MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1982

 

Għeżież ħuti.

«Min hu l-proxxmu tiegħi?» (Lq 10,29).

Tiftakru? Kien bil-Parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb li Ġesù wieġeb għad-domanda ta’ duttur tal-Liġi, minnufih wara li dan kien ikkwota dak li kienet tgħid il-Liġi: «Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha u b’moħħok kollu u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek».

Is-Sammaritan it-Tajjeb huwa il-Kristu, huwa hu li kien l-ewwel li qarreb lilu nnifsu lejna billi għamel minna l-proxxmu tiegħu, biex jgħinna, ifejjaqna u jsalvana: «...neżża lilu nnifsu, billi ħa fuqu l-kundizzjoni ta’ qaddej u b’hekk sar jixbaħ lill-bnedmin; deher fil-forma umana, umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-salib» (Fil 2,7-8).

Imma jekk għad fadal xi distanza bejn Alla u aħna, din ma tiddependi minn ħadd għajrna, mill-ostakli li npoġġu kontra dan l-avviċinament. Id-dnub li jinsab ġo qalbna, l-inġustizzji li nikkommettu, l-odju u l-qsim li nħeġġu: dak kollu li jwassalna biex ma nkomplux inħobbu lil Alla b’ruħna kollha, b’qawwietna kollha. Iż-żmien tar-Randan huwa ż-żmien privileġġjat tal-purifikazzjoni u tal-penitenza biex jippermetti lill-Mulej li jagħmilna Proxxmu tiegħu u li jsalvana b’Imħabbtu.

It-tieni Kmandament jixbaħ lill-ewwel wieħed (cfr. Mt 22,39) u jifforma ħaġa waħda miegħu. Aħna jinħtieġ li nħobbu lill-oħrajn bl-istess Imħabba li Alla jsawwab ġewwa qlubna u li biha huwa nnifsu jħobbhom. Ukoll hawn, kemm ostakli biex ma nagħmlux il-proxxmu tagħna mill-oħrajn: ma nħobbux biżżejjed lil Alla u lil ħutna.

Għaliex għad hemm daqstant diffikultajiet biex nabbandunaw l-istadju, importanti iżda nsuffiċjenti, tar-riflessjoni, tad-dikjarazzjonijiet u tal-professjonijiet biex nagħmlu lilna nfusna emigranti mal-emigranti, rifuġjati mar-rifuġjati, foqra ma’ tant li huma neqsin minn kollox?

Iż-żmien tar-Randan huwa mogħti lilna bħala Knisja u permezz tal-Knisja, biex nippurifikaw lilna nfusna mill-fdalijiet tal-egoiżmu, minn attakkament eċcessiv mal-ġid, materjali jew ieħor, li jżommuna ‘l bogħod minn dawk li għandhom drittijiet fuqna: b’mod speċjali dawk li fiżikament qrib jew bogħod minna, m’għandhomx il-possibiltà li jgħixu b’dinjità ħajjithom ta’ rġiel u nisa, maħluqin xbiha u xebħ ta’ Alla.

Ħallu lilkom infuskom mela tintlew u tgħaddu mill-ispirtu ta’ penitenza u ta’ konverżjoni; b’imitazzjoni ta’ Kristu, qiegħdu lilkom infuskom qrib tal-foqra, tal-feruti u ta’ dawk li d-dinja twarrabhom. Hudu sehem f’dak kollu li jitwettaq fil-Knisja lokali tagħkom sabiex l-insara u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jipprovdu għal kull wieħed u waħda minn ħutu l-mezzi, ukoll dawk materjali, ta’ għixien denju, biex jassumu l-propja promozzjoni umana u spiritwali tagħhom u dik tal-familji  tagħhom.

Il-ġbir tar-Randan – u dan jgħodd ukoll għall-pajjiżi foqra – jipprovdilkom mod ta’ għajnuna, permezz tat-taqsim, il-Knejjes lokali tal-pajjiżi ferm iktar foqra biex iwettqu l-missjoni tagħhom ta’ Sammaritani Tajba lejn dawk li tagħhom huma responsabbli b’mod dirett: il-foqra, l-imġewħin, il-vittmi tal-inġustizzji u dawk li għadhom ma jistgħux ikunu responsabbli mill-iżvilupp propju u tal-Komunitajiet umani tagħhom.

Penitenza, konverżjoni: din hija l-mixja, mhix ta’ dwejjaq imma liberatriċi, taż-żmien tagħna tar-Randan.

U jekk terġgħu tistaqsu lilkom infuskom id-domanda: «Min hu l-proxxmu tiegħi?», aqraw t-tweġiba fil-wiċċ ta’ Kristu u tisimgħuha minn fommu: «Fis-sewwa ngħidilkom: kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed minn dawn ħuti l-iktar żgħar, tkunu għamiltuh miegħi» (Mt 25,40).

24 ta’ Frar 1982

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb