MESSAĠĠ TA’ ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1998

 

Ejjew, imberkin minn Missieri, għaliex kont fqir, emarġinat u intom ilqajtuni!

1. Għeżież Ħuti!

Ir-Randan ta’ kull sena jfakkarna l-misteru ta’ Kristu "meħud mill-Ispirtu fid-deżert" (Lq 4,  1): b’din l-esperjenza singolari Ġesù xehed l-affidament tiegħu totali għar-rieda tal-Missier. Il-Knisja toffri lill-fidili dan iż-żmien liturġiku, sabiex jiġġeddu internament permezz tal-Kelma ta’ Alla u jkunu jistgħu jesprimu fil-ħajja l-imħabba li Kristu jnissel fil-qalb ta’ min jemmen fih.

F’din is-sena l-Knisja, waqt li tħejji ruħha għall-Ġublew il-Kbir tal-2000, tikkontempla il-misteru tal-Ispirtu Santu. Minnu, tħalli lilha nfisha titmexxa "fid-deżert" biex tipprova ma’ Ġesù il-fraġilità tal-krejatura, imma wkoll il-viċinanza ta’ Alla li jsalva. Il-Profeta Osea jikteb: "Niġbidha lejja, neħodha fid-deżert u nkellimha f’qalbha" (Os 2, 16). Ir-Randan huwa mela mixja ta’ konverżjoni fl-Ispirtu Santu, biex niltaqgħu ma’ Alla f’ħajjitna. Infatti, id-deżert huwa post ta’ nixfa u ta’ mewt, sinonimu ta’ solitudni, imma wkoll ta’ dipendenza minn Alla, ta’ ġabra u ta’ essenzjalità. Għan-nisrani l-esperjenza tad-deżert tfisser li tipprova fl-ewwel persuna ix-xejn propju quddiem Alla, u ssir b’dan il-mod iktar sensibbli għall-preżenza tal-aħwa foqra.

2. Din is-sena feħsiebni nipproponi għar-riflessjoni tal-fidili kollha l-kliem meħud idealment mill-Vanġelu ta’ Mattew: "Ejjew, imberkin ta’ Missieri, għaliex kont fqir, emarġinat u intom ilqajtuni!" (cfr Mt 25, 34-36).

Il-faqar għandu diversi tifsiriet. L-iktar immedjata hija n-nuqqas tal-mezzi materjali suffiċjenti. Dan il-faqar, li għal bosta minn ħutna jikkonfina mal-miżerja, jikkostitwixxi skandlu. Dan jassumi forom multepliċi u huwa marbut ma’ fenomeni differenti dolorużi: l-iskarsezza tas-sosteniment meħtieġ u tal-kuri sanitarji ndispensabbli; in-nuqqas ta’ dar fejn wieħed jabita jew l-inadegwatezza tagħha b’sitwazzjonijiet konsegwenti ta’ promiskwità; l-emarġinazzjoni tas-soċnetà ta’ dawk l-iktar dgħajfa u taċ-ċikli produttivi għal dawk bla xogħol; is-solitudni ta’ min m’għandu lil ħadd fuq min idur; il-kondizzjoni ta’ rifuġjat minn pajjiżu u ta’ min iġarrab il-gwerra jew il-ġrieħi tagħha;  l-inugwaljanza fir-retribuzzjonijiet salarjali; l-assenza ta’ familja bil-konsegwenzi gravi, bħad-droga u l-vjolenza,  li jirriżultaw. In-nuqqas tal-meħtieġ biex wieħed jgħix jumilja l-bniedem: dan huwa dramm quddiem liema l-kuxjenza ta’ min għandu l-possibiltà li jintervieni ma tistax tibqà ndifferenti.

Jeżisti wkoll faqar ieħor, gravi ugwalment, dan jikkonsisti fin-nuqqas mhux ta’ mezzi materjali, imma ta’ ikel spiritwali, ta’ tweġiba għad-domandi essenzjali, ta’ tama għall-propja eżistenza. Dan il-faqar li jmiss l-ispirtu  jipprovoka tbatijiet gravissmi. Jinsabu taħt għajnejna l-konsegwenzi, spiss traġiċi, ta’ ħajja mneżżà minn kull sens. Tali forma ta’ miżerja tidher b’mod speċjali fl-ambjenti fejn il-bniedem jgħix fil-ġid, imxebbà materjalment, imma spiritwalment nieqes mill-orjentament. Dan iwettaq il-kelma tal-Mulej fid-deżert: "Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla " (Mt 4, 4). Fl-intimu ta’ qalbu huwa jitlob sens, jitlob imħabba.

