ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1992

 

 

«Jien hu d-dielja vera u Missieri huwa sid l-għalqa tad-dwieli» (Ġw 15,1).

Għeżież Ħuti saċerdoti!

1. Ippermettuli llum indur fuq dan il-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. Dan huwa marbut mal-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka: «Qabel il-festa tal-Għid Ġesù, billi kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu» (Ġw 13,1), ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu, u mbagħad kellimhom b’mod partikolarment intimu u kordjali, bħal ma jirreferi t-test ġovannesk. Fil-kwadru ta’ dan id-diskors ta’ addiju, hemm ukoll l-allegorija tad-dwieli u ż-żraġen: «Jiena d-dielja, intom iż-żraġen. Min jibqà fija u jiena fih, jagħmel ħafna frott, għaliex mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn» (Ġw 15,5). Propju għal dan il-kliem ta’ Kristu nixtieq nirreferi fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka ta’ din is-sena tal-Mulej 1992, waqt li noffri lill-Knisja l-Eżortazzjoni Apostolika dwar il-formazzjoni saċerdotali. Din hija l-frott tax-xogħol kolleġġjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet tas-sena 1990, li kien totalment iddedikat propju lil dan l-argument. Elaborajna flimkien dokument, tant meħtieġ u mistenni, mill-Maġisteru tal-Knisja, waqt li ġbarna fih id-duttrina tal-Konċilju Vatikan II u wkoll ir-riflessjoni tal-esperjenzi tal-ħamsa u għoxrin sena mgħoddija mill-konklużjoni tiegħu.

2. Nixtieq illum niddepożita tali frott tat-talb u tar-riflessjoni tas-Santi Padri Sinodali f’riġlejn Kristu Saċerdot u Ragħaj ta’ rwieħna (cfr. 1Pt 2,25). Flimkien magħkom nixtieq nirċievi dan it-test mill-altar ta’ dak l-uniku u etern Saċerdozju tar-Redentur, li waqt l-Aħħar Ċena sar b’mod sagramentali l-parti tagħna. Kristu huwa l-vera Dielja. Jekk il-Missier Etern jikkultiva b’dan il-mod l-għalqa tiegħu tad-dwieli, dan jagħmlu fil-qawwa tal-Verità u tal-Ħajja li huma fl-Iben. Hawn jinsab il-bidu ma jaqtà xejn u s-sors li qatt ma jintemm tal-formazzjoni ta’ kull nisrani u b’mod speċjali ta’ kull saċerdot. F’jum Ħamis ix-Xirka nfittxu li nġeddu b’mod partikolari dan l-għarfien u fl-istess ħin id-dispożizzjoni indispensabbli biex inkunu nistgħu nibqgħu, fi Kristu, taħt in-nifs tal-Ispirtu tal-Verità, u biex inkunu nistgħu nipproduċu frott abbundanti fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.

3. Waqt li ningħaqdu fil-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka mar-Rgħajja kollha tal-Knisja, niżżu ħajr għad-don tas-Saċerdozju li minnu nagħmlu parti. Fl-istess ħin, nitolbu sabiex il-bosta nkuraġġiti mill-grazzja tal-vokazzjoni fid-dinja kollha jwieġbu għal dan id-don. Sabiex ma jonqsux il-ħaddiema għall-ħsad li huwa kbir! (cfr. Mt 9,37). B’dan l-awgurju, nibgħat lil kulħadd tislima ta’ mħabba u l-Barka Apostolika.

Mill-Vatikan, 20 ta’ Marzu 1992.

ĠWANNI PAWLU II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb