
|
Missier iż-Żgħazagħ
Ittra Appostolika tal-Papa Ġwann
Pawlu II
lis-Saċerdot Egidio
Vigano
Rettur tas-Soċjeta ta’
San Franġisk de Sales
f’egħluq
il-mitt sena tal-mewt
ta’ San
Gwann Bosco.
Għeżiż ibni, sliem u barka
appostolika.
1. Is-soċjeta għaziza
tas-Salesjani qiegħda tħejji
inizjattivi xierqa biex tfakkar
il-mitt sena mill-mewt ta’ San
Ġwann Bosco, missier u għalliem
taż-żgħażagħ; għalhekk nieħu
pjaċir f’din l-okkażjoni wkoll
naħseb ftit fuq il-problema
taż-żgħażagħ, jiena u nqis
x’responsabbilta’ għandha l-
Knisja biex tħejjihom
għall-ġejjieni.
Il-Knisja tħobb ħafna
liż-żgħażagħ; tħobbhom dejjem,
imma l-aktar d’dan iż-żmien meta
dalwaqt tasal għalina s-sena
2000 w. Kr., żmien li fih
il-Knisja tħoss li l-Mulej
qiegħed jistedinha tħares lejn
iż-żgħażagħ b’imħabba u tama
speċjali, billi tqies li l-edukazzjoni
tagħhom hija waħda
mir-responsabbiltajiet pastorali
ewlenin tagħha.
Il-Konċilju Vatikan II qal b’mod
l-aktar ċar li “il-bnedmin
qegħdin igħixu żmien ġdid
fil-grajja tagħhom” u għaraf li
ngħata bidu “għall-inizjattivi
xierqa biex iġibu dejjem aktar
‘il quddiem l-ħidma edukattiva”
. Fi żmien li fih qiegħed iseħħ
tibdil fil-kultura li qiegħda
tieħu suriet ġodda, il-Knisja
qiegħda tintebaħ b’herqa kbira
kemm hu meħtieġ li fil-qasam
tal-edukazzjoni tiġi megħluba l-firda
li hem bejn l-Evanġelju u l-kultura
firda li tnaqqas is-siwi u
twarrab fil-ġenb il-bxara
tas-salvazzjoni ta’ Kristu.
Fid-diskors lii għamilt
lill-membri tal-UNESCO għidt,
fost ħwejjeġ oħra dan il-kliem:
Ma hemmx dubju li l-ewwel fatt
kulturali, il-fatt kulturali
ewlieni huwa l-bniedem li laħaq
il-kobor spiritwali tiegħu,
jiġifieri l-bniedem li rċieva
edukazzjoni sħiħa, il-bniedem li
għandu ħila jrawwem lilu nnifsu
u l-oħrajn’ għidt ukoll li
tidher li hem tendenza li
tingħata ‘aktar istruzzjoni’
b’mod li jista’ jwassal u jġib
‘vera aljenazzjoni mill-edukazzjoni’
tonqos l-edukazzjoni biex
tingħata aktar istruzzjoni
Fakkart li l-għan ewlieni u
essenzjali tal-kultura fiha
nfisha, l-għan ta’ kull kultura
hu l-edukazjoni. Din twassal
biex il-bniedem ikun dejjem
aktar bniedem, ‘ikun aktar milli
‘ikollu’ u hekk, b’dak kollu li
‘għandu’, b’dak kollu li ‘hu
tieghu’, ‘ikun dejjem aktar
bniedem
Fil-ħafna laqgħat li kelli
maż-żgħażagħ fil-kontinenti
kollha, fil-messaġġi li
bħattilhom, u l-aktar fl-ittra
li fil-1985 bgħatt ‘liż-żgħażagħ
kollha tad-dinja’ urejt kemm
jien perswas li magħhom hi mixja
u għandha timxi l-Knisja
Nixtieq nerġa nuri l-istess
ħsibijiet li kelli dak iż-żmien,
illum fl-okkażjoni tal-festi
ċentinarji tad-“dies natalis” (jum
it-twelid għas-sema) ta’ iben
kbir tal-Knisja, is-saċerdot San
Gwann Bosco, li l-Papa Piju XI
ma rahiex bi kbira li jsejjaħlu
“edukatur ewlieni”
Din iċ-ċirkostanza hekk sabiħa
hi okkażjoni biex ikolli pjaċir
nitkellem mhux biss miegħek, u
ma ħutek il-membri tas-soċjeta
Salesjana, imma wkoll
maż-żgħażagħ, li huma dawk li
jridu jiġu edukati, mal-edukaturi
nsara u mal-ġenituri, imsejħin
biex jaqdu missjoni hekk tixraq
lill-bniedem u lill-Knisja.
Niehu pjaċir ukoll ntenni li din
“it-tifkira” qiegħda ssir
fis-“Sena Marjana”, u dan
iwassal il-ħsieħ tagħna f “Dik
li emmnet”, u fl-iva ħierġa mill
qalb tal-fidi tagħha, fidi li
fiha naraw l-għajn tal-ħidma
edukatriċi tagħha l-ewwel, bħala
Omm Ġesu’ u, imbagħad, bħala Om
mil-Knisja u Għajnuna tal-insara
kollha,ħidma li tagħti tant
frott
I. SAN ĠWANN BOSCO ĦABIB
TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
2. San Ġwann Bosco miet f’Torin
fil-31 ta’ Jannar 1888. Fit-73
sena ta’ ħajtu kien xhud ta’
taqlib kbir politiku, soċjali u
kulturali; rivoluzzjonijiet,
gwerer, tluq tal-bdiewa mill-egħlieqi
tagħhom ħa jmorru jaħdmu fl-ibliet,
fatti kollha li kellhom
influwenza kbira fuq il-qagħda
tan-nies, l-aktar ta’ dawk fqar
ħafna. Il-fqar kollha u ż-żgħażagħ
b’mod speċjali li kienu jgħixu
ffullati fit-trufijiet
tal-ibliet malajr saru vittmi
tal-qgħad u tal-isfruttament:
il-kobor tagħhom bħala bnedmin
ma kienx kif kellu jkun, u
lanqas kellhom dik it-tħejjija
morali, reliġjuża u
professjonali li kien imissu
jkollhom, anzi spiss ma kien
ikun hem ħadd li jaħseb li
jagħtihom it-tħejjija li kien
jeħtieġu. Iż-żgħażagħ, li jħossu
malajr kull bidla li tiġi fuqhom,
spiss kienu jsibu ruħhom ma
jafux x’jaqdu jagħmlu, mitlufin,
u sguri minn xejn. F’qagħda bħal
din ta’ folla niex li nqatgħet
mill-egħruq tagħha, l-edukazzjoni
tradizzjonali ma setgħet issib
tarf ta’ xejn: filantropi,
edukaturi, saċerdoti, b’mod jew
ieħor, ippruvaw isibu tarf
għall-ħtiġijiet ġodda li nqalgħu.
Fost dawn, f’Torin spikka Don
Bosco minħabba l-ispirazzjoni
nisranija ċara tal-ħidma tiegħu,
minħabba l-inizjattivi qalbiena
li ħoloq, u minħabba tixrid
malajr u l-kobor tal-opra tiegħu.
3. Kien iħoss li kellu sejħa
speċjali mingħand il-Mulej, li
kien miegħu jgħinu, li kien
imexxih b’idejh ħa jġib ‘il
quddiem il-missjoni tiegħu
bl-interċessjoni tal-Verġni
Marija. It-tweġiba tiegħu
għas-sejħa tal-Mulej kienet hekk
tal-għaġeb li l-Knisja
bl-awtorita kollha tagħha
uffiċjalment ipproponietu
lill-insara bħala eżempju ta’
qdusija. Meta fl-Għid tal-1934
il-Papa Piju XI niżżlu fil-lista
tal-Qaddisin niseġ paneġirku
mill-aqwa tiegħu.
Ġanninu, iltim minn missieru
fil-bidu ta’ tfulitu, mrobbi
b’għaqal kbir minn omm nisranija
u ta’ galbu liema bħalu, ġie
mżejjen mill-Provvidenza ta’
Alla bi kwalitajiet li, sa minn
ċkunitu, għamluh ħabib ġeneruż u
għaqli ta’ dawk ta’ mparu.
Żogħżitu kienet il-bidu ta’
ħidma edukattiva tas-sew ta’ l-għaġeb.
Saċerdot, fil-belt ta’ Torin, li
kienet qiegħda tisviluppa dejjem
aktar minn jum għall-ieħor, hu
sab ruħu wiċċ imb’wiċċ mal-ħabsin,
u ma’ nies oħra li kienu jinsabu
f’qagħdiet tassew tal-biki.
Kien kapaċi jagħraf malajr
il-qagħda ta’ dak li jkun, u
kien jaf sewwa l-istorja
tal-Knisja: dan l-għarfien
tal-qagħdiet tan-nies u l-esperjenzi
ta’ appostli tal-Knisja u l-aktar
ta’ S. Filippu Neri u S. Karlu
Borromeo, wassluh biex joħloq l-
“Oratorju”. Kien tassew għażiż
għalih dan l-isem. L-Oratorju
kien il-qofol tal-ħidma kollha
tiegħu li jagħżilha minn kull
sura ta’ ħidma oħra; waqqaf l-Oratorju
skond kif ħasbu hu waħdu, adatt
għall-ambjent u għaż-żgħażagħ
tiegħu u għall-ħtiġijiet tagħhom.
Bħala protettur ewlieni u
eżempju għal dawk li kienu
jgħinuh għażel lil San Franġisk
de Sales, il-qaddis li wera kull
sura ta’ ħeġġa, il-qaddis ta’
tjieba liema bħalha li kienet
tidher l-aktar fil-ħlewwa
tal-imġiba tiegħu.
4. L-“Opra tal-Oratorju” bdiet
fil-1841 bħala “sempliċi tagħlim
tad-duttrina” u kompliet dejjem
tikber biex twieġeb
għall-qagħdiet u ħtiġijiet
dejjem aktar urġenti: ospizju
għall-isfrattati; laboratorju u
skola tas-snajja’ ħalli dawn
jitgħallmu sengħa u jaqilgħu l-għajxien
onestament; skola ta’
edukazzjoni umanistika li tiftaħ
it-triq għall-vokazzjonijiet; u
l-istampa t-tajba; ħidma
rikreattiva u inizjattivi ta’
dak iż-żmien f’dan il-qasam (tijatru,
baned, kant, passiġġati
fil-kampanja fil-ħarifa)
L-espressjoni li kien iħobb tant
igħid: “Basta tkunu żgħażagħ ħa
nħobbkom ħafna” kienet l-espressjoni
ewlenija tiegħu, anzi, qabel dan,
kienet l-għażla ewlenija tiegħu:
“Wegħidt lil Alla li sa l-aħħar
nifs ta’ ħajti jkun
għaż-żgħażagħ tiegħi” U tassew,
għaż-żgħażagħ għamel ħidma
tassew tal-għaġeb bil-kelma,
bil-kitba, bl-istituzzjonijiet,
bis-safar, bil-laqgat mal-awtoritajiet
ċivili u reliġjużi; kellu
attenzjoni tassew ħerqana l-aktar
għaż-żgħażagħ, għall-personalita
tagħhom, biex fl-imħabba tiegħu
għalihom bħala missier jaraw
sinjal ta’ imħabba aktar għolja.
Il-ħeġġa ta’ mħabbtu dejjem
aktar kibret u wasslitu biex
jilqa’ sejħa ta’ nazzjonijiet
‘il bogħod, ta’ missjonijiet ‘l
hem mill-baħar kbir ta’ l-Atlantiku,
għall-ħidma tax-xandir
tal-Evanġelju, li ma hi qatt
mifruda minn ħidma vera
għall-promozzjoni tal-bniedem.
Il-Mulej sieħeb miegħu
fundatrici Santa Maria Domenika
Mazzarello, flimkien ma’ grupp
ta’ xebbiet sħabha, li ġa kienu
ddedikaw rwieħhom
għall-formazzjoni nisranija tax-xebbiet
fuq livell parrokkjali. Is-sistema
pedagoġiku tiegħu ħajjar oħrajn
– irġiel u nisa – biex igħinuh,
jew “ konsagrati” permezz
tal-voti li għamlu għal
għomorhom, jew “koperaturi”
imseħbin miegħu għax bħalu
kellhom l-istess fehmiet
pedagoġiċi u appostoliċi, u
magħhom imbagħad sieħeb ukoll
l-“ex-allievi” u ħeġġiġhom
jagħtu xhieda għall-edukazzjoni
li huma stess rċevew billi
jġibuha ‘l quddiem.
5. Dawn l-inizjattivi kollha
huma frott ta’ ħajja spiritwali
mill-aqwa. Il-kobor tieghu bħala
qaddis, għall-oriġinalita’
tiegħu, iqiegħdu mal-fundaturi
tal-istituti reliġjużi
tal-Knisja. Hu minn quddiem għal
ħafna raġunijiet: ta bidu għal
skola ġdida ta’ spiritwalita’
appostolika li tiġbdek; ġab ‘il
quddiem devozzjoni speċjali lejn
il-Verġni Maria bħala Għajnuna
ta’ l-Insara u Omm il-Knisja; ta
xhieda ta’ mħabba qalbiena,
kollha lealta’ lejn il-Knisja
bil-ħidma li kemm-il darba
għamel ta’ medjatur, fi
żminijiet li r-relazzjonijiet
bejn Knisja u Stat kienu
diffiċli ħafna. Fl-appostolat
tiegħu kien prattiku u
realistiku lest biex jilqa’ kull
invenzjoni ġdida; kollu ħeġġa
organizza l-missjonijiet
b’sentimenti verament
kattoliċii; u b’mod ta’ l-għaġeb
wera mħabba speċjali
għaż-żgħażagħ, kien
jippreferihom, u l-aktar, ‘l
dawk li kellhom l-aktar, ‘l dawk
li kellhom l-akbar ħtiġijiet,
għall-ġid tal-Knisja u
tas-soċjeta; hu l-imgħallem ta’
Sistema pedagoġiku li jiġbdek,
Sistema effikaċi li hu ħalla
warajħ bħala don biex jiġi
mħares bil-għaqal kollu u jinġab
‘il quddiem.
F’din l-ittra nixtieq nħares
lejn Don Bosco l-aktar bħala dak
li tul ħajtu tqaddes permezz ta’
mpenn edukattiv, li hu wettaq
bil-ħeġġa kollha ta’ qalbu u bi
spirtu ta’ appostolat, u li
għaraf juri illi hi l-qdusija
l-għan li fil-fatt irid
jintlaħaq bis-sistema pedagoġika
tiegħu. Hi proprju r-relazzjoni
sħiħa bejn “qdusija” u
“edukazzjoni” li hi
l-karatteristika proprja ta’dan
l-bniedem: hu “edukattur qaddis”
ispirat minn “eżempju ta’
qaddis”, San Franġisk de Sales –
dixxiplu ta’ “mgħallem
spiritwali qaddis”, San Ġużepp
Cafasso – li rnexxielu jtella’
minn fost iż-żgħażagħ tiegħu
“student qaddis”, San Duminku
Savio.
II. IT-TĦABBIRA PROFETIKA TA’
SAN ĠWANN BOSCO BĦALA EDUKATUR
6. Il-qagħda taż-żgħażagħ
fid-dinja ta’ llum, mitt sena
wara l-mewt ta’ Don Bosco,
tbiddlet ħafna u turi kull sura
ta’ qagħdiet u ta’ mġiba, kif
jafu sewwa l-edukaturi u
r-rgħajja ta’ l-erwieħ.
B’danakollu, illum ukoll għadhom
isiru dawk il-mistoqsijiet li
dwarhom kien jaħseb Don Bosco,
sa mill-bidu tal-ministeru
saċerdotali tiegħu, kollu ħerqan
biex jifhimhom u kollu ħeġġa
biex jagħmel xi ħaġa. Min huma
ż-żgħażagħ? X’iridu?
X’jiġbidhom? X’jeħtieġu? Dawn
kienu l-mistoqsijiet tqal ta’
dak iż-żmien u ta’ llum ukoll,
mistoqsijiet li kull edukatur
jeħtieġlu bilfors iqis sewwa.
Ma jonqsux illum, fost
iż-żgħażagħ tad-dinja kollha,
gruppi li tassew iħossu l-valuri
tar-ruħ, ħerqana li jkollhom
l-għajnuna u min jieqaf magħhom
biex ikunu jistgħu jilħqu
l-kobor sħiħ tal-personalita’
tagħhom. Min-naħa l-oħra hi ħaġa
ċara li ż-żgħażagħ illum isibu
ruħhom imbuttati lejn qagħdiet
negattivi, qagħdiet li jħajruhom
u huma frott ta’ ħafna fehmiet
ideoloġiċi. Edukatur attent
jasal biex jagħraf xi tkun
il-qagħda vera taż-żgħażagħ u
jindaħal biex jgħinhom bil-ħila
kollha u b’ għerf li jħares
fil-bogħod.
7. Hu jaf li f’din il-ħaġa hu
mħajjar, imdawwal u mwettaq
mit-tradizzjoni edukattiva
tal-Knisja li ma hemmx oħra
bħalha
Il-Knisja, għax taf li hi
l-poplu li tiegħu Alla hu
missier u edukatur kif tixhed
bid-dieher l-Iskrittura (ara
Dewt, 31;3,5;32, 10-12; Hos. 11,
1-4; Is. 1,3: Ġer, 3, 14-15;
Prov. 3, 11-12; Lh. 12, 5-11;
Apok. 3,19), u għax hi “esperta
tan-natura tal-bniedem” tista’
titqies ukoll bħala “esperta
fl-edukazzjoni”. Dan tixhdu
l-ġrajja twila u glorjuża ta’
elfejn sena miktuba minn
ġenituri u familji, saċerdoti,
lajċi, irġiel u nisa, istituti
relġjużi u movimenti fi ħdan
il-Knisja li permezz tal-ħidma
edukattiva tagħhom urew
il-kariżma li kellhom ħa jkomplu
l-ħidma edukattiva ta’ Alla li
laħqet il-qofol tagħha fi
Kristu. Minħabba l-ħidma ta’
tant edukaturi u ragħajja
tal-erwieħ u ta’ tant Ordnijiet
u Istituti reliġjużi, li ġabu ‘l
quddiem istituzzjonijiet ta’
valur kulturali u uman li qatt
ma tista’ tqiesu biżżejjed,
l-istorja tal-Knisja hi,
fil-parti l-kbira tagħha, ħaġa
waħda mal-istorja
tal-edukazzjoni tal-popli.
Il-Knisja-u dan qalu l-Konċilju
Vatikan II – meta tinteressa
ruħha fl-edukazzjoni, ma tkunx
tagħmel ħaġ’ oħra ħlief tobdi
“il-kmandament li rċeviet
mingħand Kristu, li waqqafha
l-ordni li tħabbar il-misteru
tas-salvazzjoni lill-bnedmin
kollha u ġġedded kollox fi
Kristu”
8. Huwa u jitkellem dwar
il-ħidma tar-reliġjużi u juri
l-ħeġġa kollha tagħhom, il-Papa
Pawlu VI mar igħid li
l-appostolat tagħhom “spiss hu
appostolat oriġinali li jiġbdek,
tant li ma tistax ma tistagħġibx
bih” ( )
Għal San Ġwann Bosco, li waqqaf
familja spiritwali kbira,
nistgħu ngħidu li l-“ġenju”
proprju tiegħu hu marbut
mas-sistema edukattiv li hu
stess kien isejjaħlu “sistema
preventive”. Dan is-sistema,
b’xi mod, jiġbor fih l-għerf
pedagoġiku ta’ Don Bosco, u huwa
l-messaġġ profetiku li ħalla lil
tiegħu u lill-Knisja, Sistema li
ġibed l-attenzjoni u l-għarfien
ta’ ħafna edukaturi u studjużi
tal-pedagoġija.
Il-kelma “preventive” għandna
nifhmuha mhux fis-sens
grammatikali tagħha, imma skont
dak kollu li hu karatteristiku
fil-ħidma edukattiva ta’ Don
Bosco. Ta’ min ifakkar li
l-ewwelnett tfisser li wieħed
għandu jfittex li jagħraf minn
qabel x’esperjenzi ħżiena jista’
jkollhom iż-żgħażagħ ħalli
jaħseb għalihom qabel jinqalgħu,
esperjenzi li jistgħu
jikkompromettu s-saħħa
taż-żgħażagħ jew jġagħluhom
jagħmlu sforzi kbar bi tbatija
fit-tul ħa jerġgħu jiksbu dak li
jkunu tilfu. Iżda l-kelma
tfisser ukoll dawk l-għażliet
preċiżi, dawk is-sistemi
edukattivi, magħrufin sewwa u
mwettqin b’ħeġġa kbira, bħalma
huma; dik il-ħila li tagħti
edukazzjoni posittiva billi
tħajjar għat-tajjeb permezz ta’
esperjenzi xierqa kapaċi jħajru
ż-żgħażagħ minħabba l-ġmiel u
d-dinjita’ tagħhom u jġagħluhom
jissieħbu fihom; il-ħila li
twassal liż-żgħażagħ biex
“jikbru fihom infushom” billi
ġġagħlhom jużaw sewwa l-liberta’
tar-ruħ tagħhom li twassalhom
biex ma joqogħdux għal kull ma
jista’ jinfluwenzahom minn barra
u jġibu ruħhom b’mod li jogħġbu
dejjem lin-nies; il-ħila li
tiġbed qlub iż-żgħażagħ biex
b’ferħ u b’sodisfazzjon,
tħajjarhom għat-tajjeb,
tikkorreġġihom meta jiżbaljaw, u
tħejjihom għall-ġejjieni permezz
ta’ formazzjoni soda
tal-karattru tagħhom. Ma
għandniex xi ngħidu, dan
il-messaġġ pedagoġiku jissopponi
li l-edukatur ikun konvint li
f’kull żagħżugħ, hu kemm hu
sfrattat u emarġinat, hem ukoll
il-qawwa għat-tajjeb, li, jekk
tiġi mqanqla f’waqtha, tista’
twassal għall-għażla ta’ ħajja
ta’ fidi u onesta.
Iżda jaqbel li nieqfu ftit
naħsbu fuq wieħed mill-aspetti
l-aktar karatteristiċi tal-
pedagoġija ta’Don Bosco, aspett
li għandu r-rifless
providenzjali tiegħu fil-Kotba
Mqaddsa.
9. Don Bosco, bniedem ta’ kull
sura ta’ ħidma, dejjem sejjer,
jagħtina l-aqwa tagħlima
bl-istess ħajja tiegħu tant li
n-nies ta’ żmienu stess kienu
jqisuh edukatur mill-aqwa.
Il-ftit li kitebu biex juri
x’kienet l-esperjenza pedagoġika
tiegħu, jikseb it-tifsir sħiħ
tiegħu meta nqabbluh ma’
l-esperjenza twila u għanja li
kiseb huwa u jgħix fost
iż-żgħażagħ.
Hu kien tal-fehma li
fl-edukazzjoni, l-edukatur
għandu jkollu mġiba speċjali u
li l-ħidma edukativa tiegħu tkun
ta’ ħafna suriet, kollha
mibnijin fuq ir-raġuni u l-fidi.
Il-qofol tal-ħidma ta’
l-edukatur, kif kien jaraha Don
Bosco, hi l-“imħabba pastorali”,
li hu fisser b’dan il-mod:
“Il-mod kif jaħdem is-sistema
preventive hu mibni kollu kemm
hu fuq kliem San Pawl, li jgħid:
‘L-imħabba taf tistabar u tħenn;
kollox tittama, kollox
tissaporti” Tħajjar l-edukatur
biex iħobb iż-żagħżugħ, hi
x’inhi l-qagħda tiegħu, ħa
jwasslu għal dik il-milja
tan-natura tiegħu ta’ bniedem li
dehret fi Kristu, biex jifhem u
jara li jista’ jgħix onestament
bħala iben Alla. L-imħabba
ssaħħaħ u turi l-qawwa ta’ dawk
il-veritajiet kollha li Don
Bosco għaraf jiġbor fi tliet
kelmiet ċari ħafna: “Raġuni,
reliġjon, imħabba”
10. Il-kelma “raġuni” turi,
fid-dawl tal-veru “umaniżmu”
nisrani, il-valur tal-persuna,
tal-kuxjenza, tan-natura
tal-bniedem, tal-kultura,
tax-xogħol, tal-ħajja soċjali,
jiġifieri dawk il-valuri kollha
li qishom id-dota meħtieġa
tal-bniedem għall-ħajja tiegħu
familjar, civili u politika.
Fl-enċiklika Redemptor hominis
fakkart li “Ġesu Kristu hu
t-triq ewlenija tal-Knisja; din
it-triq minn Kristu twassal
għall-bniedem”
Ta’ min isemmi li ġa sa minn
mitt sena ilu Don Bosco kien
iqis importanti ħafna l-aspett
uman u l-qagħda storika ta’
l-individwu, jiġifieri
l-liberta’ tiegħu,
il-preparazzjoni tiegħu
għall-ħajja u għall-professjoni,
id-dħul għar-responsabbiltajiet
ċivili f’ambjent ta’ ferħ u ta’
mpenn ġeneruż favur il-proxxmu.
Hu kien ifisser dawn il-għaniet
bi kliem sempliċi li jolqtok,
bħalma huma “allegrija”,
“studju”, “tjieba”, “għaqal”,
“ħidma”, “umanita’”. L-ideal
edukattiv tiegħu kien
karatterizzat mill-moderazzjoni
u r-realiżmu.
Fis-sistema pedagoġiku tiegħu
nsibu rabta tajba bejn dak li hu
tradizzjonali u dak li hu ġdid.
Don Bosco jqiegħed quddiem
iż-żgħażagħ programm sempliċi,
iżda impenjattiv ukoll, programm
li ġabar f’erba’kelmiet milquta
li jfissru ħafna: “ċittadin
onest għax nisrani tajjeb”. Fi
ftit kliem ir-“raġuni”, li Don
Bosco kien jemmen li hi don
ta’Alla u dmir li ebda edukatur
ma jistax ma jkollux, turi
l-valur tat-tajjeb u turi wkoll
l-għan li jrid jintlaħaq,
l-mezzi meħtieġa biex jintlaħaq
u l-mod ukoll kif jista’
jintlaħaq. Ir-“raġuni” tistieden
liż-żgħażagħ biex jaqsmu
bejniethom kull wieħed sa fejn
jista’, il-valuri li jkunu
għarfu u ppruvaw. Don Bosco
r-“raġuni” sejħilha wkoll “qbil
xieraq mar-raġuni” għaliex irid
ikun hem dejjem lok biex wieħed
jifhem lill-ieħor, lok
għad-djalogu, għas-sabar li ma
jiġi nieqas qatt: hekk biss
wieħed jista’ jimxi skont
ir-raġuni; u din hi ħaġa li ma
hi xejn ħafifa.
Dan kollu jitlob li jkun hem
antropoloġija mġedda u sħiħa,
ħielsa minn kull ideoloġija li
ddgħajjifha. L-edukatur ta’ llum
jeħtieġlu jkun jagħraf sewwa
s-sinjali taż-żminijiet biex
jifhem il-“valuri” li jiġu
minnhom u li jħajru
liż-żgħażagħ: il-paċi,
il-promozzjoni tal-mara,
is-solidarjeta’ bejn il-bnedmin,
il-progress, l-ekoloġija,
il-liberta’, il-ġustizzja
11. Il-kelma l-oħra “reliġjon”
tfisser li l-pedagoġija ta’ Don
Bosco fiha nfisha togħla ‘l fuq
min-natura tal-bniedem, l-għan
edukattiv ewlieni tiegħu hu
t-trawwiem ta’ bniedem li
jemmen. Fil-fehma tiegħu bniedem
edukat tajjeb li laħaq il-kobor
tiegħu bħala bniedem hu
ċ-ċittadin li jgħożż il-fidi
tiegħu, li fil-qofol ta’ ħajtu
għandu l-ideal tal-bniedem
il-ġdid mħabbar minn Kristu u li
hu xhud qalbieni tal-fehmiet
reliġjużi tiegħu
Hawn mhux qegħdin nitkellmu dwar
xi reliġjon spekulattiva u
astratta, imma dwar fidi ħajja,
bl-egħruq tagħha fil-ħajja ta’
kuljum, fidi li wieħed igħixha
f’xirka ma’ l-oħrajn, dejjem
lesta biex tisma’ u dejjem lesta
biex toqgħod għall-grazzja ta’
Alla. Kif Don Bosco kien soltu
jgħid, “il-kolonni li fuqhom
timbena l-edukazzjoni” huma
l-Ewkaristija, il-Penitenza,
id-devozzjoni lejn il-Madonna,
l-imħabba għall-Knisja u
għar-ragħajja tagħha.
L-edukazzjoni ta’ Don Bosco hi
“triq” ta’ talb, liturġija,
ħajja sagramentali, devozzjoni
spiritwali; u għal xi wħud,
tweġiba għas-sejħa ta’
vokazzjoni speċjali (kemm
saċerdoti u reliġjużi trawwmu
fid-djar ta’ Don Bosco!): u għal
kulħadd l-istedina għall-qdusija
u t-tiksib tagħha.
Don Bosco kien saċerdot għaqli
li kien iqis illi kull ma
rċieva, kull ma ta, kull ma bih
għex, kollox kellu l-pedament
tiegħu fir-rivelazzjoni .
Dan l-aspett ta’ “traxxendenza”
reliġjuża, li hu l-pedament
tas-sistema pedagoġika ta’ Don
Bosco, mhux biss jista’ jiġi
applikat għal kull kultura, imma
jista’ jiġi wkoll adattat
għar-reliġjonijiet mhux insara.
12. Fl-aħħarnett , fit-tħaddim
tas-sistema ‘preventiv’, irid
ikun hemm l-“amabilta”. Din trid
tkun drawwa ta’ kuljum u
m’hijiex biss l-imħabba
tal-bnedmin għal xulxin, u
lanqas biss l-imħabba
sopranaturali. Tfisser ħafna
ħwejjeġ u titlob li wieħed ikun
dejjem hemm għad-disposizzjoni
ta’ l-oħrajn, kapaċi juża
kriterji xierqa u għandu mġiba
adatta għal kull ċirkostanza.
Din l-“amabilta” turi ruħha
fl-impenn tal-edukatur li jagħti
lilu nnifsu kollu kemm hu
għall-ġid ta’ dawk li qiegħed
jagħtihom edukazzjoni xierqa,
jinsab dejjem fosthom, lest biex
jagħmel kull xorta ta’
sagrifiċċju, jilqa’ kull xorta
ta’ tbatija, huwa u jaqdi
l-missjoni tiegħu. Dan kollu
jitlob li l-edukatur ikun dejjem
qrib iż-żgħażagħ, jiġbed
simpatija kollha għalihom, u
kapaċi jitħaddet dejjem magħhom.
Hi tipika ta’ Don Bosco u
tfisser ħafna l-espressjoni:
“Jien qiegħed tajjeb fostkom:
ħajti hi li nkun magħkom” Għaraf
sewwa x’kien irid, meta tenna:
“li dak li jgħodd” hu li
“ż-żgħażagħ mhux biss ikunu
maħbubin, imma li jħossu li huma
maħbubin”
Min hu veru edukatur jissieħeb
fil-ħajja taż-żgħażagħ,
jinteressa ruħu fil-problemi
tagħhom, jipprova jara u jifhem
kif huma jħarsu lejn id-dinja,
jieħu sehem fl-attivitajiet
sportive u kulturali tagħhom, u
jissieħeb fid-diskorsi tagħhom;
bħala ħabib kbir tagħhom u
bniedem responsabbli jurihom
liema triqat jistgħu jaqbdu u
x’għaniet jista’ jkollhom, ħa
jiksbu dak li hu tajjeb u ta’
ġid għalihom, dejjem lest biex
jindaħal ħa jiċċaralhom
il-problemi tagħhom, jurihom xi
kriterji għandhom jużaw,
jikkoreġġilhom bil-għaqal kollu
u bl-imħabba, imma b’mod sod,
fehmiet u mġiba li mhux ta’ min
ifaħħarhom. F’ambjent bħal dan
ta’ “presenza edukattiva”,
l-edukatur ma jitqiesx bħala
“superjur”, imma bħala
“missierhom, ħuhom u ħabib
tagħhom”
F’dan is-sistema l-aktar ħaġa
importanti huma r-relazzjonijiet
personali. Don Bosco kien iħobb
juża l-kelma “familjarita’” biex
ifisser kif għandhom ikunu
r-relazzjonijiet bejn l-edukatur
u ż-żgħażagħ. Mill-esperjenza
twila li kellu, kien sgur li
mingħajr familjarita’ ma tistax
turi mħabba, u jekk ma turix
imħabba ma jistax ikun hem dik
il-fiduċja li hi meħtieġa biex
il-ħidma edukattiva tirnexxi.
L-għaniet li jridu jintlaħqu ,
il-programmi edukattivi,
il-prinċipji tal-metodoloġja
jseħħu fil-prattika b’mod tassew
effikaċi jekk ikun hem verament
“spirtu ta’ familja”, jiġifieri
jekk kull ma jsir, isir
f’ambjent ta’ ferħ u ta’ hena li
jqanqal il-qlub.
Dwar dan, ta’ min isemmi almenu
l-ħafna żmien li Don Bosco kien
jagħti għar-rikreazzjoni,
għall-isport, għall-mużika,
għat- tijatru jew – kif kien
iħobb igħid – għall-bitħa,
għall- “ground”: kien jagħraf
x’dinjita għandha
r-rikreazzjoni. Hu proprju waqt
ir-rikreazzjoni, waqt li kulħadd
ferħan qiegħed jirrikrea ruħu u
juri tassew dak li hu u dak li
jħoss, li edukatur għaref
jagħraf jindaħal, u b’kelma
żgħira f’waqtha, żgħira imma
tiswa ħafna, iħares u ssaħħaħ
l-ambjent ta’ ħbiberija li ikun
hemm . Il-laqgħa maż-żagħżugħ,
biex tkun edukattiva, titlob li
jkun hem interess fil-fond li ma
jonqos qatt dwar x’inhu
ż-żagħżugħ personalment, u
x’inhuma l-elementi li flimkien
jagħmlu l-ambjent kulturali li
fih qed igħix ż-żagħżugħ ma’
sħabu. Għandu jkun interess
għaqli u kollu mħabba
għax-xewqat, għall-valuri,
għall-qagħdiet li qed
jinfluwenzaw iż-żgħażagħ,
għas-sura ta’ ħajja li qed
igħixu, għall-eżempji li jaraw
madwarhom, għat-tensjonijiet,
għar-rivendikazzjonijiet u
għall-proposti li qegħdin isiru
fl-ambjent li fih qed igħixu
ż-żgħażagħ. Dan kollu juri
l-ħtieġa li ma jintilifx żmien
biex wieħed ifittex igħin
liż-żgħażagħ ħa jiffurmaw
kuxjenza tajba, jiksbu sens
tajjeb tal-familja, tas-soċjeta
u tal-politika, biex jikbru
fl-imħabba u jaraw is-sess
f’dawl nisrani; dan kollu juri
l-ħtieġa li wieħed ikollu l-ħila
jagħmel ġudizzju kritiku fuq
l-imġiba taż-żgħażagħ u
jittrattahom skont l-għomor li
jkollhom u l-isvilupp
tal-intelliġenza tagħhom huma u
jikbru – dan kollu jrid isir
mingħajr ma wieħed jinsa li
ż-żgħożija m’hijiex biss moment
fil-ħajja tal-bniedem, imma hi
wkoll żmien ta’ grazzja
għat-trawwim tal-persuna
tal-bniedem.
Illum ukoll, għalkemm l-ambjent
kulturali mhux dak ta’ mitt sena
ilu, u hem ukoll żgħażagħ li
mhumiex ta’ reliġjon nisranija,
din il-karatteristika hi waħda
mill-ħafna aspetti oriġinali u
ta’ siwi kbir tal-pedagoġija ta’
Don Bosco.
13. Irrid infakkar li dawn
il-kriterji pedagoġiċi m’humiex
xi ħaġa biss tat, imġedded
b’għaqal u kuraġġ, proprju
minħabba t-tibdil kbir li seħħar
lil żgħażagħ ta’ kulturi
differenti li jinsabu kullimkien
mid-dinja. Veru li l-messaġġ
pedagoġika tieħu jeħtieġ ikompli
jiġi studjat fil-fond, adattat,
imġedded b’għaqal u kuraġġ,
proprju minħabba t-tibdil kbir
li seħħ fl-ambjent soċjali,
kulturali, ekklesjali u
pastorali. Tajjeb li wieħed
iżomm quddiem għajnejh
l-iskoperti u l-progress kollu
li sar f’tant oqsma, is-sinjali
taż-żminijiet u
l-indikazzjonijiet tal-Konċilju
Vatikan II. Iżda jibqa’ dejjem
sħiħ il-qofol tat-tagħlim ta’
Don Bosco, l-istil proprju
tiegħu, l-ispirtu tiegħu,
il-ħila li jifhem malajr
il-qofol tal-ħaġa, il-kariżma
tiegħu: dawn ma se jonqsu qatt
għaliex ispirati mill-pedagoġija
traxxendentali ta’ Alla.
San Ġwann Bosco hu wkoll qaddis
għaż-żminijiet tagħna għal
raġuni oħra: hu jgħallimna
norbtu flimkien il-valuri li
jibqgħu tat-tradizzjoni ma’
soluzzjonijiet ġodda biex inkunu
nistgħu nwieġbu b’qawwa li
toħloq għall-problemi u
għall-ħtiġijiet li kuljum
jinqalgħu; għadu sa llum
igħallimna, u jipproponilna
“edukazzjoni ġdida”, li hi
fl-istess ħin fidila
għat-tradizzjoni u toħloq
ħwejjeġ ġodda.
“Don Bosco ritorna” hu innu
tradizzjonali tal-familja
salesjana, innu li jfisser illi
meta ngħidu li Don Bosco jerġa
jiġi, inkunu nuru li rridu
nerġgħu mmorru lura għand Don
Bosco, biex inkunu tassew
edukaturi kapaċi li nħarsu
b’fedelta’ lejn l-imgħoddi u
fl-istess ħin inkunu attenti,
bħalu, għall-ħtiġijiet
taż-żgħażagħ ta’ llum; biex
fil-wirt ta’ Don Bosco,
iż-żgħażagħ isibu dak li meħtieġ
li jsir l-ewwel, biex ikollhom
tweġiba għad-diffikultajiet u
t-tamiet tagħhom.
III. IL-ĦTIEĠA MALAJR TA’
EDUKAZZJONI NISRANIJA FIŻ-ŻMINIJIET TA’ LLUM
14. Il-Knisja tħoss ruħha
impenjata direttament
fil-kwistjoni tal-edukazzjoni
għaliex il-Knisja dejjem hi fejn
jiġi diskuss il-bniedem, għaliex
il-bniedem “hu t-triq ewlenija
li minnha trid tgħaddi l-Knisja
hija u taqdi l-missjoni tagħha”
Dan ifisser li l-Knisja għandu
jkollha mħabba speċjali
għaż-żgħażagħ.
Immorru lejn iż-żgħażagħ: din hi
l-ewwel ħidma fondamentali
edukattiva li trid issir
minnufih: “ Il-Mulej bagħatni
għaż-żgħażagħ” f’dan il-kliem
ta’ Don Bosco għandna naraw
l-għażla appostolika
fondamentali tal-Knisja, favur
iż-żgħażagħ fqar, iż-żgħażagħ
tal-poplu, iż-żgħażagħ l-aktar
fil-perikolu.
Ta’ min jiftakar fil-kliem hekk
tal-għaġeb li Don Bosco kien
igħid liż-żgħażagħ tiegħu u li
jiġbru fi ftit kliem l-għażla
fondamentali tiegħu: “Qiesu
dejjem li kullma jien, jien
kollnii għalikom, lejl u nhar,
filgħodu u filgħaxija, f’kull
moment. Ma għandhiex ħsieb ieħor
ħlief li dejjem nikbilhom il-ġid
morali, intellettwali u fisiku
tagħkom, għalikom nistudja,
għalikom naħdem, għalikom ngħix,
għalikom lest ukoll nagħti
ħajti”
15. Don Bosco wasal biex jagħti
lilu nnifsu bħala don
liż-żgħażagħ b’dan il-mod, fost
tant diffikultajiet xi kull tant
kbar ħafna, għax kellu mħabba
qawwija u singulari, kellu qawwa
fih innifsu tgħaqqad flimkien
b’rabta li ma tinħall qatt
l-imħabba ta’ Alla u
tal-proxxmu.
Għaraf igħaqqad flimkien b’mod
tal-għaġeb ħidma ta’
evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ
ma kinitx biss it-tagħlim
tal-katekiżmu jew tal-liturġija,
jew t-taħriġ f’dak l-egħmil
reliġjuż li bih nuru twemmin
tagħna jew naslu għalih, imma
kienet tħaddan l-oqsma kollha
tal-qagħda taż-żgħażagħ. Din
il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni
ta’ Don Bosco kienet parti
mill-proċess għall-formazzjoni
tal-bniedem: waqt li jagħraf
in-nuqqasijiet tal-bniedem, hu
mimli fiduċja li dan jista’
jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu,
għax hu sgur li l-kelma
tal-Evanġelju tinżera’ fil-ħajja
li ż-żgħażagħ igħixu kuljum biex
timpenjahom sewwa fi-qadi ta’
dmirijiethom fid-dinja. Għaliex
iż-żgħażagħ qegħdin igħixu ħajja
ta’ importanza speċjali
għall-edukazzjoni tagħhom
il-bxara t-tajba tal-Evanġelju
tas-salvazzjoni trid tkun ta’
għajnuna għalihom fil-proċess
tal-edukazzjoni li qed ikollhom,
u l-fidi tkun l-element li
tgħaqqad u ddawwal
il-personalita’ tagħhom.
Minn hawn jiġu ċerti għażliet li
jridu jsiru. L-edukatur irid
iħoss sewwa u jagħraf x’inhuma
l-valuri u l-istituzzjonijiet
kulturali, billi jikseb tagħrif
fil-fond tax-xjenzi dwar
il-bniedem. B’dan il-mod il-ħila
li jikseb tkun mezz mill-aqwa
għalih biex iġib ‘il quddiem
programm tajjeb ta’
evanġelizzazzjoni. Imbagħad
l-edukatur ifassal pjan
speċifiku ta’ edukazzjoni li,
waqt li jara sewwa kif
jisviluppaw il-kwalitajiet
tal-bniedem, joħloq fiż-żgħażagħ
il-kondizzjonijiet meħtieġa biex
dawn, ftit ftit, pass wara
l-ieħor , iwieġbu b’mod ħieles
għall-pjan tiegħu.
Ħsieb l-edukatur għandu jkun li
jmexxii l-proċess edukattiv
kollu kemm hu lejn l-għan
reliġjuż tas-salvazzjoni. Dan
jitlob wisq aktar minn ftit
sigħat għat-tagħlim tar-reliġjon
u għal ċelebrazzjonijiet ta’
qima lil Alla: jitlob dmir wisq
aktar kbir biex tgħin
liż-żgħażagħ jiftħu qalbhom għal
dawk il-valuri assoluti u jaslu
biex jifhmu l-ħajja u l-ġrajja
tad-dinja fid-dawl għoli u għani
tal-misteru tas-salvazzjoni.
16. L-edukatur għalhekk irid
jagħraf sewwa x’inhu l-għan
aħħari tal-ħidma tiegħu: għaliex
fl-edukazzjoni l-għan li jrid
jintlaħaq għandu importanza
deċisiva. Jekk da nil-għan
mhuwiex ċar biżżejjed, jew
żbaljat jew minsi, l-edukatur
ikun qed jitbiegħed mit-triq
it-tajba, ikun qed ixaqleb għal
naħa waħda, barra milli jkun
juri nuqqas ta’ ħila.
“Iċ-ċivilta’ ta’
zminijietna-kont għidt
lill-UNESCO – tipprova tagħti
għadd ta’ ordnijiet fiergħa, li
min irid li jsiru jgħid li huma
meħtieġa għall-isvilupp u
l-progress. Hekk, biex inġibu xi
eżempju, iridu li flok
ir-rispett għall-ħajja jkun hem
it-tneħħija u l-qerda tal-ħajja;
flok l-imħabba li ġġib rabta
bejn il-persuni b’sens ta’
responsabbilta’ skond
il-kuxjenza ta’ kull wieħed,
iridu sesswalita’ bla rażan,
nieqsa minn kull sens ta’
responsabbilta’; flok
il-prinċipju li f’kull egħmil
għandha tkun qabel kollox
imħarsa l-verita’, iridu mġiba
skont il-moda taż-żmien, skont
ma jaqbel lil min ikun, skont ma
hu meħtieġ biex minnufih
jinkiseb dak li wieħed ikun
irid”
Fil-Knisja u fid-dinja, is-sura
ta’ edukazzjoni sħiħa, bħal dik
li wera San Ġwanni Bosco, hi
edukazzjoni prattika
fil-qdusija. Jeħtieġ li nerġgħu
lura għal dik il-fehma ta’
“qdusija” li hi parti mill-ħajja
ta’ kull min jemmen. Is-sura
oriġinali ta’ “qdusija
taż-żgħażagħ”, il-pjan kuraġġuż
biex din il-qdusija tintlaħaq,
huma parti intrinsika tal-ħila
edukattiva ta’ da nil-Qaddis
kbir, li bir-raġun kollu nistgħu
nsejħulu “Mgħallem
tal-ispiritwalita’ u
taż-żgħażagħ”. Il-prinċipju
speċjali li fuqu kien jimxi
kienet ir-rieda tiegħu li ma
jħallix liż-żgħażagħ jitqarrqu
fit-tamiet tagħhom (il-ħtieġa
tal-ħajja, tal-imħabba, tal-ftuħ
tagħhom infushom, tal-ferħ, tal
–liberta’, tal-prospetti
għall-ġejjieni), u fl-istess ħin
iwassalhom pass pass biex
jagħarfu bil-fatti li biss
“permezz ta’ ħajja ta’ grazzja”,
jiġifieri permezz ta’ ħbiberija
ma’ Kristu, jistgħu jiksbu għal
kollox l-ideali l-aktar għoljin.
Edukazzjoni bħal din illum
titlob li ż-żgħażagħ ikollhom
kuxjenza kapaċi tagħraf x’inhuma
l-valuri very u tintebaħ liema
huma dawk l-ideoloġiji li jużaw
il-mezzi ta’ komunikazzjoni
soċjali ħa jassru l-opinjoni
pubblika u jaħkmu fuq il-fehmiet
tan-nies.
17. L-edukazzjoni li skont
il-metodu ta’ Don Bosco tgħin
b’mod oriġinali r-relazzjoni
bejn l-evanġelizzazzjoni u
l-promozzjoni tal-bniedem,
titlob attenzjoni speċjali
mill-qalb u l-moħħ tal-edukatur:
sensibilita’ pedagoġika, imġiba
bħal dik ta’ missier u omm,
sforz biex tifhem x’qiegħed
iseħħ fiż-żagħżugħ huwa u
jikber, u fil-grupp tiegħu,
fid-dawl ta’ pjan ta’
formazzjoni li jorbot flimkien,
b’mod għaqli u tajjeb, l-għan
edukattiv fih innifsu u r-rieda
li jinsabu l-mezzi l-aktar
adatti biex jintlaħaq da
nil-għan.
Fis-soċjeta’ ta’ llum
l-edukaturi għandhom jagħtu
importanza speċjali lil dawk
il-fatturi edukattivi ta’
karattru uman u soċjali li tul
iż-żminijiet dehru importanti
ħafna u li huma minsuġin sewwa
mal-grazzja u ma’ dak li jitlob
l-Evanġelju
Forsi qatt daqs illum
l-edukazzjoni saret esiġenza
hekk vitali u soċjali, tant li
titlob qagħda u rieda soda biex
jiġu mrawwma persuni li jilħqu
l-kobor sħiħ tagħhom. Forsi qatt
daqs illum id-dinja ma kienet
id-dinja teħtieġ individwi,
familji, u komunitajiet li
jkollhom l-edukazzjoni bħala
l-għan ewlieni ta’ ħajjithom u
jiddedikaw ħajjithom kollha u
l-enerġiji kollha tagħhom
għaliha, u jitolbu
l-kollaborazzjoni u l-għajnuna
ta’ kulħadd biex jistħarġu u
jġeddu bi spirtu ta’ inizjattiva
u sens ta’ responsabbilta’
metodi ġodda ta’ edukazzjoni.
L-edukazzjoni llum titlob għażla
ta’ ħajja serja u adatta, li
għandu jkollha l-għarfien u
l-għajnuna ta’ min għandu
l-awtorita’ fil-komunitajiet
ekklesjastiċi u ċivili.
18. Il-Knisja, bl-esperjenza u
l-għerf pedagoġiku tagħha,
tagħti tifsir edukattiv
straordinarju lill-“iskola”,
lill-“familja”, “lix-xogħol”, u
lil kull xorta ta’ “għaqdiet” u
gruppi. Illum jeħtieġ li jerġgħu
jiksbu l-importanza tagħhom
l-istituzzjonijiet edukattivi u
jingħaraf mill-ġdid lill-familja
d-dmir fl-edukazzjoni ta’
l-ulied li ebda ħadd ieħor ma
jista’ jkollu u li fissirt
fit-tul fl-esortazzjoni
appostolika Familiaris
consortio.
Il-familja għandha dejjem
influwenza kbira għat-tajjeb u
xi kulltant ukoll, jaħasra!
għall-ħażin: b’dan kollu jeħtieġ
li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda
sa minn ħdan il-familja
jitgħallmu jerfgħu
r-responsabbilta’ li jifhmu kull
ma jiġri kuljum ma’ dwarhom
fid-dawl tat-tagħlim etern
tal-Evanġelju, mingħajr ma
jinsew x’jitlob minnhom
it-tiġdid li jkun meħtieġ.
Il-post ċentrali fl-edukazzjoni
li għandu jkollha l-familja hu
wieħed mill-akbar problem
soċjali u morali ta’ llum.
“X’jista’ jsir”, staqsejt
lill-UNESCO, biex l-edukazzjoni
tal-bniedem issir l-aktar fi
ħdan il-familja?
Il-formazzjoni tal-bniedem, biex
tirnexxi jew ma tirnexxix,
tiddependi dejjem kemm minn dak
l-ambjent fondamentali ta’
kultura li hu l-familja – hu fi
ħdan il-familja li jinħoloq
il-bniedem - u kemm, f’livell
aktar għoli, minn dak li għandu
jagħmel l-Istat u
l-istituzzjonijiet tiegħu għal
dan il-għan”.
Flimkien mal-ħidma edukattiva
tal-familja, hem il-ħidma
importanti ħafna ta’ l-iskola,
li tista tiftaħ prospetti aktar
wiesgħa u aktar universali.
Fil-fehma ta’ Don Bosco
l-iskola, barra li tisviluppa
l-oqsma kulturali, soċjali u
professjonali taż-żgħażagħ, trid
tagħtihom ukoll struttura soda
ta’ prinċipji u valuri morali.
Jekk l-iskola ma tagħmilx dan,
iż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu
jgħixu u jġibu ruħhom kif
jixraq, bl-onesta’ kollha,
fis-soċjeta ta’ llum, imġarrba
minn tant tensjonijiet u ġlied.
Aspett ieħor tal-wirt edukattiv
li ħallielna dan il-qaddis kbir
pjemontiż hu l-interess speċjali
li kellu għad-dinja tax-xogħol,
li għaliha ż-żgħażagħ jeħtieġ li
jkunu mħejjijin sewwa. Dan
inħossuh ukoll fis-soċjeta
tagħna ta’ llum, minkejja
t-tibdiliet kbar li seħħu f’dawn
l-aħħar mitt sena.
Ma’ San Ġwann Bosco naqsmu
t-tħassib tagħna li nagħtu
l-ġenerazzjonijiet ġodda
taż-żgħażagħ tħarriġ tajjeb ħa
jaqdu sewwa l-professjoni u
s-sengħa li jiksbu u
l-kapaċitajiet tekniċi meħtieġa
, kif sar għal aktar minn mitt
sena fl-iskejjel tas-snajja u
ta’ l-artiġġjanat u fil-ħwienet
tax-xogħol li kienu taħt
it-tmexxija għaqlija u ta’ min
ifaħħarha ħafna tal-fratelli
koperaturi salesjani. Naqsmu ma’
Don Bosco it-tħassib biex
tingħata edukazzjoni dejjem
aktar qawwija
għar-responsabbilta’ fi ħdan
is-soċjeta, b’għarfien dejjem
aktar sħiħ tad-dinjita
tal-bniedem , li mill-fidi
nisranija tikseb mhux biss
għarfien skont il-liġi, imma
wkoll qawwa liema bħalha li
b’xejn ma tista’ tqisha.
Ta’ min ifakkar ukoll li
l-importanza li l-Qaddis kien
jagħti lil dawk l-għaqdiet u
gruppi li fihom jikbru u
jisviluppaw id-dinamiżmu u
l-inizjattivi taż-żgħażagħ.
Bil-ħafna attivitajiet li ta
bidu għalihom, hu ħoloq ambjent
ta’ ħajja, fejn isir użu tajjeb
tal-ħin liberu għall-appostolat,
għall-istudju, għat-talb,
għall-hena, għal-logħob,
għall-kultura, fejn iż-żgħażagħ
setgħu jiltaqgħu flimkien u
jikbru. Il-bidliet kbar li saru
mis-seklu XIX ‘l hawn ma
għandhomx ikunu skuża
għall-edukatur biex ma jqisx
mill-ġdid il-kondizzjonijiet u
l-qagħda taż-żgħażagħ illum u
mingħajr ma jħalli fil-ġenb,
imma jġib ‘il quddiem, dik
il-kreativita li hi proprja
taż-żgħażagħ.
19. Meta nqisu l-ħtiġijiet
taż-żgħażagħ illum, u niftakru
fl-istess ħin il-messaġġ
profetiku ta’ Don Bosco ma
nistgħux ninsew li barra kull
struttura edukattiva, anżi
f’kull struttura edukattiva,
għandu jkun hemm u huma għal
kollox meħtieġa dawk il-waqtiet
tipiċi ta’ edukazzjoni fejn
l-edukatur jiltaqa’ maż-żagħżugħ
u jkellmu personalment: dawn
il-waqtiet li meta nużawhom
tajjeb, jistgħu jkunu
okkażjonijiet ta’ vera
direzzjoni spiritwali. Dan hu li
għamel il-Qaddis huwa u jaqdi
b’mod tassew ta’ l-għaġeb
il-ministeru tas-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni.
F’dinja mfarrka bħal tagħna,
b’tant messaġġi kontra xulxin,
tkun tagħti veru rigal
pedagoġiku liż-żgħażagħ meta
turihom li jistgħu jagħarfu
x’inhi, u jfasslu huma stess se
tkun , ħajjithom, huma u jfittxu
ħa jaraw x’inhu t-teżor
tas-sejħa tagħhom, li minnha
tiddependi ħajjithom kollha.
Il-ħidma edukattiva ta’ min
jaħseb li biżżejjed tieħu ħsieb
il-ħtiġijiet leġittimi ta’
professjoni, ta’ kultura, ta’
rikreazzjoni xierqa wkoll, ma
tkunx sħiħa jekk mal-ħidma li
ssir ma jkunx hem imsieħba
l-ħmira ta’ dawk il-fehmiet li
Kristu stess semma’ liż-żagħżugħ
tal-Evanġelju, fehmiet li
magħhom Kristu rabat ukoll
l-hena tal-ħajja ta’ dejjem jew
id-dwejjaq ta’ egoiżmu posessiv
(ara Mt. 19, 21 Is).
L-edukatur ikun iħobb tassew
liż-żgħażagħ u jagħti
edukazzjoni tajba meta jqiegħed
quddiemhom dawk l-ideali
tal-ħajja li huma ‘l fuq minnhom
u jaċċetta li jimxi magħhom huma
u jġibu ‘l quddiem bi tbatija,
minn jum għall-ieħor il-għażla
li jkunu għamlu.
EGĦLUQ
20. F’dan iċ-ċentinarju ta’ Don
Bosco “il-missier u l-għalliem
taż-żgħażagħ”, nistgħu ngħidu
b’konvinzjoni kbira, li Alla
fil-provvidenza tiegħu qiegħed
jistieden lilkoll il-membri
tal-familja salesjana u
lill-ġenituri u l-edukaturi
kollha biex tagħarfu b’mod
dejjem aktar ċar il-ħtieġa tal-
formazzjoni taż-żgħażagħ,
formazzjoni li hi meħtieġa fuq
li meħtieġa, u b’ħeġġa ġdida
tidħlu ħa tagħmlu kull ma hu
meħtieġ biex din il-formazzjoni
sseħħ b’dik il-ħrara mdawwla u
ġeneruża li dejjem wera Don
Bosco. Għalhekk b’ħerqa kbira,
minħabba s-serjeta’ tal-problema
tal-formazzjoni taż-żgħażagħ,
fost l-edukaturi ngħid l-aktar
lis-saċerdoti u l-aktar lil dawk
impenjati fil-kura ta’ l-erwieħ:
l-edukazzjoni taż-żgħażagħ hi
sfida aktar għalikom milli hi
għall-oħrajn.
Jien żgur – u dan jixhduh
il-laqgħat li dejjem ikolli
maż-żgħażagħ fil-vjaġġi
appostoliċi tiegħi – li ġa hem
għadd mhux żgħir ta’ proġetti u
inizjattivi għall-edukazzjoni
taż-żgħażagħ: iżda ma għandniex
ninsew li fi żmienna ż-żgħażagħ
għandhom quddiemhom perikoli u
tentazzjonijiet li ma kinux jafu
bihom missirijietna: dawn huma
d-drogi, il-vjolenza,
it-terroriżmu, il-pornografija
fil- films u t-TV, u
l-oxxenitajiet fil-kliem u
l-istampa. Dan kollu jitlob li,
fil-kura ta’ l-erwieħ, tingħata
importanza kbira
lill-edukazzjoni taż-żgħażagħ
permezz ta’ metodi adatti u
inizjattivi f’waqthom. Għal da
nil-għan, moħħ u qalb Don Bosco
juru lis-saċerdoti kif għandha
tkun l-aħjar imġiba tagħhom.
Is-serjeta tal-problema titlob
li s-saċerdoti jkunu jafuha u
jaħsbu fuqha sewwa: Alla sgur
jitlobhom kont ta’ dan. Ħa jkunu
ż-żgħażagħ il-ħsieb ewlieni
tas-saċerdoti! Minnhom
jiddependi l-ġejjieni tal-Knisja
u tas-soċjeta’. Naf tajjeb ma’
liema diffikultanjiet tiltaqgħu
u kemm dispjaċiri ġġarrbu xi
kull tant, egħeżież edukaturi.
Taqtgħux qalbkom intom u mexjin
f’dik it-triq ta’ l-imħabba li
hi l-edukazzjoni. Ħa jqawwikom
is-sabar bla qjies li juri Alla
fil-pedagoġija tiegħu
mal-bniedem, il-ħidma dejjem
sejra ta’ missier li dehret
fil-missjoni ta’ Kristu,
għalliem u ragħaj, u d-dawl ta’
l-Ispirtu s-Santu li ntbagħat
biex iġedded il-wiċċ ta’ l-art.
Il-qawwa setgħana imma moħbija
ta’ l-Ispirtu s-Santu trid
twassal lill-bnedmin kollha
għal- kobor sħiħ fuq l-eżempju
ta’ Kristu. Hu jagħti l-ħajja
lill-bniedem il-ġdid u lid-dinja
l-ġdida (ara Rom. 8, 4-5). B’dan
il-mod il-ħidma edukattiva
tagħkom tidher bħala minister
ta’ kollaborazzjoni ma’ Alla u
għalhekk sgur tagħti frott.
Il-Qaddis tagħkom, li hu
l-Qaddis tagħna wkoll kien igħid
li “l-edukazzjoni hi ħaġa
tal-qalb” u li jeħtieġ li
“jitwassal Alla fi qlub
iż-żgħażagħ mhux biss mill-bieb
tal-knisja, imma minn dak ta’
l-iskola u tal-ħanut tax-xogħol
ukoll”
Hu proprju fil-qalb tal-bniedem
li l-Ispirtu tal-Verita’ hu
Spirtu ta’ faraġ u ta’ tiġdid;
bla head jidħol fil-ġrajja
tad-dinja permezz tal-qalb
tal-bniedem. Kif ktibt
fl-enċiklika Dominum et
virificantem “ it-triq
tal-Knisja tgħaddi mill-qalb
tal-bniedem”; bil-qalb kollha
tagħha, li tħaddan il-qlub
kollha tal-bnedmin, “titlob
lill-Ispirtu s-Santu ‘ġustizzja,
sliem u grazzja fl-Ispirtu
s-Santu li jagħmlu, skond San
Pawl, is-saltna ta’ Alla”
Bil-ħidma tagħkom, egħżież
edukaturi, intom qegħdin taqdu
l-ministeru tal-Knisja-Omm.
Żommu dejjem quddiem għajnejkom
il-Verġni Marija bħala dik li
ssieħbet l-aktar fil-ħidma ta’
l-Ispirtu s-Santu, li qagħdet
dejjem għal dak kollu li kien
inebbaħha, u għalhekk saret Omm
Kristu u Om mil-Knisja.Tul
iż-żminijiet “tkompli tinsab
bħala Omm, kif jidher mill-kliem
li ntqal fuq is-salib: ‘Mara,
hem hu ibnek!’ ‘Hemm hi Ommok!”
Twarrbu qatt ħarsitkom minn
Marija: isimgħu minnha, meta
tgħidilkom: “Agħmlu kull ma
jgħidilkom hu” (Ġw. 2,5).
Itolbuha kuljum bil-ħerqa biex
il-Mulej jibqa’ dejjem qlub
ġenerużi li jwieġbu “iva”
għas-sejħa tiegħu.
Lilha nafda lilkom u magħkom
nafda id-dinja kollha
taż-żgħażagħ, biex huma miġbudin
u mmexxija minnha, jistgħu
bl-għajnuna tal-ħidma edukatriċi
tagħkom, jiksbu l-kobor sħiħ ta’
bnedmin ġodda għal dinja ġdid:
id-dinja ta’ Kristu, Għalliem u
Mulej.
Jalla l-barka appostolika
tiegħi, rahan u wegħda ta’ doni
mis-sema u xhieda ta’ mħabbti,
issaħħaħkom fil-fidi, u tfarraġ
u tħares il-membri kollha
tal-familja Salesjana.
Minn Ruma, qrib San Pietru,
il-31 ta’ Jannar 1988, fl-għaxar
sena tal-Pontifikat.
Joannes Paulus PP.II
|