Għal dan il-faqar iwieġeb lilu nnifsu bl-aħbar, imdawla fil-fatti, tal-Vanġelu li jsalva, li jġorr id-dawl ukoll fid-dlam tat-tbatija, għaliex jikkomunika l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla. Dan huwa, f’analiżi aħħarija, il-ġuħ ta’ Alla li jikkonsma l-bniedem: mingħajr il-konfort li jiġi minnu, l-esseri uman isib ruħu abbandunat għalih waħdu, fil-bżonn għaliex priv mis-sors ta’ ħajja awtentika.

Minn dejjem il-Knisja tikkumbatti l-forom kollha tal-faqar, għaliex hija Omm u tinkwieta biex kull bniedem ikun jistà jgħix pjenament id-dinjità tiegħu ta’ bin Alla. Iż-żmien tar-Randan huwa ndikat b’mod speċjali biex ifakkar lill-membri tal-Knisja dan l-impenn tagħhom favur ħuthom.

3. L-Iskrittura Mqaddsa fiha sejħat kontinwi għall-konsiderazzjoni lejn il-fqir,  għaliex fih Alla stess huwa preżenti: "Min jagħmel karità mal-fqir jagħmel self lill-Mulej li jpattilu l-azzjoni tajba" (Pr 19, 17). Ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid tgħallimna ma niddisprezzawx il-fqir, għaliex Kristu jidentifika ruħu miegħu. Ma nistgħux ninsew fis-soċjetà għanja, u f’dinja dejjem iktar immarkata minn materjaliżmu prattiku li tinvesti kull qasam tal-għixien, il-kliem qawwi li bih Kristu jwissi lill-għonja (cfr Mt 19, 23-24; Lq 6, 24-25; Lq 16, 19-31). Ma nistgħux b’mod partikolari ninsew li hu nnifsu "sar fqir", sabiex aħna nsiru "għonja permezz tal-faqar tiegħu" (2 Kor 8, 9). L-Iben ta’ Alla "neżża lilu nnifsu, billi assuma l-kondizzjoni ta’ qaddej… umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-salib " (Fil 2, 7-8). L-assunzjoni tar-realtà umana fl-aspetti kollha tagħha, inklużi dawk tal-faqar, tat-tbatija u tal-mewt, jagħmlu iva li fi Kristu kull persuna tistà terġà ssib lilha nfisha.

Kristu meta għamel lilu nnifsu fqir ried jidentifika ruħu ma’ kull fqir. Minħabba dan ukoll l-ġudizzju finali, li l-kliem tiegħu jispiraw it-tema ta’ dan il-Messaġġ, jara lil Kristu jbierek lil min għaraf fin-nieqes minn kollox ix-xbiha tiegħu: "Kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed biss minn dawn ħuti l-iktar ċkejknin, għamiltuh miegħi" (Mt 25, 40). Għalhekk, min tassew iħobb lil Alla, jilqà lill-fqir. Infatti jaf li Alla assuma dik il-kondizzjoni u dan għamlu biex ikun sal-aħħar solidali mal-bnedmin. L-ilqugħ tal-fqir huwa sinjal tal-verità tal-imħabba għal Kristu bħal ma juri San Franġisk li jbus lil-lebruż, għaliex fih għaraf lil Kristu sofferenti.

4. Kull nisrani jħossu msejjaħ biex jaqsam il-piena u d-diffikultà tal-ieħor, li fih Alla jaħbi lilu nnifsu. Imma l-ftuħ ta’ dak li jkun għall-bżonnijiet ta’ ħuh  jinvolvi lqugħ sinċier, li huwa possibbli biss f’atteġġjament personali ta’ faqar fl-ispirtu. Infatti ma jeżisti lanqas faqar wieħed ta’ sinjal negattiv. Hemm ukoll faqar li hu mbierek minn Alla. Dan il-Vanġelu jsejjaħlu "imbierek" (Mt 5, 3). Grazzi lilu n-nisrani jagħraf li s-salvazzjoni tiegħu tiġi b’mod esklussiv minn Alla u jirrendi lilu nnifsu disponibbli biex jilqà u jaqdi lil ħuh waqt li jaqtgħu "superjuri għalih stess" (Fil 2, 3). L-atteġġjament ta’ faqar spiritwali huwa frott tal-qalb ġdida li Alla jirregalalna, u fiż-żmien tar-Randan tali frott għandu jimmatura permezz ta’ atteġġjamenti konkreti, bħall-ispirtu ta’ servizz, id-disponibiltà li wieħed ifittex il-ġid tal-ieħor, ir-rieda tal-komunjoni ma’ ħuh, l-impenn li wieħed jikkumbatti l-kburija tiegħu li tagħlaqna fejn jidħol il-proxxmu tagħna.

Din il-klima ta’ lqugħ tirrendi lil dak li jkun tant iktar meħtieġ, minħabba li fl-epoka tagħna nassistu għal diversi forom ta’ rifjut tal-ieħor. Dawn jimmanifestaw ruħhom b’mod gravi fil-problema tal-miljuni ta’ rifuġjati u eżiljati, fil-fenomenu tal-intolleranza razzjali ukoll lejn persuni li għandhom jew biss il-"ħtija" li jfittxu xogħol jew kondizzjonijiet ta’ ħajja aħjar barra minn pajjiżhom, fil-biżà minħabba dak kollu li huwa differenti u li għalhekk jarawh bħala theddida. Il-Kelma tal-Mulej takkwista hekk attwalità ġdida quddiem il-bżonn ta’ tant persuni li jitolbu abitazzjoni, li jissieltu għal post tax-xogħol, li jitolbu edukazzjoni għal uliedhom. L-ilqugħ fir-rigward tagħhom jibqà sfida għall-komunità nisranija, li ma tistax tibqà tħossha mhix impenjata li tara iva li kull bniedem ikun jistà jsib kondizzjonijiet ta’ ħajja addattati għad-dinjità tiegħu ta’ bin Alla!

Inħeġġeg lil kull nisrani, f’dan iż-żmien tar-Randan, biex jagħti dawl lill-konverżjoni tiegħu personali b’sinjal konkret ta’ mħabba lejn min hu fil-bżonn, billi jagħraf fih il-wiċċ ta’ Kristu li jtennilu, kważi wiċċ ‘imb wiċc: "Kont fqir, kont emarġinat . . . u int ilqajtni".

5. Ikun ukoll grazzi għal dan l-impenn li għal bosta persuni jerġà jixgħel id-dawl tat-tama. Meta ma’ Kristu l-Knisja taqdi lill-bniedem fil-bżonn, tiftaħ il-qlub biex tkun tistà tara tama ġdida, ‘il hemm mill-ħażen u t-tbatija, ‘il hemm mid-dnub u l-mewt. Infatti l-ħażen li jitturmentana, il-vastità tal-problemi, in-numru immens ta’ dawk li jbatu jirrapreżentaw fruntiera umanament insormontabbli. Il-Knisja toffri l-għajnuna tagħha, ukoll materjali, biex ittaffi dawn id-diffikultajiet, imma taf li tistà u għandha tagħti ferm iktar: dak li b’mod speċjali huwa mistenni minnha huwa kelma ta’ tama. Hemm fejn il-mezzi materjali ma jistgħux itaffu l-miżerja, per eżempju fil-każ tal-mard tal-ġisem jew tal-ispirtu, il-Knisja xxandar lill-fqir it-tama li tiġi minn Kristu. F’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Għid, irrid intenni tali aħbar. Fis-sena li l-Knisja fi tħejjija għall-Ġublew tal-2000, tiddedika lill-virtù tat-tama, nirrepeti lill-bnedmin kollha, imma b’mod speċjali lil min l-iktar iħossu fqir, waħdu, emarġinat sofferenti, il-kliem tas-Sekwenza paskwali: "Kristu, tama tiegħi, irxoxta". Rebaħ il-ħażin li jqanqal lill-bniedem għall-kruha, id-dnub li jagħlaqlu qalbu fl-egoiżmu, il-biżà tal-mewt li theddu.

Fil-misteru tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu aħna naraw dawl għal kull bniedem. Il-Messaġġ tar-Randan preżenti huwa stedina biex niftħu l-għajnejn fuq il-faqar ta’ bosta. Irid ukoll jindika mixja biex niltaqgħu fl-Għid ma’ dak Kristu li, waqt li ta lilu nnifsu f’ikel, ispira lil qlubna fiduċja u tama. Nawgura għalhekk li r-Randan ta’ din is-sena 1998 isir okkażjoni għal kull nisrani li jsir fqir flimkien ma’ l-Iben ta’ Alla, biex ikun strument ta’ mħabbtu għas-servizz ta’ ħuh fil-bżonn.

Mill-Vatikan, 9 ta’ Settembru 1997.

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb