ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1998

    

Għeżież Ħuti fis-Saċerdozju!

Bil-moħħ u l-qalb indirizzati għall-Ġublew il-Kbir, ċelebrazzjoni sollenni tal- bimillenarju tat-twelid ta’ Kristu u l-bidu tat-tielet millenju nisrani, nixtieq insejjaħ flimkien magħkom l-Ispirtu tal-Mulej, li lilu huwa ddedikat b’mod partikolari it-tieni stadju tal-itinerarju spiritwali tat-tħejjija mmedjata tas-Sena Mqaddsa tal-Elfejn

Ubbidjenti għall-aspirazzjonijiet amorevoli tiegħu, niddisponu ruħna biex ngħixu b’partiċipazzjoni qawwija dan iż-żmien favorevoli, waqt li nitolbu mill-Awtur tad-doni il-grazzji meħtieġa biex niddixxernaw is-sinjali tal-fidwa u nwieġbu b’fedeltà sħiħa għas-sejħa ta’ Alla.

Rabta intima tgħaqqad is-saċerdozju tagħna mal-Ispirtu Santu u mal-missjoni tiegħu. Fil-jum tal-Ordinazzjoni presbiterjali, bis-saħħa ta’ effużjoni singolari tal-Paraklitu, L-Irxuxtat ġedded f’kull wieħed minna dak li opera fid-dixxipli tiegħu nhar l-Għid filgħaxija, u għamilna kontinwaturi tal-missjoni tiegħu fid-dinja (cfr Ġw 20,21-23). Dan id-don tal-Ispirtu, bil-qawwa santifikatriċi misterjuża tiegħu, huwa sors u għerq tad-dmir speċjali ta’ evanġeliżazzjoni u ta’ santifikazzjoni afdata lilna.

Ħamis ix-Xirka, jum li fih nikkommemoraw iċ-Ċena tal-Mulej, iqiegħed quddiem għajnejna lil Ġesù, Qaddej « ubbidjenti sal-mewt » (Fil 2,8), li jwaqqaf l-Ewkaristija u l-Ordni sagri bħala sinjali singolari ta’ mħabbtu. Huwa jħallilna dan it-testment straordinarju ta’ mħabba, sabiex jipperpetwa f’kull żmien u ma’ kullimkien il-misteru ta’ Ġismu u ta’ Demmu u l-bnedmin jistgħu joqorbu lejn  is sors ineżawribbli tal-grazzja.  Jeżisti jewwilla għalina saċerdoti waqt iktar opportun u suġġestiv minn dan biex nikkontemplaw l-opra tal-Ispirtu Santu fina u biex nitolbu d-doni tiegħu bil-għan li nwettqu dejjem iktar lilna nfusna lil Kristu, Saċerdot tal-Patt il-Ġdid?

1. L-Ispirtu Santu ħallieq u santifikatur

Veni Creator Spiritus,
Mentes tuorum visita,
Imple superna gratia,
Quae tu creasti pectora.

Ejja, o Spirtu ħallieq,
żur il-menti tagħna,
Imla bil-grazzja tiegħek
il-qlub li inti ħloqt.

Dan il-kant liturġiku antik iġib fil-moħħ ta’ kull saċerdot il-jum tal-Ordinazzjoni tiegħu, billi jfakkar l-intenzjonijiet ta’ disponibiltà sħiħa għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu, magħmula f’ċirkustanzi hekk singolari. Ifakkru, wkoll, l-assistenza speċjali tal-Paraklitu u tant waqtiet ta’ grazzja, ta’ ferħ u ta’ intimità, li l-Mulej tah ta’ gost fil-kors ta’ ħajtu.

Il-Knisja, li fis-Simbolu Niċen-Kostantinoplitan tipproklama l-fidi tagħha fl-Ispirtu Santu Sid u Awtur tal-ħajja,  tpoġġi sewwa f’dawl ċar l-irwol li Hu jiżvolġi waqt li jakkumpanja l-ġrajjiet umani u, b’mod partikolari, dawk tad-dixxipli tal-Mulej fi triqthom lejn il-fidwa.

Huwa hu l-Ispirtu ħallieq, li l-Iskrittura tippreżenta fil-bidu tal-istorja umana, waqt li « jiġġerra fuq l-ilmijiet » (Ġn 1,2) u, fil-bidu tar-redenzjoni, bħala l-arkitett tal-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla (cfr Mt 1,20; Lq 1,35).

Konsustanzjali mal-Missier u mal-Iben, Huwa hu  « fil-misteru assolut ta’ Alla wieħed u tlieta, il-Persuna-mħabba, id-don mhux maħluq, li huwa sors etern ta’ kull donazzjoni ġejja minn Alla fl-ordni tal-ħolqien, il-bidu dirett u, f’ċertu sens, is-suġġett tal-awtokomunikazzjoni ta’ Alla fl-ordni tal-grazzja. Dwar din id-donazzjoni, dwar din l-awtokomunikazzjoni divina l-misteru tal-Inkarnazzjoni jikkostitwixxi l-quċċata » (Dominum et vivificantem, 50).

L-Ispirtu Santu jorjenta l-ħajja terrena ta’ Ġesù lejn il-Missier. Grazzi għall-intervent misterjuż tiegħu, l-Iben ta’ Alla jiġi kkonċeput fil-ġuf ta’ Marija Verġni (cfr Lq 1,35) u jsir bniedem. Huwa mill-ġdid l-Ispirtu li, waqt li jinżel fuq Ġesù f’forma ta’ ħamiema, ixandru bħala l-Iben tal-Missier fil-magħmudija fil-Ġordan (cfr Lq 3,21-22) u, minnufih wara, jimbuttah fid-deżert (cfr Lq 4,1). Wara r-rebħa fuq it-tentazzjonijiet, Ġesù jibda l-missjoni tiegħu « bil-qawwa tal-Ispirtu Santu » (Lq 4,14): fiH,  jaqbeż bil-ferħ u jbierek lill-Missier għall-pjan opportun tiegħu (cfr Lq 10,21); biH ikeċċi x-xjaten (cfr Mt 12,28; Lq 11,20). Fis-siegħa drammatika tas-salib joffri lilu nnifsu « bi Spirtu etern » (Lh 9,14), Li permezz tiegħu huwa mbagħad irxuxtat (cfr Rm 8,11) u « kostitwit Bin Alla b’qawwa » (Rm 1,4).

Fl-għaxija tal-Għid, lill-Appostli miġburin fiċ-Ċenaklu Ġesù rxuxtat jgħid: «Ħudu l-Ispirtu Santu » (Ġw 20,22) u, wara li wegħedhom effużjoni suċċessiva, jafdalhom is-salvazzjoni tal-aħwa, billi bagħathom fit-toroq tad-dinja: « Morru mela u amministraw lill-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jien amartilkom. Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja » (Mt 28,19-20).

Il-preżenza ta’ Kristu fil-Knisja taż-żminijiet kollha u tal-postijiet kollha   hija magħmula ħajja u effikaċi fir-ruħ ta’ dawk li jemmnu mill-opra tal-Konsolatur (cfr Ġw 14,26). Ukoll għall-epoka tagħna l-ìspirtu huwa « l-aġent ewlieni tal-evanġeliżazzjoni l-ġdida [...] jibni s-Saltna ta’ Alla tul il-kors tal-istorja u jħejji l-manifestazzjoni sħiħa f’Ġesù Kristu, waqt li janima lill-bnedmin fl-intimu u billi jnibbet fl-intern tal-għixien uman iż-żrieragħ tal-fidwa definittiva li se sseħħ fi tmiem iż-żminijiet » (Tertio millennio adveniente, 45).

2. Ewkaristija u Ordni, frott tal-Ispirtu

Qui diceris Paraclitus,
Altissimi donum Dei,
Fons vivus, ignis, caritas
Et spiritalis unctio.

O ħelu Konsolatur,
don tal-ogħla Missier,
Ilma ħaj, nirien, imħabba,
Kriżma qaddisa tar-ruħ.

B’dan il-kliem il-Knisja ssejjaħ lill-Ispirtu Santu bħala spiritalis unctio, kriżma tar-ruħ.. Permezz tad-dlik tal-Ispirtu fil-ġuf immakulat ta’ Marija, il-Missier ikkonsagra saċerdot kbir u etern tal-Patt il-Ġdid lil Kristu, li ried jaqsam is-saċerdozju tiegħu magħna, waqt li sejħilna biex inkunu t-titwil tiegħu fl-istorja għall-fidwa tal-aħwa.

