IL-PAPA ĠWANNI XXIII

ITTRA ENĊIKLIKA

 “P A C E M IN T E R R I S”

Il-PAĊI FL-ART

(11 April 1963)

 

ĠWANNI 

GĦALL-GRAZZJA T’ALLA

PAPA XXXIII

 

LILL-VENERABBLI ĦUTU PATRIARKI, PRIMATI, ARĊISQFIJIET, ISQFIJIET U ORDINARJI OĦRA

LI JINSABU FIS-SLIEM U L-GĦAQDA MAS-SEDE APPOSTOLIKA

LILL-KLERU KOLLU U LILL-FIDILI TAD-DINJA KATTOLIKA

KIF IKOLL LILL-BNEDMIN KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

 

 

IL-PAĊI FOST IL-ĠNUS KOLLHA MIBNIJA FUQ IL-VERITÀ,

FUQ IL-ĠUSTIZZJA, FUQ L-IMĦABBA, FUQ IL-LIBERTÀ

 

 

D A Ħ L A

Aħwa venerabbli, Għeżież Uliedi, Saħħa u Barka Appostolika.

 

L-Ordni fil-Ħolqien

 

 1. IL-PAĊI FL-ART, xewqa qawwija tal-bniedem ta’ kull żmien, tista’ biss titwaqqaf u tissaħħaħ b’qima sħiħa lejn l-ordni maħluq minn Alla.

 

 2. Il-mixja ′l quddiem tax-xjenzi u l-kixfiet tat-teknika jixhdu kif f’dawk il-ħwejjeġ li jgħajxu u fil-qawwiet li jiffurmaw l-univers isaltan l-ordni tal-għaġeb; u jixdhu wkoll il-kobor tal-bniedem li jikxef dan l-ordni u joħloq għodod tajbin biżżejjed biex jaħkem dawn il-qawwiet u jinqeda bihom.

 

 3. Iżda il-mixja ′l quddiem fix-xjenzi u l-kixfiet tekniċi juru qabel kollox il-kobor bla qies t’Alla li ħalaq l-univers u l-bniedem. Ħalaq mix-xejn l-univers u xeħet fih milja ta’ għerf u ta’ tjubija, kif igħid is-Salmista fil-waqt li jfaħħar lil Alla: O Mulej, Sid tagħna, kemm hu ta’ l-għaġeb ismek fl-art kollha![1], u f’post ieħor: Kemm huma kbar l-għemejjel tiegħek, ja Mulej, inti kollox ħlaqt bil-għerf![2]. Alla ħalaq ukoll il-bniedem mogħni bid-dehen u bil-libertà; ħalqu xbieha u xebħ tiegħu u għamlu sid il-ħolqien[3]: bħal ma darb’oħra jgħid is-Salmista: Ftit inqas mill-anġli ħlaqt lill-bniedem: inkurunajtu bil-glorja u bil-ġieh, tajtu li jaħkem fuq ix-xogħol ta’ idejk; kollox qiegħed taħt riġlejh[4].

 

L-Ordni Fost il-Bnedmin

 

 4. Issa dan l-ordni hekk kbir ta’ l-univers xejn ma jidher jaqbel mat-taħwid li jsaltan fost il-bnedmin u fost il-ġnus; bħallikieku l-ftehim ta’ bejniethom ma jistax jintlaħaq jekk mhux bil-forza.

 

 5. Madanakollu l-Ħallieq ta’ kollox naqax dan l-ordni f’qalb il-bniedem, ordni li jrid jiġi muri u mmexxi mill-kuxjenza: Huma juru miktuba fi qlubhom l-għamil tal-liġi, kid tixdilhom il-kuxjenza tagħhom stess[5]. U kif jista’ jkun xort’oħra? Kull opra t’Alla hija rifless ta’ l-għerf tiegħu bla tmiem: rifless li l-iżjed jiddi aktar ma l-opri tkun imqiegħda fi grad għoli ta’ perfezzjoni[6].

 

 6. Li wieħed joħroġ barra mit-triq, kif naraw ta’ spiss, jiġri il-għaliex wieħed iżomm li jista’ jmexxi l-ftehim bejn il-bnedmin u bejn il-komunitajiet politiċi b’dawk l-istess liġijiet li bihom huma mmexxijin il-qawwiet tan-natura u dawk il-ħlejjaq li ma għandhomx raġuni li minnhom huwa ffurmat l-univers; filwaqt li l-liġijiet li għandhom imexxu dan il-ftehim imsemmi, huma xort’oħra, u għandna nfittxuhom hemm fejn kitibhom Alla, jiġifieri fin-natura tal-bniedem stess.

 

 7. Huma dawk il-liġijiet infatti li juru wisq ċar kif il-bnedmin għandhom jirregolaw din il-għaqda ta’ bejniethom; u kif jinħtieġ li jitmexxew ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi fil-komunità politika; kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-istess għaqdiet politiċi; u dawk ir-relazzjonijiet bejn kull bniedem u l-pajjiż min-naħa l-waħda, u l-għaqda tal-ġnus flimkien min-naħa l-oħra, għaqda li l-ġid ta’ kulħadd il-lum qiegħed jitlobha b’tant ħerqa.


 

L-EWWEL TAQSIMA

 

L-ORDNI BEJN IL-BNIEDEM

 

 8. U qabel xejn nitkellmu minn dak l-ordni li għandu jkun hemm fost il- bnedmin. U bħala sisien ta’ dan inqiegħdu li kull esseri uman hu persuna, jiġifieri l-bniedem għandu natura mżejna b’dehen u rieda ħielsa u għaldaqstant huwa suġġett għal drittijiet u għal dmirijiet li joħorġu mill-istess natura tal-bniedem u jitnisslu magħha stess: drittijiet u dmirijiet li għaldaqstant huma universali, ma jistgħux jinkisru u li fl-ebda mod ma jista’ jiġi mċaħħad minnhom[7].

 

 9. Jekk imbagħad nikkunsidraw id-dinjità tal-persuna umana fid-dawl tal-kelma t’Alla rivelata, allura din id-dinjità tidher wisq u wisq iktar kbira, għaliex il-bnedmin ġew mifdijin mid-demm ta’ Ġesù Kristu, u bil-grazzja saru wlied u ħbieb t’Alla u magħmulin werrieta tal-glorja li ma tintemmx.

 

ID-DRITTIJIET

 

10. Kull bniedem għandu dritt għall-eżistenza tiegħu, għas-saħħa tal-ġisem, għall-mezzi li mingħajrhom ma jistax jgħaddi u fl-istess ħin li jkunu biżżejjed biex jista’ jżomm il-ħajja fid-dinjità xierqa, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ikel, ma’ l-ilbies, fejn joqgħod, il-mistrieħ, il-kura tat-tabib, is-servizzi soċjali meħtieġa; u għalhekk għandu dritt li jkun żgur (mill-mezzi ta’ għajnuna) f’każ ta’ mard, f’każ li jormol, xjuħija, nuqqas ta’ xogħol u f’kull każ ieħor li jtellfu l-mezzi li bihom jista’ jgħix, minħabba ċirkustanzi li ma jkollux kontroll fuqhom[8].

 

11. Kull bniedem għandu dritt li l-persuna tiegħu tkun irrispettata; għandu dritt għall-fama tiegħu, għal-libertà fit-tfittix tal-verità, li juri l-fehma tiegħu u jxerridha, li jikkoltiva l-arti, meta dan kollu jibqa’ fil-limiti li jippermettu l-ordni morali u l-ġid li jolqot lil kulħadd; għandu dritt li jkollu informazzjoni sħiħa dwar dak li jiġri.

 

12. Jiġi wkoll min-natura tal-bniedem id-dritt li jagħmel sehem mill-ġid li joħroġ mit-tagħlim: u għalhekk għandu għal dak it-tagħlim primarju, għal dik il-formazzjoni tekniko - professjonali skond l-għoli ta’ l-iżvilupp tal-pajjiż li fih ikun igħix. Għandu jsir minn kollox biex wieħed ikun jista’ jasal f’dawk il-gradi għoljin ta’ tagħlim li jixraqli; hekk il-bniedem daqs kemm hu possibli, ikun jista’ jokkupa pożizzjoni fil-ħajja soċjali u jerfa’ responsabbiltajiet imdaqqsin għall-kwalitijiet naturali tiegħu u għall-kapaċità

li jkun akkwista[9].

 

Dritt li jagħti qima ′l Alla

 

13. Kulħadd għandu dritt li jagħti qima ′l Alla skond ma tgħidlu il-kuxjenza tiegħu, immexxija tajjeb, u għalhekk id-dritt li jagħti ′l Alla kult privat u pubbliku. Tant hu hekk li kif jgħid wisq tajjeb Lattanzio: Aħna ġejna maħluqin bil-għan li nagħtu ′l Alla Ħallieq dik il-qima xierqa li tistħoqqlu, li ngħarfu lilu biss u li nimxu warajh. Din hi r-rabta ta’ tjieba li tgħaqqadna u torbotna miegħu, u li minnha tiġi l-kelma reliġjon[10]. U l-Predeċessur tagħna, ta tifkira li qatt ma tintesa’, Ljuni XIII (dwar din il-qima) ifisser ruħu hekk: Din il-libertà vera u denja ta’ wlied Alla, illi żżomm fl-għoli d-dinjità tal-bniedem, hija aktar qawwija minn kull vjolenza u minn kull tmaqdir, u l-Knisja dejjem riditha u għada żżommha s’issa bħala ħaġa l-aktar għażiża għaliha. Hija dik il-libertà li l-Appostli ddefendew bla xejn biża’, li l-Apoloġisti ħarsu fil-kitba b’demmhom stess[11].

tagħhom, li numru bla għadd ta’ Martri jikkonsagraw

 

Libertà fl-Għażla ta’ l-Istat

 

14. Barra minn hekk il-bnedmin għandhom dritt għal-libertà fl-għażla ta’ l-istat tagħhom: u għalhekk il-jedd li jwaqqfu familja, li fiha l-mara u r-raġel għandhom jeddijiet u dmirijiet indaqs; kif ukoll id-dritt li jimxu wara s-sejħa għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża[12].

 

15. Il-familja mwaqqfa fuq żwieġ liberu, wieħed u li ma jinħallx hija u għandha tkun meqjusa bħala nuklew naturali u essenzjali tas-soċjetà. Minn hawn jiġi li għandu jingħatalha kull għajnuna ekonomika, soċjali, kulturali u morali li ssaħħah il-qagħda tagħha u ttaffilha l-qadi tal-missjoni speċjali tagħha. Il-ġenituri għandhom id-dritt qabel kulħadd li jmantnu u jedukaw lil uliedhom[13].

 

Id-Dinja Ekonomika

 

16. Jekk imbagħad inħarsu lejn l-ekonomija tal-ħajja, il-bnedmin għandhom id-dritt li jagħżlu minn jeddhom il-kamp ekonomiku u għandhom id-dritt għax-xogħol[14].

 

17. Minn dawn id-drittijiet ma jistax jinfired id-dritt li wieħed ikollu xogħol fejn la jgħarraq is-saħħa fiżika tiegħu u lanqas id-drawwiet tajba u li ma jagħmilx ħsara lil dawk li fiż-żogħżija tagħhom ikunu għadhom qegħdin jiżviluppaw rwieħhom, u għal dak li hu xogħol fejn tidħol il-mara, din għandha dritt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jkunu jistgħu jimxu mal-bżonnijiet tagħha u mad-drittijiet ta’ mara miżżewġa u ta’ omm[15].

 

18. Mid-dinjità tal-persuna mbagħad jiġi wkoll id-dritt li wieħed jiżvolġi l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu skond is-sens ta’ responsabbiltà[16]. Ta’ min isemmi barra minn dan b’mod speċjali d-dritt għall-ħlas xieraq tax-xogħol, ħlas li għandu jkun determinat skond il-kriterji tal-ġustizzja, ħlas li wara li nħarsu lejn il-ġid disponibbli ta’ min jamministra, ikun biżżejjed biex il-ħaddiem u l-familja tiegħu jistgħu jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità umana. Fuq dan il-Predeċessur tagħna Piju XII qal: Għad-dmir personali tax-xogħol imqiegħed min-natura, jikkorrispondi d-dritt naturali f’kull individwu li jagħmel mix-xogħol mezz biex jipprovdi għall-ħajja tiegħu u ta’ wliedu: u dan għaliex min-natura tiegħu l-bniedem huwa kkmandat jikkonserva lilu nnifsu[17]. Ħaġa wkoll li ġejja min-natura tal-bniedem id-dritt tal-proprjetà privata wkoll fuq ġid li jista’ jipproduċi ġid ieħor. Dan id-dritt iħares wisq sewwa d-dinjità umana u t-taħriġ tar-responsabbiltà f’kull fergħa tal-ħajja, ħaġa li tnissel hena u sigurtà fil-ħajja familjari u żvilupp paċifiku u ordnat fis-soċjetà[18]. Tajjeb ukoll li wieħed jiftakar li d-dritt tal-proprjetà privata minnu nnifsu għandu funzjoni soċjali[19].

 

19. Minn dak imbagħad li l-bniedem huwa fin-natura tiegħu soċjevoli, jiġi d-dritt li l-bnedmin jistgħu jagħmlu tant laqgħat bejniethom kif ukoll li jiffurmaw għaqdiet: u lil dawn l-istess għaqdiet jiġi mogħti wkoll id-dritt li jiġu ffurmati b’mod li jilħqu l-iskop li għalih jitwaqqfu, li jieħdu inizjattivi minnhom innifishom u b’responsabbiltà tagħhom stess li jistgħu jassigurawlhom l-iskop tagħhom[20].

 

20. U kif aħna stess bir-raġun kollu għednilkom fl-Enċiklika Mater et Magistra, il-ħolqien ta’ diversi assoċjazzjonijiet u korpi intermedji li jaħdmu biex jilħqu dawk il-finijiet li l-bniedem waħdu qatt ma jasal biex jilħaq, huwa element bil-wisq meħtieġ li mingħajru ma jistgħux jiġu assigurati lill-persuna tal-bniedem id-dinjità, il-libertà u s-sens ta’ responsabbiltà li fihom għandha tgħix[21].

 

Dritt għall-Emigrazzjoni u li Tgħix f’Pajjiżek

 

21. Kull bniedem għandu d-dritt li jitħarrek minn post għall-ieħor u li joqgħod f’dak il-pajjiż li tiegħu huwa ċittadin; kif ukoll meta hemm raġunijiet biżżejjed għandu dritt għall-emigrazzjoni f’pajjiżi oħra[22]. Il-fatt li aħna ċittadini ta’ pajjiż determinat ma jtellifnix li aħna membri ta’ l-istess familja umana u għalhekk li nappartjenu, bħala (bid-dritt ta’) ċittadini, għall-kommunità tal-bnedmin kollha.

 

22. Mid-dinjità tal-persuna jiġi d-dritt li wieħed jieħu parti attiva fil-ħajja pubblika u jagħti s-sehem tiegħu persunali għat-twettiq tal-ġid komuni. Tant li kif igħid il-Predeċessur tagħna Piju XII: “Il-bniedem, bħala tali, mhux biss m’għandux ikun oġġett u element li ma jagħmel xejn fil-ħajja soċjali, iżda hu għandu jkun u għandu jibqa’ s-suġġett, il-pedament u l-għan ta’ l-istess ħajja”[23].

 

23. Dritt fundamentali ta’ persuna tal-bniedem huwa wkoll li wieħed iħares b’mod ġuridiku d-drittijiet proprji tiegħu: u għalhekk ħarsien effikaċi, li jagħti lil kulħadd dak kollu li ħaqqu u li jkun skond il-liġijiet sħaħ tal-ġustizzja kif iwissi l-Papa Piju XII; Mill-ordinament ġuridiku, li Alla stess irid, jiġi li l-bniedem għandu dritt, li ħadd ma jista’ jċaħħdu minnu, għas-sigurtà ġuridika tiegħu, u għaldaqstant għandu d-dritt li jgħix f’ambjent fejn jista’ jkun imħares minn kull attakk arbitrarju li jista’ jkollu[24].

 

ID-DMIRIJIET

 

Rabta Bejn id-drittijiet u d-Dmirijiet

 

24. Fil-persuna umana mad-drittijiet naturali msemmija hemm, magħqudin magħhom b’għaqda li ma tinħallx, daqstant ieħor dmirijiet fl-istess persuna li hi s-suġġett. Dawn id-drittijiet u d-dmirijiet mogħtijin u mqegħdin mil-liġi tan-natura fil-bniedem għandhom f’din l-istess liġi nisel, ħajja u qawwa li ma tinqeridx.

 

25. Ngħidu aħna d-dritt għall-eżistenza f’kull esseri uman huwa magħqud mad-dmir li jikkonserva ħajtu: id-dritt għal ħajja dinjituża, mad-dmir li jgħix ħajja sewwa: id-dritt għal-libertà fit-tfixxija tal-verità huwa magħqud mad-dmir li jfittex il-verità b’mod li jkun jista’ jagħrafha aħjar u b’mod aktar profond.

 

Drittijiet u Dmirijiet Lejn Xulxin

 

26. Meta mbagħad fil-ħajja jkollna x’naqsmu ma’ xulxin kull dritt naturali li hemm fil-persuna umana jġib miegħu dmir f’dawk li magħhom irridu ngħixu: id-dmir li tagħraf u tqim id-dritt ta’ħaddieħor. U dan jieħu l-qawwa morali tiegħu mil-liġi naturali li ma tistax tinħonoq li tagħti dan id-dritt u fl-istess ħin ma’ dan id-dritt timponi dmir. Dawk kollha għaldaqstant li fil-waqt li jissieltu għad-drittijiet tagħhom jinsew jew ma jagħtux importanza biżżejjed għad-dmirijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn id-drittijiet, dawn ikunu qegħdin b’id jibnu u bl-oħra jġarrfu.

 

Ħidma Id f’Id

 

27. Billi l-bnedmin għandhom fin-natura tagħhom li huma soċjali, dawn għandhom mhux biss jgħixu flimkien iżda wkoll ifittxu l-ġid ta’ xulxin. Dan jitlob li jkun kollox ordnat fil-ħajja soċjali u għalhekk id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ xulxin ikunu magħrufin u mħaddmin; mhux biss imma li kull wieħed jagħti b’ħiltu kollha s-sehem tiegħu biex jinħolqu ambjenti umani fejn jiġu eżerċitati aħjar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem.

 

28. Mhux biżżejjed ngħidu aħna, li tagħraf u tirrispetta d-dritt li għandu kull bniedem li jkollu mezzi biex jista’ jgħix; imma jeħtieġ ukoll li wieħed jagħmel xi ħaġa skond kemm jista’ biex kull bniedem jista’ jiddisponi minn mezzi biżżejjed għall-għajxien tiegħu.

 

29. Minn hawn jiġi li s-soċjetà tal-bniedem barra milli tkun ordnata jinħtieġ li tagħti wkoll frott biżżejjed. Għal dan huwa meħtieġ li l-bnedmin jagħrfu u jirrispettaw id-drittijiet lejn xulxin u jaqdu d-dmirijiet li jġibu magħhom dawn id-drittijiet, kif ukoll ħidma diversa bejniethom kif trid, tissuġġerixxi u titlob iċ-ċiviltà ta’ żminijietna.

 

30. Id-dinjità tal-persuna umana titlob fuq kollox li f’dak kollu li jagħmel, il-bniedem jagħmlu minn rajh u bil-libertà kollha, b’mod illi d-drittijiet tiegħu jiġu eżerċitati, id-dmirijiet moqdijin, il-ħidma ta’ ħaddieħor magħmula b’deċiżjonijiet personali, deċisjonijiet meħuda b’konvinzjoni, b’inizjattiva tiegħu stess u b’sens ta’ responsabbiltà mhux imġiegħel u taħt pressjoni li tkun ġejja fuq kollox minn ħaddieħor.

 

31. Soċjetà mibnija biss fuq il-forza ma fiha xejn uman; il-għaliex fiha l-bniedem minflok li jiġi megħjun u mħajjar biex jiżviluppa u jtejjeb lilu nnifsu (b’din – il-forza) tiġi fih maħnuqa il-libertà.

 

L-Għaqda fil-Verità, il-Ġustizzja, l-Imħabba u l-Libertà

 

32. L-għaqda immela fost il-bnedmin hija sħiħa, ta’ fejda u skond id-dinjità tal-persuna meta jkun fiha l-verità kif iwiddibna l-Appostlu Pawlu: ′l bogħod immela minnkom il-gidba, kull wieħed jitkellem is-sewwa mal-proxxmu tiegħu, il-għaliex aħna membri ta’ xulxin[25]. U dan iseħħ jekk inkunu sinċerament magħrufin id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ xulxin. Iseħħ fuq kollox dan jekk il-bnedmin tant f’dak li jirrispettaw id-drittijiet ta’ ħaddieħor, kif ukoll fil-qadi ta’ dmirijiethom ikunu mmexxijin mill-ġustizzja, jekk ikunu mmexxijin minn dik l-imħabba li ġġegħilhom iħossu l-bżonnijiet ta’ l-oħrajn bħallikieku kienu tagħhom, jagħtu lill-oħrajn mill-ġid tagħhom u jagħmlu b’mod li wkoll il-ġid spiritwali, jiġi kkomunikat lil kulħadd. Fl-aħħarnett iseħħ dan jekk is-soċjetà umana tiġi ffurmata f’dik il-libertà li tixraq lill-bniedem li fin-natura tiegħu stess huwa raġjonevoli u għalhekk biex ikun responsabbli ta’ l-għamil tiegħu.

 

33. L-għaqda fost il-bnedmin, Venerabbli Ħuti u Wliedi għeżież, għandha tkun meqjusa fuq kollox bħala ħaġa li tmiss ir-ruħ: għaqda li biha l-bniedem jikkomunika lil ħaddieħor dak it-tagħrif li huwa għandu mid-dawl tal-verità; għaqda li fiha jeżerċita d-drittijiet u jaqdi d-dmirijiet; fiha jsib tqanqil u sejħa għall-ġid morali; tgawdija ta’ dak kollu li hu sabiħ; dispożizzjoni dejjem ħajja li ngħaddu f’ħaddieħor it-tajjeb li nħossu fina; xewqa li nieħdu dejjem minn xulxin dak kollu li hu ta’ siwi għar-ruħ tagħna; valuri spiritwali li jsibu il-ħajja bla xejn ma taqta’ u l-orjentament tagħhom dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura, ma’ l-ekonomija, ma’ l-istituzzjonijiet soċjali, mal-movimenti u sistemi politiċi, mal-liġijiet li jmexxuna u dak kollu li nsibu madwarna u li jifforma s-soċjetà dinamika tal-bnedmin.

 

L-Ordni Morali Għandu Bħala Sisien il-Veru Alla

 

34. Issa l-ordni li naraw fl-għaqda ta’ bejn il-bnedmin huwa ordni morali: ordni li jinbena fuq il-verità: li jiġi mħarreġ skond il-ġustizzja; li jrid jaf l-għixien u s-sbuħija tiegħu mill-imħabba, iffurmat f’libertà sħiħa u dejjem iżjed ekwilibrata. Dan l-ordni morali, ordni li fil-prinċipji tiegħu jmiss lil kulħadd, huwa assolut u ma jitbiddilx, isib il-fundament tiegħu fil-veru Alla personali u traxxendenti bħal l-ewwel Verità u l-aqwa ġid u għalhekk l-għajn l-aktar profonda li minnha biss is-soċjetà umana tista’ tixrob ħajja ġenwina sabiex tista’ tkun ordnata, tgħajjex u taqbel mad-dinjità tal-bniedem[26]. Fuq dan San Tumas jgħallem: “Il-volontà fil-bniedem hija mmexxija mir-raġuni, li tqis ukoll il-grad tat-tjubija ta’ l-istess volontà, minħabba li r-raġuni ġejja mil-liġi eterna, li hu l-istess li ngħidu ġejja mill-istess raġuni divina...u għalhekk hija ħaġa ċara li t-tjubija tal-volontà tal-bniedem tiddependi iżjed mil-liġi eterna milli mir-raġuni tal-bniedem stess[27].

 

Tliet Ħwejjeġ fi Żminijietna

 

35. Fi żminijietna nsibu tliet ħwejjeġ li ta’ min jinnutahom. Qabel xejn il-mixja ′l quddiem ekonomiko - soċjali tal-klassi tal-ħaddiema. Fil-bidu tal-moviment tagħhom il-ħaddiema kienu konċernati x’aktarx biex jissieltu għat-drittijiet tagħhom ekonomiċi u soċjali; wara dan talbu drittijiet ta’ natura politika; u fl-aħħar riedu li jkollhom id-dritt li jagħmlu sehem b’forom diversi mill-ġid kulturali. U għalhekk illum il-ħaddiema li jinsabu kullimkien qegħdin ifittxu b’qawwa li jkunu meqjusin u trattati mhux bħallikieku kienu xi ħaġa nieqsa mid-dehen u mil-libertà u jagħmel bihom dak li jrid ħaddieħor, imma bħala bnedmin li qegħdin fl-oqsma kollha tas-soċjetà, u għalhekk fil-qasam ekonomiku soċjali, f’dak kulturali kif ukoll fil-ħajja pubblika.

 

36. Ħaġa oħra llum magħrufa minn kulħadd huwa s-sehem tal-mara fil-ħajja pubblika: ħaġa li mxiet forsi aktar ′l quddiem fost ġnus ta’ ċiviltà nisranija, imma li llum mixja ġmielha ′l quddiem ukoll, għalkemm aktar bil-mod fost ġnus ta’ tradizzjonijiet u ċiviltà oħra. Il-mara llum għandha idea iżjed ċara tad-dinjità tagħha u għalhekk taf li ma għandhiex tħalli li tkun meqjusa u trattata bħal biċċa għodda: u trid li tant fil-ħajja tad-dar kif ukoll fil-ħajja pubblika tkun ikkunsidrata bħala persuna umana.

 

37. Fl-aħħarnett il-familja umana qiegħda turina tibdil għal kollox fil-ħajja soċjali u politika: il-ġnus kollha llum jew għada ħadu l-libertà jew sejrin joħduha u għalhekk f’qasir żmien la naraw ġnus li jaħkmu u lanqas li jkunu maħkuma. Il-bnedmin kollha llum jew huma ċittadini ta’ Stat li jmexxi lilu nnifsu u indipendenti, jew ser ikunu: ħadd ma jrid ikun sudditu ta’ gvern jew ta’ razza barranija għal pajjiżu. F’ħafna bnedmin llum qed tiġi fix-xejn dik li wieħed iħoss ruħu inferjuri, ħaġa li kienet sekoli sħaħ. Min-naħa l-oħra qiegħda tonqos ukoll u għad tispiċċa biex ma tidhirx aktar dik li wieħed iħoss ruħu superjuri minħabba l-privileġġ ekonomiku - soċjali, jew minħabba fis-sess jew minħabba l-pożiżżjoni politika tiegħu.

 

38. Għall-kuntrarju xterdet ħafna dik l-opinjoni li l-bnedmin kollha f’dik li hi dinjità naturali huma ndaqs. Din l-opinjoni għall-inqas f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim u mar-raġuni ma tħalli l-ebda ġustifikazzjoni għal dik li hi diskriminazzjoni tar-razez: dan juri pass sewwa ′l quddiem għall-għaqda bejn il-bnedmin fuq il-prinċipji li semmejna aktar ′l fuq. Il-għaliex meta fil-bniedem tifforma ruħha kuxjenza tad-drittijiet tiegħu, weħidha tiġi li titnissel fih ukoll kuxjenza dwar l-obbligi li hu għandu: hekk dawk li għandhom id-drittijiet għandhom ukoll id-dmir li juru dawn id-drittijiet bħal bżonn u espressjoni tad-dinjità tagħhom; il-bqija tal-bnedmin għandhom l-obbligu li jagħrfu u jirrispettaw l-istess drittijiet.

 

39. U meta fis-soċjetà jkun hemm dawn ir-relazzjonijiet tajba bejn id-drittijiet u dmirijiet, il-bnedmin jistgħu jifhmu aħjar il-valuri spiritwali u x’inhija l-verità, il-ġustizzja, l-imħabba u l-libertà u jkunu jistgħu jagħrfu sewwa li jappartjenu lil din is-soċjetà. Mhux biss imma jkunu wkoll fuq it-triq li twassalhom biex jagħrfu aħjar ′l Alla bħala Persuna u li jintrefa ′l fuq min-natura tal-bniedem. U għalhekk dawn ir-relazzjonijiet bejnhom u bejn Alla jkunu għall-bnedmin kollha ta’ sisien u kriterju għall-ħajja tagħhom: tant ta’ dik il-ħajja privata, intima li biha jgħixu, kif ukoll ta’ dik il-ħajja li jgħixu fir-relazzjonijiet ta’ l-oħrajn.

 


 

IT-TIENI TAQSIMA

 

RELAZZJONIJIET BEJN IL-BNIEDEM

U L-AWTORITÀ PUBBLIKA

 

Ħtieġa ta’ l-Awtorità u Nisel Divin Tagħha

 

40. Is-soċjetà tal-bniedem ma tistax tkun ordnata tajjeb u timxi ′l quddiem jekk fiha ma jkunx hemm awtorità leġittima li tassigura l-ordni u tagħti kemm jista’ jkun is-sehem tagħha għall-ġid ta’ kulħadd. Din l-awtorità, kif jgħallem San Pawl ġejja min Alla: Ma hemmx awtorità jekk mhux minn Alla[28]. U San Ġwann Grisostmu filwaqt li jfisser il-kelmiet ta’ l-Appostlu jgħid hekk: X’inhu li qiegħed tgħid? Forsi kull wieħed li jikkmanda huwa mqiegħed minn Alla? Le ma ngħidx dan: hawnhekk wieħed mhux qiegħed jitkellem minn kull wieħed li jikkmanda imma mill-kmand fih innifsu. Issa l-fatt li teżisti l-awtorità u li hemm min jikkmanda u min jobdi, dan mhux ġej waħdu, mill-kas, imma dan b’dispożizzjoni ta’ għerf divin[29]. Tant huwa hekk li Alla ħalaq il-bnedmin minnhom innifishom soċjevoli: u ladarba ma jistax ikun hemm soċjetà li żżomm jekk xi ħadd ma jkunx fuq l-oħrajn biex imexxi effikaċament lil kulħadd magħqudin b’mezzi xierqa lejn il-ġid ta’ kulħadd, minn dan naraw li fis-Soċjetà awtorità li tmexxi hi ħaġa indispensabbli: ħaġa li qiegħda fin-natura daqs kemm hija l-istess soċjetà u li għal dan stess ġejja minn Alla[30].

 

41. L-awtorità mhix qawwa bla kontroll: għall-kuntrarju hija setgħa li tikkmanda, immexxija mir-raġuni, u li għalhekk taf il-qawwa li tikkmanda mill-ordni morali li għandu ′l Alla stess bħal bidu u għan tiegħu. Għalhekk il-Papa Piju XII jwissi: L-ordni assolut tal-ħwejjeġ li jeżistu u tal-finijiet li juru l-bniedem bħala persuna awtonoma, jiġifieri li għandu drittijiet u dmirijiet li ma jistgħux jinkisru, drittijiet u dmirijiet li huma n-nisel u l-iskop tal-ħajja soċjali tal-bniedem, dan l-ordni jħaddan ukoll l-istat bħal soċjetà meħtieġa, imlibbsa bl-awtorità li mingħajrha la jista’ jeżisti u lanqas igħix...U ladarba dan l-ordni assolut kif tarah ir-raġuni mdawla sewwa u wisq aktar il-fidi nisranija ma jistax ikollu nisel ieħor jekk mhux minn Alla in persuna, Ħallieq tagħna, jiġi waħdu li d-dinjità ta’ dawk li jikkmandaw hija sehem mill-awtorità ta’ Alla[31].

42. L-awtorità li titwaqqaf biss jew prinċipalment fuq it-theddid jew fuq il-biża’ ta’ pieni jew fuq il-wegħda ta’ premjijiet, din mhix awtorità li tmexxi sewwa lill-bnedmin biex jilħqu l-ġid ta’ kulħadd: u jekk ukoll tasal biex tagħmel dan, dan xejn ma jkun jaqbel mad-dinjità tagħhom ta’ bnedmin, dinjità ta’ kreaturi raġjonevoli u liberi. L-awtorità hija qabel kollox qawwa morali u għalhekk l-ewwel ma għandha tħares lejn il-kuxjenza, jiġifieri lejn id-dmir li għandu kulħadd. Billi l-bnedmin huma kollha ndaqs f’dik li hija dinjità naturali ħadd minnhom ma jista’ jobbliga lill-ieħor fis-sentimenti interni tiegħu: Alla biss jista’ jagħmel dan, il-għaliex hu biss jista’ jara u jagħmel ħaqq mis-sigrieti tal-qalb tal-bniedem. Kull min mela għandu l-awtorità fl-Istat jista’ jobbliga biss fil-kuxjenza jekk kemm-il darba l-awtorità tiegħu hija marbuta intrinsikament ma’ dik ta’ Alla u tipparteċipa minnha[32].

 

43. Skond dan il-prinċipju d-dinjità personali ta’ kull ċittadin hija mħarsa tajjeb, il-għaliex l-ubbidjenza tagħhom lejn l-awtorità pubblika ma tfissirx sudditanza lejn bniedem, imma bis-saħħa tagħha huma jagħmlu att ta’ qima lejn Alla Ħallieq li jieħu ħsieb ta’ kollox u li jiddisponi illi r-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom fis-soċjetà jkunu regolati b’ordni stabbilit minnu stess; u filwaqt li nagħtu qima ′l Alla mhux biss ma nkunux qed nitbaxxew, iżda nkunu qegħdin nogħlew u niżżejnu b’nobbiltà, ladarba taqdi ′l Alla jfisser issaltan[33].

 

44. L-awtorità, kif għedna, mhix qiegħda fl-ordni materjali, imma fl-ordni morali u ġejja minn Alla. Jekk immela dawk fl-awtorità jagħmlu xi liġijiet jew jippermettu xi ħaġa li tmur kontra l-morali u għalhekk kontra r-rieda t’Alla, dawn il-liġijiet u promessi ma jkollhomx qawwa li jobbligaw fil-kuxjenza għax aħna għandna nobdu aktarx ′l Alla milli lill-bnedmin[34], għax allura f’dal-kas l-istess awtorità titħassar u tiġi fix-xejn; kif jgħallimna San Tumas meta jgħid: il-liġi umana nistgħu ngħidu li hi liġi sakemm taqbel mar-raġuni li tkun immexxija tajjeb u li għaldaqstant tkun ġejja mil-liġi eterna. Iżda meta l-liġi tkun kontra r-raġuni, tibda tissejjaħ liġi ħażina: u f’dan il-kas ma tibqax aktar liġi iżda aktarx tkun vjolenza[35].

 

45. Madanakollu għalkemm kull awtorità tiġi minn Alla, dan ma jfissirx li l-bnedmin ma għandhomx il-libertà li jagħżlu huma persuni addattati biex jeżerċitaw l-istess awtorità fl-istat, kif ukoll li jiddeterminaw l-għamla ta’ gvern li jmexxihom, il-metodi li jintużaw, l-awtorità, kif ukoll sa fejn tista’ tasal: b’hekk nistgħu ngħidu li t-tagħlim li tajna aktar ′l fuq, jaqbel għal kollox mas-sistema li jkun verament demokratiku[36].

 

Awtorità Pubblika għall-Ġid ta’ Kulħadd

 

46. Il-bnedmin kollha u gruppi intermedji, imbagħad għandhom jagħtu s-sehem speċifiku tagħhom kollu għall-ġid ta’ kulħadd. Minn dan jiġi li huma għandhom ifittxu l-interessi tagħhom proprji mingħajr ma jonqsu għal bżonnijiet ta’ ħaddieħor; u għal dan l-istess għan jagħtu mhux biss servizz imma ukoll mill-ġid tagħhom skond ma tistabbilixxi l-awtorità ċivili, immexxija dejjem mill-ġustizzja skond il-limiti li għandha l-istess awtorità. Dan ifisser li min għandu s-setgħa fuq l-oħrajn jinqeda b’għamil li jkun formalment perfett u li jkun moralment tajjeb fih innifsu jew li għal lanqas jista’ jġib il-ġid. U billi l-ħtieġa ta’ l-awtorità pubblika qiegħda filli twettaq il-ġid ta’ kulħadd, minn dan jidher ċar li min ikun imexxi lil ħaddieħor b’dan il-ħsieb għandu jħares il-ġid fl-elementi essenzjali tiegħu kollha u jaddattawh skond il-liġijiet tiegħu u taż-żminijiet partikulari[37].

 

 

F’hix Jikkonsisti l-Ġid ta’ Kulħadd

 

47. Meta ngħidu l-ġid komuni (jew il-ġid ta’ kulħadd) nifhmu ngħidu dak il-ġid ta’ xi gruppi ta’ nies miġburin flimkien[38]. Iżda dan il-ġid ma jieqafx hawnhekk: il-għaliex billi dan il-ġid għandu x’jaqsam essenzjalment man-natura tal-bniedem, ma jistax iżomm sħiħ u ma jistax jiftiehem jekk ma jkollux x’jaqsam ma’ l-istess persuna tal-bniedem[39]. Barra minn hekk in-natura ta’ dan il-ġid għandha d-dritt li tagħmel sehem lil kull ċittadin li jaqsam fih għalkemm mhux kulħadd l-istess, billi wieħed għandu jqis ix-xogħol, il-merti u l-kondizzjoni ta’dak li jkun. Dawk imbagħad li għandhom is-setgħa pubblika għaldaqshekk għandhom iqisu li dan il-ġid ikun ta’ vantaġġ għal kulħadd mingħajr preferenza lejn grupp jew ieħor taċ-ċittadini, kif jgħallem il-Papa Ljuni XIII meta qalilna: Bl-ebda mod l-awtorità ċivili ma għandha taqdi għall-interessi ta’ wieħed biss jew ta’ ftit meta hija ġiet imqiegħda għall-ġid ta’ kulħadd[40]. Iżda għal raġunijiet ta’ ġustizzja u biex kollox jimxi sewwa, jistgħu kultant l-awtoritajiet pubbliċi jiffavorixxu aktar lil dik il-parti tas-soċjetà li minħabba il-kondizzjoni inferjuri tagħha ma tasalx biex titlob id-drittijiet tagħha u biex takkwista l-interessi leġittmi tagħha[41].

 

48. Imma hawnhekk nixtiequ nfakkru lil uliedna, li dan il-ġid li minnu qegħdin nitkellmu jolqot il-bniedem kollu kemm hu; jiġifieri kif imiss il-ġisem hekk ukoll imiss ir-ruħ fil-bżonnijiet tagħhom it-tnejn. Għalhekk l-awtorità pubblika għandha tmexxi dan il-ġid b’mod li jkun jaqbel liż-żewġ naħiet; u dan tagħmlu b’mod li filwaqt li żżomm il-ġerarkija tal-valuri, tmexxi ′l quddiem fl-istess ħin tant il-ġid li jmiss il-ġisem kif ukoll dak li jmiss ir-ruħ taċ- ċittadin[42].

 

49. Dawn il-prinċipji li tajtna jaqblu għal kollox ma’ dak li wrejna fl-Enċikl. Mater et Magistra fejn għedna li l-ġid komuni jikkonsisti f’dawk il-kondizzjonijiet kollha ta’ ħajja soċjali, miġburin flimkien, biex il-bnedmin jistgħu jilħqu aħjar il-perfezzjoni integrali tagħhom[43].

 

50. Imma l-bniedem li magħmul minn ġisem u minn ruħ li ma tmut qatt, ma jista’ jilħaq qatt għall-bżonnijiet tiegħu kollha kif ukoll qatt ma jasal biex ikun kuntent għal kollox fiż-żmien. U għalhekk il-ġid komuni għandu jkun immexxi b’mod li mhux biss ma jfixkilx imma li jgħin lill-bniedem biex jilħaqq is-saħħa ta’ dejjem[44].

 

51. Fi żminijietna t-twettiq tal-ġid komuni jseħħ fil-garanzija tad-drittijiet u dmirijiet tal-persuna umana: u għalhekk l-ewwel xogħol ta’ l-awtorità pubblika jikkonsisti fuq kollox filli tagħraf, tirrispetta, tikkoordina ma’ dmirijiet oħra, tħares u tmexxi ′l quddiem dawk id-drittijiet; u b’konsegwenza ta’ dan tagħti s-sehem kollu tagħha biex jintlaħqu aħjar id-dmirijiet li jikkorrispondu ma’ l-istess drittijiet: Huwa xogħol prinċipali ta’ kull setgħa pubblika li thares u tieħu ħsieb dawk id-drittijiet li assolutament ma jistgħux jinkisru li jinsabu fil-bniedem u li tħaffiflu kemm jista’ jkun il-qadi ta’ dmirijietu[45].

 

52. Għaldaqstant, jekk xi ħadd li jikkmanda jew ma jagħrafx id-drittijiet tal-bniedem jew jiksirhom, mhux biss m’għandux jibqa’ fl-uffiċċju tiegħu, iżda jiġri li dak kollu li hu jikkmanda ma jkollu l-ebda qawwa li tobbliga[46].

 

53. Ħarsien tad-Dritt u tad-Dmir

 

Huwa għalhekk xogħol fondamentali ta’ l-awtorità li tgħasses fuq u tfittex l-għalqa sħiħa fost il-bnedmin f’dawk li huma dmirijiet u drittijiet ta’ xulxin: b’mod li t-taħriġ tad-drittijiet ta’ xi wħud ma jkunux ta’ tfixkil jew ta’ theddid għad-drittijiet ta’ l-oħrajn u li dan ikun imsieħeb mill-qadi tad- dmirijiet; huwa wkoll obbligu ta’ l-istess awtorità li tħares b’mod effikaċi dawn id-drittijiet u li jekk huma miksura terġa ġġibhom għall-ordni[47].

 

Drittijiet tal-Persuna tal-Bniedem

 

54. Barra minn dan l-awtorità minħabba l-ġid komuni għandha tieħu ħsieb biex jista’ jinħoloq ambjent fejn iċ-ċittadin jista’ juża sewwa d-drittijiet tiegħu u jkunlu possibbli u faċli l-qadi ta’ dmirijietu; il-għaliex fejn jonqos dan, kif tgħallimna l-esperjenza, jonqos l-ekwilibriju fl-ekonomija, kif ukoll tonqos il-ħajja soċjali u kulturali tal-pajjiż, kif jiġri l-aktar fi żminijietna: u b’konsegwenza ta’ dan id-drittijiet tal-bniedem jisfgħu fix-xejn u d-dmirijiet ma jiġux moqdijin.

 

Il-Forma ta’ l-Awtorità Pubblika u x-Xogħol Tagħha

 

55. U għalhekk ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha hi li l-awtorità kompetenti tagħmel minn kollox sabiex flimkien ma’ l-iżvilupp ekonomiku, jikber ukoll il-progress soċjali, u għalhekk fi proporzjon mas-sistema produttiva tal-pajjiż jiġu żviluppati s-servizzi li mingħajrhom il-pajjiż ma jistax jgħaddi, bħalma huma t-toroq, it-trasport, il-kumnikazzjonijiet, l-ilma tax-xorb, fejn noqogħdu, għajnuna fil-mard, tagħlim, għajnuna biex wieħed jista’ jistqarr il-fidi u mezzi ta’ rikreazzjoni. Min ikun imexxi għandu jaħseb ukoll biex fil-pajjiż jeżistu sistemi ta’ sigurtà u ta’ assigurazzjoni sabiex jekk jiġri li jkun hemm xi nuqqas jew jekk tiġri xi ħaġa li titfa’ responsabbiltà kbira fuq il-familja, l-ebda ċittadin ma jonqsu n-neċessarju biex jista’ jgħix ħajja kif tixraq. Ħsieb ieħor għal min imexxi l-pajjiż hu illi lil dawk li jistgħu jaħdmu jingħatalhom xogħol skond il-kapaċità tagħhom u li l-ħlas ta’ dan ix-xogħol ikun immexxi mil-liġijiet tal-ġustizzja u ta’ l-ugwalità. Dawk il-ħaddiema li jkunu jaħdmu flimkien f’għaqda waħda għandhom jitħallew jisvolġu x-xogħol tagħhom b’responsabbiltà tagħhom stess. Għandhom jitħallew jitwaqqfu bil-faċilità kollha għaqdiet intermedjarji sabiex bihom il-ħajja taċ-ċittadini tagħti aktar frott u timxi aħjar: u li kulħadd skond il-possibbiltà tiegħu jkun jista’ jagħmel sehem mill-ġid kulturali.

 

56. Huwa ta’ ħtieġa għall-ġid ta’ kulħadd illi dawk li jmexxu, f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem iżommu ekwilibriju sħiħ, tant meta jħarsu d-drittijiet kif ukoll meta jmexxuhom ′l quddiem: wieħed irid joqgħod attent għalhekk li ma jkunx hemm xi wħud jew xi gruppi soċjali li jinqdew bil-ħarsien tad-drittijiet tagħhom biex joħolqu xi privileġġi: jew li ma jiġrix min-naħa l-oħra li filwaqt li wieħed imexxi ′l quddiem id-drittijiet jaslu biex inaqqsuhom jew jagħmluhom impossibli fl-eżerċizzju tagħhom, ħaġa li hija assurda. Wieħed għandu dejjem iżomm il-prinċipji illi l-prezenza ta’ l-istat f’dik li hija ekonomija mhix qiegħda biex tnaqqas il-libertà ta’ l-individwu imma għall-kuntrarju biex tingarantilu li aktar tkun imħarsa[48]. Mill-istess prinċipji għandha tkun immexxija l-awtorità fl-iżvolġiment dirett tagħha meta tiġi biex titfa’ ′l quddiem l-eżerċizzju tad-drittijiet u biex tagħmel anqas iebes il-qadi tad-dmirijiet f’kull qasam tal-ħajja soċjali.

 

Il-Forma ta’ l-Awtorità Pubblika u x-Xogħol Tagħha

 

57. Ma jistax jiġi stabbilit darba għal dejjem liema hi l-aħjar forma ta’ Setgħa Pubblika; kif ukoll ma tistax tgħid liema hi l-aħjar mod li bih l-istess awtorità teżerċita x-xogħol tagħha, jiġifieri l-funzjoni leġislattiva, amministrattiva u ġudiżjarja. Il-forma ta’ gvern u kif jaħdem iridu jkunu jaqblu mas-sitwazzjoni u ma l-istat li fih ikun jinsab il-poplu u dawn huma ħwejjeġ li jitbiddlu maż-żmien u li jiddependu mill-post. Iżda aħna nżommu illi jaqbel wisq man-natura tal-bniedem li l-awtorità tkun organizzata b’mod li tkun mibnija fuq qasma xierqa tas-setgħat skond it-tliet funzjonijiet prinċipali li għandha l-awtorità pubblika. Dan ikun ta’ garanzija għaċ-cittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet u fil-qadi ta’ dmirijiethom.

 

58. Iżda sabiex din l-organizzazzzjoni tagħti l-frott tagħha hija ħaġa indispensabbli li l-awtorità tinqeda b’mezzi u b’metodi li fin-natura tagħhom ikunu addattati għall-problemi li l-istess awtorità tkun trid tħoll fl-ambjent li fih tkun qiegħda taħdem, Jinħtieġ li kull setgħa pubblika taqdi l-funzjoni tagħha b’mod effiċjenti. Jinħtieġ ukoll illi s-setgħa leġislattiva ma titbiegħidx mill-ordni morali u mill-kostituzzjoni tal-pajjiz u li tinterpreta oġġettivament dak li hemm bżonn għall-ġid komuni fit-tibdil kontinwu tas-sitwazzjonijiet li jinħolqu fil-pajjiż: is-setgħa amministrattiva mbagħad mill-parti tagħha filwaqt li jkollha konoxxenza sħiħa tal-liġijiet, stima serena tal-każi konkreti, għandha tapplikahom b’għaqal: is-Setgħa ġuridika fl-aħħarnett għandha tamministra l-ġustizzja b’ħaqq mingħajr ma xxaqleb lejn naħa iżjed milli lejn oħra u mingħajr ma ċċedi quddiem xi pressjonijiet li jista’ jkollha minn xi parti nteressata. Iċ-ċittadini mbagħad u dawk l-għaqdiet li qegħdin bejn iċ-ċittadin u l-awtorità, fl-użu tad-drittijiet tagħhom u fil-qadi ta’ dmirijiethom, għandu jkollhom ħarsien sħiħ mil-liġi tant f’dak li jsir bejniethom, kif ukoll f’dak li jkollhom x’jaqsmu ma’ min ikun qed jamministra[49].

 

59. M’hemmx l-ebda dubju illi element fondamentali għall-adempiment tal-ġid komuni hu li l-ordni ġuridika jkun jaqbel perfettament ma’ l-ordni morali u jikkorrispondi mal-progress li fih ikun wasal il-poplu. Iżda l-ħajja soċjali fi żminijietna fiha tant tibdil u tippreżenta ruħha taħt dehriet tant differenti, li dawn id-dispożizzjonijiet ġuridiċi għalkemm immexxijin bi prudenza, b’għaqal kbir, b’reqqa li tara fil-bogħod, madankollu donnhom ma jissodisfawx għall-bżonnijiet kollha tal-mument.

 

60. Barra minn dan ir-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom bħala individwi, ir-relazzjonijiet bejn il-bniedem u l-għaqdiet intermedjarji min-naħa u l-awtorità pubblika mill-oħra, kif ukoll l-imġieba ta’ l-istess setgħat pubbliċi ta’ l-istess pajjiż bejniethom jidhru mimlijin b’tant diffikultajiet u perikoli li ma jistgħux jiġu mmexxijin biss b’liġijiet determinati. Minħabba f’hekk dawk il-persuni li jkunu mlibbsin bl-awtorità pubblika jekk iridu jħarsu sħaħ id-dispożizzjonijiet ġuridiċi li ġa jeżistu fil-pajjiż, kemm fl-elementi u kemm fl-ispirazzjoni tagħhom, jekk iridu jaqdu għall-bżonnijiet l-aktar meħtieġa tal-ħajja soċjali, jekk iridu jaddattaw l-istess liġijiet għas-sitwazzjonijiet tal-ħajja preżenti u jħollu mill-aħjar li jistgħu l-problemi ġodda li dejjem jinħolqu, għandu jkollhom idea wisq ċara tal-kwalità ta’ xogħol li għandhom x’jaqdu u sa fejn jasal u xi jħaddan dan ix-xogħol. Għandhom ikunu persuni ta’ ekwilibriju kbir u ta’ morali sħiħa, mogħnijin b’dehen li jifhem sewwa sabiex bla telf ta’ żmien jistgħu jinterpretaw b’mod oġġettiv il-każijiet li jipprezentaw ruħhom, kif ukoll b’rieda deċiża u qawwija biex jagħmlu dak li hemm bżonn[50].

 

 

Is-Sehem taċ-Ċittadini fil-Ħajja Pubblika

61. Li l-bniedem jieħu sehem attiv fil-ħajja pubblika hija ħaġa skond id-dinjità tiegħu: permezz ta’ dan is-sehem fil-ħajja pubblika tingħata okkażjoni lill-bnedmin ta’ ġid dejjem akbar; filwaqt li b’dawn il-kuntatti ta’ spiss bejn iċ-ċittadini u l-funzjonarji pubbliċi jingħaraf aħjar dak li hu ta’ ġid għal kulħadd: it-tibdil imbagħad ta’ x’uħud li jkunu fil-Poteri pubbliċi jkun ta’ ġid u jassigura li ma jiqdimux u li jiġġeddu għall-progress lis-soċjetà umana[51].

 

Sinjali ta’ Żmienna

 

62. Fl-organizzazzjonijiet ġuridiċi ta’ żminijietna tinħass inklinazzjoni biex id-drittijiet fundamentali tal-bniedem jinġabru fi ftit kliem u ċar, u din il-ġabra ta’ spiss tiġi mdaħħla fil-kostituzzjonijiet tal-pajjiz jew tkun tifforma parti sħiħa minnha.

 

63. Insibu wkoll li llum jiġu ddeterminati f’termini ġuridiċi permezz ta’ dokument li jissejjaħ Kostituzzjoni, il-mod li bih jiġu magħżulin il-mexxejja tal-poplu, liema huma r-relazzjonijiet li għandu jkun hemm bejn dawk stess li jkollhom il-poteri f’idejhom, sa fejn tasal is-setgħa tagħhom, kif ukoll il-mod u l-metodi li għandhom jużaw biex jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom.

 

64. Jiġu stabbiliti wkoll tant għal dawk li huma drittijiet kif ukoll għad-dmirijiet l-irbit li bih iċ-ċittadin u l-Gvern ikollhom x’jaqsmu ma’ xulxin; u lill-Gvern jimponulu d-dmir għoli li jagħraf, jirrispetta, jiġbor f’għaqda sħiħa, iħares u jmexxi ′l quddiem id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini.

 

65. Iżda ma nistgħux inżommuh bħala veru t-tagħlim ta’ dawk li jżommu li r-rieda tal-bniedem hija għajn li minna u minna biss joħorġu d-drittijiet u d-dmirijiet, tant jekk inqisu l-bniedem bħala individwu kif ukoll jekk inqisu l-bnedmin miġburin miġburin flimkien; u li mill-istess rieda tal-bniedem jiddependi li Kostituzzjonijiet ta’ pajjiż ikollhom il-qawwa li jobbligaw u l-awtoritàjkollha s-setgħa li tikkmanda[52].

 

66. Iżda dawn it-tendenzi li semmejna huma wkoll sinjal ċert li l-bnedmin ta’ żminijietna jagħrfu ħafna aħjar id-dinjità tagħhom, tagħrif li filwaqt li jimbuttahom ′l quddiem biex jieħdu parti attiva fil-ħajja pubblika, iġagħalhom jippretendu li dawk id-drittijiet li ħadd ma jista’ jċaħħad minnhom jew jikser ikunu mħarsin mil-liġi pożittiva. U dan mhux biżżejjed: imma l-bniedem illum jitlob ukoll li s-setgħat pubbliċi jiġu maħturin skond il-Kostituzzjonijiet tal-pajjiż u li jeżerċitaw dawn is-setgħat sa fejn jippermettulhom l-istess Kostituzzjonijiet.

 


 

IT-TIELET TAQSIMA

 

RELAZZJONIJIET BEJN IN-NAZZJONIJIET

 

Drittijiet u Dmirijiet

 

67. Dak kollu li l-Predeċessuri tagħna għallmu dwar in-nazzjonijiet aħna wkoll għandna pjaċir nikkonfermawh bl-awtorità tagħna: in-nazzjonijiet kollha l-waħda lejn l-oħra għandhom drittijiet u dmirijiet li għandhom jiġu regolati skond il-verità, il-ġustizzja, għaqda tal-qlub u libertà. L-istess liġi morali li tmexxi l-bnedmin bejniethom għandhom jirregolaw ukoll ir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet.

 

68. Din hija ħaġa li tista’ tiftiehem faċilment, meta wieħed jaħseb li dawk il-persuni li jirrappreżentaw pajjiż u li dak li jkunu jagħmlu jagħmluh f’isem u għall-interess tal-pajjiż li jirrappreżentaw, ma jistgħux jonqsu mid-dinjità tagħhom, u għalhekk ma jistgħux jiksru dawk il-liġijiet tan-natura tagħhom stess, li huma l-liġijiet morali.

 

69. Tkun ħaġa li ma titwemminx, ukoll biss li taħseb, li l-bnedmin minħabba li ġew imqegħdin biex imexxu pajjiż għandhom ikunu kostretti jiċħdu għall-umanità tagħhom: fil-waqt li huma ġew magħżulin għal dan il-grad hekk għoli bħala l-aħjar nies f’pajjiżhom għall-kwalitajiet sbieħ u tajba tagħhom.

 

70. Barra minn hekk hija l-istess ordni morali li titlob li s-soċjetà tkun immexxija mill-awtorità: u għalhekk l-awtorità ma tistax tmur kontra l-istess morali; u li jekk tagħmel dan minnufih ma tibqax iżjed awtorità. Hija twiddiba minn Alla nnifsu: Isimgħu, immela, intom, ja slaten, u ifhmu; tgħallmu intom li tiġġudikaw l-art. Isimgħu sewwa intom li tiggvernaw il-popli, intom li tiftaħru li ħafna ġnus qegħdin taħtkom: is-setgħa ġiet lilkom mogħtija minn Alla u l-ħakma mill-aktar Għoli, li għad jistaqsikom fuq għamilkom u jaqra ħsibijietkom[53].

 

71. Ta’ min jiftakar ukoll li wkoll meta tiġi biex tirregola r-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet, l-awtorità għandha tiġi wżata għall-ġid komuni, il-għaliex minħabba f’dan il-ġid biss ġiet imwaqqfa. Fuq kollox biex dan il-ġid isir jinħtieġ li jkun magħruf l-ordni morali u li noqigħdu għal dak li jitlob minna: L-ordni fost il-ġnus għandu jkun imwaqqaf fuq il-liġi morali bħala fuq blata li ma tiċċaqlaqx u ma titbiddilx, liġi murija lilna mill-Ħallieq ta’ kollox permezz ta’ l-ordni naturali u minnu minquxa f’qalb il-bniedem b’ittri li ma jitħassrux... Bħala dawl kbir, bir-raġġi tal-prinċipji tagħha għandha turi t-triq it-tajba tant lill-bnedmin individwi kif ukoll in-nazzjonijiet li jinħtiġilhom jimxu wara t-twiddib u d-direttivi tagħha jekk ma jridux isibu t-tempesta u l-għarqa f’kull xogħol u f’kull sforz biex iwaqqfu ordni ġdid[54].

 

Fil-Verità

 

72. Ir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet jiġu mmexxija fil-verità, li qabel xejn titlob li ma jkunx hemm diskriminazzjoni ta’ razez u li għalhekk tagħraf il-prinċipju illi n-nazzjonijiet kollha huma ndaqs f’dik li hija dinjità tan-natura, prinċipju li jagħti lil kulħadd id-dritt li jeżisti u li jiżviluppa ruħu u għal mezzi biex jintlaħaq dan il-għan, kif ukoll id-dritt għall-fama tiegħu u għall-ġieħ li jistħoqqlu.

 

73. Ħafna drabi nsibu li l-bnedmin ikunu mhux ftit differenti minn xulxin fil-għerf, fid-drawwiet tajba, fil-kapaċità li jinventaw u fil-kwantità tal-ġid. Iżda dan ma jfissirx li wieħed għandu jkun ta’ ħsara jew moħqrija lill-ieħor: dan aktarx huwa għajn ta’ responsabbiltà akbar; fil-waqt li lkoll għandna nkunu ta’ għajnuna wieħed lill-ieħor.

 

74. Hekk ukoll jistgħu jkunu differenti minn xulxin in-nazzjonijiet f’dik li hi kultura, ċiviltà u żvilupp ekonomiku; imma dan qatt ma jiġġustifika l-fatt li xi nazzjonijiet jużaw inġustament is-superjorità tagħhom fuq l-oħrajn: x’aktarx għandhom jinqdew bis-superjorità tagħhom biex jikkontribwixxu għall-progress tal-ġnus.

 

75. Ma hemmx bnedmin illi min-natura tagħhom huma superjuri għall-oħrajn, kif l-anqas hawn li min-natura tagħhom huma inferjuri għall-oħrajn: imma l-bnedmin kollha huma ndaqs fid-dinjità naturali tagħhom. Minn dan jiġi li ma hemmx nazzjonijiet superjuri min-natura u nazzjonijiet inferjuri min-natura tagħhom; il-għaliex nazzjon huwa ġisem li l-membri tiegħu huma l-bnedmin. Mhux ta’ min jinsa li l-ġnus kollha, u b’raġun, iżommu wisq għad-dinjità u għall-ġieħ.

 

76. Barra minn dan il-verità trid illi f’dawk l-inizjattivi li wara l-aħħar kixfiet tekniċi tal-mezzi ta’ l-espressjoni li saru setgħu ikunu ta’ għajnuna għall-progress ta’ żminijietna, inizjattivi li bihom il-ġnus jistgħu jagħrfu aħjar lil xulxin isir użu oġġettiv. Dan ma jfissirx li poplu ma jistax jagħti preferenza biex juri dak kollu li pożittivament huwa tajjeb f’pajjiżu: iżda ta’ min iwarrab dawk il-metodi ta’ informazzjonijiet li fil-waqt li jiksru l-verità u l-ġustizzja jiksru wkoll il-fama ta’ dan jew ta’ dak il-poplu[55].

