Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq
...
FAMILJA KUN DAK LI INT
Diskors
tal-Isqof Mario Grech
fil-konferenza “Il-Futur
tal-Familja”
15 ta Mejju, 2009
Waħda mill-ikbar sfidi li
għandha s-soċjetà ta’ llum hija l-familja. Dan għaliex
mill-għażliet li llum qegħdin nagħmlu dwar il-familja ser
nikkontribwixxu jew fil-proċess ta ċiviliżżazjoni jew
fil-proċess ta'
dekadenza
ta l-istess ċivilita.
“Lo zvilluppo armonioso e il
progresso di un popolo dipendono in larga misura dalla
capacita di investire sulla famiglia, quella vera, fondata
sul matrimonio, che in nessun modo si puo equiparare ad
altre forme di aggregazione affettiva” (Giov. Paolo II, 19
ott. 2001)
Il-viżjoni ta familja li l-poplu tagħna hemm bżonn jiddeċidi
li jħaddan, ser issawwar il-qafas għal dawk l-għażliet
politiċi u inizjattivi leġiżlattivi li joffru lill-familja
kontenuti preċiżi ta rwol soċjali, dmirijiet u valuri.
Mingħajr din il-viżjoni, il-futur, mhux biss tal-familja
imma ukoll tal-komunità, huwa mċajpar u dgħajjef ħafna
għaliex ma jistax jkun hemm żvillup sħiħ tal-persuna u
tas-soċjetà. Fin-nuqqas ta’ definizjoni ċara ta x’inhi
l-familja, ikun diffiċli ħafna li nġibu ‘l quddiem
il-kapital uman, soċjali u ċiviku tal-komunità.
Ħarsa ħafifa lejn is-sitwazzjoni soċjo-demografika ta
l-Ewropa turi li ż-żwieġijiet qegħdin jonqsu; żdiedu
s-separazzjonijiet u d-divorzji; kotru dawk li qed jgħixu
waħidhom; nibtu diversi forom ta konvivenza; filwaqt li
l-familji qed jkunu xħaħ mal-ħajja, ogħla l-perċentwali ta’
dawk li jitwieldu barra miż-żwieġ. Għalkemm mhux kulħadd
jaqbel li dawn il-fatti huma ndikaturi li jikkonfermaw
tendenza fis-soċjetà lejn il-frammentazzjoni jekk mhux ukoll
“ħarba” mill-familja, ħaġa waħda hija ċerta: li qed nassistu
għal ċertu tibdil tant radikali li għal lanqas għandu
jnissel fina mistoqsija dwar il-mudel ta’ ċivilita li qed
jintgħaġen fl-Ewropa!
Huwa żgur li l-Ewropa – bħala istituzzjoni politika u
kulturali, - qed turi li qed issib diffikulta biex tibqa’
tara l-familja bħala istituzzjoni soċjali b’funzjoni
preċiża għas-soċjetà! Bejn l-1989 u l-1994, l-Unjoni
Ewropeja kienet turi ħafna interess fil-familja. Imma
l-affarijiet inbidlu tant li l-istituzzjoni ddikjarat li a
bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjeta li hemm fit-trattat ta
Maastricht (art 3.b), mhix tant interessata fil-familja
bħala suġġett-oġġett ta interess komuni. B’danakollu xorta
waħda għadhom jaslu rakkomandazzjonijiet dwar temi relatati
mal-ħajja tal-familja.
F’dan kollu hemm sinjali li jindikaw li l-Ewropa,
diversament minn sistemi soċjali oħra, għażlet it-triq
tan-newtralità jew l-indifferenza etika, anke meta tiġi biex
titratta l-għarfien tal-forom familjari. Il-mod kif
it-Trattat ta Lisbona jitkellem (jew na jitkellimx) dwar
iż-żwieġ u l-familja huwa ndikattiv. Biex il-familja terġa
tikseb iċ- “ċittadinanza” fl-Ewropa, fis-sens li jittradulha
lura dawk id-drittijiet u d-dmirijiet li jikkwalifikaw
il-presenza tagħha fin-nisġa politika tas-soċjetà, hemm
bżonn li dak kollu li huwa magħruf bħala “pluraliżmu
familjari” jiġi kwalifikat etikament.
