MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1986 

 

Għeżież ħuti fi Kristu, 

Il-Vanġelu jirregalalna l-liġi tal-karità, hekk definita sew bil-kliem u bl-eżempji kostanti ta’ Kristu, is-Sammaritan it-tajjeb; huwa jitlobna biex inħobbu lil Alla u biex inħobbu lil ħutna, b’mod speċjali dawk l-iktar fil-bżonn. Infatti l-karità tbattalna mill-egoiżmu tagħna; iġġarraf il-ħitan tal-iżolament tagħna; tiftaħ l-għajnejn u ġġegħlna niskopru lill-proxxmu li huwa qrib tagħna, dak li huwa fil-bogħod u l-umanità kollha kemm hi. Il-karità hija esiġenti, iżda konfortanti, għaliex huwa kompitu tal-vokazzjoni nisranija fondamentalment tagħna u ġġegħlna nipparteċipaw fl-Imħabba tal-Mulej.

L-epoka tagħna, bħal kull epoka, hija l-epoka tal-karità. Bla dubju ta’ xejn l-okkażjonijiet biex ngħixu din il-karità ma jonqsux. Kull jum il-“mass-media” jolqtu lil għajnejna u lil qalbna, waqt li jsemmgħuna l-appelli nkwetanti u urġenti ta’ miljuni ta’ ħutna inqas ixxurtjati minna, milquta minn xi diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem: ħutna li huma bil-ġuħ, feruti fil-ġisem u fir-ruħ, morda, imkeċċija minn djarhom, rifuġjati, iżolati, nieqsa minn kull għajnuna jgħollu dirgħajhom lejna l-insara, li rridu ngħixu l-Vanġelu u l-ikbar u l-uniku kmandament tal-Imħabba.

Aħna, mela, infurmati. Imma nħossuna nvoluti? Kif inhu possibbli, wara li nkunu rajna l-gazzetta tagħna u l-iskrin tat-televiżjoni, nivvjaġġaw bħala turisti bierda u trankwilli, nippronunzjaw ġudizzji ta’ valur dwar il-ġrajjiet, mingħajr ma noħorġu madankollu mill-kumditajiet tagħna? Nistgħu aħna nirrifjutaw li nkunu maqtugħa, imħawda, milquta, maħsuda minn dawk il-miljuni ta’ esseri umani li huma wkoll ħutna rġiel u nisa, bħalna krejaturi ta’ Alla msejħa għall-ħajja eterna? Kif nistgħu nibqgħu bierda quddiem dawk it-tfal b’ħarsithom iddisprata u ġisimhom skeletali? Il-kuxjenza tagħna ta’ nsara tistà tibqà inkuranti f’din id-dinja ta’ tbatija? Il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb għad fadlilha xi ħaġa x’tgħidilna?

F’dan il-bidu tar-Randan – żmien ta’ penitenza, żmien ta’ riflessjoni u ta’ ġenerożità – Kristu qed jagħmel appell mill-ġdid lilkom ilkoll. Il-Knisja, li trid tkun preżenti fid-dinja u, b’mod speċjali, fid-dinja li tbati, torbot fuqkom. Is-sagrifiċċji li intom tagħmlu, ikunu kemm ikunu żgħar, isalvaw l-iġsma u jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-erwieħ, u ċ-“ċiviltà tal-imħabba” ma tkunx iktar kelma vojta.

Il-karità m’għandhiex eżitazzjoni, għaliex hija l-espressjoni tal-fidi tagħna. Idejkom, mela, jinfetħu kordjalment għall-qsim ma’ dawk kollha li intom tirrendu proxxmu tagħkom.

«Permezz tal-karità poġġu lilkom infuskom għas-servizz ta’ xulxin» (Gal 5, 13). 

IOANNES PAULUS PP. II