Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq
...
Diskors ta’ l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici,
Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern
waqt
Seminar organizzat
mill-ProġettImpenn bit-tema
“IL-FUTUR
: FIL-FAMILJA”
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2009
Sala Robert Samut, Floriana
6.30 p.m.
Eċċellenza,
Onor. Marie Louise Coleiro Preca
Sinjuri distinti.
L-ewwelnett, ninsab grat li ġejt mistieden għal din
l-attività u għalhekk irrid nirringrazzja lil ProġettImpenn
ta’ dak kollu li għamlet sabiex dan is-Seminar isir.
Ma
hemmx dubju li dan huwa suġġett interessanti u kumpless.
Għandna soċjetà li qegħda tikber u taġixxi f’fatturi u
ambjent kompletament differenti li, terġa’, ma’ kull sena
qed ikompli jibdel il-karatteristiċi tiegħu. Pajjiżna llum
huwa ferm iktar popolat minn qabel, miftuħ għall-irjieħat
tal-ideat u li għandu quddiemu opportunitajiet li qabel ma
kienx hemm.
Żgur mhux forsi, għall-ewwel darba għandek sitwazzjoni fejn
id-differenza bejn ir-realtà u l-perċezzjoni tagħha qegħda
tikber ferm. Il-mezzi verament abbundanti ta’ stazzjonijiet
tat-televiżjoni, tar-radju u tal-gazzetti tagħna fuq din
il-gżira jagħtu huma wkoll is-sehem attiv tagħhom fuq naħa
jew oħra tal-munita: verità u apparenza. Illum, każ
solitarju jew sitwazzjoni eċċezzjonali jistgħu jiġu mkabbra
u mogħtija l-viżjoni li huma r-regola.
Sfortunatament, ix-xenarju tal-familja, tal-għaqda bejn
ir-raġel u l-mara, huma wkoll miftuħa għal dan l-impatt.
Numru ta’ drabi, min irid janalizza jrid ifittex il-ħin
kollu li jimposta l-argumenti tiegħu fuq il-fatti, fuq dik
li hija r-realtà u mhux il-perċezzjoni tagħha. X’qiegħed
jirriżulta? Kemm hemm żwiġijiet ċelebrati f’kull sena, kemm
hemm każijiet ta’ persuni li mhux biss jibdew il-proċess ta’
separazzjoni, iżda li jispiċċawh? Fuq dawn wieħed jista’
jiċċaqlaq sabiex jipprepara l-linja ta’ ħidma li l-Istat
Malti għandu d-dmir li jieħu.
Il-pajjiż tagħna baqa’ jżomm il-valur tal-familja, ta’
l-għaqda bejn mara u raġel f’ċerimonja ta’ żwieġ, bħala
wieħed għoli. Dan huwa fattur ta’ stabilità naturali
fil-bniedem li għandu jibqa’ jiġi sostnut b’intelliġenza u
b’għarfien għar-realtajiet li l-ħin kollu jiżviluppaw, daqqa
naħa u daqqa oħra. Hemm illum numru ikbar ta’ familji li
daħlu fl-għatba tal-Qorti, dan m’hemmx dubju dwaru, però
hija żbaljata l-perċezzjoni li din iż-żieda hija sinjal ta’
tkissir irrevokabbli taż-żwieġ bħala fattur kontinwu u
karatteristika tas-soċjetà tagħna. Il-figuri li għandna
għad-disposizzjoni tagħna jindikaw li għalkemm hemm numru
ta’ talbiet għas-separazzjoni, dawn il-figuri ma splodewx.
Il-fatti jindikaw b’mod ċar li ż-żwieġ għadu b’saħħtu
fil-komunità Maltija, però hemm bżonn ta’ iktar impenn, ta’
iktar programmi diretti sabiex tfiehem x’inhuwa ż-żwieġ
qabel u li tassisti aħjar wara għal dawk li jsibu
d-diffikultajiet temporanji jew permanenti.
L-inkwiet fis-soċjetà mexxa sabiex ġew preparati numru ta’
rapporti marbuta ma’ kunċetti kompletament differenti ta’
kif wieħed jimpenja ruħu fil-Qrati tagħna.
Għal dawn ir-rapporti twieldet, fis-16 ta’ Diċembru 2003,
il-Qorti tal-Familja – magħġuna fuq linji differenti. Minn
dik il-ġurnata sa llum, għandna issa esperjenza ta’ ħames
snin li wieħed jista’ janalizza, jifhem, jitgħallem minnha u
jipprepara ruħu għall-quddiem. Mhux biss, imma din il-linja
ta’ ħsieb kompliet issudat bil-liġi li tindirizza l-vjolenza
domestika fil-ħitan tal-familja.
Il-kunċetti li mexxew din il-bidla kienu bażikament tlieta:
l-ewwel, it-twaqqif ta’ Sezzjoni speċjalizzata li neħħiet
terz tax-xogħol fil-Qorti għal fuq żewġ Imħallfin dedikati
biss għall-materji ċivili marbuta mal-familja; it-tieni, li
ddaħħal il-mekkaniżmu tal-medjazzjoni bħala parti
mill-proċess legali għad-disposizzjoni tal-partijiet
mingħajr ma nbidel il-kunċett li qabel tiġi ppreżentata
kawża għas-separazzjoni jrid ikun hemm l-awtorizzazzjoni ta’
l-istess Qorti; u t-tielet, li ġiet ukoll fis-seħħ Sezzjoni
speċjali li tindirizza l-każijiet ta’ natura kriminali
marbuta mal-familja.
Il-fatti, l-istatistika li għandna għad-disposizzjoni tagħna
juru li t-talbiet sabiex jinbdew il-proċeduri ta’
separazzjoni baqgħu statiċi u konsistenti. Fil-fatt,
mis-sena 2004 sas-sena 2008 jidher li l-ammont ta’ każijiet
li marru sabiex jibdew il-proċedura ta’ medjazzjoni żammew
l-istess livelli mingħajr ma kien hemm xi tkabbir qawwi.
It-tieni, il-proċess tal-medjazzjoni għen sabiex tinbidel
il-kultura tal-poplu li ġaladarba tasal il-Qorti, ma hemmx
triq oħra salv dik tas-separazzjoni. Fil-fatt, il-figuri
juru li ġew reġistrati s-segwenti: i) fil-ħames snin
imsemmija żdied, sena wara sena, in-numru ta’ persuni li
għamlu użu mill-proċess tal-medjazzjoni; ii) li
l-medjazzjoni pproduċiet għarfien aħjar
tar-responsabbiltajiet tal-partijiet u għalhekk kien hemm
rata kontinwa ta’ koppji li rrikonċiljaw jew abbandunaw
il-proċeduri tas-separazzjoni. Mhux biss, imma kien hemm
numru dejjem akbar ta’ persuni li użaw il-medjazzjoni biex
jagħmlu kuntratt ta’ separazzjoni “bonarja”; u iii) li
l-kawżi ta’ separazzjoni li jispiċċaw preżentati fil-Qorti
baqgħu f’rata li nieżla ʹl isfel u mhux tielgħa ʹl fuq.
It-tielet, li s-Sezzjoni Kriminali tal-Qorti tal-Familja rat
numru ta’ każijiet li fihom, meta l-partijiet jibdew ma
jżommux ma’ l-obbligi tagħhom, speċjalment dawk marbuta
mal-manteniment u aċċess għall-ulied, allura hemm Ġudikant
wieħed li jieħu ħsieb. Fil-fatt, l-istatistika turi li hemm
kwantità ta’ każijiet li ġew deċiżi.
Fil-fatt l-istatistika li qegħda hawn tidher, turi li kull
sena jidħlu bejn wieħed u ieħor 682 każijiet ta’
separazzjoni. L-istatistika turi wkoll li madwar 420 każ
jiġu konklużi bejn kuntratti ta’ separazzjoni approvati għax
jiġu preparati f’kuntratt min-nutar, jew direttament,
inkella għax ikunu ġew quddiem il-medjaturi u dawk li jiġu
deċiżi kull sena. Anzi jidher li l-medjazzjoni qegħda tikber
iktar f’din il-linja għax minn 390 kuntratt li ġew konklużi
fil-2004 tlajna għall-533 fl-2008.
Hemm ukoll iktar interessati li kull sena qed jonqsu dawk
il-persuni li jistgħu jippreżentaw kawża għax hekk
awtorizzati, pero` ma jippreżentawhomx. Għalhekk f’ħames
snin minn 1,264 każ li ġew awtorizzati jippreżentaw kawża,
kienu 719 li effettivament ipproċedew. Dan jimmerita wkoll
attenzjoni meta wieħed jikkonsidra li 446 koppja kkanċellaw
jew abbandunaw il-proċeduri f’ħames snin permezz
tal-medjazzjoni.
Għalhekk effettivament, mit-3,413-il talba għal separazzjoni
f’ħames snin ġew konklużi 1,780 separazzjoni, jiġifieri 52%.
Mhux biss. Għalkemm l-istatistika ma tistax titqabbel
bil-preċiż, wieħed irid iqabbel dan, l-ewwel mal-figuri li
għandna għad-disposizzjoni fuq żewġ livelli. L-ewwel, jekk
titqabbel ma’ li f’ħames snin kien hemm 12,238 żwiġijiet
ċelebrati f’Malta, is-separazzjonijiet jiġu għal 14.5%.
Fit-tieni, jekk titqabbel ma kemm hawn żwiġijiet f’Malta,
jiġifieri madwar 96,000, din tinżel għal 2%. Dan żgur li
jitlob dejjem riflessjoni u attenzjoni.
Però jidher ċar li din l-istatistika turi li l-Qorti
tal-Familja qegħda tgħin direttament sabiex tassisti persuni
li jispiccaw f’separazzjoni. Għalkemm dan żgur ma jfissirx
li s-sistema hija perfetta imma li hemm bżonn aktar miżuri
sabiex tgħin lill-koppji f’diffikultà. Hemm il-bżonn li
jkun hemm spjegazzjoni aktar dettaljata ta’ x’jimplika
l-proċess sħiħ tal-medjazzjoni qabel ma din tibda sabiex
ikun hemm parteċipazzjoni tajba. Mhux biss, imma hemm ukoll
il-bżonn li wieħed jara jekk il-kawża għandhiex tkompli ssir
fil-pubbliku għax hawn min qiegħed iħoss li m’huwiex
jingħata l-attenzjoni li għandu bżonn.
Apparti dan hemm l-attenzjoni li l-Istat iddedika
direttament liġi sabiex jibni aħjar it-tweġiba tiegħu
għall-każijiet ta’ vjolenza domestika, u t-tieni, li
s-Sezzjoni tal-Qorti tal-Familja ddedikat ruħha għall-kawżi
ta’ natura kriminali.
Illum, il-Qrati Kriminali u Ċivili huma ferm iktar armati
milli kienu qabel sabiex iwieġbu għal każijiet ta’ vjolenza
domestika. L-ordnijiet ta’ protezzjoni, dawk ta’
trattament, flimkien ma’ żieda ta’ persuni li huma protetti
u ż-żieda ta’ reati u pieni ġodda biddlu x-xenarju.
Fil-vjolenza domestika l-Istat, sabiex jipproteġi tajjeb
liċ-ċittadin tiegħu, ħa ħsieb li jifrex il-kategoriji u ma
jħallihomx biss fuq rapport ta’ żwieġ. Persuni li kellhom
il-kunfidenza, li kellhom aċċess faċli għad-dar tal-vittma,
sija jekk kienu namrati jew kienu jgħixu flimkien jew
jabitaw bħala parti minn rapport estiż, illum qed isibu
l-liġijiet u l-pieni tal-pajjiż ferm iktar preparati minn
qabel.
Ovvjament, mhux kull liġi, mhux kull struttura tingħata
l-istess importanza. Għax irid jingħad li hemm esperjenza
oħra li qed tinbena ġewwa l-Qorti tal-Familja fuq dan.
Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ħames snin dehru 4,814-il każ u ġew
deċiżi 4,684 każ li huma wkoll xhieda ta’ kemm saru passi
tajba fid-direzzjoni li permezz tagħha s-soċjetà twieġeb
għar-realtà li qed tiżviluppa.
Dawn il-figuri huma parti mill-esperjenza li qegħda tinbena
ġewwa l-Qorti tal-Familja. Hemm bżonn iktar analiżi u iktar
attenzjoni sabiex nindirizzaw sewwa dak li qiegħed iseħħ u
fl-istess ħin wieħed iħares ʹil quddiem lejn proposti li
jkomplu jgħinu lill-koppja tagħraf x’inhuwa l-valur
taż-żwieġ, x’inhuwa s-sehem tagħhom u kif l-Istat jista’
jgħin effettivament biex jissoda u ma jkissirx.
Hemm iktar x’wieħed jgħid fuq dan is-suġġett. Hemm, per
eżempju, l-annullamenti li f’erba’ snin kellna 736 sentenza
tiddikjara żwiġijiet nulli, b’770 każ ġdid. Però dan
għandna nutilizzawh f’dibattitu iktar wiesgħa. Għal dan
il-għan, nipproponi li fix-xhur li ġejjin tiġi organizzata
sessjoni iktar fit-tul fejn nidħlu f’dibattitu f’iktar
attenzjoni u dettall. Fl-aħħar tal-ġurnata, l-għan tagħna
huwa li nagħmlu l-ġid lill-poplu sabiex is-soċjetà tikber
fil-valuri u mhux tmur lura minnhom.
Tabella 1 - QORTI TAL-FAMILJA - Każijiet ta’ Separazzjoni
|
2004 |
2005 |
2006 |
2007 |
2008 |
Każijiet Introdotti - Ittri |
673 |
632 |
688 |
664 |
756 |
Kemm ġew approvati kuntratti preparti min-nutara
permezz ta’ nota |
387 |
420 |
330 |
336 |
307 |
Kemm irrikonċiljaw; Ċedew |
37 |
111 |
100 |
85 |
113 |
Kemm għamlu ftehim bonarju permezz
tal-medjazzjoni |
390 |
590 |
505 |
539 |
533 |
Kemm kienu awtorizzati jmexxu b’kawża |
198 |
274 |
294 |
269 |
229 |
Kemm ippreżentaw kawża ta’ separazzjoni |
142 |
149 |
120 |
177 |
131 |
Numru ta’ kawżi (ċitazzjonijiet) li ġew deċiżi |
77 |
64 |
67 |
63 |
47 |
Tabella 2 - QORTI TAL-FAMILJA (MALTA) - KAMP KRIMINALI
|
Kawżi Ġodda |
Kawżi Deċiżi |
Pendenti |
2004 |
216 |
100 |
116 |
2005 |
770 |
771 |
115 |
2006 |
1129 |
1097 |
147 |
2007 |
1303 |
1289 |
161 |
2008 |
1396 |
1427 |
130 |
|