Laikos

 

60 sena ilu kellna Konċilju

Joe Farrugia

 

Sittin sena ilu fil-Knisja Kattolika kellna konċilju. Imma l-ġrajja tiegħu la bdiet dakinhar u lanqas qed tintemm illum. Kont dejjem mingħalija li l-protagonist ewlieni kien it-twajjeb Ġwanni XXIII. Illum ċert li ma kienx hu, imma dak li webblu. Webblu bla ma qagħad ifissirlu biċċa biċċa d-dettalji kollha ta’ dak li ħajru jidħol għalih. Wara kollox dejjem hekk mexa ma’ dawk kollha li fdalhom xi missjoni. L-istess kien għamel mat-tfajla Marija f’kamritha f’Nazaret. L-istess kien għamel ma’ Sawlu ta’ Tarsu meta fit-triq ta’ Damasku tefgħu mal-art minn fuq iż-żiemel. L-istess kien għamel mad-dixxipli miġbura fil-kamra ta’ fuq dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin. Dejjem hekk mexa sa minn żmien ix-xwejjaħ Abraham: qallu biex jitlaq bla ma wrieh fejn riedu jmur. U dak, ta’ 75 sena, telaq, bla ‘road map’. Imma l-Mulej kien miegħu, u pass pass għal għonq it-triq, kien jurih ’il fejn kellu jmidd riġlejh.

 

Hekk jaħdem l-Ispirtu s-Santu ma’ dawk li jafdawh. U hekk ukoll għamel 60 sena ilu ma’ Angelo Roncalli li fl-età ta’ 77 sena għażlu biex ikun Papa u webblu biex isejjaħ konċilju. Hu kien il-veru protagonist: mhux Angelo Roncalli, imma l-Ispirtu.

 

Meta fil-25 ta’ Jannar 1959 it-twajjeb Papa Ġwanni ħabbar lill-Kardinali miġbura fil-Bażilika ta’ San Paolo fuor le mura l-ħsieb tiegħu li jsejjaħ Konċilju Ekumeniku għall-Knisja kollha, dawk kollha preżenti baqgħu bla kliem. Kif stqarr żmien wara s-Segretarju personali tiegħu, Mons. Loris Capovilla, dakinhar anki l-Papa nnifsu deher imriegħed. Għalfejn kellu jsejjaħ konċilju meta inqas minn mitt sena qabel, konċilju ieħor, Vatikan I, kien iddikjara d-domma tal-infallibbiltà tal-Papa?

 

It-tħejjijiet għall-Konċilju

Ċertament li dakinhar lanqas Ġwanni XXIII innifsu kien għadu ma fehem sewwa l-kobor tal-ġrajja li kienet bdiet riesqa fuq il-Knisja. Hu sempliċiment ried ibexxaq tieqa fuq il-Knisja biex minnha tidħol żiffa ħelwa ta’ arja friska. Ftit ftit, kemm hu u kemm dawk ta’ madwaru bdew jintebħu li t-tħejjijiet loġistiċi nfushom kienu jitolbu ferm aktar minn hekk. L-istess Bażilika ta’ San Pietru riedet tinbidel f’awla konċiljari biex fiha jiltaqgħu madwar 2,500 isqof minn madwar id-dinja kollha. Kien hemm bżonn tinstab l-akkomodazzjoni għalihom ilkoll. Imma dak li ħadd kien għadu ma jaf, lanqas il-Papa stess, kien it-tul ta’ żmien li kien ser idum għaddej dan il-konċilju. Dawk li fil-bidu kien maħsub li kellhom ikunu biss ftit ġimgħat jew forsi xhur, malajr inbidlu fi snin. Madankollu deher ċar li d-diffikultajiet il-kbar ma kinux dawk loġistiċi, imma umani. Kif tagħmel biex tibdel l-imħuħ ta’ dawk li ma ridux jinbidlu?

 

Minkejja kull diffikultà u reżistenza, Ġwanni XXIII kien determinat. Mill-ewwel ta struzzjonijiet biex jibdew it-tħejjijiet meħtieġa tant li fis-17 ta’ Mejju 1959, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, ħatar kummissjoni preparatorja biex tieħu ħsieb tagħmel konsultazzjoni mal-Knisja kollha ħalli wara jkunu determinati l-oqsma ta’ studju u ta’ diskussjoni l-aktar importanti. Huwa ma riedx li l-Konċilju jkun biss Assemblea tal-Isqfijiet jekk qabel ma jkunux taw ukoll is-sehem tagħhom il-Knejjes lokali.

 

It-tħejjijiet ħadu aktar minn sentejn. Twaqqfu għaxar kummissjonijiet speċjalizzati, kollha responsabbli minn oqsma differenti. Fuqhom u biex jikkordina l-ħidma tagħhom kien hemm Kunsill Ċentrali, magħmul minn 120 persuna, il-biċċa l-kbira tagħhom mill-Kurja Rumana. Kienu mogħtija tliet direttivi ċari: il-Konċilju kellu qabelxejn jippromovi tiġdid intern fost il-Kattoliċi; kellu jqajjem kuxjenza fost l-Insara kollha dwar ir-realtà tal-Knisja u tar-responsabbiltajiet tagħha; u kellu wkoll jagħmel sejħa lill-isqfijiet ħalli flimkien mas-saċerdoti u mal-lajċi jerfgħu bis-serjetà r-responsabbiltà tagħhom għas-salvazzjoni tal-umanità kollha.

 

Reżistenza u entużjażmu

Bil-mod il-mod l-entużjażmu tax-xwejjaħ Ġwanni XXIII beda jittieħed u jixtered. Madwar il-Knisja kollha beda jikber l-interess u jiżdiedu d-domandi fuq dak li kien qed ikun imħejji f’Ruma. X’inhuwa konċilju? X’ħa jagħmlu l-isqfijiet meta jibdew jiltaqgħu? U wara, x’ser jiġri? Minkejja li matul l-istorja millenarja tagħha l-Knisja kien diġà kellha 20 konċilju ieħor, madankollu dan kien qasam li dwaru ma kienx hemm esperti. Mill-aħħar konċilju, Vatikan I, sa dakinhar kienu għaddew 90 sena. Fuq kollox dak kien konċilju li beda u ma tkompliex, minħabba l-gwerra bejn Franza u l-Prussja, u l-konċilju baqa’ ma reġa’ tlaqqa’ qatt tant li kien ġie ddikjarat uffiċjalment magħluq mill-Papa Ġwanni XXIII, 90 sena wara, fi żmien it-tħejjija għall-Konċilju Vatikan II.

 

Wasal il-jum mistenni tal-Ħamis 11 ta’ Ottubru 1962. Dak li seħħ dakinhar, l-ewwel fi Pjazza San Pietru u wara fil-Bażilika nfisha, kienu xeni li la l-belt ta’ Ruma u lanqas id-dinja kienu għadhom qatt ma raw bħalhom u tal-kobor tagħhom. Il-korteo ta’ isqfijiet li ħareġ mill-Bieb tal-Bronż tal-Palazz Appostoliku u mexa bil-mod lejn il-Bażilika ta’ San Pietru kien twil madwar erba’ kilometri: fosthom kien hemm ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Ġużeppi Pace. Anki jekk uħud mill-kardinali fil-Kurja Rumana kienu għadhom xettiċi fuq l-idea tal-Papa Ġwanni li jsejjaħ konċilju, madankollu l-maġġoranza l-kbira tal-2,500 isqof li waslu minn kull rokna tad-dinja mhux biss ġew b’ħafna ferħ, imma wkoll ġabu magħhom entużjażmu kbir. F’qalb ħafna minnhom kien hemm stennija inkredibbli, xewqa kbira li dak kien biss il-bidu tat-tiġdid u l-qawmien li bosta kienu ilhom jistennew. Fihom kellhom tama qawwija ta’ Pentekoste ġdid.

 

Ġwanni XXIII fuq il-profeti tal-isfortuna

Fid-diskors tiegħu fis-sessjoni inawgurali, Ġwanni XXIII wera x-xewqa li l-Konċilju jħabrek b’żelu sabiex il-bnedmin jilqgħu bl-aħjar mod il-bxara tas-salvazzjoni, u hekk titħejja u tissaħħaħ it-triq għall-għaqda tal-familja umana. Għall-Knisja dan kien mument ta’ ferħ. 

 

“Gaudet Mater Ecclesia” – “Tifraħ Ommna l-Knisja”, għax b’don speċjali tal-Providenza Divina kien wasal fl-aħħar il-jum tant mixtieq meta, fuq il-qabar ta’ Pietru, għad-dell tal-Verġni Omm Alla, li tagħha dakinhar kienet qed tkun iċċelebrata bil-ferħ id-dinjità materna, ġie inawgurat solennement il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

 

Madankollu fl-istess diskors Ġwanni XXIII tkellem ukoll fuq dawk li huwa sejħilhom profeti tal-isfortuna, li dejjem ibassru l-agħar, donnhom qed jilmħu joqrob l-aħħar tad-dinja. Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u nkwiet.

 

Xħin l-ewwel jum tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II kien qorob lejn tmiemu, u waqt li l-biċċa l-kbira tal-isqfijiet kienu rritornaw lura lejn l-appartamenti jew il-lukandi fejn kienu alloġġjati, eluf kbar ta’ nies bdew jinġabru fi Pjazza San Pietru. Ix-xwejjaħ Ġwanni XXIII, diġà ta’ 81, wara jum mimli daqs bajda kien għajjien u qed iħejji biex jidħol jistrieħ. Dak il-ħin fl-appartament tiegħu beda jasal l-għajat. Il-Papa ħares ’l isfel minn wara l-persjani u lemaħ il-folla enormi li fi tmiem fjakkolata mat-toroq ta’ Ruma issa kienet inġabret fil-pjazza tistenna li tirċievi l-Barka Appostolika tiegħu qabel kulħadd imur lura lejn daru.

 

Id-diskors tal-qamar

Angelo Roncalli kien diġà marid sewwa u stqarr mas-Segretarju privat tiegħu li ma xtaqx joħroġ fit-tieqa, imma fl-aħħar aċċetta li jixref u jagħti l-barka bla ma jagħmel ebda diskors. Ix-xemx kienet ilha sewwa li niżlet, imma l-qamar kwinta ta’ dakinhar kien qed jitfa’ dawlu qawwi fuq il-folla miġbura. Malli l-Papa feġġ mit-tieqa u lemaħ dik ix-xena u sema’ dak l-entużjażmu tal-folla, ma setax jidħol lura bla ma jkellimhom. Id-diskors impromptu li qalilhom dakinhar emozzjona mhux biss lil dawk preżenti, imma għadu sal-lum iqanqal u jemozzjona lil kull min jisimgħu mill-ġdid jew jaqrah.

 

“Għeżież uliedi”, qalilhom, “smajt leħinkom. Tiegħi huwa biss leħen wieħed, imma jiġbor fih ilħna mid-dinja kollha. Hawn id-dinja kollha hija rrappreżentata. Ħarsu ftit, anki l-qamar illejla qiegħed iħares fuq dan l-ispettaklu”.

 

Minn dakinhar sal-lum, dan id-diskors tal-Papa baqa’ magħruf bħala “d-diskors tal-qamar”. Imbagħad kompla Ġwanni XXIII: “Xħin tmorru lura fi djarkom għannqu lil uliedkom u għidulhom: ‘Din hija t-tgħanniqa tal-Papa’!”.

 

Ftit xhur biss wara, il-Knisja Kattolika kellha Papa ġdid. Kien hu, Pawlu VI, li kompla fuq il-passi ta’ Ġwanni XXIII u ra li dak li ddeċidew il-Padri Konċiljari bejn l-1962 u l-1965 jibda jitwettaq fil-Knisja. Fost il-wirt għani li ħallielna l-Konċilju hemm is-16-il dokument, fosthom u l-aktar importanti l-erba’ Kostituzzjonijiet: id-Dei Verbum fuq il-Kelma ta’ Alla, is-Sacrosanctum Concilium fuq il-Liturġija, il-Lumen Gentium fuq il-Knisja, u l-Gaudium et Spes fuq il-missjoni tal-Knisja fid-dinja tal-lum.

 

Imma forsi aktar mid-dokumenti nfushom, il-wirt il-kbir tal-Konċilju kien l-ispirtu ta’ ħeġġa u entużjażmu li l-isqfijiet riedu jħallu lill-Knisja. Il-ħolma ta’ Knisja, mhux aktar kif infassluha aħna, imma dik li jħallimna Hu. Knisja bla ħitan biex tista’ tħares ’il barra minnha nfisha. Knisja bla saqaf biex tista’ tgħarrex ’il fuq lejn is-smewwiet miftuħa. Knisja li l-art tagħha hija d-dinja, dik stess fejn jgħixu u jimirħu l-kumplament tal-bnedmin.

 

Meta fl-aħħar kien wasal il-waqt li l-isqfijiet iħallu l-assemblea konċiljari biex imorru jiltaqgħu mal-umanità u jwasslulha l-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju ta’ Kristu, xi ħadd dakinhar xebbah il-mument ma’ dak li kien ġara fl-ewwel Għid il-Ħamsin, meta d-dixxipli, medhija bejniethom f’dak l-ewwel ċenaklu kurjali ta’ Ġerusalemm, intefgħu ’l barra u tferrxu mad-dinja. Dak kien il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II għall-Knisja kollha: Pentekoste ġdid.

 

Minn hawn nistgħu nifhmu kif minkejja li mill-ewwel jum tal-Konċilju Vatikan II sal-lum għaddew 60 sena, il-ġrajja la bdiet isseħħ dakinhar u lanqas qed tintemm illum. Għax il-protagonist veru tagħha la kien wieħed mill-papiet li mexxew il-Konċilju u lanqas mill-isqfijiet li ħadu sehem fih, imma l-Ispirtu s-Santu, li dakinhar sejjaħ lilhom bħalma llum qiegħed ikompli jsejjaħ ukoll lilek u lili. Huwa biss bl-iva tiegħek u tiegħi li l-Konċilju Vatikan II li seħħ dakinhar, jibqa’ u jkompli jseħħ illum ukoll.