 |

ITTRA
ENĊIKLIKA
SLAVORUM
APOSTOLI
tal-Papa Ġwanni Pawlu II
lill-isqfijiet, saċerdoti,
familji reliġjużi u l-insara
kollha
b’tifkira tal-ħdax-il mitt sena
tal-ħidma għax-xandir
tal-Evanġelju
minn San Ċirillu u San Metodju
DAĦLA
1. It-tifkira
tal-Appostli tas-Slavi, San
Ċirillu u San Metodju
fil-Knisja hi marbuta mal-ħidma
li għamlu għax-xandir
tal-Evanġelju. Nistgħu ngħidu
wkoll li t-tifkira ħajja u ta’
siwi kbir llum ukoll.
Bl-ittra Appostolika Tiegħi,
Egregiae Virtutis
tal-31 ta’ Diċembru 1980, jien
ipproklamajt lil San Ċirillu u
lil San Metodju, patruni
tal-Ewropa flimkien ma’ San
Benedittu, għax qist x’qima u
ħajr kien hemm tul il-mijiet
tas-snin, l-aktar fost
il-ġnus Slavi lejn dawn
iż-żewġ Aħwa minn Salonika (li
fl-antik kienet magħrufa bħala
Tessalonika) u
kkonsidrajt x’sehem kellhom
fix-xandir tal-Evanġelju fost
dawk il-ġnus; meta għamilt dan
kelli fi ħsiebi wkoll li dan
seta’ jgħin
għar-rikonċiljazzjoni bejn
in-nazzjonijiet, ħa jgħixu
flimkien bħala ħbieb u
għall-mixi ’l quddiem
fil-progress u r-rispett
għad-dinjità li tixraq lil kull
nazzjon. Meta għamilt dan jien
imxejt fuq il-pass tal-Papiet li
ġew qabli, u b’mod speċjali,
tal-Papa Ljun XIII, li aktar
minn mitt sena ilu, fit-30 ta’
Settembru 1880, bl-Enċiklika
Grande Munus
ried li dawn iż-żewġ Qaddisin
ikunu miqjuma mill-Knisja
kollha, u mill-Papa Pawlu VI li
bl-Ittra Appostolika Pacis
Nuntius
tal-24 ta’ Ottubru 1964,
ipproklama lil San Benedittu
Patrun tal-Ewropa.
2.
L-għan tad-dokument ta’
ħames snin ilu kien li jfakkar
lin-nies dawn l-atti solenni
tal-Knisja u jwassal l-insara u
lin-nies kollha ta’ rieda tajba
li għandhom għal qalbhom il-ġid,
l-armonija u l-għaqda
tal-Ewropa, biex jintebħu
x’importanza għandhom San
Benedittu, San Ċirillu u San
Metodju, bħala eżempji ħajjin
ta’ għajnuna spiritwali
għall-insara tal-lum, l-aktar
għall-ġnus tal-Ewropa; l-aktar
bit-talb u bil-ħidma ta’ dawn
il-Qaddisin, l-Ewropa, minn
żmien ilu, għarfet tniżżel
l-egħruq tagħha fil-Knisja u
fit-tradizzjoni nisranija.
L-Ittra Appostolika tiegħi
tal-1980, inkitbet b’tama
qawwija li, bil-mod il-mod,
fl-Ewropa u fid-dinja, jintrebaħ
kull ma qiegħed jifred Knejjes,
nazzjonijiet u popli, u kienet
marbuta ma’ tliet ċirkostanzi li
dwarhom kont naħseb u nitlob
ħafna. L-ewwel ċirkostanza
kienet il-ħdax-il mitt sena
tal-Ittra Pontifiċja
Industriae Tuae
li biha l-Papa Ġwanni VIII
fis-sena 880 ta l-approvazzjoni
tiegħu għall-użu tal-ilsien
Slavoniku antik fil-Liturġija,
ilsien li fih iż-żewġ Qaddisin
Aħwa kienu qalbu l-kotba
liturġiċi li ħadu magħhom.
It-tieni ċirkostanza kienet
l-ewwel mitt sena tal-Enċiklika
Grande Munus li semmejt
aktar ’il fuq. It-tielet
ċirkostanza kien il-bidu,
proprju fl-1980, ta’ djalogu
teoloġiku hieni u mimli tamiet
bejn il-Knisja Kattolika u
l-Knejjes Ortodossi, fil-gżira
ta’ Patmos.
3. F’din l-enċiklika tal-lum
nixtieq nagħmel riferenza
speċjali għall-Enċiklika
Grande Munus li biha l-Papa
Ljun XIII ried ifakkar
lill-Knisja u d-dinja x’merti
appostoliċi kellhom dawn
iż-żewġt aħwa — mhux biss San
Metodju, li skont
it-tradizzjoni, temm ħajtu
f’Velehrad, fil-Moravja l-Kbira,
fis-sena 885, imma wkoll San
Ċirillu li l-mewt firditu minn
ħuh fis-sena 869, waqt li kienu
Ruma fil-belt li għadha sal-lum
tgħożż il-fdalijiet tiegħu
b’qima kbira fil-Bażilika ta’
San Klement.
Il-Papa Ljun XIII, wara li
fakkar il-ħajja qaddisa u
l-merti appostoliċi kbar taż-żewġ
Aħwa minn Salonika,
iffissa l-festa tagħhom fis-7
ta’ Lulju. Wara l-Konċilju
Vatikan II, minħabba t-tiġdid
liturġiku li sar, il-festa
tagħhom ġiet trasferita għall-14
ta’ Frar, jum li fih
storikament, San Ċirillu twieled
għas-sema.
Wara li għaddew aktar minn mitt
sena mill-pubblikazzjoni
tal-ittra tal-Papa Ljun XIII
iċ-ċirkostanzi ġodda ta’ dan
iż-żmien li fih qiegħda taħbat
il-ħdax-il mitt sena mill-mewt
ta’ San Metodju, iħeġġuni biex
inġedded it-tifkira li tagħmel
il-Knisja ta’ dan l-anniversarju
hekk importanti. U din il-ħaġa
nħossha li hi dmir speċjali
tiegħi, l-ewwel Papa li ġie
msejjaħ biex joqgħod fuq
il-Kattedra ta’ San Pietru
mill-art tal-Polonja, jiġifieri
minn fost il-ġnus slavi.
Il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar
mitt sena u speċjalment
il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar
għaxriet ta’ snin għenu ħafna
mhux biss biex tiġġedded
it-tifkira reliġjuża ta’ dawn
iż-żewġ Qaddisin, imma wkoll
biex iqajmu interess storiku u
kulturali dwarhom. Fid-dawl
taċ-ċirkostanzi u tal-esperjenzi
ta’ żminijietna l-kariżmi
speċjali li kellhom ġew aktar
magħrufin. Għenu ħafna bħala
sinjali taż-żminijiet
li-ġrajjiet tas-seklu għoxrin; u
l-aqwa ġrajja kienet ġrajja
kbira fil-ħajja tal-Knisja: il-Konċilju
Vatikan II. Fid-dawl
tal-maġisteru u fil-għan
pastorali ta’ dan il-Konċilju,
nistgħu nħarsu b’mod ġdid —
b’mod aktar fil-fond u aktar
sħiħ — lejn dawn iż-żewġ
qaddisin, li ħdax-il mitt sena
jifirduhom minna. Fil-ħajja u
l-ħidma appostolika tagħhom
għandna naraw dawk l-elementi li
l-Provvidenza ta’ Alla riedet
fihom biex fi żminijietna
jidhru b’milja ġdida u hekk
jagħtu frott ġdid.
II
BJOGRAFIJA FIL-QOSOR
4.
Kif
għamilt fl-Enċiklika Grande
Munus, nixtieq infakkar
il-ħajja ta’ San Metodju, iżda
mingħajr ma nħalli
fil-ġenb dik ta’ San Ċirillu,
tant huma marbutin ma’ xulxin
il-ħajjiet ta’ dawn iż-żewġ
aħwa. Dan se nagħmlu b’mod
ġenerali u nħalli diskussjoni
fit-tul dwar punti partikulari
għar-riċerka storika.
Il-belt fejn twieldu dawn
iż-żewġ Aħwa Qaddisin, hija
l-belt moderna ta’ Salonika, li
fis-seklu IX kienet ċentru
importanti ħafna tal-ħajja
kummerċjali u kulturali
tal-Imperu Biżantin, u kellha
importanza kbira fil-ħajja
intellettwali u soċjali ta’ dawk
in-naħiet tal-Balkani.
Għax kienet tinsab qrib
l-artijiet tas-Slavi, kellha
wkoll isem Slav: Solun.
Metodju kien il-kbir, u
fil-Magħmudija tawh l-isem ta’
Mikiel. Twieled bejn is-snin
815 u 820. Ħuh iż-żgħir
Kostantinu, li hu aktar magħruf
bħala Ċirillu, l-isem li ħa
bħala reliġjuż, twieled bejn
is-snin 827 u 828. Missierhom
kien uffiċjal għoli
fl-amministrazzjoni imperjali.
Minħabba l-qagħda soċjali
tal-familja ż-żewġ aħwa seta’
kellhom l-istess karriera ta’
missierhom, u fil-fatt Metodju
beda din il-karriera u laħaq
Archon jew prefett ta’ waħda
mill-provinċji tal-frontiera
tal-imperu, provinċja fejn kienu
jgħammru ħafna nies Slavi. Iżda
mbagħad ħalla l-karriera u
nġabar f’wieħed mill-monasteri
taħt il-muntanja Olympus
fil-Bitinja, li dak iż-żmien
kienet magħrufa bħala l-Muntanja
mqaddsa.
Ħuh Ċirillu studja f’Bisanzju u
rnexxa ħafna fl-istudju; ġie
ordnat saċerdot wara li ċċaħħad
minn karriera politika
mill-aqwa. Minħabba
l-kapaċitajiet intellettwali u
reliġjużi kbar tiegħu u minħabba
l-għerf li kellu, meta kien
għadu żgħir fil-għomor ġew fdati
lilu uffiċċji delikati ħafna
fil-Knisja, bħal dik ta’
Arkivista tal-Bażilika ta’ Santa
Sofija f’Kostantinopli u
fl-istess ħin ukoll, il-kariga
tassew ta’ ġieħ ta’ Segretarju
tal-Patrijarka ta’ dik il-belt.
Iżda ma damx wisq ma wera
x-xewqa li jħalli dawn iż-żewġ
karigi biex jiddedika ħatju
għall-istudju u
għall-kontemplazzjoni ’l bogħod
minn kull xewqa ta’ ambizzjoni.
U għalhekk inġabar, bla ma ħadd
kien jaf, f’monasteru f’xatt
il-Baħar Iswed. Sabuh sitt xhur
wara, u renexxielhom iġagħluh
jaċċetta li jgħallem
il-filosofija fl-iskola
superjuri ta’ Kostantinopli
fejn, minħabba l-għerf għoli
tiegħu, kiseb l-isem ta’
il-Filosofu, isem li bih
għadu magħruf sal-lum. Aktar
tard il-Patrijarka u l-Imperatur
bagħtuh b’missjoni għand
is-Saraċini. Meta temm din
il-ħidma reġa’ ħalla d-dinja u
nġabar ma’ ħuh, Metodju, biex
miegħu jgħix il-ħajja
monastika. Iżda mill-ġdid,
flimkien ma’ ħuh Metodju, kellu
jagħmel sehem, bħala espert
reliġjuż u kulturali, minn
delegazzjoni Biżantina għand
il-Kazari. Waqt li kienu
fil-Krimea, f’Kherson, sabu
l-knisja fejn ħasbu li kien
midfun San Klement, il-Papa ta’
Ruma u martri, li kien ġie
eżiljat f’dak il-post
imbiegħed. Ħadu r-relikwi
tiegħu u ġarruhom magħhom
u, aktar tard ħaduhom ukoll
magħhom fil-vjaġġ missjunarju li
għamlu lejn il-punent, u setgħu
jwassluhom bis-solennità kollha
Ruma u jagħtuhom lill-Papa
Adrijan II.
5. Il-ġrajja li ddeterminat
x’kellha tkun il-bqija ta’
ħajjithom kienet it-talba li
l-Prinċep Rastislav tal-Moravja
l-Kbira għamel lill-Imperatur
Mikiel III biex jibgħatlu isqof
u mgħallem ħa jfisser lill-ġnus
tiegħu l-fidi nisranija vera
f’ilsienhom stess.
Intgħażlu l-Qaddisin Ċirillu u
Metodju, li aċċettaw minnufih u
telqu lejn il-Moravja fejn
aktarx waslu fis-sena 863:
il-Moravja l-Kbira dak iż-żmien
kien pajjiż li fih kienu
jgħammru ħafna ġnus Slavi
tal-Ewropa tan-nofs, pajjiż fejn
kienu jiltaqgħu u jitħalltu
flimkien l-influwenzi tal-Lvant
u tal-Punent. Ċirillu u Metodju
bdew il-missjoni tagħhom fost
dawk il-ġnus, missjoni li
għaliha ddedikaw il-bqija ta’
ħajjithom, ġejjin u sejrin minn
post għall-ieħor, fost ħafna
ċaħdiet, tbatijiet, egħdewwa u
persekuzzjonijiet; u barra dan
kollu San Metodju kellu wkoll
igħaddi żmien f’ħabs kiefer u
iebes. Ġarrbu dan kollu b’fidi
qawwija u tama kbira f’Alla.
Kienu ħejjew ruħhom sewwa għal
din il-ħidma li ġiet fdata
lilhom: ħadu magħhom il-kotba
tal-Iskrittura li kienu jeħtieġu
ħa jiċċelebraw il-Liturgija
Mqaddsa, li ħejjew u qalbu
fl-ilsien Slavoniku, u kitbu
b’alfabet ġdid, imħejji minn
Kostantinu l-Filosofu, u għal
kollox adatt biex ifisser
il-ħoss tal-kliem Slav.
Il-ħidma missjunarja taż-żewġt
aħwa kellha suċċess kbir, iżda
ltaqgħet ukoll ma’
diffikultajiet li wieħed
jifhimhom, diffikultajiet
imqanqla mill-Knejjes Latini
tal-qrib, li qabel San Ċirillu u
San Metodju, kienu ġà bdew
iħabbru l-Evanġelju f’dak
il-pajjiż.
Xi tliet snin wara, huma u
sejrin Ruma, Ċirillu u Metodju
waqfu fil-Pannonja, fejn
laqagħhom bil-qalb il-Prinċep
Slav Kocel li kien ħarab hemm
miċ-ċentru politiku u reliġjuż
ta’ Nitra, ċentru li dak
iż-żmien kien importanti ħafna.
Mill-Pannonja, wara xi xhur,
reġgħu telqu lejn Ruma flimkien
mad-dixxipli tagħhom li xtaqu
jaraw ordnati saċerdoti. Fi
triqthom għaddew minn Veneżja,
fejn is-sura ġdid tal-missjoni
tagħhom ġiet diskussa
pubblikament. F’Ruma l-Papa
Adrijan II, li kien laħaq wara
l-Papa Nikol I, laqagħhom
b’qalbu kollha. Ta
l-approvazzjoni tiegħu
għall-kotba liturġiċi Slavoniċi,
u ordna li jitqiegħdu
bis-solennità kollha fuq l-artal
ta’ Santa Marija in praesepe,
illum magħrufa bħala Santa Maria
Maggiore, u ried li d-dixxipli
tagħhom jiġu ordnati saċerdoti.
Din l-ewwel parti tal-ħidma
tagħhom intemmet b’riżq
mill-aħjar; iżda Metodju kellu
mbagħad ikompli l-ħidma waħdu,
għaliex ħuh marad ħafna u
bil-kemm kellu ż-żmien jieħu
l-voti reliġjużi u jilbes
iċ-ċokka ta’ raħeb qabel miet
ftit wara, fl-14 ta’ Frar 869
f’Ruma.
6. San Metodju żamm b’għożża
l-kliem li Ċirillu qallu huwa u
jmut: “Ara, ħi, kellna l-istess
xorti, ħratna l-istess għalqa;
issa jien waqajt fi-tarf
tal-għalqa għax temmejt il-jum
tiegħi. Jien naf kemm tħobb
il-Muntanja tiegħek; iżda
tħallix fil-ġenb il-ħidma
tiegħek li tgħallem minħabba din
il-Muntanja. Għaliex, fejn
aħjar se ssib is-salvazzjoni
tiegħek?”
Ikkonsagrat arċisqof
għat-territorju tad-djoċesi
antika tal-Pannonja, u nominat
Legat tal-Papa “ad gentes”
(għall-ġnus Slavi), ħa t-titolu
ekklesjastiku ta’ Arċisqof
tad-djoċesi ta’ Sirmium, li
twaqqfet mill-ġdid. Iżda
l-ħidma appostolika ta’ Metodju,
intemmet ħesrem minħabba
kwistjonijiet politiċi u
reliġjużi li wasslu biex S.
Metodju jiġi mitfugħ il-ħabs
għal sentejn mixli li ndaħal
fil-ġurisdizzjoni ta’ isqof
ieħor. Ħeles mill-ħabs għax
qabeż għalih direttament il-Papa
Ġwanni VIII. Is-sultan il-ġdid
tal-Moravja l-Kbira, il-Prinċep
Svatoplok, aktar tard wera ruħu
kuntrarju għall-ħidma evanġelika
ta’ San Metodju. Il-Prinċep
kien kuntrarju għal-liturġija
Slavonika u wasal biex f’Ruma
xerred ħafna dubbji dwar
l-ortodossija tal-Arċisqof.
Fis-sena 880, l-Arċisqof ġie
msejjaħ ad limina Apostolorum,
biex mill-ġdid jippreżenta l-każ
tiegħu personalment quddiem
il-Papa Ġwanni VIII. F’Ruma
ħareġ ħieles minn kull ma xlewh
biħ, u kiseb mingħand il-Papa
l-pubblikazzjoni tal-Bolla
Industriae Tuae
li tat mill-ġdid, almenu
fil-qofol tagħhom, il-privileġġi
li l-Papa ta’ qabel, Adrijan II,
kien ta lil-liturġija bl-ilsien
Slavoniku. Meta, fis-sena 881
jew 882, Metodju mar
Kostantinopli, l-Imperatur
Biżantin u l-Patrijarka Fozju,
li dak iż-żmien kien f’għaqda
sħiħa ma’ Ruma, huma wkoll
għarfu l-ortodossija u
l-leġittimità sħiħa tiegħu.
Għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu
jkompli jaqleb fl-ilsien
Slavoniku l-Kotba Mqaddsa,
il-kotba liturġiċi u l-kitba ta’
Missirijiet il-Knisja, u l-ġabra
wkoll tal-liġijiet ekklesjastiċi
u tal-liġijiet ċivili Biżantini
magħrufa bħala Nomocanon.
Biex ikompli sejjer ix-xogħol li
kien beda, għażel bħala
suċċessur id-dixxiplu tiegħu
Gorazd. Miet fis-6 ta’ April
885 huwa u jaqdi l-Knisja
mwaqqfa fost il-ġnus Slavi.
7. Il-ħidma tiegħu li kienet
tħares ’il bogħod ħafna,
it-tagħlim għoli u ortodoss
tiegħu, il-ħila tiegħu li jżomm
il-qjies f’kollox, il-lealtà
tiegħu, il-ħeġġa appostolika li
biha kien imżejjen, il-qalb
kbira tiegħu li qatt ma nħakmet
mill-biża’, kisbulu l-għarfien u
l-fiduċja tal-Papiet ta’ Ruma,
tal-Patrijarki ta’
Kostantinopli, tal-Imperaturi
Biżantini, u tal-ħafna
prinċipijiet tal-popli Slavi
ġodda. B’dan il-mod sar
il-mexxej u r-ragħaj leġittimu
ta’ dik il-Knisja li dak
iż-żmien twaqqfet fost dawk
il-ġnus. Hu miqjum minn
kulħadd, flimkien ma’ ħuh
Kostantinu, bħala l-ħabbar
tal-Evanġelju u l-imgħallem
“mibgħut minn Alla u
mill-Appostlu San Pietru”
u bħala l-pedament tal-għaqda
sħiħa bejn il-Knejjes li kienu
għadhom kemm twaqqfu u l-knejjes
l-aktar antiki.
Minħabba f’dan, “irġiel u nisa,
ċkejknin u setgħanin, għonja u
fqar, ilsiera u ħielsa, romol u
ltiema, barranin u nies
tal-pajjiż, nies morda u nies
b’saħħithom”
kienu l-folla ta’ nies jibku u
jkantaw li wasslu sal-post
tad-dfin tiegħu dan l-Imgħallem
u r-Ragħaj it-tajjeb li “sar
kollox għal kulħadd biex isalva
lil xi whud”.
Biex ngħidu s-sewwa, wara l-mewt
ta’ Metodju, il-ħidma taż-żewġt
Aħwa għaddiet minn kriżi kbira,
u tant ħraxet il-persekuzzjoni
kontra d-dixxipli tagħhom li
kellhom jieqfu mill-ħidma
missjunarja tagħhom. Iżda
ż-żerriegħa tal-Evanġelju li
żergħu, baqgħet tagħti frott, u
l-ħerqa pastorali tagħhom li
jwasslu l-verità rivelata lil
ġnus ġodda — waqt li
jirrispettaw il-kultura
oriġinali tagħhom — hi eżempju
ħaj għall-Knisja u
għall-missjunarji tul
iż-żminijiet kollha.
III
ĦABBARA TAL-EVANĠELJU
8.
Bnedmin
ta’ kultura Biżantina, l-aħwa
Ċirillu u Metodju rnexxilhom
ikunu appostli tas-Slavi
fil-veru sens tal-kelma.
Il-firda minn art twelidek, li
Alla xi kultant jitlob minn
għand dawk li jagħżel, meta tiġi
milqugħa b’fidi sħiħa
fil-wegħdiet ta’ Alla, hi
l-kondizzjoni misterjuża
meħtieġa minn qabel għal mixi ’l
quddiem u l-kobor tal-Poplu ta’
Alla fuq l-art. Il-Mulej qal
lil Abraham: “Qum u itlaq minn
art twelidek u minn dar
missierek, lejn l-art li jien
nurik. U jien nagħmlek ġens
kbir; imbierkek u nkattarlek
ismek, u int tkun barka”.
Fil-ħolma
li San Pawl kellu fi Troas,
fl-Asja Minuri, raġel
mill-Maċedonja, għalhekk bniedem
li kien igħammar fl-Ewropa,
deherlu quddiemu jitolbu jmur
f’pajjiżu jxandar il-Kelma ta’
Alla: “Ejja l-Maċedonja u
għinna!”
Il-Provvidenza ta’ Alla, li
fil-każ ta’ dawn iż-zewġ Aħwa
Qaddisin uriet ruħha fil-kliem u
l-awtorità tal-Imperatur ta’
Bisanzju u tal-Patrijarka
tal-Knisja ta’ Kostantinopli,
ħeġġithom bl-istess kliem meta
talbithom imorru missjunarji
fost is-Slavi. Din il-ħidma
kienet tfisser għalihom mhux
biss li jiċċaħħdu minn
pożizzjoni ta’ ġieħ imma wkoll
li jiċċaħħdu minn ħajja ta’
kontemplazzjoni; kienet tfisser
li kellhom iħallu l-Imperu
Biżantin u jibdew pellegrinaġġ
fit-tul għall-qadi tal-Evanġelju
fost ġnus li, b’ħafna suriet,
kienu ’l bogħod ħafna minn sura
ta’ ħajja ċivili mibnija fuq
organizzazzjoni mill-aqwa
tal-Istat u fuq il-kultura
mill-ifjen ta’ Bisanzju, kollha
kemm hi ispirata minn prinċipji
nsara. L-istess talba saret
għal tliet darbiet mill-Papa lil
Metodju meta bagħtu bħala isqof
fost is-Slavi tal-Moravja
l-Kbira fil-provinċja
ekklesjastika tal-djoċesi antika
tal-Pannonja.
9.
Il-Ħajja Slavonica ta’
Metodju tgħidilna
bil-kliem li ġej x’kienet
it-talba li l-Prinċep Rastislav
għamel lill-Imperatur Mikiel
III: “Ħafna għalliema nsara
mill-Italja, mill-Greċja u
mill-Ġermanja ġew fostna
jgħallmuna b’suriet differenti.
Iżda aħna s-Slavi, ma għandna
l-ħadd li jmexxina lejn
il-verità u jgħallimna b’mod li
nifhmu”.
Kien wara dan li Kostantinu u
Metodju ġew mistiedna jmorru
fil-Moravja. It-tweġiba tassew
nisranija li huma taw għal din
l-istedina f’din l-okkażjoni u
f’okkażjonijiet oħra bħalha, hi
mfissra b’mod tal-għaġeb
mill-kliem ta’ Kostantinu
lill-Imperatur: “Għajjien kemm
jien għajjien u bla saħħa
f’ġismi, immur ferħan f’dik
l-art”;
“nitlaq ferħan għall-imħabba
tal-fidi nisranija”.
Il-verità u l-qawwa tal-mandat
missjunarju tagħhom joħorġu
mill-fond tal-misteru tal-Fidwa,
u l-ħidma tagħhom għax-xandir
tal-Evanġelju fost il-ġnus Slavi
kellha ssir ħolqa importanti
ħafna fil-missjoni li l-Feddej
ried jafda lill-Knisja tiegħu
tul iż-żminijiet. Bil-ħidma
taż-żewġt Aħwa qaddisin seħħet —
f’ċirkostanzi u żmien
partikulari — il-kelma ta’
Kristu li, bil-qawwa tas-Salib u
tal-Qawmien mill-imwiet qal
lill-Appostli: “Xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”.
“Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus
kollha”.
Huma u jagħmlu dan il-ħabbara
tal-Evanġelju lill-ġnus Slavi u
l-għalliema tagħhom riedu jkunu
mmexxija mill-ħeġġa appostolika
ta’ San Pawl: “Intom ulied Alla
lkoll kemm intom permezz
tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom
li intom mgħammdin fi Kristu,
ilbistu ’l Kristu. Issa ma
hemmx iżjed Lhud u anqas Grieg,
ma hemmx ilsir u anqas ħieles,
ma hemmx raġel u anqas mara,
għax intom ilkoll ħaġa waħda fi
Kristu Ġesù”.
Iż-żewġt Aħwa flimkien
mar-rispett li dejjem urew lejn
kulħadd, ħsiebhom dejjem li, bla
ebda interess, ifittxulhom biss
il-veru ġid tagħhom, kellhom
ukoll dik l-enerġija, dak
l-għaqal, dik il-ħeġġa u dik
l-imħabba li kienu jeħtieġu biex
iwasslu għad-dawl tal-fidi dawk
li kellhom jemmnu, u fl-istess
ħin juruhom x’inhu l-veru ġid u
jgħinuhom bil-fatti biex
jiksbuh. Biex jilħqu dan
il-għan fittxew li jkunu jixbhu
f’kollox lil dawk li kienu
jħabbrulhom l-Evanġelju, xtaqu
jkunu parti minn dawk il-ġnus u
jaqsmu magħhom xortihom
f’kollox.
10. Hu proprju għalhekk li
kienet ħaġa naturali għalihom li
juru b’mod ċar x’kienet
il-qagħda tagħhom f’kull
kwistjoni li kienet tinqala’ u
tinkwieta lil dawk
is-soċjetajiet Slavi li kienu
qegħdin jorganizzaw ruħhom.
Għamlu tagħhom id-diffikultajiet
u l-problemi li bilfors sabu
quddiemhom dawk il-ġnus li kienu
qed jiddefendu l-identità
tagħhom mill-pressjoni militari
u kulturali tal-Imperu
Romano-Ġermaniku l-ġdid, u kienu
qed jippruvaw jirreżistu
għad-dħul ta’ sura ta’ ħajja li
kienet barranija għalihom. Kien
iż-żmien ukoll meta bdew jikbru
d-differenza — u
disgrazzjatament kellhom ikomplu
jikbru ħafna — bejn il-Knejjes
tal-Lvant u tal-Punent, u dawn
iż-żewġt Aħwa missjunarji sabu
ruħhom indaħħlin personalment
fihom. Iżda dejjem irnexxilhom
iżommu bla mittiefsa
l-ortodossija tal-fidi u
attenzjoni sħiħa kemm lejn
id-depositu tat-tradizzjoni u
kemm lejn l-elementi ġodda
fil-ħajja tal-ġnus li lilhom
kienu qed ixandruhom
l-Evanġelju. Kemm-il darba sabu
ruħhom imħabbtin b’qagħdiet
kontra xulxin, bl-inċertezzi
kollha u l-uġigħ ta’ ras u ta’
qalb li jġibu magħhom qagħdiet
bħal dawn: iżda dan kollu qatt
ma wassal lil Kostantinu u
lill-Metodju biex jaħarbu minn
provi bħal dawn. La l-fatt li
kien hemm min fehemhom ħażin, la
l-qerq ta’ oħrajn, u, fil-każ
ta’ San Metodju, la l-ħabs
aċċettat għall-imħabba ta’
Kristu, ma rnexxilhom iwasslu
lil dawn iż-żewġ Qaddisin li
jbiddlu l-fehma soda li kellhom
li jgħinu u jħabirku għall-ġid
tal-ġnus Slavi u għall-għaqda
tal-Knisja universali. Dan hu
l-prezz li kellhom iħallsu
għax-xandir tal-Evanġelju,
għall-ħidma missjunarja,
għat-tfittxija ta’ suriet ġodda
ta’ ħajja u ta’ mezzi tajba biex
iwasslu l-Evanġelju lill-ġnus
Slavi, lin-nazzjonijiet Slavi li
dak iż-żmien kienu qed jissawru.
Iż-żewġt Aħwa — kif igħidulna
dawk li kitbu ħajjithom — biex
ixandru l-Evanġelju, indaħħlu
għax-xogħol iebes li jaqilbu
l-kotba tal-Iskrittura, li huma
kienu jafu bil-Grieg, fl-ilsien
tal-popolazzjonijiet Slavi li
bdew jgħammru qrib il-fruntiera
tal-provinċja u l-belt tagħhom.
Huma għamlu użu mill-ilsien u
l-kultura Griega f’din il-ħidma
iebsa u mhux tas-soltu tagħhom,
biex jifhmu u jidħlu fil-fond
tal-ilsien, tad-drawwiet u
t-tradizzjonijiet tal-ġnus
Slavi, u rnexxilhom ifissru
sewwa t-tamiet u l-valuri li
kienu jinsabu u jidhru fihom.
11. Iż-żewġt Aħwa, biex jaqilbu
fl-ilsien ġdid il-veritajiet
tal-Evanġelju, kellhom jagħmlu
sforz kbir biex jifhmu sewwa
r-ruħ ta’ dawk li lilhom riedu
jxandru l-Kelma ta’ Alla bi
xbihat u fehmiet familjari
għalihom. Huma fehmu li biex
il-ħidma missjunarja tagħhom
tirnexxi sewwa, kien jeħtieġ li
l-ideat bibliċi u l-fehmiet
teoloġiċi Griegi jiġu mfissra
b’mod korrett lil nies li kienu
jaħsbu mod ieħor u kellhom
esperjenza storika oħra. Kien
problema ta’ metodu ġdid ta’
katekeżi. San Metodju, l-ewwel
ma’ ħuh, u mbagħad waħdu, biex
juri kemm kien xieraq u kemm
kien jiswa dan il-metodu, ma
ħasibhiex darbtejn li jwieġeb
bil-ħlewwa kollha kull darba li
ġie mistieden imur Ruma; l-ewwel
stedina ġietu mill-Papa Nikol I
fl-867, u mbagħad mill-Papa
Ġwann VIII fl-879. Iż-żewġ
Papiet riedu jqabblu d-duttrina
li ż-żewġt aħwa kienu jgħallmu
fil-Moravja l-Kbira ma’ dik li
l-Appostli San Pietru u San Pawl
kienu ħallew lid-djoċesi
ewlenija tal-Knisja, flimkien
mat-trofei glorjużi
tal-fdalijiet tagħhom.
Qabel dan, Kostantinu u sħabu
kien ħsiebhom joħolqu alfabet
ġdid, biex il-veritajiet li
kellhom jiġu mħabbra u mfissra
lill-ġnus Slavi jkunu jistgħu
jinkitbu wkoll fl-ilsien
Slavoniku Antik u hekk dawk li
jisimgħuhom ikunu jistgħu
jifhmuhom aħjar u jħaddnuhom.
L-isforz li għamlu biex
jitgħallmu l-ilsien u jifhmu
l-mentalità tal-ġnus ġodda li
lilhom riedu jwasslulhom
il-fidi, kien sforz tassew
jixraq l-ispirtu missjunarju.
Kienet ukoll eżempju mill-isbaħ
il-fehma li jkunu jafu x’inhuma
u jagħmlu tagħhom il-ħtiġijiet u
t-tamiet tal-ġnus Slavi. Din
il-fehma, ħierġa mill-qalb kbira
tagħhom, li jagħmlu tagħhom
il-ħajja u t-tradizzjonijiet ta’
dawn il-ġnus, imsoffija u mdawla
mir-Rivelazzjoni, għamlet lil
San Metodju u lil San Ċirillu
eżempji veri għall-missjunarji
kollha li f’kull żmien laqgħu
l-istedina ta’ San Pawl li jkunu
kollox għal kulħadd biex isalvaw
lil kulħadd. U b’mod speċjali
huma ta’ eżempju
għall-missjunarji li, mill-ewwel
żminijiet sal-lum mill-Ewropa sa
l-Asja, u llum f’kull kontinent,
ħabirku biex jaqilbu fl-ilsna
ħajja ta’ tant ġnus l-Iskrittura
u t-testi tal-Liturġija, ħa
jwasslulhom il-kelma waħdanija
ta’ Alla, u hekk twasslet
bil-mod kif kull kultura
tesprimi ruħha.
Ix-xirka sħiħa fl-imħabba tħares
lill-Knisja minn kull sura ta’
partiġġjaniżmu, ta’ esklusiviżmu
etniku, ta’ preġudizzji
razzjali, u minn nazzjonaliżmu
esaġerat. Din ix-xirka għandha
terfa ’l fuq u tgħolli kull
sentiment naturali tajjeb li
jinsab fil-qalb tal-bniedem.
IV
ĦAWLU L-KNISJA TA’ ALLA
12.
Iżda
l-karatteristika tal-metodu li
l-Appostli tas-Slavi San Ċirillu
u San Metodju wżaw fil-ħidma
tagħhom, li jien irrid l-aktar
ninsisti fuqha, hi l-mod
paċifiku li bih bnew
il-Knisja, immexxijin kif kienu
mid-dehra tal-Knisja waħda,
qaddisa u universali.
Għalkemm l-insara Slavi, aktar
minn insara oħra, iqisu lil dawn
l-aħwa qaddisin bħala “Slavi
f’qalbhom”, huma jibqgħu dejjem
nies ta’ kultura Ellenika u ta’
edukazzjoni Biżantina, jiġifieri
nies li huma kollhom kemm huma
nies tat-tradizzjoni ċivili u
ekklesjastika tal-Lvant nisrani.
Fi żmienhom ġà bdew jidhru xi
differenzi bejn Kostantinoplu u
Ruma, differenzi li servew bħala
skuża għan-nuqqas ta’ għaqda
bejniethom, għalkemm il-firda
ta’ biki li mbagħad seħħet
kienet għadha ’l bogħod ħafna
fiż-żmien. Il-ħabbara
tal-Evanġelju u l-għalliema
tas-Slavi telqu lejn il-Moravja
l-Kbira mimlijin bil-għana
tat-tradizzjoni u tal-esperjenza
reliġjuża tal-Lvant Nisrani,
tradizzjoni u esperjenza li
jidhru l-aktar fit-tagħlim
teoloġiku u fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Liturġija.
Ir-riti liturġiċi fil-Knejjes
kollha tal-Imperu Biżantin kienu
ilhom jiġu ċelebrati bil-Grieg.
Iżda t-tradizzjonijiet ta’ ħafna
Knejjes tal-Lvant, bħalma huma
l-Knejjes tal-Ġjorġja u
tas-Sirja, li fil-Liturġija
tagħhom kienu jużaw ilsien
il-poplu, kienu magħrufin sewwa
fl-ambjent kulturali għoli ta’
Kostantinopli. Dan kien magħruf
b’mod speċjali minn Kostantinu
l-Filosofu, bl-istudji tiegħu u
bil-kuntatti li kellu mal-insara
ta’ dawn il-knejjes, sew
f’Kostantinopli u sew tul
il-vjaġġi tiegħu.
Iż-żewġ Aħwa kienu jafu sewwa
kemm kienu antiki u kemm kienu
skont is-sewwa dawn iż-żewġ
tradizzjonijiet, u għalhekk ma
beżgħux jagħmlu użu mill-ilsien
Slavoniku fil-Liturġija, ħa tkun
għodda tajba f’idejhom biex
iwasslu l-veritajiet ta’ Alla
lil dawk li kienu jitkellmu dan
l-ilsien. Dan għamluh bla ebda
ħsieb li jidhru aqwa minnhom u
jaħkmu fuqhom, imma biss
għall-imħabba li kellhom
għas-sewwa u b’ħeġġa appostolika
ċara għal dawk il-ġnus li kienu
qed jiffurmaw ruħhom.
Il-Kristjaneżimu tal-Punent,
meta dawn il-ġnus ġodda għamlu
l-għamara tagħhom fil-Punent,
għaqqad lil dawn il-ġnus ġodda
mal-popolazzjoni tal-post li
kienet tikellem il-Latin billi
tahom l-ilsien Latin,
il-Liturġija u l-kultura
tal-Knisja ta’ Ruma. Din
l-għaqda lil dawn is-soċjetajiet
ġodda li kienu għadhom
jiżviluppaw ruħhom u jikbru,
tathom sens ta’ saħħa u ta’
qawwa, li għen ħafna biex tikber
l-għaqda bejniethom u jiksbu
post aqwa fl-Ewropa. Wieħed
jifhem li f’qagħda bħal din,
kull differenza li jkun hemm,
tista’ titqies bħala theddida
għall-għaqda li tkun għad ma
seħħitx għal kollox. Wieħed
jifhem ukoll x’tentazzjonijiet
li jkun hemm, biex jitneħħew
dawn id-differenzi, xi kultant
ukoll bil-forza.
13. F’dawn iċ-ċirkostanzi hi
ħaġa mhux tas-soltu, ħaġa
tal-għaġeb li dawn iż-żewġt Aħwa
Qaddisin, fil-ħidma tagħhom
f’qagħda hekk iebsa u hekk
imħawda, ma fittxewx li jimponu
fuq il-ġnus li fosthom intbagħtu
ħa jxandru l-Evanġelju, l-ilsien
Grieg u l-kultura Biżantina (li
kienu żgur wisq aqwa mill-ilsien
u l-kultura tas-Slavi), jew
idaħħlu fosthom id-drawwiet u
s-sura ta’ ħajja tas-soċjetà
aktar progredita li fiha trabbew
u baqgħu jafu u jgħożżu.
Imqanqlin mill-ideal li jgħaqdu
flimkien fi Kristu dawn l-insara
ġodda, adattaw għall-ilsien
Slavoniku t-testi għonja u sbieħ
ta’ liturġija Biżantina u
adattaw wkoll għall-mentalità u
d-drawwiet ta’ dawk il-ġnus
ġodda l-ħsieb fin u kompless
tal-liġi Griega u Rumana. Huma
u jaqdu l-missjoni tagħhom ta’
għaqda u sliem, San Ċirillu u
San Metodju qatt ma warrbu
d-dmirijiet li din il-missjoni
kienet titlob minnhom. Huma
għarfu sewwa x’kienu
l-prerogattivi tradizzjonali u
d-drittijiet tal-knejjes kif ġew
imfassla fid-digirieti
tal-Konċilji; għalhekk, għalkemm
sudditi tal-Imperu tal-Lvant, u
bħala nsara sudditi
tal-Patrijarka ta’
Kostantinopli, ħassew li kien
dmir tagħhom jagħtu kont
tal-ħidma missjunarja tagħhom
lill-Papa. Riedu li l-Papa
jagħti ġudizzju fuq it-tagħlim
li kienu jħaddnu u jgħallmu,
biex japprovahulhom fuq il-kotba
liturġiċi li kienu kitbu
bl-ilsien Slavoniku, u fuq
il-metodi li kienu qed jużaw
biex ixandru l-Evanġelju fost
dawk il-ġnus.
Huma kienu bdew il-missjoni
tagħhom b-ordni minn
Kostantinopli, iżda riedu li din
tkun imwettqa mis-Sede
Appostolika ta’ Ruma, iċ-ċentru
viżibbli tal-għaqda fil-Knisja,
u għalhekk marru hemm. Huma
waqqfu l-Knisja, għax għarfu
sewwa l-universalità tagħha
bħala Knisja, waħda, qaddisa,
kattolika u appostolika. Dan
narawh b’mod ċar u miftuħ
fl-imġiba kollha tagħhom.
Nistgħu ngħidu li l-kliem
tat-talba saċerdotali ta’ Kristu
— ut umum sint
— kien il-ħsieb li mexxihom
fil-ħidma missjunarja tagħhom,
skont il-kliem tas-Salmista:
“Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh popli kollha”.
Għalina llum dan l-appostolat
tagħhom għandu l-qawwa ta’ sejħa
ekumenika: hu stedina biex
mill-ġdid titwaqqaf, fis-sliem u
r-rikonċiljazzjoni, dik l-għaqda
li b’mod hekk ikrah iddgħajfet
wara żmien San Ċirillu u San
Metodju, u, l-ewwel u qabel
kollox, l-għaqda bejn il-Lvant u
l-Punent.
Il-konvinzjoni ta’ dawn l-Aħwa
Qaddisin minn Salonika,
jiġifieri li kull Knisja
tal-post hi msejħa biex bil-ġid
tagħha tagħni l-“pleroma”
kattoliku, kienet taqbel
perfettament mal-fehma
evanġelika li kellhom li
s-suriet differenti ta’ ħajja
ta’ kull knisja tal-post qatt ma
għandhom ikunu skuża
għall-ġlied, għan-nuqqas ta’
fiduċja, u għall-firdiet
fl-istqarrija ta’ fidi waħda u
fl-egħmil tal-imħabba.
14. Kif kulhadd jaf, skont
it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan
II, meta nitkellmu dwar
il-“moviment ekumeniku” nkunu
rridu nitkellmu dwar dawk
l-attivitajiet u dwar dawk
l-inizjattivi li, skont
il-ħtiġijiet tal-Knisja u skont
l-okkażjonijiet li jkun hemm,
isiru biex tiġi ’l quddiem
l-għaqda bejn l-insara.
Għalhekk ma għandniex narawha
ħaġa barra minn żmienha li nqisu
lil San Ċirillu u lil San
Metodju bħala veri prekursuri
tal-ekumeniżmu għaliex riedu
jneħħu għal kollox jew inaqqsu
kull firda li kien hemm jew
jidher li kien hemm bejn
komunitajiet differenti
tal-istess Knisja. Għaliex
il-firda li disgrazzjatament
seħħet tul il-ġrajja tal-Knisja,
u li għadha hemm “mhux biss tmur
għal kollox kontra r-rieda ta’
Kristu (imma) hi ta’ tfixkil
għad-dinja u tagħmel ħsara kbira
għall-missjoni qaddisa
tax-xandir tal-Evanġelju
lill-ħolqien kollu”.
Il-ħerqa kollha ħeġġa li wrew
dawn iż-żewġ Aħwa, u l-aktar San
Metodju, minħabba
r-responsabbiltà tiegħu ta’
isqof li kien, biex tinżamm
sħiħa, l-għaqda fil-fidi u
fl-imħabba bejn il-Knejjes li
tagħhom huma kienu membri,
jiġifieri bejn il-Knisja ta’
Kostantinopli u l-Knisja ta’
Ruma, min-naħa, u l-Knejjes li
twaqqfu fl-artijiet Slavi
min-naħa l-oħra, tibqa’ dejjem
l-akbar mertu tagħhom. U dan
il-mertu jikber jekk inqisu
l-fatt li l-missjoni tagħhom
seħħet tul is-snin 863 u 885,
jiġifieri tul dak iż-żmien
kritiku meta nibtet u bdiet
tikber il-ġlieda kerha u
l-kontroversja ħarxa bejn
il-Knejjes tal-Lvant u
tal-Punent. U l-firda kibret
minħabba l-kwistjoni dwar minn
liema Knisja kienet tiddependi
kanonikament il-Bulgarija li
kienet għadha kemm ħaddnet
it-twemmin nisrani.
F’dan iż-żmien ta’ tempesti
kbar, żmien illi fih kien hemm
ukoll gwerer bejn ġnus Insara
ġirien ta’ xulxin, iż-żewġt Aħwa
Qaddisin minn Salonika baqgħu
jżommu fedeltà sħiħa lejn
it-tagħlim veru u t-tradizzjoni
tal-Knisja magħquda f’għaqda
sħiħa u b’mod speċjali lejn
“it-tagħlim ta’ Alla” u
t-tagħlim tal-Knisja”
li fuqu, skont id-digrieti
tal-Konċilji tal-ewwel
żminijiet, hi mibnija u titmexxa
l-Knisja u dejjem għassuh
sewwa. Minħabba din il-fedeltà
tagħhom setgħu jtemmu l-ħidma
missjunarja kbira tagħhom u
jibqgħu magħqudin, spiritwalment
u kanonikament, mal-Knisja ta’
Ruma, mal- Knisja ta’
Kostantinopli u mal-Knejjes
ġodda li kienu waqqfu fost
il-ġnus Slavi.