F’Ħamis ix-Xirka, Feria quinta in Cena Domini, aħna s-saċerdoti aħna mistiedna biex niżżu ħajr flimkien mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu għad-don tal-Ewkaristija u biex nakkwistaw għarfien imġedded tal-grazzja tal-vokazzjoni speċjali tagħna. Aħna, ukoll, imbuttati biex nafdaw ruħna b’qalb żagħżugħa u b’disponibiltà sħiħa għall-azzjoni tal-Ispirtu, waqt li nħallu li niġu minnU addattati kuljum għal Kristu saċerdot.

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni b’termini għonja ta’ ħlewwa u ta’ misteru jirrakkonta dwar dak l-ewwel Ħamis ix-Xirka, li fih il-Mulej, mal-mejda mad-dixxipli tiegħu fiċ-Ċenaklu,  « wara li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar » (13,1). Sal-aħħar! Sat twaqqif tal-Ewkaristija, antiċipazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, tas-sagrifiċċju tas-Salib u tal-misteru kollu paskwali. Waqt l-Aħħar Ċena, Kristu jaqbad f’idejh il-ħobż u jippronunzja l-ewwel kliem tal-konsagrazzjoni: « Dan huwa ġismi offrut f’sagrifiċċju għalikom ». Minnufih wara, ipproklama fuq il-kalċi mimli mbid il-kliem tal-konsagrazzjoni li ġej: «Dan huwa l-kalċi ta’ demmi tal-Patt il-ġdid u etern, imxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet », u żied: « Agħmlu dan b’tifkira tiegħi ». Hekk twettaq fiċ-Ċenaklu, b’mod bla tixrid ta’ demm is-Sagrifiċċju tal-Patt il-Ġdid, li kellu jitwettaq fid-demm il-jum ta’ wara, meta Kristu jgħid fuq is-salib: « Consummatum est » — « Kollox mitmum! » (Ġw 19,30).

Dan is-Sagrifiċċju offrut darba għal dejjem fuq il-Kalvarju, huwa afdat lill-Appostli, permezz tal-Ispirtu Santu, bħala s-Santissmu Sagrament tal-Knisja. Biex titlob l-intervent misterjuż tal-Ispirtu Santu, il-Knisja qabel il-kliem tal-konsagrazzjoni titlob: « Issa nitolbuk umilment: ibgħat l-Ispirtu tiegħek biex iqaddes id-doni li qegħdin noffrulek, sabiex isiru l-ġisem u d-demm ta’ Ġesù Kristu, Ibnek u Sidna, li ordnalna niċċelebraw dawn il-misteri » (Talba Ewkaristika III). Mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu divin kif jistgħu, infatti, xuftejn umani jagħmlu iva li l-ħobż u l-imbid isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, sal-aħħar tad-dinja? Huwa biss grazzi għall-qawwa tal-Ispirtu divin li l-Knisja tistà tistqarr bla taqtà il-misteru kbir tal-fidi: « Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru l-qawmien mill-imwiet tiegħek, nistennewk sa ma tiġi fil-glorja! ».

L-Ewkaristija u l-Ordni Sagri, huma l-frott tal-istess Spirtu: « Bħalma fil-Quddiesa Mqaddsa Huwa hu l-arkitett tat-transustanzjazzjoni tal-ħobż u l-imbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, hekk ukoll fis-Sagrament tal-Ordni Sagri Huwa l-arkitett tal-konsagrazzjoni saċerdotali jew episkopali » (Don u misteru, p. 53).

3. Id-doni tal-Ispirtu Santu

Tu septiformis munere
Digitus paternae dexterae
Tu rite promissum Patris,
Sermone ditans guttura.

Subgħa ta’ id Alla,
imwiegħed mill-Feddej,
ferrex is-sebà doni tiegħek,
qanqal fina l-kelma.