 

Skond il-Ġustizzja

 

77. Ir-relazzjoniliet bejn nazzjon u oħra għandhom ikunu regolati wkoll skond il-ġustizzja li mhux biss trid li jkunu magħrufin id-drittijiet ta’ xulxin imma wkoll moqdijin id-dmirijiet. In-nazzjonijiet għandhom id-dritt li jeżistu, li jiżviluppaw dejjem irwieħhom u għalhekk għal mezzi xierqa biex jilħqu dan, li jagħmlu dan l-ewwel huma stess, kif ukoll għandhom id-dritt għall-fama u għall-unur li jistħoqqilhom. B’konsegwenza ta’ dan u fl-istess ħin għandhom ukoll id-dmir li jirrispettaw kull wieħed minn dawn id-drittijiet u għalhekk li jevitaw dak kollu li jista’ jiksirhom. Kif fir-relazzjonijiet ta’ bniedem ma’ ieħor, il-wieħed ma jistax ifittex l-interessi tiegħu bi ħsara ta’ l-oħrajn, hekk ukoll fir-relazzjonijiet ta’ nazzjon u oħra ma tistax nazzjon biex ittejjeb u tiżviluppa lilha nnifisha tagħmel ħsara lill-oħrajn. Joqogħdu wisq tajjeb hawnhekk il-kelmiet ta’ S. Wistin: Jekk inneħħu l-ġustizzja, f’hix ikunu jikkonsistu n-nazzjonijiet jekk mhux f’serqiet kbar?[56]. Huwa veru li fost in-nazzjonijiet jista’ jinqala’, kif fil-fatt jinqala’ nuqqas ta’ ftehim rigward l-interessi proprji: iżda dan in-nuqqas jiġi megħlub u dawn id-diffikultajiet jiġu maħlulin mhux bil-qawwa ta’ l-armi, bil-qerq jew bl-ingann, iżda billi ż-żewġ naħiet jifhmu lil xulxin u jitqies kollox b’għaqal kbir u fil-verità, kif jixraq lill-bniedem.

 

In-nazzjonijiet Żgħar

 

78. Mis-seklu XIX tidher tendenza storika kbira biex il-komunitajiet politiċi jkunu l-istess bħal dawk nazzjonali. Iżda għal ħafna raġunijiet mhux dejjem tista’ tqabbel il-fruntieri, ġeografiċi ma’ dawk etniċi. Għalhekk il-fenomenu u l-problema ta’ minoranzi. Nistqarru ċar u tond illi dak kollu li jsir kontra dawn il-minoranzi biex titnaqqsilhom il-vitalità u ma jitħallewx jikbru,dan ikun ksur gravi kontra l-ġustizzja: wisq u wisq aktar meta dan isir biex dawn in-nazzjonijiet jinqerdu minn wiċċ l-art.

 

79. Għall-kuntrarju l-ġustizzja trid li l-mexxejja tal-ġnus igħinu mill-aħjar li jistgħu biex itejbu l-kondizzjonijiet ta’ dawn il-minoranzi f’dik li hija lingwa, kultura, drawwiet antiki u riżorsi u inizjattivi ekonomiċi[57].

 

80. Iżda hawnhekk irridu ngħidu li ċ-ċittadini tal-minoranzi bħala konsegwenza ta’ reazzjoni għall-isiat li jinsabu fih, jew inkella minħabba l-ġrajjiet l-imgħoddija, qed jagħtu importanza lil ċerti elementi karatteristiċi ta’ ġenshom kważi aktar mill-valuri umani: bħal kieku dak kollu li hu ta’ l-umanità ta’ ġens wieħed kważi għandu jkun għas-servizz ta’ kulħadd. Fil-waqt li tkun ħaġa għaqlija li japprezzaw li jiswielhom ta’ ġid mhux żgħir meta bil-mod il-mod inkunu qegħdin inisslu fihom dawk il-kwalitajiet tajba ta’ ċittadini oħrajn, kwalitajiet li huma m’għandhomx. Dan iseħħ jekk il-membri ta’ dawn il-minoranzi jagħrfu jagħmluha ta’ pont u jersqu lejn il-kbar biex kulħadd jieħu sehem fit-traduzzjonijiet ċivili u mhux jibnu ħajt li jservi ta’ ħsara u jżomm il-progress ċivili tan-nazzjonijiet.

 

Għaqda Sħiħa

 

81. Ir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet għandhom ikunu regolati fis-sewwa u skond il-ġustizzja; iżda dawn ir-relazzjonijiet ikollhom il-ħajja meta jkun hemm għaqda sħiħa u attiva bejn l-istess nazzjonijiet li tidher f’kollaborazzjoni ekonomika, soċjali, politika, kulturali, sanitarja u sportiva: dan ix-xogħol id f’id f’dawn il-friegħi huma mhux biss possibbli – imma ta’ ġid kbir fiż-żminijiet tagħna. U rigward dan għandna nżommu dejjem quddiem għajnejna li s-Setgħat Pubbliċi mhumiex maħluqin biex jagħalqa l-bniedem fil-limiti ta’ pajjiżu, iżda qabel xejn biex iħarsu l-ġid komuni tal-pajjiż, ġid li ma jistax jingħażel u huwa ħaġa waħda mal-ġid komuni tal-familja umana kollha u mifhum u żviluppat bħala tali.

 

82. Dan jitlob mhux biss illi kull nazzjon tfittex l-interessi proprja mingħajr ma tagħmel ħsara lill-oħrajn, imma li n-nazzjonijiet jaħdmu flimkien meta dan huwa indispensabbli biex jintlaħqu għanijiet li mingħajr dan ix-xogħol flimkien qatt ma nistgħu naslu għalihom. Iżda f’każ bħal dan għandu jsir minn kollox biex ma jiġrix li dak li jkun ta’ utilità għal xi grupp ta’ nazzjonijiet għall-oħrajn ikun aktarx ta’ ħsara milli ta’ ġid.

83. Il-ġid komuni universali jitlob ukoll illi f’kull nazzjon jingħataw il-possibilitajiet li tant iċ-ċittadini kif ukoll dawk is-soċjetajiet imwaqqfa bejn poplu u gvern ikollhom laqgħat reċiproċi f’kull settur.

 

84. Bili f’ħafna naħiet tad-dinja jinsabu ħafna razez li ftit jew xejn dejjem ikunu jiddiferixxu minn xulxin, wieħed għandu jifhem sewwa din id-differenza ma għandhiex tkun ta’ impediment biex razza jkollha f’kollox kumnikazzjoni ma’ oħra: dan l-impediment ikun kuntrast kbir maż-żminijiet moderni li qegħdin ngħixu fihom meta d-distanza bejn poplu u ieħor ma għadhiex teżisti. Ma għandniex ninsew illi waqt li l-bnedmin jiddiferixxu bejniethom minħabba l-karatteristiċi ta’ razzithom, huma lkoll jaqblu f’elementi essenzjali u min-natura mbuttati biex jiltaqgħu fid-dinja tal-valuri spiritwali u, meta jixorbu dawn, isibu għajn ta’ perfezzjonament bla tarf: għandu għaldaqstant ikun magħruf d-dritt u d-dmir li jgħixu f’komunikazzjoni bejniethom.

 

Proporzjon Bejn il-Popolazzjoni, l-Art u l-Kapitali

 85. Kulħadd jista’ jara kif hemm pajjiżi fid-dinja fejn hemm estensjoni kbira ta’ art li tista’ tinħadem u nies ftit biex jaħdmuha: f’pajjiżi oħra mbagħad ma hemmx proporzjon bejn il-ġid, l-għana naturali li tagħti l-art u l-kapitali li jeżistu fil-pajjiż. Dan juri wkoll il-ħtieġa ta’ relazzjonijiet tajba u ta’ ħidma id f’id bejn il-ġnus, ħidma li tagħmel aktar faċli ċ-ċirkolazzjoni ta’ kapitali, ġid u bnedmin bejn l-istess ġnus[58]. Tajjeb hawnhekk li wieħed jinnota kif possibbilment il-kapital għandu jfittex ix-xogħol u mhux bil-maqlub. B’hekk lil ħafna tingħatalhom possibbiltà sħiħa li jassiguraw ġejjieni aħjar għalihom u għall-familja tagħhom mingħajr ma jkunu mġagħlin li jħallu pajjiżhom, ħaġa tiswa ħafna lill-bnedmin. Dan iċ-ċaqliq ma jistax, infatti, isir bla skossi dolorużi u bla perijodi ta’ adattament u integrazzjoni soċjali.

 

Il-Problema ta’ Bnedmin Imkeċċijin Minn Pajjiżhom

 

86. Is-sentiment ta’ mħabba ta’ missier lejn il-bnedmin kollha li Alla kebbes f’qalbna, iġagħalna nħossu dieqa ta’ qalb mhux żgħira quddiem il-fenomenu ta’ ħafna nies imkeċċijin minn pajjiżhom għal raġunijiet politiċi: bnedmin milqutin minn dan il-fenomenu llum insibu bla għadd u li fl-istess ħin qegħdin igħixu fi tbatijiet li ma jitwemmnux.

 

87. Dan juri li hemm xi mexxejja politiċi li ma jassigurawx liċ-ċitadini tagħhom dik il-libertà li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. Anzi f’pajjiżi bħal dawn tista’ tgħid li ma hu magħruf xejn dan it-tip ta’ dritt. Dan bla dubju ta’ xejn ifisser li l-ordni tas-soċjetà huwa maqlub ta’ taħt fuq meta nqisu li s-Setgħat Pubbliċi jeżistu biss għall-ġid komuni li għandu bħala element fundamentali r-rikonoxxenza u l-ħarsien tal-libertà.

 

88. Ma hix ħaġa żejda li niftakru li dawn l-imkeċċijin minħabba s-sentimenti politiċi tagħhom huma persuni u bħala tali d-drittijiet tagħhom għandhom ikunu magħrufin: drittijiet li ma jistgħux jinfirdu mill-persuna lanqas meta din tiġi mċaħħda miċ-ċittadinanza tagħha. Issa fost id-drittijiet li għandha persuna umana nsibu dak li kull bniedem għandu d-dritt naturali li jista’ jgħix f’pajjiż fejn jassigura l-għajxien għalih u għall-familja. Minn dan id-dritt imbagħad jiġi d-dmir li l-mexxejja tan-nazzjonijiet għandhom l-obbligu li jilqgħu lil dawn it-talin u jgħinhom isiru membri ġodda ta’ pajjiżhom fil-limiti tal-ġid komuni mifhum sewwa.

 

89. Ninqdew b’din l-okkażjoni biex pubblikament napprovaw u napprezzaw l-inizjattivi mqajmin u mqanqlin mill-għaqda fost il-bnedmin u mill-imħabba nisranija bil-għan li jitnaqqsu t-tbatijiet lil dawn il-bnedmin fil-waqt li jkollhom iħallu pajjiżhom u jmorru f’ieħor. U ma nistgħux ma nirrikkmandawx l-attenzjoni u s-sens ta’ gratitudni lill-bnedmin ta’ qalbhom tajba lejn dawk l-Istituzzjonijiet Internazzjonli speċjalizzati li qegħdin jieħdu nteress f’ħaġa hekk delikata.

 

Diżarmament

 

90. B’għafsa ta’ qalb kbira qegħdin naraw kif ħafna nazzjonijiet li ekonomikament huma żviluppati aktar mill-oħrajn ħolqu u dejjem qegħdin joħolqu armi ta’ qawwa l-aktar kbira b’ħela kbir ta’ enerġija u ġid spiritwali u ekonomiku; minħabba f’dan iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi stess ikollhom jagħmlu sagrifiċċji mhux żgħar fil-waqt li pajjiżi oħra minħabba dan il-ħela huma mċaħħdin minn għajnuna li mingħajrha la jistgħu jkollhom żvilupp ekonomiku u lanqas progress soċjali. Kif aħna nafu dawk li jarmaw jiġġustifikaw rwieħhom billi jgħidu illi l-possibbiltà tal-paċi llum hija mibnija fuq l-ekwilibriju ta’ l-armamenti: u għalhekk jekk nazzjon tarma, n-nazzjonijiet l-oħra jarmaw ukoll. Jekk nazzjon jipproduċi armi atomiċi, l-oħrajn ukoll għandhom jipproduċu armi atomiċi mhux anqas setgħana minnhom.

 

91. Konsegwenza ta’ dan hi li l-bnedmin jgħixu l-ħin kollu taħt biża’ li minn mument għall-ieħor tista’ tfaqqa tempesta tal-biża’ bi ħsara li lanqas biss nistgħu nimmaġinaw; l-għaliex fil-fatt l-armi qegħdin hemm: u kif inhi ħaġa diffiċli temminha li jeżistu bnedmin li jieħdu fuqhom din ir-responsabbiltà tal-qerda u n-niket li ġġib magħha l-gwerra hekk ukoll nistgħu ngħidu li fatt li qatt wieħed ma jkun jistenna jew li wieħed ma jkollux kontrol fuqu jista’ jkun ix-xrara li tqabbad gwerra sħiħa. Iżda wkoll jekk l-armi qawwija jkunu ta’ mezz biex il-gwerra ma ssirx, dejjem ikun hemm il-biża’ illi l-istess esperimenti nukleari bi ħsieb ta’ gwerra jista’ jkollhom konsegwenzi fatali għall-ħajja tal-bniedem fuq l-art.

 

92. Għaldaqstant, il-ġustizzja, ir-raġuni u s-sens tad-dinjità umana jitolbu b’qawwa li titwaqqaf din it-tiġrija ta’ l-armamenti; li jitnaqqsu f’daqqa u minn kull naħa l-armi li ġa jeżistu; li jiġu pprojbiti l-armi nukleari u li jsir fl-aħħarnett diżarmament taħt kontroll effikaċi. Qatt ma għandu jkun –widdibna l-Predeċessur Tagħna Piju XII – li għat-tielet darba l-familja umana tiġi milquta minn gwerra dinjija bil-ħerba ekonomika u soċjali li ġġib magħha, bil-ħażen u t-taħwid morali li tħalli warajha[59].

 

93. Iżda jinħtieġ li wieħed jagħraf li l-waqfa fit-tiġrija ta’ l-armamenti għall-finijiet ta’ gwerra, it-tnaqqis tagħhom u li wisq aktar l-armi jitwarrbu għal kollox huma ħwejjeġ impossibbli jekk fl-istess ħin ma jsirx diżarmament sħiħ, jekk jiġifieri, ma jkunx hemm ukoll diżarmament ta’ l-ispirtu tal-gwerra, li jitlob li titneħħa għal kollox dik il-ġibda lejn il-gwerra: dan isir jekk minflok il-prinċipju li l-paċi żżomm fuq l-ekwilibriju ta’ l-armamenti, inqiegħdu l-prinċipju li l-paċi tista’ tinbena biss fuq il-fiduċja lejn xulxin. Aħna nżommu li din hija ħaġa li tista’ ssir il-għaliex mhux biss hija skond ir-raġuni imma ukoll hija ħaġa wisq mixtieqa u ta’ l-akbar ħtieġa.

 

94. Għidna hija ħaġa mitluba mir-raġuni stess. Hija ħaġa wisq ċara, jew għall-anqas għandha tidher ċara għal kulħadd, illi r-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet, bħal dawk tal-bnedmin bejniethom, għandhom ikunu regolati mhux billi wieħed jirrikorri lejn il-qawwa ta’ l-armi imma fid-dawl tar-raġuni: dan ifisser fil-verità, fil-ġustizzja u fl-għaqda tal-qlub.

 

95. Hija ħaġa wisq mixtieqa. U min hu dak li ma jixtieqx b’ħerqa l-iżjed kbira li jitwarrab għal kollox il-periklu ta’ gwerra u li titħares u tissaħħaħ il-paċi?

96. Fl-aħħarnett ħaġa ta’ l-akbar ħtieġa. Mill-paċi kulħadd jieħu l-ġid: l-individwi, il-familji, il-ġnus, l-umanità sħiħa. Għadhom jidwu f’widnejja l-kelmiet li bihom il-Predeċessur Tagħna Piju XII widdibna: Xejn ma jintilef bil-paċi. Kollox jista’ jintilef bil-gwerra[60].

 

97. Għalhekk bħala Vigarju ta’ Ġesù Kristu, Salvatur tad-dinja u awtur tal-paċi, filwaqt li ninterpretaw ix-xewqa ħajja ta’ l-umanità kollha u mqanqlin mill-imħabba ta’ missier li jixtieq jagħmel il-ġid lil kulħadd lejn il-bnedmin kollha, inħossu d-dmir li nitolbu lill-bnedmin, speċjalment lill-mexxejja tan-nazzjonijiet biex ma jonqsux li jagħmlu minn kollox biex il-mixja tal-bniedem fiż-żmien tkun tixraq mad-dinjità u mar-raġuni ta’ l-istess bniedem.

 

98. F’dawk il-laqgħat ta’ bnedmin mogħnijin b’għaqal u awtorità jaħsbu serjament biex fir-relazzjonijiet fuq pjan mondjali jsir ftehim paċifiku, ftehim mibni fuq il-fiduċja lejn xulxin, fuq is-sinċerità fil-pattijiet ta’ bejniethom u fuq li wieħed iżomm il-kelma li jkun ta. Jifhmu sewwa dawn il-bnedmin il-problema li għandhom quddiemhom biex jaraw liema huwa dak il-pont preċiż li għandhom jitilqu minnu biex jaslu għal ftehim leali, li jibqa’ u li jħalli frott.

 

99. Aħna min-naħa tagħna ma nieqfu qatt li nitolbu ′l Alla sabiex bl-għajnuna tiegħu dan ix-xogħol ikompli u jagħti frott.

Fil-Libertà

 

100. Ir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet għandhom jiġu regolati fil-libertà. Dan ifisser li l-ebda nazzjon ma għandha tuża forza li toħnoq lill-oħra, jew li tindaħal f’dak li m’għandhiex tidħol; imma kulħadd għandu jagħti s-sehem sabiex f’kull pajjiż jiġi żviluppat is-sens ta’ responsabbiltà, dak l-ispirtu li jsiru dejjem ħwejjeġ ġodda u li kull nazzjon tagħmel minn kollox biex tkun minn ta’ quddiem biex tmexxi lilha innfisha f’kull kamp għall-progress dejjem akbar.

 

Żvilupp Ekonomiku

 

101. Nisel wieħed, fidwa waħda u destin wieħed jorbtu flimkien il-bnedmin kollha u jsejħulhom biex jagħmlu familja waħda: familja nisranija. Għaldaqstant fl-Enċiklika Mater et Magistra eżortajna l-Komunitajiet Politiċi li qegħdin f’sitwazzjoni ekonomika aktar tajba minn oħrajn sabiex isaħħu r-relazzjonijiet ma’ nazzjonijiet anqas żviluppati minnhom u b’manjeri possibbli jgħinuhom fil-mixja tagħhom lejn l-iżvilupp ekonomiku[61].

 

102. U hawnhekk nistgħu nistqarru b’sodisfazzjon kbir illi l-kelma tagħna sabet laqgħa sabiħa u rridu nittamaw li wkoll għal li ġej il-pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn f’qasir żmien jingħatalhom dak li jonqoshom għall-ħajja ekonomika biex kull ċittadin ikun jista’ jgħix f’kundizzjoni li tixraq lid-dinjità tal-persuna umana.

 

103. Imma hawnhekk nerġgħu ntennu illi dik il-ħidma id f’id li semmejna għandha tiġi mwettqa b’mod li ma tiġix miksura l-libertà tal-bniedem fin-nazzjonijiet u li dawn in-nazzjonijiet jinħtieġ li jħossu li huma l-ewwel responsabbiltà u huma l-atturi prinċipali fit-twettiq ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tal-progress soċjali tagħhom.

 

104. Ġa qabilna kien għallem il-Predeċessur tagħna Piju XII illi fl-ordni ġdid mibni fuq il-prinċipji morali m’għandux ikun hemm ksur tal-libertà, tas-sħubija u tas-sigurtà ta’ nazzjonijiet oħra jkun x’ikun il-kobor tat-territorju tagħhom kif ukoll il-ħila li jiddefendu rwieħhom. Jekk hu inevitabbli li pajjiżi kbar minħabba fil-possibiltajiet kbar u fil-qawwa tagħhom huma għandhom jiftħu t-triq għal kostituzzjoni ta’ gruppi ekonomiċi bejnhom u bejn in-nazzjonijiet iċken u aktar dgħajfin minnhom, hekk xejn anqas ma nistgħu niċħdu li – kif kulħadd f’dak li hu interess ġenerali – hekk in-nazzjonijiet żgħar għandhom id-dritt għall-ħarsien tal-libertà tagħhom fil-kamp politiku, għall-ħarsien effikaċi tan-newtralità tagħhom fit-tilwim bejn Stati oħrajn, li ma jistax jiġi lilhom miċħud id-dritt naturali u dak tal-ġnus għall-ħarsien ta’ l-iżvilupp ekonomiku tagħhom, il-għaliex b’hekk biss jista’ jintlaħaq il-ġid ta’ kulħadd, ġid materjali u spiritwali tal-poplu[62].

 

105. Għaldaqstant in-nazzjonijiet li ekonomikament qegħdin tajjeb, fil-waqt li jgħinu b’diversi manjeri lil dawk li huma aktar fil-bżonn għandhom jagħrfu u jirrispettaw il-valuri umani u t-traduzzjonijiet ta’ dak il-pajjiż li jkun qed jiżviluppa ruħu, kif ukoll li ma juża l-ebda predominju politiku. B’dan il-mod ikunu qed igħinu mhux ftit biex tinħoloq komunità waħda mondjali iffurmata minn nazzjonijiet kollha, illi fiha l-membri kollha jkunu nies li jagħrfu d-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom li jaħdmu kollha b’fini wieħed: il-ġid tal-popli kollha[63].

 

106. Kull ma jmur qiegħda tinxtered dejjem aktar fost il-bnedmin il-perswasjoni li t-tilwim preżenti ta’ bejn in-nazzjonijiet m’għandux jispiċċa bili jirrikorru għall-armi imma bi ftehim.

 

107. Huwa veru li din il-persważjoni għandha x’taqsam mal-qawwa qerridija ta’ l-armamenti moderni, persważjoni li hija msaħħa mit-twerwir li jnissel fina l-ħsieb biss ta’ dik il-qerda u ta’ dawk it-tbatijiet bla qies li l-użu ta’ dawk l-armi jġib lill-umanità; ħaġa din li ġġagħalna ngħidu li hu mpossibbli taħseb kif qatt gwerra atomika tista’ tkun bħala strument ta’ ġustizzja.

 

108. Iżda fost il-ġnus, madanakollu, ta’ spiss għadha ssaltan il-liġi tal-biża’, li ġġagħalhom jagħmlu nefqiet li ma jitwemmnux f’armamenti; igħidu, u m’hemmx raġuni biex ma nemmnux, mhux biex jattakkaw, imma biex jipperswadu lil oħrajn ma jittakkawx.

 

109. Madanakollu aħna nittamaw illi fil-waqt li l-bnedmin jlitaqgħu biex jinnegożjaw flimkien għandhom jagħrfu aħjar dak li jgħaqqadhom flimkien huwa rbit ta’ natura umana; u li jagħrfu illi wieħed mill-bżonnijiet ta’ l-umanità hu li bejniethom u bejn il-popli tagħhom issaltan l-imħabba u mhux il-biża’: imħabba li tidher fil-ħidma id f’id, ħidma leali, ħidma ta’ kull xorta, ħidma li ġġib ġid kbir.

 


 

IR-RABA’ TAQSIMA

 

RELAZZJONIJIET TAL-BNEDMIN U N-NAZZJONIJIET

MA’ L-GĦAQDA TAL-ĠNUS KOLLHA

 

Interdipendenza tan-Nazzjonijiet

 

110. Il-mixja ′l quddiem fix-xjenzi u fl-arti ta’ żminijietna qiegħda tressaq dejjem iżjed lejn xulxin il-bnedmin kollha u tqanqalhom biex jaħdmu flimkien, tant li narawhom jersqu iżjed lejn xulxin ideat, bnedmin u ħwejjeġ; b’dan kibru mhux ftit ir-relazzjonijiet bejn ċittadini, familji u għaqdiet intermedjarji li jappartjenu lil diversi pajjiżi, kif ukoll aktar frekwenti huma l-laqgħat bejn il-mexxejja tan-nazzjonijiet. Fl-istess ħin qiegħda tikber dejjem iżjed l-interdipendenza fl-ekonomija tal-pajjiżi: jiġifieri xi nazzjonijiet qegħdin bil-mod il-mod tant jingħaqdu f’xulxin fl-ekonomija tagħhom li kull waħda tkun qisha parti sħiħa minn ekonomija waħda mondjali u għalhekk il-progress soċjali, l-ordni, is-sigurtà u l-paċi ta’ nazzjon neċessarjament ikunu marbutin ma’ dawk tal-bqija tan-nazzjonijiet.

 

111. L-ebda nazzjon illum ma tista’ tilħaq sewwa għall-bżonnijiet tagħha u tiżviluppa ruħha jekk tingħalaq fiha nnifisha u tinfired mill-oħrajn, il-għaliex il-grad ta’ żvilupp u ta’ prosperità ta’ nazzjon illum huwa r-rifless ta’ grad ta’ prosperità u żvilupp tan-nazzjonijiet l-oħra kollha.

 

 

 

Nuqqas ta’ Organizzazzjoni ta’ l-Awtorità Pubblika

Quddiem il-Ġid Universali.

 

112. L-għaqda tal-bnedmin flimkien kienet minn dejjem u f’kull żmien, il-għaliex din l-għaqda hija ffurmata minn membri li huma kollha ndaqs fid-dinjità naturali tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan jinħass dejjem il-bżonn li jkun imwettaq tajjeb il-problema tal-ġid universali, dak jiġifieri li jolqot lill-familja umana kollha kemm hi.

 

113. Fiż-żminijiet l-imgħoddija l-mexxejja tal-ġnus setgħu jwettqu dan il-ġid jew b’mod diplomatiku permezz ta’ ambaxxaturi u rappreżentanti jew permezz ta’ laqgħat ta’ l-ogħla nies responsabbli tal-pajjiż, filwaqt li għall-ġid ta’ kulħadd jinqdew bi ftehim u trattati, mezzi ġuridiċi suġġeriti mid-dritt naturali stess u determinati mid-dritt tal-ġnus u dak internazzjonali. Iżda llum sar tibdil kbir fir-relazzjonijiet li hemm bejn in-nazzjonijiet: min-naħa l-waħda l-ġid universali qiegħed iqajjem problemi komplikati, kwistjonijiet wisq gravi u li jinħtieġ li jinħallu minnufih, speċjalment meta jkun hemm fin-nofs is-sigurtà u l-paċi tad-dinja: u min-naħa l-oħra l-mexxejja tal-ġnus mogħnija bejniethom bi drittijiet indaqs, għalkemm iżidu l-laqgħat u jħaddmu dejjem moħħhom biex isibu mezzi ġodda għall-ġid universali, madanakollu ma jaslux biex iħollu l-problemi li jiltaqgħu magħhom; u dan ma jiġrix mhux il-għaliex huma jibqgħu lura fix-xogħol tagħhom, lanqas min-nuqqas ta’ rieda tajba, imma biss imħabba n-nuqqas ta’ qawwa li għandhom fl-awtorità tagħhom. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-organizzazzjonijiet attwali u l-awtorità fuq pjan mondjali ma jikkorrispondux mal-ħtieġa preżenti tal-ġid komuni universali.

 

114. Jekk wieħed jifhem sewwa tant l-irbit intimu ta’ l-istorja tal-ġid komuni max-xogħol li tagħmel l-awtorità pubblika dan għandu jifhem ukoll li għandu jkun hemm għaqda kbira bejniethom; u ladarba l-ordni morali jitlob awtorità pubblika għat-twettiq tal-ġid komuni neċessarjament jitlob ukoll li l-awtorità f’dil-ħaġa tkun effiċjemti. Minn dan jiġi wkoll li dawn l-organi kollha li minnhom tifforma ruħha l-awtorità u li permezz tagħhom taħdem u tilħaq l-għan tagħha, ikunu hemm iffurmati tajjeb u effikaċi fil-għamil tagħhom li jkunu jistgħu jirrealizzaw skond il-bżonnijiet tal-mument dak il-ġid universali li għandha bżonn is-soċjetà. Dan il-ġid komuni u universali llum qiegħed joħloq problemi hekk kbar u li jinfirxu għall-ġnus kollha, li biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaffrontawhom u jħolluhom jinħtieġ li jkollhom mezzi proporzjonati, b’mod li jkunu effiċjenti li jistgħu jaħdmu fuq pjan mondjali; għalhekk l-istess ordni morali jitlob li jiġu mwaqqfin awtoritajiet ġenerali ta’ din ix-xorta.

 

Setgħat Pubbliċl Magħżulin Bi ftehim Komuni

U Mhux Imqegħdin b’Forza

 

115. Setgħat jew awtoritajiet pubbliċi li jkollhom din l-awtorità fuq pjan mondjali u mżejnin b’mezzi effikaċi li jistgħu jkunu ta’ ġid universali, jinħtieġ li jkunu mwaqqfin bi ftehim ta’ kulħadd u mhux imqegħdin b’forza. Ir-raġuni hi li dawn l-awtoritajiet għandhom jaqdu d-dmir tagħhom b’mod l-iżjed effikaċi, ħaġa li qatt ma jaslu biex jagħmluha jekk ma jagħmlux dmirhom mingħajr ma jxaqilbu lejn naħa iżjed milli lejn l-oħra. Dan ifisser li x-xogħol tagħhom għandu proprju jkun dirett lejn il-ġid komuni universali. Jekk din l-awtorità universali tiġi mqiegħda b’forza minn xi potenzi kbar jista’ jiġri li din l-awtorità supernazzjonali jkollha xi interessi partikolari; u wkoll jekk ma jkollhiex, diffiċilment teħles minn kull suspett ta’ parzjalità: ħaġa li tikkomprometti x-xogħol tagħha.

116. Għalkemm bejn in-nazzjonijiet ikun hemm differenzi kbar tant fl-iżvilupp ekonomiku kif ukoll fil-qawwa tagħhom militari, madanakollu kollha jżommu iebes f’dawk li huma drittijiet ġuridiċi u dinjità morali; u għalhekk mhux faċilment joqogħdu għall-awtorità lilhom imqiegħda b’forza u jobduha, jew joqogħdu għall-awtorità li fit-twaqqif tagħha ma taw l-ebda sehem, jew li huma ma jagħżlux bil-libertà kollha li joqogħdu taħtha.

 

Il-Ġid Komuni Universali u d-Drittijiet

tal-Persuna Umana

 

117. Kif l-ebda ġid komuni ma jista’ jiġi determinat u stabbilit għal pajjiż ikkunsidrat fih innifsu mingħajr ma nagħtu każ tal-persuna umana, hekk ukoll ngħidu għall-ġid universali li jirrigwarda l-pajjiżi kollha miġburin flimkien: dan ifisser li dawk l-awtoritajiet hekk imsejħin supernazzjonali għandhom iqisu b’mod speċjali li jkunu magħrufin id-drittijiet tal-persuna umana, jagħtuha l-ġieħ li jistħoqqilha, jagħtuha l-ħarsien li għandha bżonn u jmexxuha fl-iżvilupp ta’ l-istess drittijiet tagħha: dan jagħmluh jew direttament huma, jew inkella joħolqu ambjent li jinfirex ma’ kullimkien li jkun ta’ għajnuna lill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż biex b’mod aktar faċli jistgħu jiżvolġu x-xogħol tagħhom partikolari.

 

Ħtieġa ta’ Għajnuna

 

118. Kif ir-relazzjonijiet bejn l-individwi, bejn familji, għaqdiet intermedjarji u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż fit-tmexxija interna tiegħu jiġu regolati bil-prinċipju tal-għajnuna lil xulxin, hekk ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ta’ pajjiż wieħed u dawk tal-komunità mondjali għandhom ikunu mmexxijin għad-dawl ta’ l-istess prinċipju ta’ sussidjarjetà. Dan ifisser li dawk li jmexxu din il-komunità mondjali għandhom jaffrontaw u jħollu l-problemi ekonomiċi, soċjali, politiċi u kulturali li jitlob il-ġid komuni universali; dawn huma problemi li minħabba l-kobor, il-gravità u l-urġenza tagħhom l-awtorità ta’ pajjiż ma tistax tasal biex taffronta b’tama ta’ soluzzjoni pożittiva.

 

119. Din is-setgħa pubblika tal-komunità mondjali ma għandhiex bħala skop tagħha li tillimita lill-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiż tagħhom sa fejn jistgħu jaslu bl-awtorità tagħhom u wisq anqas li jidħlu huma minflokhom: għall-kuntrarju huma għandhom bħala skop li jagħtu sehem għall-ħolqien ta’ ambjent fuq pjan mondjali illi fih il-mexxejja ta’ pajjiż, iċ-ċittadini tagħhom u l-għaqdiet intermedjarji jistgħu jiżvolġu x-xogħol tagħhom, jaqdu dmirijiethom, u jeżerċitaw b’aktar sigurtà d-drittijiet tagħhom[64].

 

120. Kif kulħadd jaf fis-26 ta’ Ġunju 1945, ġiet imwaqqfa l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, magħrufa bħala l-U.N.O., li magħha wara ngħaqdu għaqdiet oħra intergovernattivi li għandhom xogħol internazzjonali, xogħol li jinfirex ħafna fil-kamp ekonomiku, soċjali, kulturali, edukattiv, sanitarju. Bħala fini essenzjali tagħhom il-Ġnus Magħquda pproponew li jżommu u jsaħħu l-paċi bejn il-Ġnus, filwaqt li jiżviluppaw bejniethom relazzjonijiet ta’ ħbiberija, mibnijin fuq il-prinċipji ta’ l-ugwaljanza, tal-qima lejn xulxin u tal-ħidma ta’ kull xorta id f’id f’kull qasam tal-ħajja.

 

121. Hija ta’ l-akbar importanza d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem magħmula u approvata mill-Ġnus Magħquda fil-laqgħa ġenerali ta’ l-10 ta’ Diċembru 1948. Fil-bidu ta’ din id-dikjarazzjoni nsibu stqarrija li l-Ġnus u n-Nazzjonijiet kollha għandhom iżommu bħala ideal dak li jagħrfu bis-serjetà dawn id-drittijiet u libertajiet ta’ xulxin.

 

122. Fuq xi punti partikolari ta’ din id-dikjarazzjoni kienu qamu xi diffikultajiet u saru xi riservi. Madanakollu jibqa’ dejjem veru li dan id-dokument juri pass importanti ′l quddiem fil-mixja lejn l-organizzazzjoni ġuridiko - politika tal-għaqda bejn il-Ġnus. Fih infatti tidher magħrufa b’mod l-aktar solenni d-dinjità tal-bniedem u li għalhekk magħruf ukoll id-dritt fundamentali li jfittex bil-libertà kollha l-verità u jasal għall-moralità u għall-ġustizzja: magħruf id-dritt li l-bniedem igħix ħajja xierqa għad-dinjità tiegħu u tant u tant drittijiet oħra marbutin ma’dawn.

 

123. Nistennew għaldaqstant bil-ħerqa kollha illi l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda fl-għamla tagħha u bil-mezzi li għandha f’idejha, tfittex li taddatta ruħha għax-xogħol kbir u nobbli li għandha: u li jasal il-jum meta kull bniedem isib fiha ħarsien effikaċi tad-drittijiet li jitnisslu mid-dinjità tal-persuna umana; u li għalhekk huma drittijiet universali, li ma jistgħux jinkisru u li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad minnhom. Wisq aktar meta kull bniedem fil-waqt li jieħu sehem attiv fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżu, juri interess fil-ġrajjiet tal-Ġnus kollha u juri għalhekk b’konoxxenza dejjem akbar li hu membru ħaj ta’ l-Għaqda bejn il-Ġnus.

 

 


 

IL-ĦAMES TAQSIMA

 

SEJĦIET PASTORALI

 

Dmir li Nieħdu Sehem fil-Ħajja Pubblika

 

124. Għal darb’oħra nerġgħu nfakkru lil uliedna d-dmir li għandhom li jieħdu sehem attiv fil-ħajja pubblika tal-pajjiż u li jaħdmu għall-ġid ta’ kulħadd u ta’ pajjiżhom. Għaldaqstant għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex fid-dawl tal-Fidi u fil-qawwa ta’ l-imħabba dawk l-istituzzjonijiet li huma mwaqqfin għal dak li hu ekonomiku, soċjali, kulturali u politiku jimxu b’mod li mhux biss ma joħolqux tfixkil iżda x’aktarx iħaffu u kemm jista’ jkun jagħmlu anqas iebes għall-bniedem il-mixja tiegħu ′l quddiem tant f’dak li huwa naturali kif ukoll f’dak li huwa soprannaturali.

 

125. Mħux biżżejjed li nkunu mdawwlin bil-fidi u mixgħulin bix-xewqa li nagħmlu l-ġid biex tnissel prinċipji tajbin fiċ-ċiviltà tal-bnedmin u tgħajjixhom bl-ispirtu nisrani; imma għal dan l-iskop jinħtieġ li nidħlu fihom u maħdmu b’mod effikaċi fihom stess. Iżda qatt ma naslu għal dan, speċjalment biex naħdmu fil-qalba ta’ dawn l-istituzzjonijiet jekk kemm-il darba ma jkollniex kompetenza xjentifika, kapaċità teknika u esperjenza professjonali.

 

126. Imma nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tagħkom illi dawn it-tliet kwalitajiet għalkemm ta’ ħtieġa lanqas huma biżżejjed għal dak l-ordni li fih igħix il-bniedem: ordni li s-sisien tiegħu hija l-verità, il-qies hija l-ġustizzja, il-qawwa hija l-imħabba u l-metodu li bih isir dan kollu hija l-libertà.

 

127. Imma biex naslu għal dan hemm bżonn li fil-waqt li l-bnedmin jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom josservaw il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn l-attivitajiet kif ukoll joqogħdu għall-metodi li jikkorrispondu man-natura ta’ l-istess attivitajiet; fl-istess ħin jinħtieġ li f’dawn l-attivitajiet ma nitbegħdux mill-ordni morali, hekk li dawn l-attivitajiet iqisuhom bħala eżerċizzju ta’ dritt, qadi ta’ dmir jew servizz mogħti lil xi ħadd, ħidma ta’ korrispondenza ma’ Alla fil-pjan tal-provvidenza għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ: f’kelma waħda l-bnedmin għandhom jagħrfu jgħaqqdu fihom infushom dak li hu materjali (xjentifiku, tekniku u professjonali) ma’ dak li hu spiritwali.

 

128. Nistqarru wkoll illi fl-istituzzjonijiet temporali ta’ dawk il-pajjiżi fejn it-tagħlim nisrani ilu sa mill-ibgħad żminijiet, fil-waqt li fiż-żminijiet tagħna naraw progress kbir fix-xjenza u fi strumenti xjentifiċi, fl-istess ħin naraw nuqqas ta’ faqar fil-ħajja nisranija. Madanakollu żgur li fil-ħolqien ta’ dawk l-istituzzjonijiet fejn jidher kbir dan il-progress taw u għadhom jagħtu sehem ħafna li kienu u għadhom miżmumin b’insara; u aħna żguri li xi ftit kienu u għadhom jaqblu f’għemilhom mat-tagħlim tal-Vanġelu. Min fejn immela jiġi dan? Nistqarru li dan ġara minħabba li fil-fehmiet tagħhom firdu għal kollox dak li hu materjali mit-twemmin reliġjuż: jinħtieġ li fihom mill-ġdid iseħħ din l-għaqda, jinħtieġ li fl-attivitajiet tagħhom temporali tkun preżenti l-Fidi bħal fjakkola li ddawwal u l-imħabba bħal qawwa li tgħajjex.

 

Żvilupp Sħiħ

 

129. Imma naħsbu wkoll li din il-firda tat-twemmin reliġjuż mill-attivitajiet materjali, ġejja fil-biċċa l-kbira, jekk mhux għal kollox, min-nuqqas ta’ formazzjoni soda nisranija. Insibu ħafna drabi u f’ħafna ambjenti li ma jkunx hemm proporzjon bejn it-tagħlim xjentifiku u dak reliġjuż: it-tagħlim xjentifiku jibqa’ miexi ′l quddiem u jinfirex sakemm jilħaq gradi superjuri fil-waqt li t-tagħlim reliġjuż jibqa’ elementari. Ħaġa għaldaqstant li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha li l-formazzjoni fiż-żgħażagħ tkun sħiħa u ma taqtax, li dak li għandu x’jaqsam mar-reliġjon li l-iżvilupp tal-kuxjenza morali fiż-żgħażagħ jimxi id f’id mat-tagħlim tax-xjenzi. Barra minn dan għandhom ukoll ikunu mgħallmin kif jaqdu sewwa għad-dmirijiet tagħhom[65].

 

130. Jixraq hawnhekk li nfakkrukom kemm hija ħaġa iebsa li nifhmu biżżejjed ir-relazzjonijiet bejn dak li titlob il-ġustizzja u s-sitwazzjoni tal-mument; jiġifieri f’liema grad u taħt liema forma l-prinċipji u direttivi dottrinali jistgħu jkunu realizzati fl-istat preżenti tal-bniedem. U dan jidher aktar diffiċli fiż-żminijiet tagħna li fihom nosservaw ċertu dinamiżmu f’dak li hu xogħol għall-ġid komuni universali. Minħabba f’dan, il-problema ta’ kif naddattaw il-ħajja soċjali tal-lum għal dak li jitolbu r-raġunijiet tal-ġustizzja huwa problema li qatt ma tista’ ssiblu soluzzjoni definittiva; u għalhekk uliedna għandhom jgħassu dejjem fuqhom innifishom biex ma jikkuntentawx b’dak li jkunu akkwistaw. Anzi għall-bnedmin kollha nistgħu inqisuh bħala dmir li jaħsbu dejjem li dak li sar huwa dejjem ftit ħdejn dak li għad baqa’ x’nagħmlu għal dak li għandu x’jaqsam mal-għaqdiet produttivi, assoċjazzjonijiet sindakali, organizzazzjonijiet professjonali, sistemi ta’ sigurtà, ordni ġuridiku, tmexxija tal-pajjiż, istituzzjonijiet kulturali, sanitarji, rikreattivi u sportivi: dawn jinħtieġ li jkunu mdaqqsin maż-żminijiet tal-lum, żminijiet hekk imsejħin atomiċi u tar-rebħiet ta’ l-ispazju, żminijiet li fihom il-bniedem beda mixja ġdida bi prospettivi ta’ kobor li ma jqisuhx.

 

Relazzjonijiet Bejn Kattoliċi Mhumiex fil-Ħajja

Ekonomika - Soċjali - Politika

 

131. Il-prinċipji dottrinali li qegħdin nagħtu f’din l-Enċiklika għandhom bħala fundament l-istess natura umana u għandhom bħala bidu tagħhom id-dritt naturali. Għalhekk il-Kattoliċi jistgħu jinqdew bihom fir-relazzjonijiet li jkollhom tant ma’ dawk li għalkemm jemmnu fi Kristu huma mifrudin mis-Sede Appostolika kif ukoll ma’ dawk il-bnedmin li mhumiex imdawwlin bit-twemmin f’Ġesù Kristu imma mmexxijin bid-dawl tar-raġuni naturalment huma onesti fl-għamil tagħhom.. F’dawn ir-relazzjonijiet uliedna għandhom jgħassu tajjeb biex ikunu dejjem sodi fihom innifishom, li ma jiġu qatt għall-kompromessi bi ħsara ta’ l-integrità tar-reliġjon jew tal-morali. Imma fl-istess ħin ikunu u juru li huma mmexxijin bi spirtu ta’ komprensjoni, li jiżnu sewwa wkoll il-fehmiet ta’ l-oħrajn, mingħajr ma juru interess lejn dak li hu tagħhom biss u jkunu mħejjija biex jagħmlu dak kollu li min-natura huwa tajjeb jew li minnu jista’ joħroġ il-ġid[66].

 

132. Iżda qatt ma għandna nikkunsidraw ħaġa waħda l-iżball u min jiżbalja, ukoll meta hemm żball u nuqqas ta’ tagħrif tal-verità fil-kamp morali u reliġjuż. Dak li jiżbalja huwa dejjem u qabel xejn bniedem u għalhekk dejjem jikkonserva fih id-dinjità ta’ persuna umana; u dejjem għandu jiġi meqjuż u trattat kif jixraq lid-dinjità tiegħu ta’ bniedem. Barra minn hekk qatt ma tinqered fil-bniedem dik il-fakultà mnissla miegħu li biha jista’ jkisser l-erruri biex jiftaħ it-triq li ġġagħlu jifhem is-sewwa. U Alla bil-kbira provvidenza tiegħu qatt ma jonqos li jagħti l-għajnuniet tiegħu lill-bniedem, għajnuniet li bihom minn f’xi mument tal-ħajja ma jkollux dawl biżżejjed fuq il-Fidi jew ikun xaqleb lejn fehmiet żbaljati, jista’ wara ftit ikun milqut mid-dawl t’Alla u jħaddan il-verità. Il-laqgħat tal-ftehim kontinwi ta’ min jemmen ma’ dawk jew li ma jemmnux jew ma jemmnux sewwa fi Kristu, laqgħat li jsiru f’diversi oqsma tal-ħajja jistgħu jkunu ta’ okkazjoni li wieħed jikxef il-verità u jħaddanha.

 

133. Barra minn hekk għandna nżommu quddiem għajnejna li jinħtieġ ma nqisux ħaġa waħda dak it-tagħlim filosofiku falz fuq in-natura, nisel u destin ta’ l-univers u tal-bniedem u dawk il-movimenti storiċi anki jekk imnisslin minn dawn id-duttrini u li kienu u għadhom ispirati minnhom, u ma’ movimenti li għandhom skop ekonomiku, soċjali, kulturali u politiku. Dawn id-duttrini hekk kif saru u ħarġu darba jibqgħu għal dejjem bla ma jitbiddlu. Fil-waqt li l-movimenti li semmejna billi jimxu dejjem mas-sitwazzjoni tal-mument li xejn ma taqta’ li titbiddel neċessarjament ikunu taħt l-influss ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u ma jistgħux huma wkoll ma jkunux suġġetti għal tibdil ukoll profond. U min jista’ jiċħad li f’dawk il-movimenti, sakemm jaqblu mar-raġuni tajba tal-bniedem u jinterpretaw l-aspirazzjonijiet ġusti tiegħu, jista’ jkun hemm ħwejjeġ tajba u ta’ min japprovahom?

