Laikos

 

Aktar dwar il-Madonna


 

Imħabbet San Franġisk lejn il-Verġni Marija

 

Nhar l-4 ta’ Ottubru l-Knisja Universali tiċċelebra b’ferħ kbir il-festa ta’ San Franġisk t’Assisi. Barra minhekk f’dan ix-xahar ukoll il-Knisja tiddedikah lill-Marija taħt it-titlu ta’ Omm ir-Rużarju Mqaddes. X’inhi r-rabta bejn San Franġisk u l-Verġni Marija?

 

Fil-ftit kitbiet li Franġisku ħalliena fihom insibu kemm il-Fqajjar ta’ Assisi fehem il-post waħdieni u ċentrali ta’ Marija, Omm Ġesù u Ommna, fl-istorja tagħna l-bnedmin u kif ukoll fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Fil-kitbiet ta’ San Franġisk Marija hija dik li kkoperat mija fil-mija mal-pjan Divin tas-salvazzjoni. Dan setgħet tagħmlu minħabba l-intimità kbira tagħha mal-Mulej. Fl-istess waqt Franġisku jlaqqagħna ma’ Marija li hija l- mudell ta’ kif għandha tkun ir-relazzjoni personali tagħna mal-Ħallieq u l-Feddej tagħna. Xi kitbiet li jixhdu l-imħabba taħraq ta’ San Franġisk lejn Ommna Marija huma t-Tislima lill-Verġni Mqaddsa Marija, l­-antifona f’ġieħ Marija li kiteb għall-Uffiċċju tal-Passjoni tal-Mulej u biċċiet mill-ittri tiegħu, fosthom dik lill-Insara.

 

Imħabbet San Franġisk lejn Marija ma kinitx il-frott ta’ riflessjoni teoloġika jew akkademika. Anzi kienet biss il-frott tat-talb u l-meditazzjoni tiegħu fuq il-misteru profond ta’ Marija u l-post speċjali tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni. L-ewwel impressjoni li Franġisku jħallilna ta’ Marija, u li nsibuha fit-talbiet Marjani tiegħu, hi li hu kellu ammirazzjoni profonda lejn il-qawwa tagħha. Dan ġej mill-post ċentrali tagħha fis-salvazzjoni li Alla l-Missier ta lid-dinja bl-inkarazzjoni ta’ Ibnu. Il-mod li bih San Franġisk jindirizza lill-Verġni Marija fit-talb tiegħu flimkien mat-titli tal-glorja u l-ġieħ li jagħtiha fihom iħaddnu sbuħija mill-aqwa u kif ukoll il-profondità tad-devozzjoni tiegħu lejha.  

 

Fl-ewwel antifona tal-Uffiċċju tal-Passjoni l-Fqajjar ta’ Assisi jgħidilha: “Qaddisa Xebba Marija, qatt ma twieldet oħra bħalek fost in-nisa, bint u qaddejja tas-Sultan l-Aktar Għoli u tal-Missier tas-Sema, Omm il-Mulej tagħna, il-wisq qaddis Ġesù Kristu, u għarusa tal-Ispirtu s-Santu. Itlob għalina ma’ San Mikiel Arkanġlu u mal-Qawwiet kollha tas-Sema u mal-Qaddisin kollha, lil Ibnek maħbub u l-aktar qaddis, Mulej u Mgħallem tagħna”. F’din l-antifona, li hija meħuda mill-Uffiċċju tal-Passjoni, għandna l-eku tat-tislima tal-Anġlu Gabrijiel lil Marija: “Imbierka int fost in-nisa ...” (Luqa 1:28)

 

Fit-Tislima lill-Verġni Mqaddsa Marija nsibu espressjonijiet oħra li jfaħħru l-kobor u l-privileġġi ta’ Marija li ġejjin mir-ruħ ta’ Franġisku. “Sliema għalik, o Sinjura qaddisa, u Sultana, omm imqaddsa ta’ Alla, xebba li sirt Knisja! ... Fik kien hemm u hemm il-milja tal-grazzja u ta’ kull ġid”. San Franġisk seta’ jifhem il-kobor ta’ Marija minħabba l-kontemplazzjoni tiegħu tal-Bibbja u kif ukoll il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħajja sagramentali tal-Knisja. San Franġisk jgħallimna li biex inħobbu lil Marija tassew jeħtieġ li naqraw il-Kelma ta’ Alla spiss, nieħdu sehem b’mod attiv fil-ħajja liturġika tal-Knisja u anki inlaħħmu d-devozzjoni popolari lejn Marija li hija r-riżultat aħħari ta’ sekli sħaħ ta’ riflessjoni fuq it-tagħlim tal-Missirijiet u d-Dutturi tal-Knisja dwar il-Madonna.

 

Fil-kitbiet ta’ San Franġisk Marija tissemma biss fir-relazzjoni u l-għaqda tagħha ma’ Binha Ġesù. Din ir-relazzjoni u l-għaqda ta’ Marija mat-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa għandha għeruqha fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. Ir-rabta sħiħa ta’ Marija ma’ Ġesù hija l-konsegwenza tal-maternità verġinali tagħha.

 

Fit-Tieni Ittra lill-Insara nsibu hekk: “Il-miġja mis-Sema ta’ dan il-Verb tal-Missier, hekk meqjum, qaddis u msebbaħ, kienet mħabbra mill-Missier l-Aktar Għoli nnifsu, permezz ta’ l-Arkanġlu Gabriel lill-imqaddsa u glorjuża Verġni Marija. Mill-ġuf tagħha ħa ġisem veru bħal tagħna u libes l-istess dgħjufija tagħna l-bnedmin”. Filwaqt li fl-Ewwel Twissija San Franġisk jgħidilna: “Araw, kuljum jumilja ruħu (ara Fil 2:8), bħal meta mit-tron irjali tiegħu (ara Għerf 18:15) ġie fi ħdan il-Verġni”.

 

L-iktar kitba ta’ San Franġisk li tirrifletti l-għaqda ta’ Marija ma’ Kristu hija t-Tislima lill-Verġni Mqaddsa Marija.

 

“Sliem għalik, o Sinjura qaddisa, u Sultana, omm imqaddsa ta’ Alla, xebba li sirt Knisja! Magħżula mill-Missier l-aktar qaddis tas-sema, u minnu ikkonsagrata, flimkien ma’ Ibnu l-Għażiż u l-aktar Qaddis, u ma’ l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur. Fik kien hemm u hemm il-milja tal-grazzja u ta’ kull ġid. Sliem għalik, palazz tiegħu; Sliem għalik, tabernaklu tiegħu; Sliem għalik dar tiegħu; Sliem għalik ilbies tiegħu; Sliem għalik, qaddejja tiegħu; Sliem għalik, Omm tiegħu! U sliem għalikom ilkoll, virtujiet qaddisa ilkoll kemm intom, li bil-grazzja u d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu tiġu msawba fil-qlub tal-fidili, biex minn nies li ma jemmnux, tagħmluhom jemmnu f’Alla”.

 

Taqblu miegħi li imħabbet San Franġisk lejn Marija kienet imsejsa fuq il-fidi u l-ammirazzjoni tiegħu għal dik il-Mara umli u safja li dejjem u f’kollox wettqet ir-rieda ta’ Alla f’ħajjitha. Dik li fejn kulħadd ħarab għaliex beża’ għal ġildu hija baqgħet ħdejn Binha taħt is-Salib tal-kundanna u l-fidwa. Mal-ġemgħa tad-dixxipli ġarrbet in-niket tat-telfa tiegħu. Imma nikitha dlonk inbidlilha f’ferħ li ma jitfissirx meta rat lil Binha rebbieħ fuq il-mewt u għalhekk, bil-jedd kollu, irċeviet hija wkoll il-qawwa tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja f’Għid il-Ħamsin! 

 

U int, misjuq/a minn imħabbet San Franġisk lejha, għaliex ma titolbuhiex kuljum bit-talba tar-Rużarju fil-familja u l-komunità reliġjuża tiegħek? Talbha żgur li jibdlek f’Ġesù Kristu Binha u Ħuk!

 

 

Minn Patri Mario Attard OFM Cap