Kif nistgħu ma nirriservawx riflessjoni partikulari għad-doni tal-Ispirtu Santu, li t-tradizzjoni tal-Knisja, fuq il-passi tas-sorsi bibbliċi u patristiċi, tindika bħala sacro Settenario? Din id-duttrina ingħatat konsiderazzjoni attenta da parti tat-tejoloġija skolastika, li illustrat b’mod wiesà s-sinifikat u l-karatteristiċi.

«Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier! » (Gal 4,6). «Dawk kollha li huma mmexxija mill-Ispirtu ta’ Alla, dawk huma wlied Alla [...] L-Ispirtu nnifsu jixhed għall-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla » (Rm 8,14.16). Il-kliem tal-Appostlu Pawlu ifakkarna li don fundamentali tal-Ispirtu huwa l-grazzja santifikanti (gratia gratum faciens), li flimkien magħha nirċievu l-virtujiet tejologali: fidi, tama u karità, u l-virtujiet infużi kollha (virtutes infusae), li jippermettulna naġixxu taħt l-influss tal-istess Spirtu. Fir-ruħ imdawla mill-grazzja ċelesti, tali dota soprannaturali tkun kompluta mid  doni tal-Ispirtu Santu. B’differenza mill-kariżmi, li jkunu permessi għall-utilità ta’ ħaddieħor, dawn id-doni jkunu offruti lil kulħadd, għaliex ordnati għall-qdusija u għall-perfezzjonament tal-persuna.

L-isem tagħhom huwa magħruf. Isemmihom il-Profeta Iżaija waqt li jindika l-figura tal-Messija futur: « Fuqu joqgħod l-ispirtu tal-Mulej, spirtu ta’ għerf u intelliġenza, spirtu ta’ kunsill u ta’ qawwa, spirtu ta’ għarfien u ta’ biżà tal-Mulej. Huwa jitgħaxxaq bil-biżà tal-Mulej » (11, 2-3). In-numru tad-doni imbagħad jitwassal għal sebgħa mill-verżjoni tas-Settanta u tal-Vulgata, li jżidu il-pietà, waqt li mit-test Iżaijan jeliminaw ir-ripetizzjoni tal-biżà tal-Mulej.

Diġa Sant’Irinew ifakkar is-Settenario u jżid: « Il-Mulej ta l-istess Spirtu lill-Knisja [...] waqt li bagħat fuq l-art il-Konsolatur » (Adv. haereses III, 17, 3). San Girgor il-Kbir, minn naħa tiegħu, juri d-dinamika soprannaturali intodotta fir-ruħ tal-Ispirtu, billi elenka d-doni b’ordni bil-maqlub: « Permezz tal-biżà ngħollu lilna nfusna għall-pietà, mill-pietà għax-xjenza, mix-xjenza niksbu l-qawwa, mill-qawwa l-kunsill, bil-kunsill nipprogressaw lejn l-intelliġenza u bl-intelliġenza lejn l-għerf u hekk, bil-grazzja settiformi tal-Ispirtu, jinfetħilna fit-tmiem tal-axxensjoni, id-dħul għall-ħajja ċelesti » (Hom. in Hezech., II, 7, 7).

Id-doni tal-Ispirtu Santu  —  jikkummenta il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika —, billi huma sensibilazzjoni partikulari tar-ruħ umana u tal-fakultajiet tagħha għall-azzjoni tal-Paraklitu, « iwettqu u jwasslu għall-perfezzjoni l-virtujiet ta’ dawk li jirċevuhom. Jirrendu ubbidjenti lill-fidili sabiex jobdu bi prontezza għall-ispirazzjonijiet divini  » (n. 1831). Il-ħajja morali tal-insara hija, jiġifieri, sostnuta minn tali « dispożizzjonijiet permanenti li jirrendu l-bniedem ubbidjenti biex isegwi l-mozzjonijiet tal-Ispirtu Santu » (ibid., n. 1830). Bihom jitwassal għall-maturità l-organiżmu soprannaturali li, permezz tal-grazzja, jikkostitwixxi ruħu f’kull bniedem. Id-doni, infatti, jaddattaw ruħhom b’mod tal-għaġeb għad-dispożizzjonijiet spiritwali tagħna, waqt li jipperfezzjonaw u jinfetħu b’mod partikolari għall-azzjoni ta’ Alla stess.

4. L-Influss fuq il-bniedem tad-doni tal-Ispirtu Santu

Accende lumen sensibus
Infunde amorem cordibus;
Infirma nostri corporis
Virtute firmans perpeti.

Ixgħel id-dawl ta’ moħħna
fjamma tħeġġeġ fil-qalb;
fejjaq il-ġrieħi tagħna
bil-balzmu t’imħabbtek.

Permezz tal-Ispirtu, Alla isir intimu mal-persuna u jippenetra dejjem iktar fid-dinja umana: « Alla wieħed u tlieta, li fih innifsu “jeżisti” bħala realtà  traxxendenti ta’ don impersonali, billi jikkomunika fl-Ispirtu Santu bħala don lill-bniedem, jittrasforma f’dinja umana minn ġewwa, mill-intern tal-qlub u tal-kuxjenzi » (Dominum et vivificantem, 59).

Fit-tradizzjoni skolastika l-kbira din il-verità twassal biex tipprivileġġja l-azzjoni tal-Ispirtu fil-ġrajja umana u biex timponi bħala xhieda l-inizjattiva feddejja ta’ Alla fil-ħajja morali: waqt li ma tħassarx il-personalità tagħna, linqas ma ċċaħħadna mil-libertà, Huwa jsalvana ‘il hemm mill-aspettattivi tagħna u mill-proġetti tagħna.  Id-doni tal-Ispirtu Santu jidħlu f’tali loġika, billi huma  « perfezzjonijiet tal-bniedem li jiddisponuh biex isegwi b’mod pront il-missjoni divina » (S. TUmas, Summa Theologiae I-II, q. 68, a. 2).

Bis-sebà doni hija mogħtija lil dak li jemmen il-possibiltà ta’ rapport personali u intimu mal-Missier, fil-libertà li hija propja ta’ wlied Alla. Dan huwa dak li jenfasizza San Tumas, waqt li jiżvela kif l-Ispirtu Santu jwassalna biex naġixxu mhux bil-forza imma bl-imħabba: « Ulied Alla — huwa jiddikjara — jiġu mbuttati mill-Ispirtu Santu b’mod liberu, b’imħabba, mhux b’mod servili, b’biżà » (Contra gentiles, IV, 22). L-Ispirtu jirrendi l-atti tan-nisrani  deiformi, jiġifieri jaqblu mal-mod tal-ħsieb, tal-imħabba u tal-aġir divin, hekk li dak li jemmen isir sinjal rikonoxxibli tat-Trinità Mqaddsa fid-dinja. Sostnut mill-ħbiberija tal-Paraklitu, mid-dawl tal-Verb, mill-imħabba tal-Missier, huwa jistà b’mod qalbieni jipproponi ruħu biex jimita l-perfezzjoni divina (cfr Mt 5,48).

L-Ispirtu jaġixxi skont skop doppju ta’ intervent, bħal ma kien ifakkar il-meqjum predeċessur tiegħi, il-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI: « L-ewwel qasam huwa dak tal-erwieħ individwali [...] huwa il-jien tagħna: f’din iċ-ċella profonda u għalina misterjuża tal-eżistenza tagħna, jidħol in-nifs tal-Ispirtu Santu; jinfirex fir-ruħ b’dik l-ewwel u l-ogħla kariżma li nsejħu grazzja, li hija bħal ħajja ġdida, u dlonk jawtorizzaha għal atti li jissuperaw l-effiċjenza naturali tagħha ». It-tieni qasam « li fih tifrex ruħha l-virtù tal-Pentekoste » huwa l-« ġisem viżibbli tal-Knisja [...] Bla dubju "Spiritus ubi vult spirat" (Ġw 3,8); imma, fl-ekonomija stabbilita minn Kristu, l-Ispirtu  jsegwi l-kanal tal-ministeru apostoliku ». Huwa bis-saħħa ta’ dan il-ministeru li lis-saċerdoti hija mogħtija l-awtorità li jittrażmettu l-Ispirtu lill-fidili « fl-aħbar awtorizzata u awtorevoli tal-Kelma ta’ Alla, fit-tmexxija tal-Poplu nisrani u fit-tqassim tas-sagramenti (cfr 1 Kor 4,1), sorsi appuntu tal-grazzja, jiġifieri tal-azzjoni santifikanti tal-Paraklitu » (Omelija għall-Pentekoste, 25 ta’ Mejju 1969).