 

134. Għalhekk jista’ jiġri li xi avviċinament prattiku li qabel ma kienx f’postu u kien bla frott, il-lum jew għada jista’ jiswa. Li tittieħed deċiżjoni jekk dan il-waqt wasalx jew bil-mod li għandu jintuża u sa fejn għandna naslu f’dan l-avviċinament għal skopijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, politiċi onesti u ta’ ħtieġa għal veru ġid tal-pajjiż, dawn huma problemi li għandhom jinħallu bil-virtù tal-prudenza, virtù li timmodera dawk il-virtujiet l-oħrajn kollha li jirregolaw il-moralità tant ta’ l-individwu kif ukoll tas-soċjetà. U għalhekk min-naħa tal-Kattoliċi din id-deċiżjoni tmiss lil dawk li jgħixu u jaħdmu fis-setturi soċjali SAKEMM DAWN IĦARSU MHUX BISS IL-PRINĊIPJI TAD-DRITT NATURALI, IŻDA JQIMU WKOLL IT-TAGĦLIM SOĊJALI LI TAGĦTI L-KNISJA U JOQOGĦDU GĦAD-DIRETTIVI TA’ L-AWTORITÀ EKKLESJASTIKA. QATT GĦALHEKK MA GĦANDNA NINSEW LI L-KNISJA GĦANDHA D-DRITT U D-DMIR MHUX BISS LI TINDOKRA T-TAGĦLIM TAL-FIDI U L-MORALI, IŻDA WKOLL LI TINDAĦAL BL-AWTORITÀ TAGĦHA FIL-ĦWEJJEĠ TEMPORALI TA’ WLIEDNA META JKUN HEMM BŻONN TIĠĠUDIKA KIF DAN IT-TAGĦLIM JIĠI APPLIKAT FIL-ĦAJJA TA’ KULJUM[67].

 

Pass Wara l-Ieħor

 

135. Ma jonqsux ukoll bnedmin li mżejnin bi kwalitajiet sbieħ li fil-waqt li jsibu rwieħhom quddiem sitwazzjonijiet li fihom il-bżonnijiet tal-ġustizzja jew ma humiex soddisfatti jew mhumiex soddisfatti għal kollox, iħossuhom mixgħulin b’xewqa li jirrestawraw, iżda dan it-tqanqil tagħhom inkunu nistgħu nxebbħuh mar-rivoluzzjoni.

 

136. Ma ninsewx illi ħaġa timxi wara l-oħra hija l-liġi naturali tal-ħajja li tidher fl-espressjonijiet kollha tagħha: u għalhekk ukoll fl-istituzzjonijiet tal-bniedem ma jirnexxilnix naslu għal dak li hu aħjar ħlief meta naħdmu ġo fihom u nimxu pass wara l-ieħor. Qalilna l-Predeċessur tagħna Piju XII: Mhux fir-rivoluzzjoni imma f’evoluzzjoni mmexxija tajjeb tinsab is-saħħa u l-ġustizzja. Il-vjolenza ma għamlitx ħlief ġarrfet u mhux waqqfet: xegħlet il-passjonijiet u mhux ikkalmathom: nisslet il-mibegħda u r-rovina u mhux ressqet lejn xulxin dawk li ma jaqblux: u wasslet il-bnedmin u l-partiti fin-neċessità iebsa, li wara provi dolorużi, jerġgħu jibdew jibnu ftit, ftit, fuq il-ħerba tal-ġlied[68].

 

Dmir Immens

 

137. Il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba għandhom dan id-dmir immens li jgħaqqdu l-bnedmin flimkien fil-verità, fil-ġustizzja, fl-imħabba u fil-libertà: u dan għandu jsir fost il-bnedmin bejniethom; fost iċ-ċittadini u l-mexxejja ta’ pajjiżhom; l-istess pajjiżi bejniethom; bejn individwi, familji, għaqdiet intermedjarji ta’ bejn il-poplu u l-gvern, u l-istess gvernijiet min-naħa l-waħda u l-għaqda tal-ġnus f’daqqa min-naħa l-oħra. Dan huwa xogħol u dmir mill-aktar nobbli l-għaliex kif jista’ jara kulħadd jassigura l-vera paċi, skond l-ordni stabbilit minn Alla.

 

138. Ċert li dawk li jagħtu s-sehem tagħhom biex jitwaqqfu relazzjonijiet ta’ ħajja soċjali skond dak li għidna huma ftit: lil dawk infaħħruhom pubblikament u nistiednuhom biex ikomplu b’ħeġġa x-xogħol minnhom mibdi. U nittamaw li n-numru tagħhom jiżdied l-aktar fost dawk li jemmnu: id-dmir irid li nagħmlu dan u l-imħabba titlobhulna. Kull min jemmen fi Kristu f’din id-dinja għandu jkun xrara ta’ dawl, ċentru ta’ mħabba, ħmira li tagħti l-ħajja lill-kotra; u aktar il-bniedem isir hekk iżjed ma jingħaqad intimament ma’ Alla.

 

139. Il-għaliex ma tistax tingħad paċi fost il-bnedmin jekk ma hemmx paċi f’kull wieħed minnhom, jekk jiġifieri kull bniedem ma jħarisx fih dak l-ordni li jrid Alla. Jistaqsi hawn Santu Wistin: Trid li ruħek tirbaħ il-passjonijiet tiegħek? Tissottometti ruħha għal Dak li hu fil-għoli u tirbaħ dak li hu fil-baxx, u jkollok fik il-paċi: vera żgura u ordinatissima. X’ordni titlob din il-paċi? Alla jikkmanda lir-ruħ, ir-ruħ lill-ġisem: xejn ma hemm iżjed ordnat minn hekk[69].

 

 

Il-Prinċep tal-Paċi

 

140. Dan kollu li għednilkom, li ridna niddedikaw għall-problemi li l-aktar il-lum jolqtu lill-familja umana u li minnu jiddependi l-progress tas-soċjetà, dan għednihulkom b’xewqa mill-iżjed ħajja li aħna nafu hi wkoll tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba: it-tisħiħ tal-paċi fid-dinja.

 

141. Bħala Vigarju, għalkemm umli u ndenn ta’ dak li ġie mħabbar il-Prinċep tal-Paċi[70] għandna d-dmir li naħlu l-enerġija tagħna kollha biex insaħħu dan il-ġid. Imma l-paċi tibqa’ kelma vojta jekk ma tkunx mibnija fuq dak l-ordni li b’tama qawwija fissirnilkom f’din l-Ittra Enċiklika: ordni li għandu b’sisien il-verità, mibni skond il-ġustizzja, jieħu l-ħajja u s-sħubija tiegħu mill-karità u jeffettwa ruħu fil-libertà.

 

142. Din hija biċċa xogħol tant nobbli u għolja, li l-bniedem bil-forżi tiegħu, ukoll jekk hu mżejjen b’rieda wisq tajba u ta’ min ifaħħarha, ma jistax jasal waħdu biex jaffettwaha. Biex is-soċjetà tal-bnedmin iġġib kemm jista’ jkun fiha x-xebħ tas-Saltna t’Alla, jinħtieġ għajnuna qawwija mis-Sema. Għalhekk f’dawn il-ġranet qaddisa titla’ t-talba mħeġġa tagħna lejn Dak li bit-tbatijiet u l-mewt ħarxa tiegħu mhux biss rebaħ id-dnub, għajn u bidu ta’ kull firda, ġlied u nuqqas ta’ ftehim, iżda wkoll li f’demmu għaqqad mill-ġdid l-umanità mal-Missier tas-Sema: Il-għaliex hu l-Paċi tagħna, li minn tnejn għamel ħaġa waħda, u ġie biex iħabbar il-Paċi lilkom li kontu ′l bogħod, u l-Paċi lil dawk tal-qrib[71].

 

143. U fil-Liturġija ta’ dawn il-ġranet nisimgħu l-aħbar: Qam Ġesù Sidna mill-mewt u wieqaf f’nofs id-dixxipli tiegħu qalilhom: “Il-Paċi magħkom, Alleluja”; u ferħu d-dixxipli meta raw il-Mulej[72]. Huwa jħalli l-Paċi, huwa jġib il-Paċi: Inħallilkom il-Paċi tiegħi, nagħtikom il-Paċi tiegħi, mhux kif tagħtiha d-dinja jiena nagħtihielkom[73].

 

144. Din il-Paċi li ġibilna l-Feddej Divin tagħna li aħna minnu stess nitolbu b’ħeġġa kbira.

 

145. Ibiegħed hu mill-qalb tal-bnedmin dak li jista’ jtellef il-paċi, u jagħmel minnhom xhieda ta’ verità, ta’ ġustiizzja u ta’ mħabba ta’ l-aħwa. Idawwal il-mexxejja tal-ġnus sabiex flimkien mal-ġid li jagħmlu jiggarantixxu wkoll liċ-ċittadini tagħhom u jħarsulhom il-kbir rigal tal-Paċi; fl-aħħarnett li Kristu jkebbes il-volontà tal-bnedmin kollha biex iġarrfu l-ħitan ta’ firda u jkabbar fihom l-irbit ta’ l-imħabba li tgħaqqad, biex jifhmu lill-oħrajn u jaħfru lil dawk li għamlulhom id-deni; hekk permezz tiegħu jingħaqdu l-ġnus ta’ din id-dinja, tikber fihom dejjem iżjed u ssaltan il-wisq mixtieqa paċi.

 

146. Bħala kapparra ta’ din il-Paċi u b’xewqa li tinfirex fost il-merħliet fdati f’idejkom, speċjalment biex tkun ta’ ġid lil dawk li huma aktar umli u aktar fil-bżonn tal-għajnuna u tal-ħarsien, Lilkom Aħwa Venerabbli, lis-saċerdoti tal-kleru sekulari u regolari, lir-reliġjużi u sorijiet, lill-fidil tad-Djoċesijiet tagħkom, partikolarment lil dawk li jagħmlu minn kollox biex jaqdu pratikament il-kelma Tagħna, bil-qalb kollha nagħtukom il-Barka Appostolika li ġġib fikom il-ġid tas-Sema. Fl-aħħarnett għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li lilhom ukoll hija mibgħuta din l-Ittra Enċiklika, nitolbu minn għand il-kbir Alla saħħa u risq.

 

 

 Mogħtija f’San Pietru ta’ Ruma, fis-Solennità ta’ Ħamis ix-Xirka, fil-jum 11 ta’ April tas-sena 1963, il-ħames tal-Pontifikat Tagħna.

 

Papa Giovanni XXIII

 


[1]. Salm 3, 1.

[2]. Salm 103, 34.

[3]. Ġen.1, 26.

[4]. Salm 8, 5-6.

[5]. Rom. 2, 15.

[6]. Salm 18, 1-11.

[7]. Messaġġ tal-Milied 1942; A.A.S. XXXV, 1943.

[8]. Enċikl. Divini Redemptoris; A.A.S. XXIX, 1937.

 [9]. Messaġġ tal-Milied 1942; A.A.S. XXXV.

[10]. Divinae Institutiones Lib. IV, C. 26, 2.

[11]. Enċikl. Libertas Praestantissimum Ljuni XII, 1888.

[12]. Messaġġ tal-Milied 1942, A.A.S. XXXV, 1943.

[13]. Piju XI, Enċikl. Casti Connubii 1930, A.A.S. XXII.

[14]. Piju XII, Messaġġ tal-Pentekoste 1941, A.A.S. XXXIII.

[15]. Ljuni XIII, Rerum Novarum.

[16]. Gv. XXIII, Mater et Magistra, A.A.S. LIII 1961.

[17]. A.A.S. XXXIII, 1941.

[18]. Mater et magistra, A.A.S. LIII.

[19]. Ibid. p. 430.

[20]. Rerum Novarum A. Lis. XIII.

[21]. A.A.S. LIII.

[22]. Piju XII, Messaġġ tal-Milied 1952, A.A.S. XLV, 1953.

[23]. Messaġġ tal-Milied 1944, A.A.S. XXXVII.

[24]. Messaġġ tal-Milied 1942, A.A.S. XXXV.

[25]. Eph. 4, 25.

[26]. Messaġġ tal-Milied 1943, A.A.S. XXXV.

[27]. Summa Theol. IA IIAE, q, 19, a. 4.

[28]. Rom. 13, 1-6.

[29]. In Epis. ad Rom. c. 13. vv. 1-2, Hom. XXIII.

[30]. Ljuni XIII, Enċikl. Immortale Dei, 1885.

[31]. Messaġġ tal-Milied 1944, A.A.S. XXXVII.

[32]. Ljuni XIII Enċikl. Diutur num illud, 1880.

[33]. Cfr. Ibid.

[34]. Act. 5, 29.

[35]. Summa Theol. IA IIAE. q. 93, a. 3 ad 2um.

[36]. Ljuni XIII Enċikl. Diutur num illud.

[37]. Messaġġ tal-Milied 1942, A.A.S. XXXV, 1943.

[38]. Piju XII Enċikl. Summi Pontificatus, A.A.S. XXXI.

[39]. Piju XI Enċikl. Mit. Brennender Sorge, A.A.S. XXIX, 1937.

[40]. Ljuni XIII Enċikl. Immortale Dei.

[41]. Ljuni XIII Rerum Navarum.

[42]. Piju XII Summi Pontificatus A.A.S. XXXI.

[43]. A.A.S. LIII.

[44]. Piju XI Enċkl. Quadragesimo Anno A.A.S. XXIII.

[45]. Piju XII Messaġġ tal-Pentekoste 1941, A.A.S. XXXIII.

[46]. Piju XI Enċikl. Mit brennender Sogre A.A.S. XXIX 1937.

[47]. Piju XI Enċikl. Divini Redemptoris A.A.S. XXIX.

[48]. Jn. XXIII Enċikl. Mater et Magistra.

[49]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1942, A.A.S. XXXV, 1946.

[50]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1944, A.A.S. XXXVII, 1945.

[51]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1942, A.A.S. XXXV.

[52]. Ljuni XIII Epist. Apost. Annuma ingressi 1902-1903.

[53]. Sap. 6, 2-4.

[54]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1941, A.A.S. XXXIV.

[55]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1940, A.A.S.

[56]. De civitate Dei, lib. IV, e. 4.

[57]. Piju XII Messaġġ 1941, A.A.S. XXXIV, 1942.

[58]. Jn. XXIII Mater et Magistra.

[59]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1941, A.A.S. XXXIV, 1942.

[60]. Piju XII A.A.S. XXXI.

[61]. A.A.S. LIII, 1961.

[62]. Piju XII Messaġġ tal-Milied 1941, A.A. S. XXXIV.

[63]. Jn. XXIII Mater et Magistra.

[64]. Piju XII A.A.S. XL, 1948.

[65]. Jn. XXIII Mater et Magistra

[66]. Ibid. A.A.S. LIII.

[67]. Ibid.

[68]. Piju XII A.A.S. XXXV, 1943.

[69]. Miscellanea Augustiniana… S. Augustini sermines p. 633.

[70]. Is. 9, 6.

[71]. Eph. 2, 14-17.

[72]. Resp.ad Mat. in fer. VI infra Oct. Paschae.

[73]. Io. 14, 27.

 

Ħajr lil Ms Sonia Abela għall-għajnuna tagħha fit-typing tad-dokument.