Jekk minn naħa l-waħda s-soċjetà postmoderna bl-għażliet u
l-istil ta’ ħajja tagħha qed iddoqq l-agunija tal-familja,
huwa minnu ukoll li din l-isfida tista’ tinbidel
f’opportunita biex “illum” niftħu għajnejna u meta inqabblu
l-esperjenzi varji analoġi mal-ħajja tal-familja (imma
familja ma humiex), mal-ħajja tal-familja, niskopru x’inhu
l-“ġdid” li tista’ toffri l-familja.
Huwa fatt li minkejja dak kollu li nisemgħu kontra
l-familja, d-diversi stħarriġ juri li l-familja hija valur
primarju għall-Ewropej. Forsi wieħed allura jistaqsi kif
jeżisti dan it-taħwid u t-tifrik kollu fil-familji? Għax
għalkemm l-għożża tal-familja hija għal qalb kulħadd u ħadd
ma jixtieq li jitlifha, huwa fatt li ħajja tal-familja hija
avventura diffiċli biex tgħixha – mhux biss minħabba
raġunijiet persunali ta’ kull membru fil-familja, imma ukoll
għax il-familja hija “komunità” (koppja+ulied) fejn kull
wieħed u waħda għandu bżonn l-ispazju biex jafferma
l-personalità tiegħu/tagħha u għalhekk l-isfida l-kbira ta
kull familja li l-membri jwaqqfu r-relazzjonijiet ġusti
bejniethom. Wieħed waħdu ma jagħmilx familja; anqas
grupp ta’ persuni li jgħixu flimkien ma huma familja.
Il-familja hija dik ir-relazzjoni speċifika msawra
mill-imġieba ta’ diversi persuni li huma marbuta flimkien
minn dik l-istess relazzjoni.
Ninnota li fid-dibattitu li għaddej f’pajjiżna, ħafna
jitkellmu minn “familji” fil-plural; spiss tisma l-frażi
“familji ġodda” bħalikieku “il-familja” ma teżistix aktar! U
veru nkunu neqirdu l-familja, meta kull xorta ta’
koabitazzjoni (household jew living together)
tissejjaħ familja! Għal xi uħud, l-imħabba u l-għajnuna
reċiproka, huma biżżejjed biex dik ir-realta tissejjaħ
familja! Taylor jiddeskrivi dan bħala wieħed mill-“immaginari
soċiali moderni”. Teżisti tendenza anke fostna li nħawdu
l-familja ma’ kull xorta ta’ grupp soċjali primarju fejn
hemm biss “familjarità”, kemm jekk dan il-grupp huma ta’
natura eterosesswali jew monosesswali.
Jekk hemm xi ħaġa posittiva f’dan il-fenomenu huwa, li
l-fatt li l-familja kull ma jmur qed issir “ħaġa likwida”,
ma jfissirx li għadda ż-żmien tal-familja, imma li qed
nassistu għal proċess soċjo-kulturali fejn filwaqt li hemm
tentattiv biex l-familja-istituzzjoni tiġi eleminata, qed
jinħolqu forom oħra ta’ ħajja familjari.
Dan allura jfisser li s-soċjetà qed tesprimi l-bżonn li jkun
hemm definizjoni ġdida ta’ x’inhi l-familja. B’daqshekk ma
jfissirx li allura għandha tiġi skartata l-familja
tradizzjonali; imma jista’ jkun li billi maż-żmien
il-familja tellifniha dak li huwa speċifiku tagħha, hemm
bżonn nerġgħu niskopruħ; jista’ jkun li fiż-żmien aktar
ħarisna lejn l-aspett funzjonali tal-familja, fis-sens li
l-familja kienet importanti aktar għax kienet twettaq xi
funzjoni soċjali milli bħala “fenomenu soċjali totali”
(Marcel Mauss) fis-sens li l-familja tikkonvolġi l-membri
tagħha fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja umana:
bijoloġiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali, ġuridiċi u
reliġjużi. Il-familja dan tagħmlu permezz tan-nisġa ta’
relazzjonijiet li jkun hemm bejn il-membri. Infatti dak li
huwa speċifiku tal-familja mhix il-funzjonalità imma
r-relazzjonalità.
Meta niġu biex niddefenixxu l-familja, għadha valida
d-definizzjoni li jagħti Levi Strauss: “dik l-għaqda, li
ftit jew wisq hija durevoli, approvata soċjalment, ta’ raġel
wieħed, mara waħda u l-ulied, li hija fenomenu universali
preżenti f’kull tip ta’ soċjetà”. Huwa r-rikonoxximent
pubbliku (approvata soċjalment) ta’ l-esistenza
tar-reċiproċità fir-relazzjoni bejn is-sessi u
tal-konsegwenzi tagħha fuq il-ġenerazzjonijiet, li tibdel
dak il-grupp minn “familja - konvivenza” f’ familja
-istituzzjoni soċjali.
Dan il-mudel ta’ familja huwa proponibbli mhux biss għax
huwa konsolidat bl-esperjenza, imma ukoll għaliex din
“il-familja” għandha valur miżjud meta mqabla ma’
forom oħra ta’ ħajja. Dan il-valur miżjud huwa xi ħaġa
unika, oriġinali u insostitwibbli li r-relazzjoni familjari
toffri lill-persuna fi ħdanha u lis-soċjetà.
Dan il-valur miżjud jiftiehem biss meta niżnu l-effett li
taf tipproduċi l-familja bħala tali. Dan l-effett ma
jiddependix minn dak li kull membru fil-familja jaf joffri
lill-familja bħala individwu; lanqas ma huma ċerti
prestazzjonijiet funzjonali (bħalma hija l-assistenza
reċiproka) li toffri l-familja; imma jikkonsisti f’dik
il-propjetà li hija proprja tal-familja: ir-relazzjoni
tal-koppja u dik ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied. Dawn
iż-żewġ relazzjonijiet flimkien joħolqu relazzjoni oħra:
struttura relazzjonali li tgħaqqadhom flimkien. Din hija
l-familja mmarkata b’ħajja fejn il-membri jaqsmu kollox ma’
xulxin u huma preżenti għal xulxin.
Il-persuna għandha bżonnijiet
naturali li jistgħu jiġu sodisfatti biss f’kuntest ta
relazzjonijiet; fejn permezz ta’ interazzjoni ma’ l-oħrajn
(interazzjoni soċjali) il-bniedem jissoċjaliżża ruħu u hekk
jikber fl-identità tiegħu personali.
“The first and fundamental
struture of human ecology is the family, in which man
recieves his first formative ideas about truth and goodness,
and learns what it means to love and to be loved, and thus
what it actually means to be a person. Here we mean the
family founded on marriage in which the mutual gift of self
by the husband and wife creates an environment in which the
children can be born and develop their personalities, become
aware of their dignity and prepare to face their unique and
individual destiny” (CA, 39)
Ebda forma ta aġġeġazzjoni affettiva differenti mill-familja
ma tista’ toffri dan il-valur miżjud. Hija proprju din
id-differenza bejn il-famila u sempliċi koabitazzjoni
anagrafika: il-familja biss tiġġenera dawk il-beni
immaterjali (intangibles) ta’ l-identita personali u
soċjali li mingħajrha la l-individwu u lanqas is-soċjetà ma
jistgħu jkollhom eżistenza proprjament umana. Dawn huma l-bona
relazzjonali li jirriżultaw mir-relazzjoni sponsali u
ġenerattiva li huma speċifiċi taż-żwieġ.
Biex il-familja tkun tista’ toffri dan is-servizz ta’
soċjaliżazzjoni, huwa importanti li tkun familja stabli.
L-istabilità tal-familja, fis-sens li l-familja tibqa’
flimkien minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jilqalgħu,
mhix xi rabta esterna u mposta, imma hija l-istess
kundizzjoni biex iseħħ is-soċjaliżazzjoni, ta’ l-individwu u
tal-familja bħala tali. Għalhekk li l-familja tibqa’
flimkien huwa għan li l-familja trid taħdem għalih jekk trid
tirnexxi fil-missjoni tagħha. Għalhekk l-indissolubilita
taż-żwieġ mhix biss propjetà taż-żwieġ li toffri “garanzija”
ta’ l-impenn li jkunu assumew il-miżżewġin; imma wieħed
jista’ jħares lejha bħala kwalita li l-istess
miżżewġin/familja jfittxu biex ikunu jistgħu jgħixu
l-vokazzjoni tagħhom bħala familja.
Billi ż-żwieġ u l-familja huma ambjent primarju fejn
il-persuna ssib lilha nnifisha u tissoċjaliżża, dawn
(iż-żwieġ u l-familja) ma jistgħux jitħallew jiżvillupaw
skond id-diskrezzjoni tal-miżżewġin jew tal-membri fi ħdan
il-familja. Fiż-żwieġ u fil–familja hemm ċerta ġuridiċita
intrinsika, li min hu responsabli (leġislatur) huwa fid-dmir
li jartikula. Ikkunsidrat li r-realta taż-żwieġ u l-familja
għandhom l-esiġenzi propri tagħhom imnaqxa fin-natura
(fl-istruttura ontoloġika tal-persuna), ifisser li ż-żwieġ u
l-familja għandhom “sfera di ordinamento autonimo nei
confronti dello Stato” (A Moro). Għalhekk, meta
jintervieni, il-leġislatur jsib ruħu quddiem realtà li ma
jistax jibdel. Il-liġi għandha biss tagħmel espliċitu dak li
hemm miktub fin-natura taż-żwieġ u tal-familja biex fl-aħħar
mill-aħħar tiġi mħarsa u mgħejjuna l-persuna. għalhekk kull
ma tagħmel il-liġi huwa li tieħu nota ta’ dik ir-realtà li
teżisti qabel l-Istat u permezz ta’ forma ġuridika
tittraduċi struttura naturali f’relazzjoni istituzzjonali
oġġettiva.
Durkheim E. kien ħabbar dik li sejħilha “is-sakralità ta’
l-individwu” fil-leġislażżjonijiet moderni. Ġejna fi kliemu.
Wara li d-dritt ha aktar xeħta posittivista u privatista,
rajna li l-posizzjoni ta’ l-individwu ssaħħet vis-a-vis
ir-rispett lejn il-kollettività li huwa jagħmel parti
minnha.
Għalhekk mhux ta'
l-għaġeb li fil-pajjiżi Ewropej, il-politika u
l-leġislazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u
l-familja, aktar jaġevolaw lill-individwu ndipendentament
mir-rabtiet li jkollu mal-familja! Fi qbil perfett
mal-kurrent ġus-posittivista u individwalista, flok ma
nikkunsidraw id-dritt naturali li jista’ joffri orjentament
lill-ordni soċjali u politiku, is-sistema matrimonjali aktar
qed ixaqleb lejn is-sistema konvenzjonali, jiġifieri sistema
li tiffavorixxi il-ftehim “privat”. Hekk per eżempju,
fis-sistema ġuridika ewropeja dwar id-divorzju, ir-rieda
“ambulattiva” tal-partijiet ħadet sopravent fuq ir-rieda
espressa fil-kunsens taż-żwieġ li taċċetta ċerti valuri
taż-żwieġ u l-ħajja miżżewġa. Infatti f’ċerti pajjiżi,
ż-żwieġ jinħall b’deċiżjoni tal-partijiet; imbagħad wara
perijodu ta xi snin, din id-deċiżjoni tiġi aċċetta
mill-Qrati.
Meta ngħidu li r-realtà taż-żwieġ u l-familja għandhom
il-fundament ontoloġiku tagħhom fil-persuna umana, qed
nitkellmu mill-etika taż-żwieġ u l-familja. Għalkemm il-liġi
u l-etika mhux bilfors jikkonċidu, huwa fatt li l-liġi ukoll
għandha tirrispetta l-etika.