15. Metodju ma beżax iħabbat
wiċċu ma’ nuqqas ta’ ftehim, ma’
ġlied, ma’ kalunnji u ma’
persekuzzjonijiet korporali,
biex ma jonqosx mill-fedeltà
eżemplari tiegħu lejn il-Knisja
u biex jibqa’ jħares
id-dmirijiet tiegħu ta’ nisrani
u ta’ Isqof u
l-obbligazzjonijiet li kellu
lejn il-Knisja ta’ Biżanżju li
willditu u bagħtitu bħala
missjunarju flimkien ma’
Ċirillu. Imbagħad kien hemm
l-obbligazzjonijiet li kellu
lejn il-Knisja ta’ Ruma, li minn
għandha kien ħa l-uffiċċju ta’
Arċisqof għax-xandir tal-fidi
“fit-territorju ta’ San Pietru”,
u d-dmirijiet tiegħu wkoll lejn
il-Knisja li kienet qiegħda
tikber fl-artijiet Slavi, li
għamilha tiegħu u ddefendiha —
żgur li kien qiegħed jagħmel
ħaġa sewwa — quddiem
awtoritajiet ċivili u
ekklesjastiċi, l-aktar biex
iħares l-ilsien Slavoniku
fil-liturġija u d-drittijiet
ekklesjastiċi fondamentali
tal-Knejjes imqawwfin fost ġnus
differenti.
Din kienet dejjem l-imġiba
tiegħu, u ta’ Kostantinu
l-Filosofu wkoll, kull meta kien
jitkellem ma’ dawk li ma kinux
jaqblu mal-fehmiet tiegħu u
mal-inizjattivi pastorali tiegħu
u kienu jiddubitaw kienx qed
jagħmel sewwa. B’hekk hu jibqa’
dejjem għalliem għal dawk kollha
li f’kull żmien iridu jnaqqsu
l-ġlied billi jirrispettaw
il-milja tal-Knisja, ta’ ħafna
suriet, li, skont ir-rieda ta’
Ġesù Kristu li waqqafha, trid
tkun dejjem waħda, qaddisa,
kattolika u appostolika. Din
ir-rieda ta’ Kristu tidher sewwa
fil-Kredu tal-150 Isqof li ħadu
sehem fit-II Konċilju Ekumeniku
ta’ Kostantinopli, li hu
l-istqarrija ma tinbidel qatt
tal-fidi tal-insara kollha.
V
IT-TIFSIR KATTOLIKU TAL-KNISJA
16.
Iżda
mhux biss ta’ min isemmi
t-tagħlim, mibni fuq l-Evanġelju
li xandru San Ċirillu u San
Metodju. Ifisser ħafna u jiswa
ħafna għat-tagħlim fil-Knisja
ta’ żminijietna l-metodu
kateketiku u pastorali li huma
użaw fil-ħidma appostolika
tagħhom fost il-ġnus li kienu
għadhom ma rawx il-misteri
qaddisa ċelebrati f’ilsienhom u
lanqas semgħu l-Iskrittura
mħabbra b’mod li jaqbel għal
kollox mal-mentalità tagħhom u
mal-kondizzjoni tal-ħajja
tagħhom.
Għoxrin sena ilu, il-Konċilju
Vatikan II, kif nafu, kellu
bħala wieħed mill-aqwa ħidmiet
tiegħu li jqanqal il-Knisja biex
tagħraf sewwa x’inhi fiha nfisha
u, permezz ta’ tiġdid fiha
nfisha jagħtiha ħeġġa
missjunarja ġdida għax-xandir
tal-bxara t-tajba
tas-salvazzjoni ta’ dejjem,
sliem u ftehim sħiħ bejn ġnus u
nazzjonijiet, ’l hemm
mill-fruntieri li sal-lum
għadhom jaqsmu d-dinja, li
fil-ħsieb ta’ Alla li ħalaqna u
fdiena, għandha tkun l-għamara
ta’ kulħadd, tal-bnedmin kollha
tad-dinja. Il-perikoli li fi
żmienna qed jiżdiedu dejjem
aktar għad-dinja, ma għandhomx
iġagħluna ninsew il-ħsieb
profetiku tal-Papa ta’ qabli,
Ġwanni XXIII li sejjaħ
il-Konċilju bil-għan u
bil-konvinzjoni li jkun jista’
jhejji u jagħti bidu għal żmien
ta’ rebbiegħa u ta’ tiġdid
fil-ħajja tal-Knisja.
Il-Konċilju,
meta tkellem fuq l-universalità,
fost ħwejjeġ oħra, qal li
l-bnedmin kollha huma msejħin
biex ikunu l-poplu ġdid ta’
Alla. “Għalhekk dan il-poplu,
li għandu jibqa’ dejjem u
waħdieni, għandu jinxtered
mad-dinja kollha u għaż-żmien
kollu sabiex iseħħ l-għan
tar-rieda ta’ Alla li fil-bidu
ħalaq in-natura umana waħda u
ried li fl-aħħar ilaqqa’
flimkien lil uliedu li kienu
mxerrdin (ara Ġw 11,52)...
Il-Knisja jew il-Poplu ta’ Alla,
li thejji din is-saltna, ma
tnaqqas xejn mill-ġid temporali
ta’ ebda poplu; għall-kuntrarju
hija tmexxi ’l quddiem, sakemm
huma tajbin, l-għana, ir-riżorsi
u d-drawwiet tal-popli; waqt li
tassimillahom hija
tippurifikahom, issaħħaħhom u
tgħollihom... Dan il-karattru
ta’ universalità li jżejjen
il-Poplu ta’ Alla huwa don
tal-istess Mulej... Bis-saħħa
ta’ din il-kattoliċità kull
parti twassal id-doni tagħha
lill-partijiet l-oħra u
lill-Knisja kollha. B’hekk
il-partijiet waħda waħda u
l-ġisem kollu jissaħħu u jikbru
billi jaqsmu ma’ xulxin id-doni
u jaħdmu lkoll għall-milja
tal-unità”.
17. Nistgħu ngħidu bla biża’
ta’ xejn li din id-dehra
tal-universalità tal-Knisja,
dehra tradizzjonali u fl-istess
ħin dehra li taqbel ħafna
maż-żminijiet tal-lum — qisha
sinfonija magħmula mil-liturġiji
bl-ilsna kollha tad-dinja,
magħqudin flimkien f’liturġija
waħda, jew kor mill-aqwa jfaħħar
’l Alla bil-ħafna vuċijiet ta’
kotra bla għadd ta’ nies minn
kullimkien fid-dinja u minn kull
żmien tal-ġrajja tal-bnedmin —
dehra li taqbel b’mod speċjali
mal-fehma teoloġika u pastorali
li mexxiet il-ħidma appostolika
u missjunarja ta’ Kostantinu
l-Filosofu u ta’ Metodju, u
qawwiet il-missjoni tagħhom fost
il-ġnus Slavi.
F’Venezja, quddiem
rappreżentanti tal-kultura
ekklesjastika ta’ dak iż-żmien,
nies li kellhom fehma magħluqa
ta’ dak li hi l-komunità
tal-Knisja u kienu kuntrarji
għall-fehma mfissra hawn fuq,
Ċirillu bil-qawwa kollha
ddefenda l-fehma tiegħu, li dawn
in-nies kienu kuntrarji għaliha,
u wriehom li fl-imgħoddi ħafna
ġnus daħħlu u għad għandhom
sal-lum liturġija miktuba u
ċelebrata fl-ilsien tagħhom;
fost dawn il-ġnus hemm l-Armeni,
il-Persjani, l-Abasgi,
il-Ġjorġjani, is-Sugdi, il-Goti,
l-Avari, it-Tirzi, il-Kazari,
l-Għarab, l-Eġizzjani, is-Siri u
ħafna oħrajn.
Huwa u jfakkarhom li Alla
jtella’ x-xemx u jibgħat ix-xita
lill-ġnus kollha bla ebda għażla,
qalilhom: “Mhux ilkoll tieħdu
n-nifs l-istess? U ma tistħux
tistabilixxu tliet ilsna biss
(l-Ebrajk, il-Grieg u l-Latin) u
tiddeċiedu li l-ġnus u r-razez
l-oħra kollha jibqgħu għomja u
torox? Għiduli: intom taħsbu
dan għax tqisu ’l Alla hekk
dgħajjef li ħaġa bħal din ma
jistax jagħtiha, jew hekk
għajjur li ma jixtiqhiex”.
Għall-argumenti mill-istorja u
mil-loġika li semmgħulu, Ċirillu
wieġeb bi kliem ispirat
tal-Iskrittura: “Kull ilsien
jistqarr li Ġesù Kristu hu
l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla
l-Missier”.
“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
“Faħħru l-Mulej, intom ġnus
kollha, sebħuħ popli kollha”.
18. Il-Knisja hi kattolika
wkoll għax taf turi l-verità
rivelata fiċ-ċirkostanzi kollha
tal-ħajja tal-bniedem, verità li
hi żammet sħiħa f’dak kollu li
fiha ġej minn Alla, b’mod li
twassalha biex tiltaqa’
mal-ħsibijiet l-aktar għoljin u
mat-tamiet xierqa kollha ta’
kull bniedem u ta’ kull poplu.
Barra dan, il-ġid kollu li kull
ġenerazzjoni tgħaddi
lill-ġenerazzjonijiet ta’
warajha, flimkien mad-don
tal-ħajja (don li ma għandux
prezz) qisu ġabra kbira ta’
ħafna biċċiet ta’ kull lewn li
magħqudin flimkien jagħmlu
l-mużajk ħaj tal-Pantocrator,
jiġifieri l-Mulej Ġesù li juri
ruħu fis-sebħ kollu tiegħu biss
fil-parousia, fit-tmiem ta’
kollox.
L-Evanġelju ma jwassalx biex
ifaqqar jew jeqred dawk
l-affarijiet li kull bniedem,
kull poplu u kull nazzjon u kull
kultura, tul il-ġrajja kollha
tad-dinja, jagħarfu u jwettqu
bħala tajjeb, veru u sabiħ.
Għall-kuntrarju l-Evanġelju
jfittex jagħmel tiegħu dan
il-ġid kollu u jġibu ’l quddiem,
biex il-bniedem igħixu, b’qalb
kbira u bil-ferħ, u
jipperfezzjonah fid-dawl
misterjuż tar-Rivelazzjoni li
jkabbru bil-ġieh li jagħtih.
Il-kattoliċità li l-Mulej Ġesù
ried li jkollha l-Knisja
fin-natura tagħha stess,
fil-fatt mhijiex xi ħaġa
statika, dejjem l-istess, u
miftuma mill-ġrajja
tal-bniedem. Il-kattoliċità
tal-Knisja kuljum toħroġ u
tiżviluppa mill-fidi waħda ta’
dawk kollha li jemmnu f’Alla
wieħed fi Tliet Persuni, li Ġesù
Kristu wriena u li l-Knisja
xxandar fil-priedki tagħha
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Dan joħroġ waħdu mir-rispett —
li hu proprju tal-imħabba bejn
l-aħwa — li jintwera lil kull
bniedem u lil nazzjon, kbira jew
żgħira, u mill-għarfien onest
tal-kwalitajiet tajba u
tad-drittijiet tal-aħwa kollha
fil-fidi.
19. Il-kattoliċità tal-Knisja
tidher mir-responsabbilità li
bil-fatti l-insara kollha jaqsmu
bejniethom u mill-kooperazzjoni
ġeneruża ta’ kullħadd għall-ġid
tal-komunità kollha. Il-Knisja
kullimkien tħaddem din
l-universalità tagħha billi
tilqa’, tgħaqqad u tgħolli,
b’imħabba ta’ omm, bil-mod
proprju tagħha, kull valur veru
tal-bniedem. Fl-istess ħin
tħabrek biex, f’kullimkien
fid-dinja u f’kull qagħda
storika, tirbaħ għal Alla
l-bnedmin kollha u kull bniedem
ħa tgħaqqadhom bejniethom u ma’
Alla fil-verità u l-imħabba
tiegħu.
Kull bniedem, kull nazzjon, kull
kultura u kull ċiviltà għandhom
sehemhom u posthom fil-pjan
moħbi ta’ Alla u fil-ġrajja
universali tas-salvazzjoni. Din
kienet il-fehma taż-żewġt Aħwa:
Alla “ħanin u twajjeb”
“dejjem jistenna li l-bnedmin
kollha jindmu biex isalvaw u
jaslu ħa jagħarfu l-verita”,
mhux se jħalli l-familja kollha
tal-bnedmin tiddgħajjef u tiġi
fix-xejn, u tintrebaħ mit-tiġrib
tal-għadu, “Iżda minn sena
għall-oħra, u minn dejjem, Alla
ma jieqaf qatt ixerred
il-grazzji tiegħu ta’ kull
xorta, mill-bidunett sal-lum,
bl-istess mod: l-ewwel permezz
tal-Patrijarki u l-Missirijiet
tagħna, imbagħad permezz
tal-Proferi, u tal-Appostli u
l-Martri, tan-nies tajba u
tad-Dutturi li hu jibgħat fost
it-tempesti ta’ din il-ħajja”.
20. Il-Bxara tal-Evanġelju li
San Ċirillu u San Metodju fissru
lill-ġnus Slavi, huma u joħorġu
“ħwejjeġ ġodda u ħwejjeg qodma”
bl-għerf kollu tagħhom mit-teżor
tal-Knisja, twasslitilhom,
permezz tal-priedki u
tal-katekiżmu, bi qbil sħiħ
mal-veritajiet ta’ dejjem u
fl-istess ħin adattat
għall-qagħda storika tagħhom.
Bil-ħidma missjunarja ta’ dawn
iż-żewġ Qaddisin, il-ġnus Slavi
setgħu għall-ewwel darba
jagħarfu s-sejħa tagħhom li
jkollhom sehem fil-pjan ta’
dejjem tat-Trinità Qaddisa, u
fil-pjan għas-salvazzjoni
tal-bnedmin kollha. Fl-istess
ħin għarfu x’sehem kellhom
fil-qadi tal-ġrajja kollha
tal-bniedem, maħluq minn Alla
l-Missier, mifdi mill-Iben
is-Salvatur tagħna, u mdawwal
mill-Ispirtu s-Santu. Permezz
ta’ dawn il-priedki, approvati
mill-awtoritajiet tal-Knisja
—il-Papiet ta’ Ruma u
l-Patrijarki ta’ Kostantinopli —
il-ġnus Slavi setgħu jħossu li
huma wkoll, flimkien
man-nazzjonijiet l-oħra
tad-dinja, kienu mnisslin u
werrieta tal-wegħda magħmula
minn Alla lil Abraham.
B’dan il-mod, minħabba
l-organizzazzjoni ekklesjastika
li ħoloq San Metodju, u għaliex
għarfu l-identità nisranija
tagħhom il-ġnus Slavi sabu
posthom fil-Knisja li kienet
issa twaqqfet ukoll f’dik
in-naħa tal-Ewropa. Għalhekk
il-ġnus Slavi tal-lum jiftakru
dejjem, u bil-ħajr kollu, dan
il-bniedem li bih ingħaqdu
mal-katina tal-ħabbara kbar
tal-Kelma ta’ Alla tal-Patt
il-Qadim u tal-Patt il-Ġdid:
“Wara dawn kollha, Alla ħanin,
fi żmienna, sejjaħ għal din
il-ħidma ta’ fejda, għall-ġid
tal-poplu tagħna li ħadd qatt ma
ta’ każ tiegħu, l-Imgħallem
tagħna, lil San Metodju:
il-virtujiet u t-taħbit tiegħu,
aħna, bla mistħija, inqabbluhom
wieħed wieħed mal-virtujiet u
t-taħbit ta’ dawn il-bnedmin li
Alla fihom sab l-għaxqa tiegħu”.
VI
L-EVANĠELJU U L-KULTURA
21.
Iż-żewġt
Aħwa minn Salonika ma kinux biss
werrieta tal-fidi, imma kienu
wkoll werrieta tal-kultura
tal-Greċja tal-qedem, li
kompliet tikber f’Bisanzju.
Kulħadd jaf kemm hu importanti
dan il-wirt għal kultura kollha
tal-Ewropa, u, direttament jew
indirettament, għall-kultura
tad-dinja kollha. Il-ħidma
għax-xandir tal-Evanġelju li
dawn iż-żewġt Aħwa wettqu —
bħala l-ewwel nies li għamlu dan
fl-artijiet ta’ ġnus Slavi — hu
kemm mudell ta’ dak li llum
insejħu “inkulturazzjoni”,
jiġifieri l-inkarnazzjoni
tal-Evanġelju fil-kultura
tal-post li jkun, u kemm
tad-dħul ta’ dawn il-kulturi
fil-ħajja tal-Knisja.
Meta huma nkarnaw l-Evanġelju
fil-kultura tal-ġnus li lilhom
kienu jħabbrulhom l-Evanġelju,
San Ċirillu u San Metodju kisbu
mertu kbir, l-aktar għax sawru u
żviluppaw dik il-kultura, jew
aħjar, dawk il-kulturi.
Fil-fatt il-kulturi kollha
tal-ġnus Slavi kellhom il-“bidu”
u l-iżvilupp tagħhom bil-ħidma
taż-żewġt Aħwa ta’ Salonika.
It-tfassil orġinali u inġenjuż
tal-alfabet Slavoniku li għamlu
dawn iż-żewġt Aħwa kien
kontribut mill-aqwa
għall-kultura u l-letteratura
tal-ġnus Slavi.
Barra dan, it-traduzzjoni
tal-kotba tal-Iskrittura, li San
Ċirillu u San Metodju għamlu
flimkien mad-dixxipli tagħhom,
tat ġieh u ħila lill-ilsien
liturġiku Slav, li għal mijiet
ta’ snin mhux biss kien l-ilsien
tal-Knsija imma wkoll l-ilsien
uffiċjali u letterarju
tal-pajjiżi Slavi u l-ilsien
ukoll mitkellem min-nies l-aktar
kolti tal-kotra l-kbira tal-ġnus
Slavi, u b’mod speċjali
tas-Slavi kollha tar-Rit
Orjentali. L-ilsien Slav huwa
wżat ukoll fil-Knisja tas-Salib
Imqaddes f’Krakow, fejn marru
joqogħdu l-Benedittini Slavi.
Hawn ġew ipubblikati l-ewwel
kotba liturgiċi stampati
bl-ilsien Slav. Dan huwa
sal-lum l-ilsien użat
fil-liturġija Biżantina
tal-Knejjes Slavi tar-Rit ta’
Kostantinopli, kemm Kattoliċi u
kemm Ortodossi, fil-Lvant u
x-Xlokk tal-Ewropa u f’ħafna
pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent.
Huwa wżat ukoll fil-liturġija
Latina tal-Kattoliċi
tal-Kroazja.
22. Dan l-ilsien, fl-iżvilupp
storiku tas-Slavi tar-Rit
Orjentali kellu l-istess
importanza li kellu l-Latin
fil-Punent. Barra minn hekk,
l-ilsien Slav dam jintuża aktar
mil-Latin — xi ftit sas-seklu
XIX — u kellu influwenza aktar
diretta mil-Latin għat-tiswir
tal-ilsien letterarju
tal-pajjizi Slavi kollha
minħabba r-rabta sħiħa tagħhom
miegħu.
Is-siwi li dan l-ilsien
liturġiku kellu għall-kultura
tal-ġnus Slavi kollha iwassal
biex il-ħidma għax-xandir
tal-Evanġelju magħmula minn San
Ċirillu u San Metodju, f’ċertu
sens, hi dejjem preżenti
fil-ġrajja u l-ħajja ta’ dawn
il-ġnus u nazzjonijiet.
VII
XI JFISSRU U X’INFLUWENZA
GĦANDHOM L-ELF SENA TA’ ĠAJJA
NISRANIJA FID-DINJA TAL-ĠNUS
SLAVI
23.
Il-ħidma
appostolika u missjunarja
tal-qaddisin Ċirillu u Metodju
li seħħet fl-aħħar ħamsin sena
tas-seklu IX, nistgħu nqisuha
bħala l-ewwel vera ħidma
għax-xandir tal-Evanġelju fost
il-ġnus Slavi.
Din il-ħidma ma seħħitx
bl-istess qawwa fl-artijiet
kollha tas-Slavi, imma kienet
konċentrata l-aktar f’dawk
l-artijiet li dak iż-żmien kienu
jiffurmaw il-Moravja l-Kbira.
Din il-ħidma seħħet l-aktar
f’dawk l-artijiet li kienu
jiddependu mill-metropoli li
tagħha San Metodju kien
l-Arċisqof, jiġifieri l-Moravja,
is-Slovakkja u l-Pannonja, li
kienet parti minn dik li hi
l-Ungerija tal-lum. Din
il-ħidma appostolika,
speċjalment dik tal-missjunarji
mrawmin minn San Metodju nħasset
wkoll f’dawk l-artijiet
tas-Slavi tal-Punent,
speċjalment dawk tal-Boemja.
L-ewwel Prinċep storiku
tal-Boemja, Bozivoy, tar-razza
tal-Pfemsylids, aktarx ġie
mgħammed bir-Rit Slavoniku.
Aktar tard din il-ħidma laħqet
lis-Serbo-Lusati u n-nofs
in-nhar tal-Polonja. Iżda meta
mbagħad il-Moravja l-Kbira
fis-snin 905-906 spiċċat minn
stat, ir-Rit Latin ħa l-post
tar-Rit Slav, u l-Boemja ġiet
tiddependi mill-Isqof ta’
Regensberg u mill-metropoli ta’
Salzburg. Iżda ta’ min isemmi
li sa xi n-nofs tas-seklu X, fi
żmien San Wenċeslaw, kien hemm
taħlit kbir ta’ elementi
miż-żewġ riti, u ż-żewġ ilsna
liturġiċi, il-Latin u
s-Slavoniku, kienu ilhom
jintużaw sewwa flimkien.
Imbagħad ma setax ikun li
l-Evanġelju jitħabbar lill-poplu
ħalli dan iħaddan il-fidi
nisranija mingħajr l-użu
tal-ilsien tiegħu. Biss fuq
pedament bħal dan seta’
jiżviluppa l-kliem nisrani
tal-Boemja, u minn hawn imbagħad
żviluppa u ssaħħaħ il-kliem
nisrani tal-Polonja. It-tagħrif
li nsibu fil-ħajja ta’ San
Metodju dwar il-Prinċep
tal-Vislits huwa t-tagħrif
storiku l-aktar antik li għandna
dwar it-tribujiet tal-Polonja.
Iżda dan it-tagħrif mhux
biżżejjed biex miegħu torbot
il-fatt tat-twaqqif ta’
organizzazzjoni ekklesjastika
ta’ Rit Slav fl-artijiet
tal-Polonja.
24. Il-Magħmudija tal-Polonja
li fis-sena 966 seħħet
bil-magħmudija tal-ewwel sultan
storiku Mieszko, li żżewweġ
lill-prinċipessa Boema Dubravka
seħħet l-aktar permezz
tal-Knisja tal-Boemja, u kien
mill-Boemja li għaddiet il-fidi
nisranija minn Ruma
għall-Polonja bir-Rit Latin.
Iżda hu veru wkoll li l-bidu
tal-fidi nisranija fil-Polonja
hu b’xi mod marbut mal-ħidma
taż-żewġt aħwa li kienu telqu
minn Salonika.
Fost is-Slavi tal-penisula
Balkanika l-frott tal-ħidma
taż-żewġt Aħwa qaddisin jidher
aktar. It-twemmin nisrani li
kien ilu xi ftit li nxtered
fil-Kroazja, bil-ħidma
appostolika tagħhom issaħħaħ
sewwa. L-aktar permezz
tad-dixxipli li ġew imkeċċija
mill-artijiet li fihom bdew
jaħdmu fil-bidu, il-missjoni
tal-qaddisin Ċirillu u Metodju
twettqet u żviluppat sewwa
fil-Bulgarija. F’dan il-pajjiż,
permezz ta’ San Klement ta’
Okrida, twaqqfu ħafna ċentri
attivi ta’ ħajja monastika, u
hawn ukoll l-alfabet ċirilliku
żviluppa sewwa. Mill-Bulgarija
t-twemmin nisrani xtered
f’pajjiżi oħra, sa kemm għadda
mir-Rumanija u wasal sar-Rus’
antika ta’ Kiev, u mbagħad minn
Moska xtered lejn il-Lvant.
Minn hawn u ftit snin oħra,
fl-1988, biex inkunu eżatti, se
niċċelebraw l-elf sena
tal-magħmudija ta’ San Vladimir,
Granduka ta’ Kiev.
25. Bir-raġun kollu għalhekk
San Ċirillu u San Metodju minn
kimieni ġew magħrufin mis-Slavi
bħala missirijiethom kemm
fit-twemmin u kemm fil-kultura
tagħhom. F’ħafna mill-artijiet
imsemmija hawn fuq, għalkemm
kienu marru ħafna missjunarji,
il-kotra l-kbira tal-ġnus Slavi
fis-seklu IX kienu għadhom
iħaddnu drawwiet u twemmin
pagan. Fl-artijiet biss li ħadu
ħsiebhom iż-żewġ Qaddisin
tagħna, jew ħejjew it-triq biex
jieħu ħsiebhom ħaddieħor,
it-twemmin nisrani beda jagħmel
parti sħiħa mill-ġrajja tal-ġnus
Slavi fis-seklu ta’ wara.
Il-ħidma ta’ dawn iż-żewġ
Qaddisin kienet ta’ għajnuna
kbira għall-formazzjoni ta’
egħruq insara fl-Ewropa kollha,
egħruq li, għax ħajjin u
qawwija, huma wieħed mill-fatti
li wieħed irid iqis bilfors,
jekk tassew għandu jsir sforz
serju biex timbena mill-ġdid u
tassew l-għaqda tal-Ewropa
kollha.
Wara ħdax-il mitt sena ta’
twemmin nisrani fost il-ġnus
Slavi, jidher ċar li l-wirt li
ħallew l-Aħwa minn Salonika hu u
jibqa’ aqwa u aktar fil-fond
minn kull firda li jista’ jkun
hemm bejniethom. Iż-żewġ
tradizzjonijiet insara — dik
tal-Lvant ħierġa minn
Kostantinopli, u dik tal-Punent
ħierġa minn Ruma — nibtu fi ħdan
il-Knisja waħda, għalkemm
żviluppaw f’kulturi mhux
l-istess u ma ħarsux bl-istess
mod lejn l-istess problemi.
B’din id-diversità, jekk nifhmu
sewwa minn fejn ġejja u nqisu
sewwa x’tiswa u xi tfisser,
tistagħna l-kultura kollha u
t-tradizzjoni reliġjuża
tal-Ewropa; fl-istess ħin din
id-diversità ssir pedament adatt
għal dak it-tiġdid spiritwali li
tant nixtiequ.
26. Sa mis-seklu IX, meta
fl-Ewropa nisranija bdiet tidher
organizzazzjoni ġdida,
il-Qaddisin Ċirillu u Metodju
ħallewlna messaġġ ċar ta’ siwi
kbir għal żmienna wkoll, li
minħabba l-ħafna problemi
komplessi ta’ natura reliġjuza,
kulturali, ċivili u
internazzjonali, qed ifittex
għaqda ħajja f’rabta sħiħa bejn
dawn l-elementi kollha tiegħu.
Nistgħu ngħidu għal dawn iż-żewġ
ħabbara tal-Evanġelju, li l-aqwa
karatteristika tagħhom kienet
l-imħabba li kellhom
għall-għaqda sħiħa f’xirka waħda
tal-Knisja universali sew
fil-Lvant u sew fil-Punent, u,
fi ħdan il-Knisja universali,
imħabba għal din il-Knisja li
kienet qiegħda titwieled fost
il-ġnus Slavi. Minn għandhom
tiġi wkoll l-istedina lin-nies
ta’ żmienna biex jibnu xirka
waħda bejnietna.
Iżda l-eżempju ta’ San Ċirillu u
San Metodju għandu siwi aqwa
proprju fil-ħidma missjunarja
proprja tagħhom. Dik il-ħidma
missjunarja hija ħidma
essenzjali għall-Knisja, u ma
tistax tistenna aktar dwar dak
li sejjaħnilu
l-“inkulturazzjoni”. Iż-żewġt
Aħwa mhux biss qdew il-missjoni
tagħhom b’rispett sħiħ
għall-kultura li ġà kellhom
il-ġnus Slavi, iżda huma ġabu ’l
quddiem bla heda u mill-aħjar li
setgħu din il-kultura flimkien
mar-reliġjon. Bl-istess mod
illum il-Knejjes li kellhom
il-bidu tagħhom fil-qedem
jistgħu u għandhom igħinu
l-knejjes u l-ġnus ġodda biex
jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom huma
u jħarsu l-identità tagħhom u
jġibuha ’l quddiem.
27. San Ċirillu u San Metodju
qishom il-katina li torbot jew
il-pont spiritwali li jgħaqqad
iż-żewġ tradizzjonijiet
tal-Lvant u tal-Punent, it-tnejn
ħerġin mit-Tradizzjoni kbira
waħdanija tal-Knisja
universali. Għalina huma l-aqwa
eżempju u l-protetturi tal-ħidma
ekumenika taż-żewġ
Knejjes aħwa tal-Lvant u
tal-Punent biex, bit-talb u
d-djalogu, jerġgħu jsibu dik
l-għaqda bejniethom li tidher
f’xirka sħiħa u perfetta, dik
l-għaqda li, kif għidt fiż-żjara
tiegħi lill-belt ta’ Bari, ma
tfissirx li Knisja tibla lil
oħra u lanqas tagħmilha ħaġa
waħda magħha u bħalha.
L-għaqda hi laqgħa fil-verità u
l-imħabba, u tingħatalna
mill-Ispirtu s-Santu. San
Ċirillu u San Metodju huma żewġ
qaddisin li jqanqlu fl-Insara
kollha xewqa kbira għall-għaqda
u għall-għaqda bejn iż-żewġ
Knejjes aħwa tal-Lvant u
tal-Puntent.
Biex ikun hemm kattoliċità
sħiħa, kull nazzjon, kull
kultura għandha s-sehem tagħha
fil-pjan tas-salvazzjoni ta’
kulħadd. Kull tradizzjoni
partikulari, kull knisja lokali
trid tkun miftuħa u attenta
għall-knejjes u
t-tradizzjonijiet l-oħra, u
fl-istess ħin, tkun miftuħa
wkoll għax-xirka universali u
kattolika; jekk tibqa’ magħluqa
fiha nfisha, tissogra li
tiftaqar.
Meta ħaddmu l-kariżmi tagħhom,
San Ċirillu u San Metodju taw
sehem sewwa għall-bini
tal-Ewropa mhux biss fix-xirka
reliġuża nisranija, imma wkoll
ħa sseħħ għaqda ċivili u
kulturali. Illum ukoll ma hemmx
mod ieħor biex jintrebħu
t-tensjonijiet u l-firdiet u
l-piki li hawn kemm fl-Ewropa u
kemm fid-dinja, firdiet u piki
li qed jheddu b’qerda sħiħa,
l-ħajja u l-valuri veri kollha.
Tkun nisrani llum ifisser tkun
bennej ta’ għaqda fil-Knisja u
fis-soċjetà. Dan jitlob li
wieħed ikun miftuħ għall-oħrajn,
li lkoll nifhmu lil xulxin, u
nkunu lesti naħdmu flimkien
billi nwasslu lil xulxin b’qalb
kbira l-ġid kulturali u
spiritwali kollu tagħna. Waħda
mill-aqwa xewqat tal-bnedmin
tal-lum hi x-xewqa li jerġa’
jkun hemm għaqda u xirka
flimkien għal ħajja li tixraq
lill-bniedem hu fejn hu
fid-dinja. Il-Knisja, għax
tagħraf li hi sinjal universali
u sagrament ta’ salvazzjoni u
ta’ għaqda għall-bnedmin kollha,
tiddikjara li hi lesta li dejjem
taqdi dan id-dmir tagħha, qadi
li l-qagħda tal-lum titlob li
jsir bla telf ta’ żmien, biex
il-bnedmin kollha, magħqudin
aktar flimkien illum b’tant
rabtiet soċjali, tekniċi u
kulturali, jilħqu wkoll l-għaqda
sħiħa fi Kristu.
EGĦLUQ
28.
Jixraq
għalhekk li l-Knisja tiċċelebra
b’solennità u ferħ kbir
il-ħdax-il mitt sena li għaddew
mit-tmiem tal-ħidma appostolika
tal-ewwel Arċisqof ordant f’Ruma
għall-gnus Slavi, Metodju, u ta’
ħuh Ċirillu, u b’hekk tfakkar
wkoll id-dħul ta’ dawn il-ġnus
fil-ġrajja tas-salvazzjoni u
fost in-nazzjonijiet tal-Ewropa
li fis-sekoli ta’ qabel kienu ġà
aċċettaw il-bxara t-tajba
tal-Evanġelju. Kulħadd jifhem
x’ferħ inħoss jien b’din
iċ-ċelebrazzjoni, jien l-ewwel
wieħed minn ulied il-ġnus Salvi,
li wara kważi elfejn sena, ġejt
imsejjaħ biex inkun isqof ta’
dik id-djoċesi li kienet ta’ San
Pietru, fil-belt ta’ Ruma.
29. “F’idejk Mulej jien
nerħi ruħi”:
insellmu l-ħdax-il mitt sena
mill-mewt ta’ San Metodju
bil-kliem li, skont il-ħajja
tiegħu fl-ilsien Slavoniku,
hu tenna qabel miet, meta kien
sejjer biex jingħaqad ma’
missirijietu fil-fidi, it-tama u
l-imħabba: il-Patrijarki,
il-Profeti, l-Appostli,
id-Dutturi u l-Martri.
Bix-xhieda ta’ kliemu u ta’
ħajtu, imwettqa bil-kariżmi
tal-Ispirtu, kien eżempju ta’
vokazzjoni li tat frott mhux
biss fiż-żmien li fih għex, imma
wkoll fiż-żminijiet li ġew wara,
u b’mod speċjali fi żminijietna
wkoll.
Il-mewt qaddisa tiegħu,
fir-rebbiegħa tas-sena 885,
mill-Inkarnazzjoni tal-Mulej, u,
skont il-mod kif il-Biżantini
jikkalkulaw iż-żmien, fis-sena
6393 mill-ħolqien tad-dinja,
ġrat fi żmien meta kien qed
jinġema’ sħab ikrah fuq
Kostantinopli u tensjonijiet ta’
ġlied dejjem aktar kienu qed
jheddu l-paċi u l-ħajja
tan-nazzjonijiet, u kienu qed
jheddu wkoll ir-rabtiet qaddisa
tal-għaqda bejn l-aħwa u ta’
xirka flimkien tal-Knejjes
tal-Lvant u tal-Punent.
Fil-Katidral tiegħu, mimli
b’insara minn ħafna ġnus,
id-dixxipli ta’ San Metodju taw
gieħ solenni lir-ragħaj mejjet
tagħhom, għall-bxara t-tajba ta’
salvazzjoni, ta’ sliem u ta’
rikonċiljazzjoni li waslilhom u
li għaliha ta ħajtu kollha:
“Iċċelebraw l-Uffiċċju divin
bil-Latin, il-Grieg u
s-Slavoniku”
huma u jaduraw lil Alla u jagħtu
ġieħ lill-ewwel Arċisqof
tal-Knisja li waqqaf fost
is-Slavi, u li lilhom hu u ħuh
kienu xandru l-Evanġelju
b’ilsienhom stess. Din
il-Knisja ssaħħet iżjed meta
bil-kunsens ċar tal-Papa
ngħatatilha ġerarkija indiġena,
bl-egħruq tagħha fis-suċċessjoni
appostolika u magħquda fil-fidi
u l-imħabba kemm mal-Knisja ta’
Ruma u kemm ma’ dik ta’
Kostantinopli, minn fejn bdiet
il-missjoni fost is-Slavi.
Issa li għaddew ħdax-il mitt
sena mill-mewt tiegħu, nixtieq
inkun almenu bl-ispirtu
f’Velehrad fejn, milli jidher,
Alla fil-Provvidenza tiegħu ried
li San Metodju jtemm ħajtu:
— nixtieq nieqaf xi ftit ukoll
fil-Bażilika ta’ San Klement
f’Ruma fil-post fejn San Ċirillu
jinsab midfun;
— fuq l-Oqbra ta’ dawn iż-żewġ
Aħwa, Appostli tal-ġnus Slavi,
nixtieq nafda f’idejn it-Trinità
Qaddisa l-wirt spiritwali
tagħhom b’din it-talba.
30. “F’idejk jien nerħi ruħi...”.
O kbir Alla, Wiehed fi Tliet
Persuni, nafdalek il-wirt
tal-fidi tal-ġnus Slavi; żomm
sħiħa u bierek din il-ħidma
tiegħek.
Ftakar, Missier li tista’
kollox, fil-mument li, skont
ir-rieda tiegħek, waslet
il-milja taż-żmien għal dawk
il-ġnus u nazzjonijiet, u
l-Missjunarji qaddisin minn
Salonika qdew bil-fedeltà kollha
l-missjoni li Ibnek Ġesù Kristu
ried jafda lill-Appostli; fuq
il-passi tagħhom u ta’ dawk li
ġew warajhom, wasslu fl-artijiet
tal-ġnus Slavi d-dawl
tal-Evanġelju, il-Bxara t-Tajba
tas-salvazzjoni, u quddiemhom
taw xhieda:
— li Int ħlaqt il-bniedem u int
Missierna u fik aħna lkoll aħwa;
—li b’Ibnek, il-Verb etern
tiegħek, Int ħlaqt kollox u
sejjaħt il-bnedmin kollha biex
ikollhom sehem mill-ħajja
tiegħek għal dejjem ta’ dejjem;
—li int hekk ħabbejt id-dinja li
tajtna lill Iben il-waħdieni
tiegħek li għalina l-bnedmin u
għas-salvazzjoni tagħna niżel
mis-sema u bil-qawwa tal-Ispirtu
s-Santu sar bniedem bħalna
fil-ġuf safi tal-Verġni Marija;
—u li fl-aħħarnett bgħatt
l-Ispirtu tal-qawwa u tal-faraġ
biex kull bniedem, mifdi minn
Kristu, fik ikun jista’ jikseb
id-dinjità ta’ iben ta’ Alla u
werriet ma’ Kristu tal-wegħdiet
li int għamilt lill-bnedmin
kollha u li minnhom mhux se
tonqos qatt.
Il-pjan tiegħek tal-ħolqien
li laħaq il-milja tiegħu
fil-fidwa, Missier, jolqot
il-bniedem ħaj u jħadddan
il-ħajja kollha tiegħu u
l-ġrajja kollha tal-ġnus.
Agħtina, Missier dak li qed
titolbok illum il-Knisja kollha
u agħtina wkoll lil-ġnus u
n-nazzjonijiet li, bil-missjoni
appostolika tal-Aħwa qaddisin
minn Salonika, għarfuk u
aċċettawk bħala l-veru Alla u
bil-Magħmudija daħlu fix-xirka
qaddisa ta’ wliedek, ikomplu
jilqgħu bla tfixkil u b’ħeġġa u
fiduċja kbira t-tagħlim
tal-Evanġelju u jkomplu jagħmlu
kull ma jistgħu skont dan
it-tagħlim.
—Ħalli jilqgħu, skont ma
tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom,
is-sejħa li tagħmlilhom biex
jimxu fit-triq li ntweriet
lilhom ħdax-il mitt sena ilu!
—jalla qatt ma jiġri li l-fatt
li jkunu membri tas-Saltna ta’
Ibnek jitqies minn xi ħadd bħala
ħaġa li tmur kontra l-ġid ta’
pajjiżhom f’din id-dinja!
—jalla jagħtuk
it-tifħir li jistħoqqlok
fil-ħajja pubblika u privata
tagħhom!
—jalla jgħixu fil-verità,
fl-imħabba, fil-ġustizzja u
fit-tgawdija tas-sliem ta’
Kristu, li jħaddan qlub
il-bnedmin, il-komunitajiet,
l-art u l-unvers kollu!
—jalla huma u jagħarfu d-dinjità
tagħhom bħala bnedmin u bħala
wlied Alla, ikollhom il-ħila
jegħelbu kull mibgħeda u jirbħu
d-deni bil-ġid.
Iżda agħti wkoll lill-Ewropa
kollha, o Trinità Qaddisa, li,
bl-interċessjoni ta’ dawn
iż-żewġ Aħwa qaddisin, tħoss
b’qawwa dejjem akbar il-ħtieġa
tal-għaqda reliġjuża nisranija,
u ta’ xirka ta’ aħwa bejn
il-ġnus kollha tagħha, ħalli
wara li jiġu megħluba n-nuqqas
ta’ ftehim bejniethom u
s-suspetti f’xulxin u jintrebaħ
il-ġlied ideoloġiku billi lkoll
jagħarfu x’inhi l-verità,
l-Ewropa tkun għad-dinja kollha
ta’ eżempju kif ħafna ġnus
jistgħu jgħixu flimkien
fil-ġustizzja u l-paċi, huma u
jirrispettaw lil xulxin u jħarsu
bla mittiefsa l-libertà tagħhom.
31. Lilek, għalhekk, Missier
Alla li tista’ kollox, lilek
Iben Alla li fdejt id-dinja,
lilek Spirtu s-Santu Alla li
twettaq u tgħallem il-qdusija
kollha, nafdalkom il-Knisja
kollha tal-bieraħ, tal-lum u ta’
għada, il-Knisja fl-Ewropa u
l-Knisja fid-dinja kollha.
F’idejk inħalli dan il-għana
singulari magħmul minn kull
xorta ta’ ġid, qadim u ġdid,
miġbur fit-teżor ta’ kulħadd
minn tant ulied differenti.
Il-Knisja kollha troddlok ħajr
lilek li sejjaħt il-ġnus Slavi
għax-xirka tal-fidi, għall-wirt
u għas-sehem li huma taw
għall-ġid tad-dinja kollha.
Il-Papa li ġej minn fost il-ġnus
Slavi jroddlok ħajr ta’ dan
b’mod speċjali. Jalla dan
il-kontribut ma jieqaf qatt
jagħni l-Knisja, l-Ewropa u
d-dinja kollha. Jalla qatt ma
jonqos fl-Ewropa u fid-dinja
tal-lum. Jalla ma jintesa qatt
min-nies ta’ żmienna. Nixtiequ
nilqgħu kollox u kull ħaġa tajba
li l-ġnus Slavi ġabu u qed
iġibu, taw u qed jagħtu
lill-patrimonju spiritwali
tal-Knisja u tal-familja kollha
tal-bnedmin. Il-Knisja kollha,
hija u tagħraf x’inhu dan
it-teżor ta’ kulħadd, tistqarr
li hi spiritwalment ħaġa waħda
magħhom u ttenni mill-ġdid
ir-responsabbiltà tagħha
għax-xandir tal-Evanġelju,
għall-ħidma tas-salvazzjoni li
hi msejħa biex tagħmel illum
ukoll fid-dinja kollha sa truf
l-art. Irridu bilfors immorru
għall-imgħoddi biex nifhmu
fid-dawl tal-imgħoddi, dak li
qed jiġri llum, ħa nagħarfu
x’jista’ jiġri għada. Għaliex
il-missjoni tal-Knisja tħares
dejjem, b’tama li qatt ma tiġi
nieqsa, lejn il-ġejjieni.
32. Il-ġejjieni! Għalkemm
jidher mimli theddid u biża’
f’għajnejn il-bnedmin, nafdawh
lilek, o Missier tas-sema, aħna
u nitolbu għalih l-interċessjoni
ta’ Omm Ibnek u Omm il-Knisja,
l-interċessjoni tal-Appostli San
Pietru u San Pawl, ta’ San
Benedittu, San Ċirillu u San
Metodju, ta’ Santu Wistin u San
Bonifazju u tal-qaddisin l-oħra
kollha li xandru l-Evanġelju
fl-Ewropa li, sħaħ fil-fidi,
it-tama u l-imħabba, ħabbru lil
missirijietna s-salvazzjoni u
s-sliem tiegħek, u, fost
il-ħafna taħbit tal-ħidma
spiritwali tagħhom, bnew
iċ-ċivilità tal-imħabba u ordni
ġdid fuq il-liġi mqaddsa tiegħek
u bl-għajnuna tal-grazzja
tiegħek, li, fit-tmien
taż-żminijiet, tagħti l-ħajja
lil kollox u lill-ġnus kollha
f’Ġerusalemm tas-sema.
Lilkom ħuti nagħti l-Barka
Appostolika tiegħi.
Mogħtija Ruma f’San Pietru,
fit-2 ta’ Ġunju Solennità
tat-Trinità Qaddisa, fis-sena
1985, is-seba’ sena
tal-Pontifikat.
Joannes Paulus PP. II
Ħajr lil Mryriam Buttigieg
|