5. Id-doni tal-Ispirtu fil-ħajja tas-saċerdot

Hostem repellas longius,
Pacemque dones protinus:
Ductore sic te praevio
Vitemus omne noxium

Iddefendina mill-għadu,
ġorr b’don il-paċi,
il-gwida nvinċibbli tiegħek
tgħassisna minn kull ħażen.

L-Ispirtu Santu jistabilixxi mill-ġdid fil-qalb umana l-armonija sħiħa ma’ Alla u, waqt li jassikuralu r-rebħa fuq il-Ħażen, jiftħu għad-dimensjonijiet universali tal-imħabba divina. B’dan il-mod Huwa jġiegħel lill-bniedem jgħaddi mill-imħabba tiegħu nnifsu għall-imħabba tat-Trinità, billi jintroduċih għall-esperjenza tal-libertà interna u tal-paċi, u billi jvarah biex jagħmel don mill-istess ħajtu. Bis-sacro Settenario l-Ispirtu  hekk imexxi lill-imgħammed lejn il-mudell  ta’ Kristu u għas-sintinizzazzjoni sħiħa mal-prospettivi tas-Saltna ta’ Alla.

Jekk din hija t-triq li fuqha l-Ispirtu jimbotta b’mod ħelu lil kull imgħammed, attenzjoni speċjali Huwa ma jonqosx li jirriserva għal dawk li kienu ttimbrati bl-Ordni sagri, bi tħejjija għal twettiq konvenjenti tal-ministeru mpenjattiv tagħhom. Hekk permezz tad-don tal-għerf, l-Ispirtu jmexxi lis-saċerdot biex jassessja kull ħaġa fid-dawl tal-Vanġelu, billi jgħinu jaqra fil-ġrajjiet propji u f’dawk tal-Knisja il-pjan misterjuż u amorevoli tal-Missier;  bl-intellett, jiffavorixxi fih penetrazzjoni profonda tal-verità rivelata, waqt li jimbuttah biex ixandar b’konvinzjoni u qawwa l-aħbar ferrieħa tal-fidwa; bil-kunsill, l-Ispirtu jillumina l-ministru ta’ Kristu sabiex ikun jaf jorjenta l-aġir propju skont il-veduti tal-Providenza, mingħajr ma jħalli li jkun ikkondizzjonat mill-ġudizzji tad-dinja; bid-don tal-qawwa isostnih fost id-diffikultajiet tal-ministero, billi jgħoddos fih il-« parresia »  meħtieġa fit-tħabbir tal-Vanġelu (cfr At 4,29.31); bid-don tax-xjenza, jiddisponih biex jifhem u biex jaċcetta n-nisġa kultant misterjuża tal-kawżi sekondarji mal-Kawża ewlenija fil-ġrajjiet tal-kożmu; bid-don tal-pietà, ikebbes fih ir-rapport tal-komunjoni ntima ma’ Alla u ta’ abbandun fiduċjuż għall-providenza tiegħu; fl-aħħarnett, bil-biżà ta’ Alla,  l-aħħar fil-ġerarkija tad-doni, l-Ispirtu jikkonsolida fis-saċerdot il-kuxjenza tal-dgħufija umana propja u tar-rwol indispensabbli tal-grazzja divina, ġaladarba «la min iħawwel, lanqas min isaqqi ma hu xi ħaġa, imma huwa Alla li jkabbar » (1 Kor 3,7).

6. L-Ispirtu jintroduċi fil-ħajja trinitarja

Per te sciamus da Patrem,
Noscamus atque Filium,
Teque utriusque Spiritum
Credamus omni tempore.

Dawl ta’ għerf etern,
ikxfilna l-kbir misteru
ta’ Alla Missier u tal-Iben
magħqudin fi Mħabba waħda.

Kemm hu suġġestiv timmaġina dan il-kliem fuq xuftejn is-saċerdot li, flimkien mal-fidili afdati fil-kura pastorali tiegħu, jimxi biex jiltaqà ma’ Sidu! Huwa jixxennaq biex jasal magħhom għal veru għarfien tal-Missier u tal-Iben u li hekk jgħaddi mill-esperjenza « per speculum in aenigmate » (1 Kor 13,12) tal-opra tal-Paraklitu fl-istorja, għall-kontemplazzjoni « facie ad faciem » (ibid.) tar-Realtà Trinitarja viventi u palpitanti. Huwa jaf sewwa li jiffaċċja « fuq xi dgħajjes żgħar qasma ta’ firxa ta’ ilma kbira » u li jimxi lejn is-sema «billi jinqeda bi ġwienaħ żgħar » (Girgor Nazianzeno, Poemi teologici, 1); imma jaf ukoll li jistà jorbot fuq Dak li kellu d-dmir li jgħallem lid-dixxipli kull ħaġa (cfr Ġw 14,26).

Billi tgħallem jaqra s-sinjali tal-imħabba ta’ Alla fl-istorja personali tiegħu, is-saċerdot, iktar ma tersaq is-siegħa tal-laqgħa suprema mal-Mulej, jirrendi dejjem iktar pressanti u qawwi t-talb tiegħu fix-xewqa li jadatta ruħu b’fidi matura mar-rieda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu.

Il-Paraklitu, « taraġ tat-telgħa tagħna lejn Alla» (Irinewo, Adv. haereses, III, 24, 1), jattirah lejn il-Missier, waqt li jqegħedlu f’qalbu ix-xewqa mħeġġa li jara wiċċu. Jgħarrfu dak kollu li jirrigwarda lill-Iben, waqt li jiġbdu lejh b’nostalġija krexxenti. Jilluminah dwar il-misteru tal-Persuna stess tiegħu, waqt li jwasslu biex iħoss il-ħlewwa tal-preżenza ġewwa qalbu u fl-istorja.

Hekk, fost il-ferħ u n-niket, it-tbatijiet u t-tamiet tal-ministeru, is-saċerdot jitgħallem jafda fir-rebħa aħħarija tal-imħabba grazzi għall-azzjoni kostanti tal-Paraklitu li, minkejja l-limiti tal-bnedmin u tal-istituzzjonijiet, imexxi l-Knisja biex tgħix b’mod totali l-misteru tal-unità u tal-verità. Huwa jaf, għalhekk, li jistà jafda ruħu għall-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, li tissupera kull kelma umana, u għall-qawwa tal-grazzja li tirbaħ id-dnubiet u n-nuqqasijiet tal-bnedmin. Dan jirrendih qawwi, minkejja d-dgħufija umana, fil-waqt tal-prova u lest li jmur lura bil-qalb fiċ-Ċenaklu, fejn, waqt li jippersevera fit-talb ma’ Marija u mal-aħwa, jistà jsib l-entużjażmu meħtieġ biex jerġà jaqbad ix-xogħol iebes tas-servizz apostoliku.

7. Inżlu għarkupptejkom fil-preżenza tal-Ispirtu

Deo Patri sit gloria,
Et Filio, qui a mortuis
Surrexit, ac Paraclito,
In saeculorum saecula.

Amen.

Lil Alla Missier il-glorja,
lill-Iben li rxoxta                                                                                                    u lill-Ispirtu Paraklitu,
għal dejjem ta’ dejjem.
Amen.

Waqt li llum, Ħamis ix-Xirka, nimmeditaw dwar it-twelid tas-Saċerdozju tagħna, jerġà jiġi f’moħħ kull wieħed minna il-waqt liturġiku suġgestiv b’mod l-iktar għoli tal-prostrazzjoni tagħna mal-art, f’dak il-ġest ta’ umiltà profonda u ta’ ftuħ ubbidjenti kien estremament opportun biex inħejju ruħna għall-impożizzjoni sagramentali tal-idejn, li permezz tagħha l-Ispirtu Santu daħal fina biex iwettaq l-opra tiegħu. Wara li qomna minn mal-art, inżilna għarkupptejna quddiem l-Isqof biex inkunu ordnati presbiteri u mbagħad irċivejna mingħandu d-dlik tal-idejn għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju mqaddes, waqt li l-miġemgħa kienet kantat:  «ilma ħaj, nar, imħabba, kriżma qaddisa tar-ruħ ».