Għax jekk l-ordni morali huwa l-ordni tal-persuna, il-liġi
hija l-ordni tal-komunità u ma tistax titħawwad ma’ l-ordni
morali. Pero il-komunità, li minħabba fiha jsiru l-liġijiet,
hija espressjoni ta’ dimensjoni ontoloġika tal-persuna:
ir-relazzjonalità, il-ftuħ neċessarju ta’ bniedem lejn
bniedem ieħor. Għalhekk il-liġi ukoll għadha sserraħ fuq
prinċipji morali għax il-komunità hija espressjoni (storika
u kontinġenti) tal-persuna. Għalhekk il-liġijiet umani
għandhom din id-dimensjoni etika peress li l-għan
tas-soċjetà huwa l-ġid tal-persuna – allura ġid morali. Huwa
biss jekk ikun hemm liġijiet li jirrispettaw l-ordni morali
essenzjali, dawn jistgħu jiggarantixxu l-iżvillup ta’
soċjetà ġusta u demokratika.
Dan kollu japplika ukoll meta l-leġislatur jiġi biex jagħmel
liġijiet li jirrigwardaw il-ħajja tal-familja! Francesco
Casavola, President tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana,
jikteb li ...
“E’
doveroso riflettere sulla dislocazione di tutta la
problematica della famiglia sulla linea di frontiera tra
diritto ed etica.
Non si puo chiedere al diritto quel che deve previamente
essere prodotto da una matura ed alta coscienza etica della
societa.
Il diritto ha bisogno di essere fondato per non funzionare
come arrendevole ratifica di tendenze congiunturali della
societa.
La storia sociale insegna che alla ricerca di assetti
stabili, le comunita umane non si dispongono sempre su
itinerari di progresso.
La desocializazione, che sembra minare la cultura
occidentale, trova causa anche nella non accettazione delle
generosa ed onerosa solidarieta, richiesta dal
corrispondersi, di diritti e doversi nella famiglia fondata
sul matrimonio”
(2007)
It-tentattivi li saru jew
jistgħu jsiru fostna biex forom ta’ konvivenza jiġu
ekwiparati mal-familia mwaqqfa fuq iż-żwieġ, ċertament ma
humiex sinjal ta progress fiċ-ċiviltà ta’ pajjiżna. Ħwejjeġ
bħal dawn pjuttost jistgħu jnisslu aktar konfużjoni dwar min
jista’ jkun titolari ta’ ċerti drittijiet. Nikkwota x’qalet
il-Qorti Kostituzzjonali Taljana f’sentenza ta’ Mejju 1998:
“tra il rapporto
coniugale e quello di mera convivenza, non solo non c’e’
similarità di situazioni, ma proprio questa non e’ voluta
dalle stesse parti, che nel preferire un rapporto di fatto
hanno dimostrato di non voler assumere i diritti e i doveri
nascenti dal matrimonio, onde la imposizione di norme,
applicate in via analogica, a coloro che non hanno voluto
assumere i diritti e i doveri inerenti al rapporto coniugale
si potrebbe tradurre in una inammissibile violazione della
liberta di scelta tra matrimonio e forme di convivenza”.
Nifhem li tista’ tiġi esplorata kif il-liġi ssib soluzzjoni
ħalli jitħarsu ċerti drittijiet individwali u ċerti obbligi
indivdiwali li jistgħu jivverifikaw ruħhom f’każijiet ta’
persuni li qed jgħixu flimkien. Pero din ix-xorta ta’ misura
legali għandha ssir b’mod distint mill-qafas tal-liġijiet
matrimonjali u b’mod li l-ispeċifiċità ta’ dan ta’ l-aħħar
tkun assolutament imħarsa. Għax uħud mill-inizjattivi
maħsuba biex ċerti forom ta konvivenza jiġu ekwiparati ma’
l-istituzzjoni taż-żwieġ, fir-realtà jistgħu jkunu mmirati
biex l-istess istituzzjoni taż-żwieġ tiġi relativiżżata. U
dan huwa żbaljat.
Li wieħed jiddentika diversi realtajiet profondament diversi
bl-istess misuri legali, dan ikun kontra l-ġustizzja. Ikun
inġust u diskriminatorju ma’ dawk li jingħaqdu fiż-żwieġ
biex jiffurmaw għaqda stabli u prokreattiva, għaliex dan
ifisser li l-liġi ma tkunx qed issostni l-istatus
partikulari tagħhom u ma tkunx tieqaf magħhom b’mod
speċifiku.
Jekk jingħata għarfien ġuridiku lil dawk li jikkoabitaw imma
ma humiex familja, xi skop hemm li ż-żwieġ u l-familja jiġu
regulati bil-liġi? Il-liġi tħares iż-żwieġ u l-familja mhux
għaliex dawn joffru esperjenza ta’ imħabba – l-imħabba hija
aġuridika!, - imma għaliex iż-żwieġ u l-familja għandhom
funzjoni soċjali relevanti ħafna. Il-koppja li trid
tiżżewweġ qed tagħżel li titrasferixxi r-relazzjoni tagħha
minn livell sentimentali għal livell soċjali; mentri dawk li
jagħżlu li jikkoabitaw ma jħossux il-ħtieġa li jesprimu
pubblikament r-rieda tagħhom għax iridu li r-relazzjoni
tagħhom tibqa’ ħaġa privata. Din l-għażla għandha tiġi
rispettata sa l-aħħar!
Il-kriżi attwali tal-familja hija dovuta għal konfużjoni li
għandna dwar x’inhi l-familja. Minħabba dan in-nuqqas ta’
kjarezza, huma dgħajfa kemm il-kontribut li tista’ tagħti
l-familja lis-soċjetà, kif ukoll il-mod kif is-soċjetà qed
twieġeb quddiem din l-isfida. Nemmen li huwa l-waqt li
nfittxu qbil dwar x’qed nifhmu b’familja. Huwa l-waqt li
l-familja tikseb “iċ-ċittadinanza” tagħha, fis-sens li tiġi
rikonoxxuta bħala suġġett soċjali biċ-ċittadinanza tagħha
proprja. Meta ngħidu “ċittadinanza” tal-familja, nifhmu dik
id-damma ta’ drittijiet u dmirijiet tal-familja bħala
familja, distinti minn dawk li l-indivdwi fi ħdan il-familja
jista’ jkollhom. Hekk mhux biss il-familja tassumi
r-responsabiltà ta’ “suġġett soċjali” u tkun preżenti u
taġixxi fid-diversi strata tas-soċjetà bħala “familja”, imma
anke l-Istat u r-realtajiet ċivili l-oħra jibdew jirrelataw
mal-familja bħala “unità” – il-membri fi ħdan il-familja
jiġu ndirizzati mhux tant bħala individwi imma bħala
“unità”.
F’dawn ir-riflessjonijiet ippruvajt ma nkunx
“konfessjonali”. Mhux għaliex l-Knisja ma għandhix kontribut
x’tagħti f’din id-diskussjoni; imma l-Bxara t-Tajba dwar
iż-żwieġ u l-familja jikkonfermaw dak li naslu għalih
bir-raġuni. Billi r-raġuni tista’ tkun mċajpra għax
il-passjoni u s-sentienti ma jħallux lill-bniedem jara b’mod
oġġettiv, il-fidi nisranija msejsa fuq il-Kelma t’Alla
tgħinna nippenetraw dak l-ordni primordjali li sa mill-bidu
Alla waqqaf dwar iż-żwieġ u l-familja. Iż-żwieġ u l-familja
huwa pre-eżistenti għall-kattoliċiżmu. Bħalma għandu jagħmel
l-Istat meta jitratta dawn ir-realtajiet profondament umani,
anke l-Knisja, meta tesprimi l-fehema tagħha dwar iż-żwieġ u
l-familja, hija tkun qed taqra dak li diġà hemm miktub
fin-natura, konsolidat minn Kristu li għolla ż-żwieġ
għad-dinjità ta’ sagrament.
|