
l-pedament għal dan id-djalogu u
jħeġġu għalih”.
Ħsiebna l-ewwel imur
fuq l-Insara li bid-dieher
jistqarru li Ġesù Kristu hu Alla
u l-Mulej, Medjatur waħdieni
bejn Alla u l-bnedmin għas-sebħ
ta’ Alla wieħed, il-Missier,
l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Dawn l-aħwa għandhom imħabba u
qima kbira għall-Iskrittura;
“Huma u jitolbu lill-Ispirtu
s-Santu, fl-istess Kotba Mqaddsa
jfittxu ’l Alla li jkellimhom fi
Kristu, imħabbar mill-Profeti,
il-Verb ta’ Alla li sar bniedem
għalina. Fil-Kotba Mqaddsa
jikkontemplaw il-ħajja ta’
Kristu u kull ma l-Imgħallem
Divin għallem u temm
għas-salvazzjoni tal-bnedmin,
speċjalment il-misteri tal-mewt
u l-qawmien tiegħu mill-imwiet:
jistqarru l-awtorità divina
tal-Kotba Mqaddsa”.
Iżda fl-istess waqt “ma
jaħsbuhiex bħalna dwar
ir-relazzjoni bejn il-Kotba
Mqaddsa u l-Knisja, fejn skont
il-fidi Kattolika l-Magisteru
Awtentiku għandu post speċjali
fit-tifsir u x-xandir tal-kelma
ta’ Alla miktuba”.
Iżda minkejja dan, fid-djalogu
ekumeniku hu strument mill-aqwa
fl-id setgħana ta’ Alla biex
tinkiseb dik l-għaqda li
l-Feddej qed joffri lill-bnedmin
kollha.
Iżda s-Sagrament tal-Magħmudija
li għandna flimkien, hu rabta
sagramentali ta’ għaqda li
jinsab f’dawk kollha li twelidu
mill-ġdid bil-Magħmudija”.
Il-konsegwenzi teoloġiċi,
pastorali u ekumeniċi
tal-Magħmudija li għandna
flimkien huma ħafna u
mportanti. Għalkemm
il-Magħmudija minnha nfisha
tagħti “biss il-bidu”, trid
twassalna għal stqarrija sħiħa
tal-fidi, għall-għaqda sħiħa
mal-istitut tas-salvazzjoni kif
riedu Kristu, għad-dħul
fix-xirka Ewkaristika”.
67. Fi żmien ir-Riforma dehru
differenzi storiċi u dottrinali
dwar il-Knisja, is-sagramenti u
l-ministeru ordnat. Għalhekk
il-Konċilju talab li
“id-duttrina dwar l-Ikla
tal-Mulej, is-sagramenti l-oħra,
u l-kult u l-ministeru
tal-Knisja jidħlu fid-djalogu.”
Waqt li d-Digriet Unitatis
Redintegratio jgħid kif
il-Komunitajiet ta’ wara
r-Riforma “m’għandhomx dik
l-għaqda sħiħa magħna li toħroġ
mill-Magħmudija”, juri li huma,
“l-aktar minħabba n-nuqqas
tas-Sagrament tal-Ordni, ma
żammewx ir-realtà ġenwina u
sħiħa tal-Misteru Ewkaristiku”,
ukoll jekk “huma jagħmlu tifkira
tal-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej
fl-Ikla Mqaddsa, u jistqarru li
l-ħajja titfisser f’għaqda ma’
Kristu u jistennew il-miġja
tiegħu fil-glorja”.
68. Id-Digriet ma jinsiex
il-ħajja spiritwali u
l-konsegwenzi morali li jiġu
minnha: “Il-ħajja Nisranija ta’
dawn ħutna titmantna bil-fidi fi
Kristu, u tiġi l-quddiem
bil-grazzja tal-Magħmudija u
bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.
Turi ruħha fit-talb privat,
fil-meditazzjoni tal-Iskrittura,
fil-ħajja Nisranija tal-familja,
fil-kult tal-komunità miġbura
biex tfaħħar ’l Alla. Barra
dan, il-kult tagħhom xi drabi
juri li għandu elementi
mportanti tal-liturġija komuni
tal-qedem”.
Dan id-dokument tal-Konċilju ma
jieqafx biss fuq dawn l-aspetti
spiritwali, morali, kulturali,
imma juri l-apprezzament tiegħu
għal dawk is-sentimenti ħajja
ta’ ġustizzja u ta’ mħabba vera
għall-proxxmu li jinsabu fost
dawn ħutna; id-Dokument ma
jinsiex lanqas l-inizjattivi
tagħhom biex itejbu
l-kundizzjonijiet soċjali
tal-ħajja ħa jkunu aktar umani,
u biex isseħħ il-paċi. Dan
kollu jagħmluh b’rieda sinċiera
li jkunu magħqudin mal-Kelma ta’
Kristu bħala għajn tal-ħajja
Nisranija kollha.
B’dan il-mod id-dokument iqanqal
għadd ta’ kwistjonijiet
fil-qasam etiku-morali li llum
qed isiru dejjem aktar urġenti:
“Fost l-Insara ħafna mhux dejjem
jifhmu l-Evanġelju
bħall-Kattoliċi fejn jidħlu
problemi morali”.
F’dan il-qasam hekk wiesgħa hemm
ħafna spazju għad-djalogu dwar
il-prinċipji morali
tal-Evanġelju u l-applikazzjoni
tagħhom.
69. Ix-xewqat tal-Konċilju
Vatikan II u l-istedina li
għamel ġa seħħu u d-djalogu
teoloġiku bilaterali ġa beda
mal-ħafna Knejjes u Komunitajiet
Insara tad-dinja tal-Punent.
Madankollu għal djalogu
multilaterali sa mis-sena 1964
beda proċess biex jitwaqqaf
grupp imħallat ta’ ħidma
mal-“Kunsill Ekumeniku
tal-Knejjes”, u mis-sena 1968 xi
teoloġi Kattoliċi saru membri
effettivi tad-dipartiment
teoloġiku ta’ dan il-Kunsill,
magħruf bħala Kummissjoni “Faith
and Order”. Id-djalogu ta’ u
qed jagħti frott, u huwa mimli
tamiet. Is-suġġetti proposti
mid-Dokument tal-Konċilju bħala
materja għad-djalogu ġa bdew
jiġu trattati jew ma jdumux ma
jiġu trattati.
Id-deliberazzjonijiet ta’ ħafna
djalogi bilaterali, magħmulin
b’tant dedikazzjoni li
stħoqqilhom it-tifħir
tal-komunità ekumenika kollha,
kienu dwar ħafna kwistjonijiet
kontroversi, bħalma huma
l-Magħmudija, l-Ewkaristija,
il-ministeru ordnat, in-natura
sagramentali u l-awtorità
tal-Knisja, is-suċċessjoni
appostolika. B’dan il-mod
tfaċċaw possibiltajiet ta’ xi
soluzzjonijiet li ħadd ma kien
jistenna, u fl-istess waqt
ingħarfet il-ħtieġa ta’ studju
aktar fil-fond ta’ ċerti
problemi.
70. Dan l-istudju diffiċli, li
jitlob ukoll għaqal kbir, għax
jorbot problemi ta’ fidi u ta’
rispett għall-kuxjenza ta’ dak
li jkun, tal-oħrajn ukoll, minn
dejjem kien imsieħeb u mwettaq
bit-talb tal-Knisja Kattolika u
tal-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali l-oħra. It-talba
għall-għaqda li ġa għamlet
għeruq u hi mxerrda sewwa
fin-nisġa kollha tal-Knisja turi
li l-Insara kollha qed jagħrfu
l-importanza tal-kwistjoni
ekumenika. U dan propju għax
it-tħabrik għall-għaqda sħiħa
jitlob li dawk kollha li jemmnu
u jagħrfu Mulej wieħed, jaraw
ma’ xulxin il-fidi tagħhom.
It-talba hi għajn ta’ dawl fuq
l-verità li trid tiġi milqugħa
kollha kemm hi.
Barra dan permezz ta’ din
it-talba, it-tfittix
għall-għaqda, flok li qed ikun
riżervat biss
għall-ispeċjalisti, qed
jinteressa lil kull min hu
mgħammed. Kulħadd, ikun x’ikun
postu fil-Knisja u tkun xi tkun
il-formazzjoni kulturali tiegħu,
jista’ jagħti sehem attiv b’mod
sieket u intimu ħafna.
Relazzjonijiet ekkleżjali
71. Jeħtieġ li nroddu ħajr
lill-Providenza ta’ Alla għal
kull ġrajja li tagħti xhieda
tal-progress li sar fit-triq
għat-tfittix tal-għaqda.
Flimkien mad-djalogu teoloġiku
jixraq li wieħed isemmi s-suriet
l-oħra ta’ laqgħat flimkien,
it-talb komuni u
l-kollaborazzjoni fil-prattika.
Il-Papa Pawlu VI, meta għamel
żjara lis-Sede tal-Kunsill
Ekumeniku tal-Knejjes f’Ginevra,
fl-għaxra ta’ Ġunju 1969, u
tkellem mad-delegati tal-ħafna
Knejjes u Komunitajiet
Ekkleżjali, mexxa sewwa
l-quddiem dan il-proċess. Dawn
il-kuntatti jgħinu ħafna biex
jiġi l-quddiem l-għarfien ta’
xulxin u tikber il-fraternità
Nisranija.
Tul il-Pontifikat qasir tiegħu
l-Papa Ġwanni Pawlu I mhux darba
qal li ried ikompli f’din
it-triq.
Lili l-Mulej tani li naħdem
f’din id-direzzjoni. Barra
l-laqgħat ekumeniċi mportanti li
kien hemm Ruma, parti kbira
kbira mill-vjaġġi pastorali
tiegħi hi regolarment dedikata
għal xhieda favur l-għaqda
tal-Insara. Anżi xi vjaġġi
tiegħi juru “prijorità”
ekumenika, l-aktar dawk
fin-nazzjonijiet fejn
il-Kattoliċi huma minoranza
ħdejn il-komunitajiet li ħarġu
mir-Riforma jew fejn dawn huma
parti kbira ta’ dawk li jemmnu
fi Kristu f’xi soċjetajiet.
72. Dan jgħodd l-aktar
għall-bliet tal-Ewropa, fejn
kellhom bidu dawn il-firdiet, u
fl-Amerika ta’ Fuq. F’din
il-ħaġa , mingħajr ma jnaqqsu
xejn mill-vjaġġi l-oħra tiegħi,
jistħoqqilhom attenzjoni
speċjali l-pellegrinaġġi tiegħi
fil-kontinent tal-Ewropa li
ħaduni darbtejn fil-Ġermanja,
f’Novembru tas-sena 1980 u
f’April u Mejju 1987, iż-żjara
tiegħi fir-Renju Unit
(Ingliterra, Skożja u Wales)
f’Mejju u Ġunju 1982
fl-Isvizzera f’Ġunju 1984,
fil-pajjiżi Skandinavi u Nordiċi
(Finlandja, Sveżja, Norveġja,
Danimarka u Izlanda) fejn jien
mort f’Ġunju tas-sena 1989.
Fil-ferħ, fir-rispett għal
xulxin fis-solidarjetà Nisranija
u fit-talb iltqajt ma’ tant u
tant aħwa lkoll impenjati
fil-fedeltà lejn l-Evanġelju.
Dan kollu naraħ li kien għalija
għajn ta’ inkoraġġament
mill-aqwa. Ħassejt il-preżenza
tal-Mulej fostna.
Hawnhekk irrid insemmi qagħda
ġejja minn imħabba fraterna u
kollha mdawwla b’dija kbira ta’
fidi, li għext b’tisħib liema
bħalu. Qed itkellem dwar
iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi
li ppresidejt fil-Finlandja u
fl-Isveżja, fil-vjaġġ tiegħi
fil-pajjiżi Skandinavi u
Nordiċi. Waqt it-tqarbin
l-Isqfijiet Luterani resqu lejn
iċ-ċelebrant; f’ġest miftiehem
minn qabel riedu juru x-xewqa li
jasal il-waqt li fih Kattoliċi u
Luterani jkunu jistgħu jissieħbu
fl-istess Ewkaristija, u talbu
l-barka taċ-ċelebrant. Bil-qalb
kollha tajthom il-barka tiegħi.
L-istess ġest hekk mimli tifsir
ġie mtenni f’Ruma waqt Quddiesa
li ċċelebrajt fi Pjazza Farnese
fl-okkażjoni tas-sitt ċentinarju
tal-kanonizzazzjoni ta’ Santa
Briġida fit-8 ta’ Ottubru 1991.
Hassejt l-istess sentimenti u
mħabba wkoll ’l hemm mill-oċeanu
fil-Kanada, f’Settembru 1984, u
l-aktar f’Settembru 1987
fl-Istati Uniti, fejn wieħed
jara ftuħ ekumeniku mill-aqwa.
Biex insemmi eżempju, dan ġara
fil-laqgħa ekumenika li saret
f’Columbia, f’South Carolina,
fil-11 ta’ Settembru 1987. Hu
mportanti fih innifsu l-fatt
stess li dawn il-laqgħat
tal-aħwa “tar-Riforma” mal-Papa
qed isiru regolarment. Inħossni
tassew grat li huma jilqgħuni
bil-qalb, kemm dawk li huma
responsabbli f’dawn
il-Komunitajiet u kemm
il-Komunità kollha kemm hi.
Għalhekk qist li kienet tfisser
ħafna ċ-ċelebrazzjoni ekumenika
tal-kelma li saret f’Columbia u
bħala suġġett kellha l-familja.
73. U nifraħ ħafna wkoll nara
kif, fiż-żmien wara l-Konċilju u
fil-Knejjes lokali, qed isiru
ħafna iniżjattivi u ħidmiet
favur l-għaqda tal-Insara, li
qed iwasslu l-qawwa kbira
tagħhom fi ħdan il-Konferenzi
Episkopali, id-djoċesijiet u
l-komunitajiet parrokkjali, u
wkoll fl-ambjenti u l-moviment
Ekkleżjali kollha.
Kollobrazzjoni li ġa qed isseħħ
74. “Mhux kull min jgħidli
Mulej, Mulej jidħol
fis-smewwiet, imma min jagħmel
ir-rieda ta’ Missieri li hu
fis-smewwiet” (Mt 7:21).
Il-konsistenza u l-onestà
tal-intenzjonijiet u ta’
dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju
jidhru li huma veri meta jidhru
fil-ħajja ta’ kuljum.
Id-Digriet tal-Konċilju dwar
l-Ekumeniżmu jwissi: “il-fidi li
biha nemmnu fi Kristu tagħti
frott ta’ tifħir u ta’ radd
il-ħajr għall-ġid li jiġina
mingħand Alla; magħha jiżdied
sens ħaj ta’ ġustizzja u mħabba
sinċiera għall-proxxmu”.
Dak li għadna kemm urejna hu
għalqa għammiela mhux biss
għad-djalogu imma wkoll
għall-kollaborazzjoni attiva:
“Il-fidi attiva ħolqot mhux ftit
istituti għall-għajnuna fejn
hemm miżerja spiritwali u
materjali, għall-edukazzjoni
taż-żgħażagħ, għat-titjib
tal-qagħdiet soċjali biex ikunu
aktar jixirqu l-bniedem, u
għat-twaqqif tal-paċi
fid-dinja”.
Il-ħajja kulturali u soċjali
toffri wesgħat kbar
għall-kooperazzjoni ekumenika.
L-Insara dejjem aktar qed isibu
ruħhom flimkien biex iħarsu
d-dinjità tal-bniedem, iġibu ’l
quddiem il-ġid tal-paċi,
japplikaw Evanġelju fil-ħajja
soċjali u biex l-ispirtu Nisrani
jidher aktar fix-xjenżi u
fl-arti. U spiss aktar qed
ikunu flimkien biex jinsab tarf
għall-ħtiġijiet u l-miżerji ta’
żmienna: il-ġuħ, id-diżgrazzji,
l-inġustizzja soċjali.
75. Din il-kooperazzjoni,
ispirata mill-istess Evanġelju,
għall-Insara qatt ma hi biss
ħidma umanitarja. L-għaliex
tagħha hu kliem il-Mulej: “Kont
bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35).
Kif ġa wrejt il-kooperazzjoni
tal-Insara kollha flimkien turi
ċar xi grad ta’ għaqda ġa hemm
bejniethom.
Quddiem id-dinja l-ħidma
flimkien tal-Insara kollha
fis-soċjetà għandha dehra
mill-aqwa ta’ xhieda mogħtija
flimkien lill-isem tal-Mulej.
Tieħu wkoll s-sura ta’ tħabbira
għax turi wiċċ Krsitu.
In-nuqqas ta’ ftehim dwar
duttrina li għad hemm jolqtu
ħażin u jillimitaw din
il-kooperazzjoni. Iżda l-għaqda
li ġa hemm bejn l-Insara toffri
pedament sod mhux biss
għall-ħidma flimkien fil-qasam
soċjali imma wkoll f’dak
reliġjuż.
Din il-kooperazzjoni għandha
tħaffef il-ħidma għall-għaqda.
Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu
wera li minnha “dawk kollha li
jemmnu fi Kristu” malajr jistgħu
jitgħallmu, isiru jafu aħjar lil
xulxin u jistmaw aktar lil
xulxin u hekk iħejju t-triq
għall-għaqda tal-Insara”.
76. U hawnhekk kif ma tiftakarx
fl-interess ekumeniku għall-paċi
li juri ruħu fit-talb u
fil-ħidma b’tisħib dejjem akbar
ta’ Insara u għal raġunijiet
teoloġiċi dejjem aktar għoljin?
Ma jistax isir mod ieħor. Forsi
ma nemmnux fi Kristu, il-Prinċep
tas-Sliem? L-Insara huma dejjem
aktar magħqudin flimkien kontra
kull sura ta’ vjolenza,
mill-gwerer għall-inġustizzji
soċjali.
Aħna msejħin għall-impenn dejjem
aktar attiv biex dejjem jidher
aktar ċar li l-ġlied li hemm
bħalissa mhuwiex għal raġunijiet
reliġjużi, ukoll jekk
dizgrazzjatament mhux bogħod
il-periklu li dawn ir-raġunijiet
jiġu strumentalizzati
għall-għanjiet politiċi u
polemiċi.
Fl-1986 f’Assisi waqt il-Jum
Dinji tat-Talb għall-Paċi
l-Insara ta’ ħafna Knejjes u
Komunitajiet Ekkleżjali talbu
b’leħen wieħed lil Sid l-istorja
l-paċi għad-dinja. Dak in-nhar,
mod ieħor, imma bl-istess għan,
talbu wkoll għall-paċi l-Lhud u
r-rappreżentanti
tar-reliġjonijiet mhux Insara,
f’għaqda ta’ sentimenti li
qanqlu mill-qiegħ l-ispirtu
tal-bnedmin.
Ma rridx ninsa Il-Jum ta’
Talb għall-Paċi fl-Ewropa
speċjalment fil-Balkani li
wassalni bħala pellegrin
fil-belt ta’ San Franġisk fid-9
u l-10 ta’ Jannar 1993 u
l-Quddiesa għall-Paċi
fil-Balkani u b’mod speċjali
fil-Bosnja-Erzegovina, li
ppresidejt fil-Bażilka ta’ San
Pietru fit-23 ta’ Jannar 1994,
waqt l-Ottavarju ta’ Talb
għall-Għaqda tal-Insara.
Meta nħarsu lejn id-dinja
l-ispirtu tagħna jimtela
bil-ferħ. Dan għax naraw li
l-Insara qed jiġu mqanqlin
dejjem aktar favur il-paċi.
Jaraw li għandha rabta kbira
mat-tħabbira tal-Evanġelju u
mal-miġja tas-Saltna ta’ Alla.
KAP III
KEMM GĦAD FADLILNA TRIQ?
Inkomplu nsaħħu d-djalogu
77. Ilum nistgħu nistaqsu kemm
għad fadlilna triq x’nimxu sa ma
jasal dak il-jum imbierek li fih
isseħħ għaqda sħiħa fil-fidi u
nkunu nistgħu niċċelebraw
flimkien, b’qalb waħda,
l-Ewkaristija Imqaddsa
tal-Mulej. L-għarfien aħjar ta’
xulxin li ġa seħħ bejnietna,
il-ftehim duttrinali li ġa
ntlaħaq, bħala effett kellhom
it-tkattir tax-xirka bil-fatti u
b’rieda sħiħa, iżda mhumiex
biżżejjed għall-kuxjenza
tal-Insara li jistqarru Knisja
waħda, qaddisa, kattolika u
appostolika. L-għan aħħari
tal-moviment ekumeniku hu
s-sħubija mill-ġdid b’mod li
jidher u tal-għaqda sħiħa
tal-imgħammdin kollha.
Quddiem dan il-għan kull ma
nkiseb sa issa hu biss parti
mit-triq, għalkemm parti li
ġġiegħelek tittama ħafna u hi
ta’ siwi kbir.
78. Fil-moviment ekumeniku
mhijiex biss il-Knisja Kattolika
flimkien mal-Knejjes Ortodossi
li tħaddan din il-fehma.
It-tendenza għal din is-sura ta’
għaqda qed juruha oħrajn ukoll.
L-ekumeniżmu jitlob li
l-Komunitajiet Insara jgħinu lil
xulxin biex fihom ikun hemm
tassew dak li fih u dak li
jitlob “il-wirt li waslilna
mill-Appostli”.
Mingħajr dan ma jistax ikun hemm
għaqda sħiħa. Din l-għajnuna
lil xulxin fit-tfittix
tal-verità hi sura mill-aqwa ta’
mħabba evanġelika. It-tfittix
għall-għaqda ġie mfisser
fil-ħafna dokumenti ta’ tant
Kummissjonijiet Internazzjonali
Misti ħa jseħħ id-djalogu. Dawn
id-dokumenti jitkellmu fuq
il-Magħmudija, l-Ewkaristija,
il-ministeru u l-awtorità, u
kollha telqu minn ċerta għaqda
fundamentali dwar duttrina.
Issa rridu ngħaddu minn dan
l-għaqda fundamentali tal-bidu,
iżda mhux sħiħa, għall-għaqda
viżibbli meħtieġa u biżżejjed,
li tidher hekk tassew bil-fatti,
biex il-Knejjes ikunu tassew
sinjal ta’ dik l-għaqda sħiħa
fil-Knisja waħda, qaddisa,
kattolika u appostolika, li
tidher fiċ-ċelebrazzjoni
Ewkaristika.
Dan il-mixi lejn għaqda viżibbli
meħtieġa u biżżejjed, f’għaqda
fil-Knisja waħda li Kristu ried,
titlob ħidma qalbiena dejjem
sejra. Biex dan iseħħ jeħtieġ
li “ma ngħabbux ebda piż ieħor
aktar minn dak li hu meħtieġ”
(ara Atti 15:28).
79. Minn issa stess nistgħu
naraw liema kwistjonijiet
jeħtiġilhom jiġu studjati aktar
fil-fond biex jintlaħaq kunsens
sħiħ fil-fidi: (1) ir-relazzjoni
lejn l-Iskrittura, li għandha
l-ogħla awtorità dwar il-fidi, u
t-Tradizzjoni, li (wieħed ma
jistax jgħaddi mingħajrha biex
ifisser il-Kelma ta’ Alla); (2)
l-Ewkaristija, is-Sagrament
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,
offerta ta’ tifħir lill-Missier,
tifkira sagrifiċjali u Preżenza
Reali ta’ Kristu, tiswib
santifikanti tal-Ispirtu
s-Santu; (3) l-Ordinazzjoni
bħala Sagrament fit-tliet
ordnijiet tal-ministeru:
episkopat, presbiterat u
djakonat; (4) il-Maġisteru
tal-Knisja, fdat lill-Papa u
lill-Isqfijiet f’xirka miegħu,
miftiehem bħala responsabbilità
u awtorità f’isem Kristu
għat-tagħlim u l-ħarsien
tal-fidi; (5) il-Verġni Marija,
Omm Alla u Ikona tal-Knisja, Omm
spiritwali li tidħol
għad-dixxipli ta’ Kristu u
għall-umanità kollha.
F’din il-mixja qalbiena lejn
l-għaqda, it-trasparenza u
l-għaqal tal-fidi jridu li
nevitaw kull ireniżmu qarrieq u
li nittraskuraw in-normi
tal-Knisja.
Għall-kuntrarju mbagħad,
l-istess trasparenza u l-istess
għaqal iġagħluna naħarbu l-bruda
fl-impenn tagħna għall-għaqda, u
wisq aktar nevitaw oppożizzjoni
minħabba xi preġudizzji, jew dik
is-sura ta’ disfattiżmu li tara
f’kollox l-aspett negattiv biss.
Ikollok dehra tal-għaqda li
tħaddan kull ma titlob il-verità
rivelata kollha kemm hi, ma
jfissirx li tkun trid iżżomm
lura l-moviment ekumeniku.
Anżi trid li jiġu evitati
soluzzjonijiet taparsi li xejn
sod u żgur ma joħroġ minnhom.
Il-verità titlob li mmorru
sal-aħħar. Mhux din hi l-liġi
tal-Evangelju?
L-aċċettazzjoni tar-riżultati li
jintlaħqu
80. Waqt li jkun qed isir
djalogu fuq kwistjonijiet ġodda
jew qed jiġi l-quddiem djalogu
fuq livell aktar fil-fond,
għandna ħidma ġdida quddiemna:
kif se nilqgħu r-riżultati li ġa
nkisbu. Ma jistgħux jibqgħu
biss tal-kummissjonijiet
bilaterali imma jridu jsiru
patrimonju ta’ kulħadd. Biex
dan iseħħ u jissaħħu r-rabtiet
tal-għaqda jeħtieġ li jkun hemm
stħarriġ serju li, b’modi,
suriet u kompetenzi diversi,
jimpenja l-Poplu t’Alla kollu
kemm hu. Huma kwistjonijiet li
għandhom x’jaqsmu mal-fidi u
għalhekk jeħtieġu l-kunsens ta’
kulħadd, mill-Isqfijiet
sal-lajċi (ilkoll għandhom
l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu).
Hu l-istess Spirtu li jgħin
il-Maġisteru u jqanqal is-sensus
fidei.
Biex ikunu milqugħin
ir-riżultati tad-djalogu jeħtieġ
proċess kritiku u eżatt biex
jagħrbilhom sewwa u jara jekk
jaqblux sewwa mat-Tradizzjoni u
mal-fidi li rċevejna
mill-Appostli u qed tgħixha
l-komunità ta’ dawk li jemmnu,
miġbura madwar l-Isqof,
ir-Ragħaj leġittimu tagħha.
81. Dan il-proċess li jrid isir
bil-għaqal kollu u b’qagħda ta’
fidi, u jkollu l-għajnuna
tal-Ispirtu s-Santu, biex
jirnexxi jeħtieġ li r-riżultati
tiegħu jixxandru f’waqthom minn
persuni kompetenti. F’din
il-ħaġa għandha importanza kbira
l-ħidma li jistgħu jagħmlu
t-teoloġi u l-fakultajiet
tat-teoloġija, huma u jħaddmu
l-kariżma tagħhom fil-Knisja.
Imbagħad hija ħaġa ċara ħafna li
l-kummissjonijiet ekumeniċi
f’din il-ħaġa għandhom
responsabbiltajiet u dmirjiet
għal kollox singulari.
L-Isqfijiet u s-Sede Appostolika
qed isegwu u jgħinu l-proċess
kollu. L-awtorità li tgħallem
hi r-responsabbli li tgħid
l-aħħar kelma.
F’dan kollu jkun hemm għajnuna
kbira jekk issir distinzjoni
bejn id-depożitu tal-fidi u
l-mod kif tiġi formulata, kif
irrakkomanda l-Papa Ġwanni XXIII
fid-diskors li għamel fil-ftuħ
tal-Konċilju Vatikan II.
Tkun tingħata xhieda ta’ qdusija
meta jkompli l-ekumeniżmu
spiritwali
82. Nifhmu sewwa kif il-ħidma
ekumenika timpenja sewwa
lill-Insara Kattoliċi.
L-Ispirtu jsejħilhom għall-eżami
attent tal-kuxjenza tagħhom.
Il-Knisja Kattolika trid tidħol
f’dak li nistgħu nsejħulu
“id-djalogu tal-konverżjoni”, li
fih jinsab il-pedament intern
tad-djalogu ekumeniku. F’dan
id-djalogu li jseħħ quddiem
Alla, kull wieħed irid jagħraf
ħtijietu, jistqarrhom u jintelaq
f’idejn Dak li jidħol għalina
quddiem il-Missier, Ġesù Kristu.
Żgur li din il-qagħda ta’
konverżjoni għar-rieda
tal-Missier, li hi fl-istess
waqt qagħda ta’ penitenza u ta’
fiduċja sħiħa fil-qawwa
rikonċiljatriċi tal-verità li hi
Kristu, twassal għat-tmiem
tajjeb tiegħu l-pellegrinaġġ
twil u iebes tal-ekumeniżmu.
“Id-djalogu ta’ konverżjoni” ta’
kull Komunità mal-Missier, bla
ebda skuża għaliha nfisha, hi
l-pedament tar-relazzjonijiet
fraterni li huma xi ħaġa wisq
aktar minn ftehim kordjali u
soċjabbiltà esterna biss.
Ir-rabtiet tal-koinonia
fraterna jridu jintisġu quddiem
Alla u f’Ġesù Kristu.
Il-waqfien quddiem Alla biss
jista’ jagħti pedament sod
għall-konverżjoni tal-individwi
Insara u għat-tiġdid dejjem
sejjer tal-Knisja bħala
istituzzjoni umana u tad-dinja
wkoll.
Dawn huma l-kondizzjonijiet
meħtieġa fil-bidu ta’ kull
impenn ekumeniku. Wieħed
mill-ewwel ħidmiet fundamentali
tad-djalogu ekumeniku hi
l-isforz li jrid isir biex
il-Komunitajiet Insara jkunu
impenjati f’dan il-qasam kollu
kemm hu spiritwali, fejn Kristu,
bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu,
iġiegħel lil kulħadd biex bla
ebda eċċezzjoni, jagħrbel lilu
nnifsu quddiem il-Missier u
jistaqsi kienx fidil lejn
il-pjan tiegħu għall-Knisja.
83. Tkellimt dwar ir-rieda
tal-Missier, dwar spażju
spiritwali fejn kull komunità
tisma’ s-sejħa biex tegħleb
it-tfixkil li hemm għall-għaqda
sħiħa. Il-Komunitajiet Insara
kollha jafu li din il-ħaġa,
bil-qawwa li jagħtihom l-Ispirtu
s-Santu, mhijiex xi ħaġa li ma
jifilħuhiex. Kollha għandhom
il-martri tal-fidi.
Minkejja li kienu jinsabu
fit-tiġrib tal-firda, dawn ħutna
żammew fihom infushom rabta ma’
Kristu u ma’ Missieru hekk
fil-fond u hekk sħiħa li
waslithom sat-tixrid tad-demm.
U forsi mhijiex din ir-rabta li
ridt insemmi f’dak li sejjaħtlu
id-“djalogu tal-konverżjoni”? U
mhux forsi dan id-djalogu li
jinsisti fuq il-ħtieġa li ninżlu
sal-għeruq tal-esperjenza
tal-verità ha jkollna għaqda
sħiħa?
84. F’dehra tad-dinja li fiha
Alla jinsab f’nofsha, aħna
l-Insara ġa għandna
Martiroloġju komuni. Jiġbor
fih ukoll il-martri ta’ żmienna,
wisq aktar milli wieħed qatt
jista’ jobsor, u dan juri
f’livell tassew għoli kif Alla
jħares l-għaqda fost
l-imgħammdin kollha fl-esiġenżi
l-aktar għoljin tal-fidi li juru
ruħhom bis-sagrifiċċju
tal-ħajja.
Jekk hu possibbli li wieħed imut
għall-fidi, dan juri li jista’
jintlaħaq dan il-għan ukoll fejn
hemm esiġenżi oħra tal-fidi. Ġa
wrejt, u dan għamiltu bil-ferħ
kollu tiegħi, li hemm u qed
tikber għaqda, imperfetta iva
imma vera, f’ħafna livelli ta’
ħajja ekkleżjali. Jidhirli li
din l-għaqda hi ġa perfetta
f’dak li aħna lkoll
inqisu bħala l-qofol tal-ħajja
tal-grazzja, il-martyria
sal-mewt, għaqda ma’ Kristu li
aktar vera minnha ma jistax ikun
hemm, ma’ Kristu li xerred demmu
u b’dan is-sagrifiċċju qarreb
lejn xulxin dawk li darba kienu
mbegħdin (ara Ef 2:13).
Jekk għall-komunitajiet Insara
kollha, il-martri huma prova
tal-qawwa tal-grazzja, mhumiex
huma biss li jagħtu xhieda ta’
din il-qawwa. Għalkemm ma
tidhirx l-għaqda li għad mhijiex
sħiħa tal-komunitajiet tagħna,
hija mibnija fis-sod fl-għaqda
sħiħa tal-Qaddisin, jiġifieri
dawk li wara li temmew ħajja ta’
fedeltà lejn il-grazzja fuq
l-art qegħdin issa f’għaqda ma’
Kristu fil-glorja. Dawn il-Qaddisin
jappartjenu għall-Knejjes u
għall-Komunitajjiet Ekkleżjali
kollha, li fetħulhom il-bieb
għall-għaqda tas-salvazzjoni.
Meta nitkellmu dwar patrimonju
komuni rridu ngħoddu mhux biss
l-istituzzjonijiet, ir-riti,
il-mezzi tas-salvazzjoni,
id-drawwiet tradizzjonali li
l-komunitajiet kollha baqgħu
jħarsu u li bihom ġew iffurmati,
imma l-ewwel u qabel kollox hemm
din il-verità tal-qdusija.
Fid-dinja li toħroġ
mill-“patrimonju tal-qaddisin”
li jappartjeni
għall-Komunitajiet kollha,
“id-djalogu ta’ konverżjoni”
lejn għaqda viżibbli sħiħa
jidher f’dawl ta’ tama. Din
il-presenza universali
tal-Qaddisin turi l-qawwa
tal-Ispirtu. Hi sinjal u prova
tar-rebħa ta’ Alla fuq
is-setgħat tal-ħażen, li jifirdu
l-ġens kollu tal-bnedmin. Kif
tkanta l-liturġija “il-gieħ
mogħti lill-Qaddisin hi ġieħ
mogħti lill-istess doni
tiegħek”.
Fejn hemm rieda sinċiera
għall-mixi wara Kristu,
l-Ispirtu spiss isawwab
il-grazzja tiegħu fi triqat mhux
tas-soltu. L-esperjenza
ekumenika waslitna biex nifhmu
dan aħjar. Jekk fl-ispazju
spiritwali intern li ġa semmejt
il-Komunitajiet jagħarfu tassew
“jikkonvertu”, Alla jagħmel
magħhom dak li għamel
mal-Qaddisin tagħhom. Iwarrab
it-tfixkil li tqiegħed
fl-imgħoddi u jmexxihom fi
triqatu, fejn irid: jiġifieri
lejn koinonia li tidher u
li fl-istess waqt hi tifħir
tas-sebħ tiegħu u qadi tal-pjan
tiegħu ta’ salvazzjoni.
85. Għax fil-kobor bla qjies
tal-ħniena tiegħu Alla dejjem
jista’ joħroġ il-ġid minn
qagħdiet li jġarrbu l-pjan
tiegħu, nistgħu naraw li
bl-Ispirtu wassal biex f’xi
każijiet il-firdiet servew biex
jidhru aktar ċari xi aspetti
tal-ħajja Nisranija, kif ġara
fil-ħajja tal-Qaddisin.
Minkiejja li l-firda seħħet
f’ħafna biċċiet u minnhom irridu
nfiequ, seħħet sura ta’ tqassim
ta’ għana ta’ grazzja li għad
iżżejjen il-koinonia.
Il-grazzja ta’ Alla tkun ma’
dawk kollha li jimxu fuq
l-eżempju tal-Qaddisin u
jimpenjaw ruħhom li jwieġbu għal
kull ma tkun trid. Għaliex mela
aħna qed noqogħdu naħsbuha biex
nikkonvertu għat-tamiet
tal-Missier? Hu magħna.
Il-kontribut tal-Knisja
Kattolika ha sseħħ l-għaqda
tal-Insara
86. Il-Kostituzzjoni Lumen
Gentium f’affermazzjoni
fundamentali li ġiet imtennija
mid-Digriet Unitatis
Redintegratio,
qalet li l-Knisja waħda ta’
Kristu ssib il-milja tagħha
fil-Knisja Kattolika.
Id-Digriet tal-Ekumeniżmu jgħid
li fil-Knisja Kattolika hemm
il-milja tal-mezzi
tas-salvazzjoni.
L-għaqda sħiħa sseħħ meta
kulħadd jissieħeb fil-milja
tal-mezzi tas-salvazzjoni li
Kristu ħalla f’idejn il-Knisja.
87. Tul il-mixi li jrid iwassal
għall-għaqda sħiħa, id-djalogu
ekumeniku qed ifittex li jqanqal
għajnuna għal xulxin bħal aħwa,
għajnuna li biha l-Komunitajiet
jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil
xulxin dak li kull waħda minnhom
teħtieġ biex skont il-pjan ta’
Alla tikber sa ma tilħaq
il-kobor sħiħ tagħha (ara Ef
4:11-13). Jien għidt li aħna
nħossu bħala Knisja Kattolka li
rċevejna ħafna mingħand
il-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali l-oħra mix-xhieda li
taw għal ċerti valuri Insara
komuni, mill-istudji tagħhom
dwar dawn il-valuri u wkoll
mill-mod kif stmawhom u
użawhom. Fost il-progress kollu
li sar tul dawn l-aħħar tletin
sena, irridu nagħtu importanza
kbira għal din l-influwenza
fraterna li kellna fuq xulxin.
Issa li wasalna sa hawn
irridu nqisu bis-serjetà kollha
l-għana kollu li ksibna minn
għand xulxin. Dan il-għana li
ġiena mill-fatt tal-għaqda li ġa
hemm bejnietna, minħabba
l-elementi ekkleżjali li ġa
jinsabu fil-Komunitajiet Insara,
żgur jimbuttana għal dik
l-għaqda sħiħa viżibbli li hi
l-għan mixtieq tal-mixi li qed
nagħmlu. Hi s-sura ekumenika
tal-liġi Evanġelika dwar il-qsim
bejnietna. Dan iwassalni biex
intenni “Jeħtieġ nuru f’kull
ħaġa l-ħerqa tagħna li nersqu
lejn dak li ħutna l-Insara
jixtiequ u jistennew minn
għandna, waqt li min-naħa tagħna
naslu biex inkunu nafu kif
jaħsbuha u xi jħossu. Jeħtieġ
li d-doni ta’ kull Knisja u
Komunità jiġu l-quddiem ħa jkunu
ta’ siwi u ta’ vantaġġ għal
kulħadd”.
Il-ministeru tal-għaqda
tal-Isqof ta’ Ruma
88. Fost il-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali
l-Knisja ta’ Ruma tħoss li
baqgħet iżżomm il-ministeru
tas-Suċċessur ta’ San Pietru,
l-Isqof ta’ Ruma, li Alla għamlu
ħa jkun “il-bidu u l-pedament
viżibbli u etern tal-għaqda”,
u li hu mwettaq mill-Ispirtu
biex jagħti sehem minn dan
il-ġid essenzjali lill-oħrajn
kollha. Skont l-espressjoni
sabiħa tal-Papa San Girgor
il-Kbir, il-ministeru tiegħu hu
dak ta’ qaddej tal-qaddejja ta’
Alla (servus servorum Dei).
Din l-espressjoni hi ħarsien
bl-aħjar mod mill-periklu li
tiġi mifruda s-setgħa, u b’mod
partikulari s-setgħa tal-primat,
mill-ministeru, ħaġa li tmur
kontra t-tifsir li l-Evanġelju
jagħti tas-setgħa: “Jien qiegħed
f’nofskom nagħmilha ta’ qaddej”
(Lq 22:27), qal Sidna Ġesù
Kristu, il-Kap tal-Knisja.
Min-naħa l-oħra, kif kelli
l-okkażjoni ngħid fil-laqgħa
mal-Kunsill Ekumeniku
tal-Knejjes f’Ġinevra fit-12 ta’
Ġunju 1984, il-konvinzjoni
tal-Knisja Kattolka li żammet
b’fedeltà sħiħa t-Tradizzjoni
Appostolika u l-fidi
tal-Missirijiet tal-Knisja, li
fil-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma
tara s-sinjal viżibbli u
l-garanzija tal-għaqda: hi
diffikultà għall-kotra l-kbira
tal-Insara l-oħra minħabba ċerti
tifkirijiet tassew ta’ niket.
Għal dak li aħna responsabbli
tiegħu flimkien mal-Papa ta’
qabli Pawlu VI nitlob maħfra.
89. Ifisser ħafna, u dan
iqawwili qalbi l-fatt li
l-kwistjoni tal-primat tal-Isqof
ta’ Ruma issa saret suġġett ta’
studju u studju li qed ikompli
sejjer; ifisser ħafna wkoll
il-fatt li din il-kwistjoni qed
titqies essenzjali mhux biss
fid-djalogi teoloġiċi li
l-Knisja Kattolka qed ikollha
mal-Knejjes u l-Komunitajiet
Ekkleżjali, imma wkoll, b’mod
aktar ġenerali, fil-moviment
ekumeniku kollu kemm hu. Dan
l-aħħar dawk li ħadu sehem
fil-Ħames Assemblea Dinjija
tal-Kummissjoni “Faith and
Order” tal-Kunsill Ekumeniku
tal-Knejjes li saret f’Santiago
de Compostela, irrikmandaw li
“jibda studju mill-ġdid dwar din
il-kwistjoni ta’ ministeru
universali ta’ għaqda
Nisranija”.
Wara mijiet ta’ snin ta’
polemika ħarxa l-Knejjes u
l-Komunitajiet Ekkleżjali dejjem
aktar qed iħarsu b’ħarsa ġdida
lejn dan il-ministeru
tal-għaqda.
90. L-Isqof ta’ Ruma hu l-Isqof
tal-Knisja li tgħożż is-sinjali
tal-martirju ta’ San Pietru u
San Pawl. “Bi pjan misterjuż
tal-Providenza kien f’Ruma li
San Pietru temm il-mixi tiegħu
wara Kristu u f’Ruma ta l-aqwa
xhieda tiegħu ta’ mħabba u
fedeltà. Kien f’Ruma li San
Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, ta hu
wkoll l-ogħla xhieda tiegħu.
Hekk il-Knisja ta’ Ruma saret
il-Knisja ta’ San Pietru u San
Pawl.
Fit-Testment il-Ġdid, San Pietru
għandu post mill-aqwa. Fl-ewwel
parti tal-Atti tal-Appostli
jidher bħala l-kap u kelliem
tal-Kulleġġ tal-Appostli, li hu
msejjaħ “Pietru mal-Ħdax l-oħra”
(2:14; ara wkoll 2:37; 5:29).
Il-post mogħti lil San Pietru hu
mibni fuq l-istess kliem ta’
Kristu kif huma mfakkra
mit-tradizzjoni Evanġelika.
91. L-Evanġelju ta’ San Mattew
juri x’inhi l-ħidma pastorali
ta’ San Pietru fil-Knisja u
jgħid sewwa x’inhi: “Hieni int,
Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem
tad-demm u l-laħam urik dan,
imma Missieri li hu
fis-smewwiet. U jiena ngħidlek:
“Int Pietru u fuq din il-Blata
jien nibni l-Knisja tiegħi u
s-setgħat ta’ l-infern ma
jegħelbuhiex. U jiena nagħtik
l-imfietaħ tas-saltna
tas-smewwiet u kull ma torbot
fuq l-art ikun marbut
fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq
l-art ikun maħlul fis-smewwiet”
(16:17-19). San Luqa juri b’mod
ċar li Kristu talab lil Pietru
biex iwettaq lil ħutu, imma
fl-istess ħin urieħ id-dgħufija
tiegħu, bħala bniedem u l-ħtieġa
li jikkonverti (ara Lq
22:31-32). Dan propju qisu
tħabbira ċara quddiem
id-dgħufija umana ta’ San Pietru
li l-ministeru partikulari
tiegħu fil-Knisja hu kollu kemm
hu ġej mill-grazzja: qisu li
l-Imgħallem innifsu qed iħabrek
għall-konverżjoni ta’ Pietru,
biex iħejjih għall-ministeru
fil-Knisja li kien se jafdalu u
li kien se jitlob ħafna minnu.
Il-ħidma ta’ San Pietru hi
dejjem marbuta mal-fatt
tad-dgħufija tiegħu; dan nerġgħu
narawh fir-raba’ Evanġelju:
“Xmun, bin Ġwanni, tħobbni int
aktar minn dawn?... Irgħa
n-ngħaġ tiegħi”(Ġw 21:15).
Ifisser ħafna wkoll li skont San
Pawl fl-Ewwel Ittra
lill-Korintin Kristu wara li qam
mill-imwiet l-ewwel deher lil
Ċefa u mbagħad lit-Tnax (ara
15:5).
Jiswa ħafna naraw kif
id-dgħufija ta’ San Pietru u dik
ta’ San Pawl juru li l-Knisja hi
mibnija fuq il-qawwa bla qjies
tal-grazzja (ara Mt 16:17; 2Kor
12:7-10). San Pietru malli ġie
lilu mogħti d-dmir tiegħu, ġie
minnufih inċanfar bl-aħrax minn
Kristu: “Int tfixkil għalija”
(Mt 16:23). Ma nistgħux hawn ma
narawx, fil-ħniena li San Pietru
kien jeħtieġ, relazzjoni
mal-ministeru tal-ħniena li San
Pietru nnifsu kellu jkun l-ewwel
wieħed li jġarrbu. Lil Ġesù
wkoll ċaħdu tliet darbiet. U
l-Evanġelju ta’ San Ġwann ukoll
juri ċar li San Pietru rċieva li
d-dmir jirgħa l-merħla tal-Mulej
waqt stqarrija ta’ mħabba għal
tliet darbiet (ara Ġw 21:15-17),
stqarrija li twieġeb għat-tliet
ċaħdiet tiegħu (ara 13:38). San
Luqa, min-naħa tiegħu, bi kliem
Kristu, li ġa semmejt kliem li
t-tradizzjoni tal-bidu miegħu
intrabtet biex turi x’kienet
il-missjoni ta’ San Pietru,
jwettaq il-fatt li San Pietru
għandu “jwettaq lil ħutu meta
jerġa’ lura għas-sewwa”(ara Lq
22:32).
92. San Pawl imbagħad itemm
id-deskrizzjoni tal-ministeru
tiegħu b’dik id-dikjarazzjoni
tassew tal-għaġeb li kienet
waslitlu mingħand il-Mulej
innifsu: “Biżżejjed għalik
il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa
tiegħi tidher fl-aqwa tagħha
fejn hemm id-dgħajjaf”, u
għalhekk seta jgħid “meta nkun
dgħajjef, inkun qawwi”(2Kor
12:9-10).
Fil-Knisja, mqaddsa bid-demm
taż-żewġ Prinċpijiet
tal-Appostli, l-Isqof ta’ Ruma
hu l-werriet tal-missjoni ta’
San Pietru u jaqdi ministeru li
għandu l-bidu tiegħu mill-ħniena
ta’ Alla li hi ta’ ħafna suriet,
ħniena li tikkonverti l-qlub u
tagħti l-qawwa tal-grazzja fejn
id-dixxiplu jagħraf l-imrar
kollu tad-dgħufija u tal-miżerja
tiegħu. L-awtorità ta’ dan
il-ministeru hi kollha kemm hi
għall-qadi tal-pjan kollu ħniena
ta’ Alla, u trid dejjem
tiftiehem f’dan is-sens. Biha
titfisser is-setgħa tiegħu;
f’dan is-sens tiftiehem
is-setgħa tiegħu.
93. Is-Suċċessur ta’ San Pietru
huwa u jissieħeb mal-istqarrija
għal tliet darbiet tal-imħabba
ta’ San Pietru, stqarrija li
wieġbet għat-tliet ċaħdiet
tiegħu, jaf li għandu jkun
sinjal ta’ ħniena. Il-ministeru
tiegħu hu ministeru ta’ ħniena,
li ħareġ minn att ta’ ħniena ta’
Kristu. Din il-parti
tal-Evanġelju kollha kemm hi
trid tinqara u terġa’ tinqara
biex il-ministeru ta’ San Pietru
ma jitlef xejn mill-verità u
t-trasparenża tiegħu.
Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa
minn Kristu biex turi lid-dinja
imxekkla mill-ħafna ħtijiet u
mill-ħafna pjanijiet imdallma
tagħha, li minkejja dan kollu,
Alla jista, fil-ħniena tiegħu,
jikkonverti l-qlub lejn l-għaqda
u jwassalhom għal xirka miegħu.
94. Dan il-qadi tal-għaqda, li
għandu l-għeruq tiegħu fil-ħidma
tal-ħniena ta’ Alla, ġie fdat
fl-istess Kulleġġ tal-Isqfijiet
lil wieħed minn dawk li rċevew
mill-Ispirtu d-dmir mhux biex
iħaddmu s-setgħa fuq il-poplu —
kif jagħmlu l-kapijiet
tan-nazzjonijiet u s-setgħanin
(ara Mt 30:25; Mk 10:42) — imma
biex imexxuh lejn mergħat
ħienja. Dan id-dmir jista’
jitolbu s-sagrifiċċju ta’ ħajtu
(ara Ġw 10:11-18). Santu
Wistin, wara li wera li Kristu
hu “r-Ragħaj waħdieni li fih
huma lkoll ħaġa waħda” iħeġġeġ:
“Jeħtieġ li lkoll ikunu f’ragħaj
wieħed u jtennu l-leħen
tar-Ragħaj waħdieni li n-ngħaġ
jisimgħu leħnu u jimxu wara
r-Ragħaj tagħhom,
mhux
wara dak jew wara l-ieħor, imma
wara r-ragħaj waħdieni. Jeħtieġ
li lkoll itennu l-istess leħen u
ma jkollhomx ilħna li ma jaqblux
ma’ leħnu. Jeħtieġ li n-ngħaġ
jisimgħu dan il-leħen
imsaffi minn kull firda, mnaddaf
minn kull għelt”.
Id-dmir tal-Isqof ta’ Ruma
fil-Ġemgħa tar-Ragħajja kollha
hu li jisħar (episkopein) bħala
għassies biex permezz
tar-Ragħajja fil-Knejjes
partikulari kollha jinstema’
l-leħen veru ta’ Kristu
r-Ragħaj. U hekk f’kull Knisja
partikulari fdata lilhom, isseħħ
il-Knisja waħda qaddisa,
Kattolika u Appostolika.
Il-Knejjes kollha huma f’għaqda
sħiħa viżibbli meta r-Ragħajja
kollha huma f’xirka ma’ San
Pietru u hekk magħqudin ma’
Kristu.
Bis-setgħa u l-awtorità li
mingħajrhom dan id-dmir hu
fieragħ, l-Isqof ta’ Ruma jrid
iħares l-għaqda tal-Knejjes
kollha. F’din il-ħaġa hu
l-ewwel wieħed fost il-qaddejja
tal-għaqda. Dan il-primat
jitħaddem fuq ħafna livelli
fil-ħarsien tax-xandir
tal-Kelma, fiċ-ċelebrazzjoni
Sagramentali u Liturġika,
fil-missjoni, fid-dixxiplina u
fil-ħajja Nsranija. Hu dmir
is-Suċċessur ta’ San Pietru li
jfakkar x’jitlob il-ġid komuni
tal-Knisja, jekk lil xi ħadd
tiġih it-tentazzjoni li jużah
għall-interess propji tiegħu.
Hu fid-dmir li jwiddeb, iwissi u
xi drabi wkoll jgħid li dik
il-fehma jew dik il-fehma l-oħra
li qed tinxtered ma taqbel xejn
mal-fidi waħda. Meta
ċ-ċirkostanzi jitolbuh hu
jitkellem f’isem l-Isqfijiet
kollha li huma f’għaqda miegħu.
Jistgħu wkoll — taħt ċerti
kondizzjonijiet iffissati
mill-Konċilju Vatikan I —
jiddikjara ex cathedra li
xi duttrina hi parti
mid-depositu tal-fidi.
Huwa u jagħti xhieda bħal din
għall-verità, ikun jaqdi
l-għaqda.
95. Dan kollu jrid dejjem isir
f’xirka. Meta l-Knisja
Kattolika tgħid li d-dmir
tal-Isqof ta’ Ruma hu li jwieġeb
għar-rieda ta’ Kristu ma tkunx
qed tifred dan id-dmir
mill-missjoni fdata
lill-Isqfijiet kollha flimkien,
għax huma wkoll huma “vigarji u
delegati ta’ Kristu”.
L-Isqof ta’ Ruma hu parti
mill-Kulleġġ tagħhom u huma ħutu
fil-ministeru. Dak li għandu
x’jaqsam mal-għaqda
tal-komunitajiet Insara kollha,
hu kollu kemm hu parti
mill-ħerqa tal-Primat. Bħala
Isqof ta’ Ruma, naf sewwa u
tennejt f’din l-Enċiklika li
l-għaqda sħiħa viżibbli
tal-Komunitajiet kollha li fihom
jgħammar l-Ispirtu, hi x-xewqa
ħerqana ta’ Kristu. Jien
konvint li f’din il-ħaġa għandi
responsabbiltà speċjali, l-aktar
dik li nagħraf li t-tamiet
ekumeniċi tal-kotra kbira
tal-Komunitajiet Insara, u
nagħti kas tat-talba li qed
issirli li nsib sura tat-tħaddim
tal-Primat li mingħajr ma
jitwarrab xejn minn dak li hu
essenzjali fih, ikun miftuħ għal
din il-qagħda ġdida. Għal elf
sena l-Insara kienu magħqudin
flimkien “f’għaqda fraterna ta’
fidi u ta’ ħajja sagramentali u
bil-kunsens ta’ kulħadd is-Sede
ta’ Ruma kienet tagħmel ħidma
ta’ moderatur meta kienu
jinqalgħu differenzi bejniethom
dwar fidi u dixxiplina”.
B’dan il-mod kien jitħaddem
il-primat. Meta kellimt
lill-Patrijarka Ekumeniku,
il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I,
għidtlu li kont naf sewwa li
“għal ħafna raġunijiet diversi u
kontra r-rieda ta’ wieħed u
tal-ieħor, dak li kellu jkun
qadi spiss wera ruħu f’dawl għal
kollox differenti. Iżda,
bix-xewqa li verament nobdi ’l
Kristu, nagħraf li jien bħala
Isqof ta’ Ruma ġejt imsejjaħ
biex naqdi dan il-ministeru.
Jalla jagħtina d-dawl tiegħu
l-Ispirtu s-Santu u jdawwal
l-Isqfijiet kollha u t-teoloġi
tal-Knejjes tagħna biex
flimkien, kif għandu jkun,
infittxu dawn is-suriet li fih
dan il-ministeru jista’ jkun
qadi ta’ mħabba magħruf min-naħa
u mill-oħra”.
96. Hu dmir liema bħalu li ma
nistax nirrifjutaħ u ma nistax
intemmu waħdi. L-għaqda vera,
għalkemm mhux perfetta, li hemm
bejnietna m’għandhiex twassal
lir-responsabbli tal-Knejjes u
lit-teoloġi tagħhom biex jibdew
miegħi fuq din il-kwistjoni
djalogu bejn l-aħwa, kollu
sabar, u nkunu nistgħu nisimgħu
’l xulxin ’il fuq minn kull
polemika, li ma tħalli ebda
frott, bil-ħsieb biss li nagħmlu
r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja
tiegħu u nħalluh jinfidna
bl-għajta tiegħu “Ha jkunu huma
wkoll ħaġa waħda biex id-dinja
tagħraf li inti bgħattni”?(Ġw
17:21)?
Ix-xirka tal-Knejjes partikulari
kollha mal-Knisja ta’ Ruma biex
isseħħ l-għaqda
97. Il-Knisja Kattolika, kemm
fil-prattika tagħha u kemm
f’dokumenti uffiċjali, dejjem
żammet li x-xirka tal-Knejjes
partikulari mal-Knisja ta’ Ruma
u tal-Isqfijiet tagħhom
mal-Isqof ta’ Ruma hi
kundizzjoni essenzjali — skont
il-pjan ta’ Alla — għall-għaqda
sħiħa viżibbli. Jeħtieġ li
l-għaqda sħiħa li tagħha
l-Ewkaristija hi l-ogħla
manifestazzjoni sagramentali
jkollha t-tifsir viżibbli tagħha
f’ministeru li fih l-Isqfijiet
kollha jagħrfu li huma magħqudin
flimkien fi Kristu u li f’dan
il-fidili jsibu mwettqa l-fidi
tagħhom. L-ewwel parti tal-Atti
tal-Appostli turi lil San Pietru
bħala l-kelliem f’isem
il-Kulleġġ tal-Appostli u qaddej
tal-għaqda tax-xirka — u dan
b’rispett għall-awtorità ta’ San
Ġakbu, il-kap tal-Knisja ta’
Ġerusalemm. Dan id-dmir ta’ San
Pietru irid jibqa’ fil-Knisja
biex, taħt Kap wieħed li hu
Kristu Ġesù, tidher quddiem
id-dinja bħala x-xirka
tad-dixxipli kollha tiegħu.
U mhux xi sura ta’ dan
il-ministeru juru li hi meħtieġa
dawk kollha li huma mpenjati
fl-ekumeniżmu? Dan ifisser
tippresjedi fil-verità u
fl-imħabba biex id-dgħajsa —
sabiħa din ix-xbieha li
l-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes
għażel bħala simbolu — ma
titfarrakx mit-tempesti u
fl-aħħar tkun tista’ tasal
sal-port tagħha.
Għaqda sħiħa u evanġelizzazzjoni
98. Il-moviment ekumeniku ta’
żmienna, aktar mill-isforzi
ekumeniċi tal-imgħoddi li
madankollu mhux ta’ min inaqqas
l-importanza tagħhom, jingħaraf
b’mod speċjali mill-aspett
missjunarju tiegħu. Mill-kliem
San Ġwann li qed jittieħed bħala
ħsieb li jimbuttana — Ħa
jkunu lkoll ħaġa waħda biex
id-dinja temmen li inti bgħattni
(Ġw 17:21) — ingħatat importanza
hekk qawwija lill-kliem biex
id-dinja temmen, li hemm
il-periklu li xi drabi ninsew li
l-ħsieb tal-Evanġelista hu li
l-għaqda hi l-aktar għall-glorja
tal-Missier. Iżda hi ħaġa ċara
li l-firda bejn l-Insara hi
kontra l-Verità li huma fid-dmir
li jxandru u għalhekk il-firda
ddgħajjef ħafna x-xhieda
tagħhom. Il-Predeċessur tiegħi
l-Papa Pawlu VI dan għarfu sewwa
u qalu fl-Eżortazzjoni
Appostolika tiegħu Evangelii
Nuntiandi. “Għaliex aħna
ħabbara tal-Evanġelju rridu
noffru lill-fidili ta’ Kristu
dehra mhux ta’ nies mifrudin
minn xulxin u mifrudin minħabba
kontroversji li bl-ebda mod ma
jedifikaw, imma nies sħaħ
fil-fidi li jafu jinġabru
flimkien, ’il fuq minn kull
tilwim li hemm illum, għax
flimkien iridu jfittxu l-verità
sinċerament u bla ebda interessi
partikulari. Hekk hu:
l-evanġelizzazzjoni żgur
tirnexxi jekk tkun marbuta
max-xhieda tal-għaqda
tal-Knisja. Hawnhekk jaqbel li
nuru li s-sinjal tal-għaqda bejn
l-Insara kollha huwa t-triq u
l-mezz tal-evanġelizzazzjoni.
Il-firda bejn l-Insara hi ħaġa
serja ħafna u tasal biex
iddgħajjef l-istess opra ta’
Kristu”.
Kristu nistgħu nħabbru
l-Evanġelju tar-rikonċiljazzjoni
jekk fl-istess waqt ma nħabirkux
għar-rikonċiljazzjoni
tal-Insara? Jekk hu minnu li
l-Knisja immexxija mill-Ispirtu
s-Santu u mwegħda li tibqa’ għal
dejjem, ħabbret u qed tħabbar
l-Evanġelju lin-nazzjonijiet
kollha, mhux inqas veru li
għandha quddiema u trid tegħleb
id-diffikultajiet kollha li jiġu
minn din il-firda. Quddiem
ħabbara tal-fidi li ma jaqblux
ma’ xulxin, għalkemm kollha
jitkellmu fuq Kristu, dawk li ma
jemmnux jagħarfu jilqgħu
l-messaġġ veru? Ma jaħsbux
forsi li l-Evanġelju hu għajn
ta’ firda, minkejja li jiġi
mxandar bħala liġi fundamentali
tal-imħabba?
99. Meta ntenni li għalija,
bħala Isqof ta’ Ruma, l-impenn
ekumeniku hu fost il-ħidmiet
pastorali tal-Pontifikat tiegħi
li għandhom ikunu minn
tal-ewwel,
ħsiebi jmur fit-tfixkil kbir li
toħloq il-firda għax-xandir
tal-Evanġelju. Komunità
Nisranija li temmen fi Kristu u
tixtieq bil-ħeġġa tal-Evanġelju
s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha
bl-ebda mod ma tista’ ma tagħtix
widen għas-sejħa tal-Ispirtu
s-Santu li qed imexxi l-Insara
kollha lejn għaqda sħiħa
viżibbli. Dan hu wieħed
mill-kmandamenti tal-imħabba li
għandna nilqgħuh bla tlaqliq.
L-ekumeniżmu mhuwiex kwistjoni
li tolqot biss il-komunitajiet
Insara. Hu dwar l-imħabba li
Alla għandu għall-ġens kollu
tal-bnedmin fi Kristu, u
t-tfixkil għal din l-imħabba hi
offiża magħmula lil Alla u
lill-pjan tiegħu li jiġbor lil
kulħadd fi Kristu. Il-Papa
Pawlu VI kiteb lil Patrijarka
Ekumeniku Athenagoras I:
“L-Ispirtu s-Santu u msieħeb
magħna fil-mixja
tar-rikonċiljazzjoni biex
l-għaqda tal-Knejjes tagħna tkun
sinjal dejjem aktar jiddi ta’
tama u ta’ faraġ għall umanità
kollha”.
EŻORTAZZJONI
100. Meta dan l-aħħar kellimt
lill-Isqfijiet, il-kleru u
l-fidili tal-Knisja Kattolika
biex nurihom it-triq li minnha
jridu jgħaddu għaċ-ċelebrazzjoni
tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena
Elfejn, fost ħwejjeġ oħra
għidt: L-aħjar tħejjija “ma
tistax ma tkunx impenn
imġedded biex sa fejn jista’
jkun it-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II jidħol fil-ħajja ta’
kull wieħed u tal-Knisja kollha.
Il-Konċilju — bħall Avvent — hu
l-bidu ta’ dak il-mixi li se
jwassalna fuq l-għatba
tat-Tielet Elf Sena. Jiena u
nqis l-importanza li l-Konċilju
ta lill-ħidma biex isseħħ
l-għaqda tal-Insara f’dan
iż-żmien tagħna ta’ grazzja
ekumenika, deher meħtieġ li
jiena ntenni l-konvinzjonijiet
fundamentali li l-Konċilju
naqqax fil-kuxjenza tal-Knisja
Kattolika, jiena nfakkarhom
fid-dawl tal-progress kollu li
intant sar biex isseħħ l-għaqda
sħiħa tal-imgħamdin kollha.
Żgur li l-Ispirtu s-Santu qed
jaħdem f’din l-opra u qed imexxi
l-Knisja lejn is-sħubija kollha
tal-pjan tal-Missier skont
ir-rieda ta’ Kristu, li hi
mfissra b’qawwa hekk ħerqana
fit-talb li skont ir-Raba’
Evanġelju ħarġet minn fomm Dak
li kien sejjer lejn il-ħidma
tas-salvazzjoni tal-Għid. Kif
ried dak inhar, hekk illum
Kristu jrid impenn ġdid minn
kulħadd għall-għaqda sħiħa u
viżibbli.
101. Inħeġġeġ għalhekk lil Ħuti
fl-Episkopat biex jidħlu għal
dan l-impenn. Iż-żewġ
Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika
fost id-dmirijiet tal-Isqof
isemmu wkoll id-dmir li jġib
l-quddiem l-għaqda tal-Insara u
jgħin kull ħidma u kull
inizjattiva biex tiġi l-quddiem
din l-għaqda għax iħoss li
l-Knisja hi marbuta b’dan
id-dmir u għax din hi r-rieda
ta’ Kristu.
Din hi parti mill-missjoni
tal-Isqof u hu dmir li joħroġ
direttament mill-fedeltà lejjn
Kristu r-Ragħaj tal-Knisja.
L-Insara kollha huma mistiedna
mill-ispirtu ta’ Alla biex
jagħmlu dak li jistgħu ħa
jissaħħu dejjem aktar ir-rabtiet
tal-għaqda fost l-Insara kollha
u tikber il-kooperazzjoni fost
id-dixxipli kollha ta’ Kristu:
“It-tħassib biex isseħħ l-għaqda
jimpenja l-Knisja kollha sew
l-Insara u sew ir-ragħajja,
kulħadd skont il-ħila li
għandu”.
102. Il-qawwa tal-Ispirtu ta’
Alla tagħti ħajja lill-Knisja u
tibniha tul iż-żminijiet. Fuq
it-talba trid tistrieħ il-ħerqa
li mhijiex ħlief xewqa kbira
għall-għaqda u għalhekk it-talb
hu wieħed mill-għemejjel
meħtieġa tal-imħabba li bih
ningħaqda ma’ Kristu u
mal-Missier, għani fil-ħniena.
It-talb irid ikun l-aqwa għemil
tagħna fil-mixi flimkien
mal-Insara l-oħra kollha, lejn
l-elf sena li hi hekk fil-qrib.
Kif se jseħħ dan? “B’radd
il-ħajr”, għaliex mhux sejrin
għal din il-laqgħa b’idejna
vojta; “L-Ispirtu jgħinna
fin-nuqas ta’ ħila tagħna... u
jidħol għalina bi tnehid li ma
jistax jitfisser bil-kliem” (Rum
8:26) u jgħallimna nitolbu ’l
Alla dak li neħtieġu. Kif se
niksbu dan? Bit-tama
fl-Ispirtu li jista’ jwarrab
minna x-xbihat tal-imgħoddi u
t-tifkiriet kollha mrar
tal-firdiet; jista’ jagħtina
dawl, qawwa u qalb biex nagħmlu
l-passi meħtieġa ħalli l-ħidma
tagħna tkun aktar vera, u jekk
nistaqsu dan kollu jistax isir,
it-tweġiba hi dejjem: iva.
L-istess tweġiba semgħetha
Marija ta’ Nazaret li għal Alla
ma hemm xejn li ma jistax ikun.
Niftakar fil-kliem li bih San
Ċiprijanu jikkommenta l-Missierna,
it-talba tal-Insara kollha:
“Alla ma jilqax l-offerta ta’
min mhux paċi ma’ ħuh: dan
għaliex Alla jtaffi l-għadab
tiegħu biss bit-talb tal-bniedem
li jħobb is-sliem u l-paċi.
L-aqwa sagrifiċċju għal Alla hu
l-għaqda tagħna bħal aħwa
fis-sliem bejnietna, l-għaqda
tagħna bħala poplu ta’ Alla
miġbur flimkien fl-għaqda
tal-Missier u ta’ l-Iben u
tal-Ispirtu s-Santu”.
Issa li fuq ix-xefaq qed tidher
elf sena oħra, għaliex
m’għandniex nitolbu l-Mulej
b’ħeġġa ġdida u għarfien aħjar
il-grazzja, li jagħti lilna
lkoll il-grazzja li nitħejju
għal dan is-sagrifiċċju
tal-għaqda?
103. Jien, Ġwann Pawlu, il-qaddej
umli tal-qaddejja ta’
Alla, nagħmel tiegħi kliem
l-Appostlu San Pawl li
bil-martirju tiegħu flimkien ma’
dak ta’ San Pietru ta lil din
is-Sede ta’ Ruma id-dija
tax-xhieda tiegħu, biex lilkom
il-fidili tal-Knisja Kattolika,
u lilkom wkoll ħuti tal-Knejjes
u l-Komunitajiet Ekkleżjali
l-oħra kollha, ngħidilkom:
Ħabirku għall-perfezzjoni,
isimgħu milli wieħed jgħidilkom,
kunu tama waħda, żommu s-sliem,
u Alla tal-imħabba u s-sliem
ikun magħkom...
Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù
Kristu, l-imħabba ta’ Alla u
l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu
tkun magħkom ilkoll”
(2Kor 13:11-13).
Minn Ruma, minn San Pietru,
fil-15 ta’ Mejju, fis-Solennità
tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema,
fis-sena 1995, is-17-il sena
tal-Pontifikat.
Joannes Paulus pp. II
|