Dawn il-ġesti simboliċi, li jindikaw il-preżenza tal-Ispirtu Santu, jistednuna biex nerġgħu lura kuljum għal tali esperjenza biex nikkonsolidaw fina d-doni tiegħu. Infatti, huwa mportanti li Hu ikompli jaħdem fina u li aħna nimxu taħt l-influwenza tiegħu, imma ferm iktar, li jkun Hu stess li jaġixxi permezz tagħna. Meta t-tentazzjoni ssir insidjuża u jonqsuna l-forzi umani, allura jkun il-waqt li nsejħu b’mod iktar imħeġġeġ lill-Ispirtu, sabiex jgħinna fid-dgħufija tagħna u biex jippermettilna li nkunu prudenti u qawwija kif irid Alla. Huwa meħtieġ li nżommu qalbna miftuħa b’mod kostanti għal din l-azzjoni li tgħolli u tinnobilita l-qawwiet tal-bniedem u tagħti dik il-profondità spiritwali li tintroduċi għall-għarfien u għall-imħabba tal-misteru li ma jistax jitfisser ta’ Alla.

Għeżież Ħuti fis-saċerdozju! L-invokazzjoni sollenni tal-Ispirtu Santu u l-ġest suġġestiv ta’ umiltà mwettaq waqt l-Ordinazzjoni saċerdotali ġegħelu jirbombja wkoll f’ħajjitna il-fiat tal-Annunzjazzjoni. Fis-skiet ta’ Nażżaret, Marija tirrendi ruħha dejjem disponibbli għar-rieda tal-Mulej u, bl-opra tal-Ispirtu Santu, tikkonċepixxi l-Kristu, fidwa tad-dinja. Tali ubbidjenza inizjali tkopri l-eżistenza terrena kollha tagħha u tilħaq il-quċċata tagħha f’riġlejn is-Salib.

Is-saċerdot huwa msejjaħ biex b’mod kostanti jassoċja l- fiat  tiegħu ma’ dak ta’ Marija billi jħalli lilu nnifsu bħalha jitmexxa mill-Ispirtu. Il-Verġni ssostnih fl-għażliet tiegħu ta’ faqar evanġeliku u tirrendih disponibbli għas-smigħ umli u sinċier tal-aħwa, biex jifhem fid-drammi tagħhom u fl-aspirazzjonijiet tagħhom il- « krib tal-Ispirtu » (cfr Rm 8, 26); jirrendih kapaċi li jaqdihom b’diskrezzjoni imdawla, biex jedukahom għall-valuri evanġeliċi; jirrendih attent biex ifittex b’konsiderazzjoni « il-ħwejjeġ t’hemm fuq » (Kol 3,1), biex ikun xhud konvinċenti tas-supremazija ta’ Alla.

Il-Verġni se tgħinu jilqà d-don tal-kastità bħala espressjoni ta’ mħabba ikbar, li l-Ispirtu jqanqal in vista tal-ġenerazzjoni għall-ħajja divina ta’ moltitudni ta’ aħwa. Hija se tmexxih fit-toroq tal-ubbidjenza evanġelika, sabiex iħalli lilu nnifsu jiġi ggwidat mill-Paraklitu, ‘il hinn mill-proġetti tiegħu, lejn l-adeżjoni totali mal-ħsibijiet ta’ Alla.

Akkumpanjat minn Marija, is-saċerdot ikun jaf iġedded kuljum il-konsagrazzjoni tiegħu sakemm, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu msejjaħ b’fiduċja fl-itinerarju uman u saċerdotali, jidħol fl-oċean tad-dawl tat-Trinità.

Insejjaħ fuqkom ilkoll, bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm is-saċerdoti, effużjoni speċjali tal-Ispirtu ta’ imħabba.

Ejja Spirtu Santu! Ejja biex tirrendi fertili s-servizz tagħna lil Alla u lill-aħwa!

B’imħabba mġedda u waqt li nawgura kull konsolazzjoni għall-ministeru tagħkom, b’qalbi kollha nagħtikom ilkoll Barka Apostolika speċjali.

Mill-Vatikan, 25 ta’ Marzu, Solennità tal-Annunzjazzjoni tal-Mulej, tas-sena 1998, l-għoxrin tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb