Laikos

 

MESSAĠĠ BIR-RADJU TAL-QDUSIJA TIEGĦU

PAPA ĠWANNI XXIII

LILL-FIDILI TAD-DINJA KOLLHA,

XAHAR QABEL IL-BIDU TAL-KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II*

 

It-Tlieta, il-11 ta’ Settembru 1962

 

Fil-11 ta’ Settembru 1962 waqt li kien qed jitkellem fuq ir-radju madwar l-Ewropa, il-Papa appella biex ikun hemm talb għall-Konċilju Vatikan II li kellu jibda f’qasir żmien. Waqt ix-xandira, il-Papa għamel din ir-riflessjoni.

 

L-istennija kbira tal-Konċilju Ekumeniku, xahar biss ʼil bogħod mill-ftuħ uffiċjali tiegħu, tidher tleħħ fl-għajnejn u l-qlub tal-ulied kollha tal-Knisja Kattolika, li hi qaddisa u mbierka.

 

Matul tliet snin ta’ tħejjija, firxa kbira ta’ persuni magħżulin inġabru minn kull parti tad-dinja u ta’ kull ilsien, magħqudin fil-ħsieb u fl-iskop, u ġabru rikkezza tant kbira ta’ materjal duttrinali u pastorali biex jistgħu jgħadduh lill-isqfijiet tad-dinja kollha, meta dawn jiltaqgħu fil-Bażilika Vatikana, temi li għandhom jgħinu sabiex il-Vanġelu, it-tagħlim ta’ Kristu,  jiġi applikat b’mod għaqli, tagħlim li għal 20 seklu kien id-dawl tal-umanità mifdija minn demmu stess.

 

Għalhekk, għall-grazzja ta’ Alla, l-affarijiet mexjin b’mod sodisfaċenti. Il-kliem profetiku ta’ Ġesù, meta tkellem fid-dawl tat-tmiem aħħari tad-dinja, jispira d-dispożizzjonjiet tajbin u ġenerużi tal-bnedmin—speċjalment f’ċerti perjodi tal-istorja—biex nibdew mill-ġdid u nħarsu lejn l-ogħla qċaċet: “Erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (cfr. Luqa 21, 28-33).

 

Ħeġġa ġdida

 

Meta tħares lejn it-tħejjija spiritwali tiegħu, il-konċilju li għandu jiltaqa’ fi ftit ġimgħat oħra, jidher li jistħoqqlu dik l-istedina ta’ Sidna: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin, u s-siġar kollha. Meta jibdew jarmu, intom tkunu tafu li s-sajf huwa fil-qrib. L-istess, meta tara dawn il-ħwejjeġ iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla waslet.” (ibid.)

 

Il-​frażi, “Regnum Dei” (Is-​Saltna t’Alla) — tesprimi b’mod sħiħ u preċiż il-​ħidmiet tal-​konċilju. Regnum Dei tfisser u fir-realtà hija l-Knisja ta’ Kristu: waħda, qaddisa, kattolika u appostolika, dik il-Knisja li waqqaf Ġesù, il-Verb t’Alla magħmul bniedem, għoxrin seklu ilu, u sal-lum għadu jżommha, u jgħajjixha bil-preżenza u bil-grazzja tiegħu. Permezz tagħha, huwa qiegħed kontinwament iġedded il-miraklu antik li matul iż-żminijiet suċċessivi, li xi drabi kienu ħorox u iebsin, kien hu stess li refagħha fit-tbatija u fil-prosperità, biex b’hekk rebaħ l-Ispirtu: rebħet il-verità fuq l-iżball, it-tajjeb fuq il-ħażin, l-imħabba u l-paċi fuq il-firdiet u l-qsim.

 

Il-kontradizzjoni, it-tajjeb u l-ħażin għadhom magħna u jibqgħu magħna fil-ġejjieni. Dan għaliex ir-rieda ħielsa tal-bniedem se jkollha dejjem il-libertà li tesprimi ruħha u l-possibbiltà li tiżbalja. Imma r-rebħa aħħarija u eterna tkun ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu f’kull ruħ magħżula u fl-erwieħ magħżula ta’ kull poplu.

 

Ħajja ġdida interjuri

 

Jidhirna li tkun ħaġa sabiħa u f’waqtha li hawnhekk infakkru fis-simboliżmu tal-blandun tal-Għid. F’ħin minnhom fil-liturġija, jidwi dan il-kliem: “Lumen Christi”. U l-​Knisja taʼ Kristu, minn kull naħa tad-​dinja, twieġeb, “Deo gratias, Deo gratias,” bħallikieku trid tgħid: ‘Iva. Lumen Christi; Lumen ecclesiae; Lumen gentium.

 

X’ikun konċilju, jekk mhux it-tiġdid tal-laqgħa tagħna mal-wiċċ ta’ Kristu Rxoxt, Sultan glorjuż u immortali, li jiddi għall-Knisja kollha, għas-salvazzjoni, il-ferħ u d-dawl tal-bnedmin?

 

U fid-dawl ta’ dan kollu, joqgħod sew il-kliem ta’ dan is-Salm antik: “Mulej, ħa jiddi fuqna d-dawl ta’ wiċċek! Int li poġġejt il-ferħ ġo qalbi” (cfr. Salm 4).  Il-Konċilju Ekumeniku l-ġdid se jkun ferħ veru għall-Knisja universali ta’ Kristu.

 

Attività appostolika

 

Ir-raġuni tal-eżistenza tal-Knisja hija t-tkomplija, jew aħjar it-tiġdid tat-tweġiba mimlija ħeġġa mid-dinja kollha, tad-dinja moderna, għat-testment tal-Mulej, formulat f’dak il-kliem li Hu lissen b’solennità divina u b’idejh miftuħa, bħallikieku qed juri l-iktar truf imbiegħda tad-dinja: “Morru, għalhekk, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (cfr. Mt 28, 19-20).

 

Il-Knisja tixtieq li nerġgħu niskopruha hekk kif inhi, fl-istruttura interna tagħha – il-ħajja li hemm fiha nnifisha  – fl-att li tippreżenta mill-ġdid, fuq kollox lil uliedha, it-teżori tal-fidi, li tagħti d-dawl u tal-grazzja li tqaddes, li jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom minn dawk l-aħħar kelmiet ta’ Kristu. Huma kliem li jesprimu l-ħidma ewlenija tal-Knisja, il-mandat tagħha li taqdi u li tagħti ġieħ: jiġifieri li tagħti l-ħajja, li tgħallem u li titlob.

 

Meta tqis il-Knisja fir-relazzjonijiet tagħha ʼil barra minnha, jiġifieri quddiem il-bżonnijiet u t-talbiet tal-popli — dawk iċ-ċirkostanzi umani li juru l-imħabba u t-tgawdija tal-ġid tal-art  — il-Knisja tqis li huwa dmir sagru tagħha li tgħix it-tagħlim tagħha stess: “Li tgħaddi mill-ġid tal-art b’tali mod li ma titlifx il-ġid etern” (cfr. It-Tielet Ħadd wara Pentekoste; Kolletta).

 

 

 

Huwa minn dan is-sens ta’ responsabbiltà quddiem id-dmirijiet tan-Nisrani msejjaħ biex jgħix bħala bniedem fost il-bnedmin, bħala Nisrani fost l-Insara, u fost tant oħrajn li, għalkemm mhumiex Insara, fil-verità iħossuhom miġbuda mill-eżempju tajjeb biex isiru nsara.

 

Dan hu l-bieb li jwassal għal dik l-attività li nsejħulha esterna, imma hi għal kollox appostolika, u hija tal-Knisja, li minnha dak il-kliem jieħu l-ħajja u l-qawwa: “Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien”.

 

Id-dinja tabilħaqq teħtieġ lil Kristu, u hija l-Knisja li trid iġġib lil Kristu fid-dinja.

 

Id-dinja għandha l-problemi tagħha u huwa bid-dieqa kultant li tfittex soluzzjoni. M’għandniex xi ngħidu li l-preokkupazzjoni biex insolvu dawn il-problemi mill-aktar fis, imma wkoll b’rettitudni, tista’ tkun ta’ xkiel għat-tixrid tal-verità kollha u ta’ dik il-grazzja li tqaddes.

 

Il-bniedem ifittex l-imħabba tal-familja madwar il-mejda tad-dar. Ifittex il-ħobż ta’ kuljum għalih innifsu u għall-għeżież tiegħu, martu u wliedu. Huwa jixtieq u jħoss id-dmir li jgħix fil-paċi kemm fi ħdan il-komunità nazzjonali kif ukoll fi ħdan il-bqija tad-dinja. Huwa konxju tal-ġibdiet tal-ispirtu li jwasslu biex jeduka u jgħolli lilu nnifsu. Għajjur għal-libertà tiegħu, ma jirrifjutax li jaċċetta l-limitazzjonijiet leġittimi tal-Knisja sabiex jikkorrispondi aktar bis-sħiħ mad-dmirijiet soċjali tiegħu.

 

Għas-servizz tal-bniedem, iben adottiv ta’ Alla

 

Dawn il-problemi l-aktar gravi dejjem kienu fil-qalb tal-Knisja.  Għalhekk, għamlithom oġġett taʼ studju serju. Il-konċilju ekumeniku jista’ joffri, b’lingwaġġ ċar, soluzzjonijiet li huma mitluba mid-dinjità tal-bniedem u mill-vokazzjoni tiegħu ta’ Nisrani.

 

Xi wħud minnhom huma dawn: L-ugwaljanza fundamentali tal-popli kollha fl-eżerċizzju tad-drittijiet u d-dmirijiet fi ħdan il-familja kollha tan-nazzjonijiet; id-difiża qawwija tal-karattru sagru taż-żwieġ li jitlob mill-koppja miżżewġa imħabba li tifhem u ġeneruża, li minnha jitnisslu l-ulied, meqjus fl-aspett reliġjuż u morali tiegħu, fil-qafas tal-akbar responsabbiltajiet ta’ natura soċjali, fiż-żmien u għall-eternità.

 

Dawk id-duttrini li jiffavorixxu l-indifferenza reliġjuża jew iċ-ċaħda ta’ Alla u tal-ordni sopranaturali u dawk id-duttrini li jinjoraw il-Providenza fl-istorja u jonfħu barra minn kull proporzjon il-persuna tal-bniedem individwali, bil-periklu li jneħħilu r-responsabbiltajiet soċjali tiegħu, għandhom jerġgħu jisimgħu min-naħa tal-Knisja dak il-kliem kuraġġuż u sublimi diġà espress fid-dokument importanti Mater et Magistra, li fih jinġabar il-ħsieb ta’ 2,000 sena tal-istorja tal-Kristjaneżmu.

  

Knisja tal-fqar

 

Quddiem il-pajjiżi inqas żviluppati, il-Knisja tippreżenta ruħha kif inhi, u kif għandha tkun, bħala l-Knisja ta’ kulħadd, partikularment bħala l-Knisja tal-fqar.

 

Ġustizzja u paċi

 

Kull offiża u ksur tal-Ħames u s-Sitt Kmandamenti tad-Dekalogu Mqaddes; in-negliġenza fix-xogħol li joħroġ mis-Seba’ Kmandament; il-miżerji tal-ħajja soċjali li jgħajtu vendetta quddiem Alla; dan kollu għandu jiġi mfakkar u miċħud. Id-dmir ta’ kull bniedem, speċjalment tan-Nisrani, hu li jħares lejn dak li hu żejjed fid-dawl tal-bżonnijiet tal-oħrajn, u li jara li l-amministrazzjoni u t-tqassim tal-ġid jitqiegħed għall-vantaġġ ta’ kulħadd.

 

Dan jissejjaħ it-tixrid tas-sens soċjali u komunitarju li huwa parti integrali mill-Kristjaneżmu veru. U dan għandu jitqiegħed f’azzjoni b’mod enerġetiku.

 

U xi ngħidu dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u s-soċjetà ċivili?  Qegħdin ngħixu f’dinja politika ġdida. Wieħed mid-drittijiet fundamentali li l-Knisja qatt ma tista’ tiċħad huwa dak tal-libertà reliġjuża, li mhix sempliċiment libertà tal-qima.

 

Il-Knisja tgħallem din il-libertà, u minħabba f’hekk, hija tkompli tbati uġigħ f’ħafna pajjiżi.

 

Il-Knisja ma tistax tirrinunzja għal din il-libertà, għax hija inseparabbli mis-servizz li hija marbuta li toffri. Dan is-servizz mhux biex jimla l-vojt ta’ dawk l-istituzzjonijiet l-oħra li ma għamlux dak li  kellhom jagħmlu, jew li ħadu l-ġid għalihom infushom, iżda huwa element essenzjali u insostitwibbli tal-pjan  tal-Providenza li jpoġġi lill-bniedem fit-triq tal-verità u l-libertà li huma l-pedament tal-bini li fuqu tinbena ċ-ċiviltà tal-bniedem.

 

Wasalna biex nagħtu bidu għall-Konċilju Ekumeniku, 17-il sena wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Missirijiet tal-konċilju jappartjenu, fir-realtà, lill-popli u l-ġnus kollha. Kull wieħed minnhom se jġib il-kontribut tiegħu ta’ għerf u ta’ esperjenza, biex ifejjaq u jdewwi l-feriti taż-żewġ gwerer li bidlu profondament il-wiċċ tal-pajjiżi kollha.

 

L-ommijiet u l-missirijiet tal-familji jistmerru l-gwerra. Il-Knisja, omm kulħadd bla distinzjoni, terġa’ tagħmel dik it-talba li titla’ mill-fond tas-sekli u minn Betlehem u anke minn fuq il-Kalvarju, bit-tama li tinfirex ʼil bogħod bħala talba għall-paċi: paċi li tħarisna minn kull kunflitt armat; paċi li għandu jkollha l-għeruq tagħha u l-garanzija tagħha fil-qalba ta’ kull bniedem.

 

 

Huwa naturali li l-konċilju fl-istruttura duttrinali tiegħu, u fl-azzjoni pastorali li jippromwovi, irid jesprimi dik ix-xewqa tal-popli biex jimxu fit-triq li l-Providenza tat lil kull wieħed; biex jikkoperaw fir-rebħa tal-paċi u jagħmluha aktar rikka; aktar ġusta u aktar meritevoli għal din l-eżistenza tagħna fuq l-art.

 

L-isqfijiet, ir-ragħajja tal-merħla ta’ Kristu, “irġiel twajba minn kull ġens ta’ taħt is-sema” (cfr. At 2, 5) se jfakkru fil-kunċett tal-paċi, mhux biss fl-aspett negattiv tagħha, li huwa r-rifjut tal-kunflitti armati, imma anke aktar fl-aspetti pożittivi tagħha li jitolbu minn kull bniedem għarfien u prattika kostanti tad-dmirijiet tiegħu stess: ġerarkija, armonija u servizz ta’ valuri spiritwali miftuħa għal kulħadd; ħakma u użu tas-setgħat tan-natura u x-xjenza, użu li huwa dirett biss u esklussivament għall-għan li jgħolli l-livell tal-benesseri spiritwali kif ukoll ekonomiku tan-nazzjonijiet kollha.

 

Il-ħajja flimkien, il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni huma l-aktar ideali nobbli li jissemmew fil-laqgħat internazzjonali, u dawn inisslu tama, kuraġġ.

 

Il-konċilju jixtieq jeżalta, b’mod l-aktar qaddis u solenni, li npoġġu fil-prattika b’mod profond il-fraternità u l-imħabba li huma bżonnijiet naturali tal-bniedem u imposti fuq in-Nisrani bħala regola għar-relazzjoni tiegħu bejn bniedem u ieħor, bejn poplu u ieħor.

 

O misteru tal-Providenza Divina, li biha ċ-ċelebrazzjoni hekk fil-qrib tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II terġa’ tikxef u teżalta, f’dawl tant qawwi, id-dmir tas-Sede Appostolika li tkun ta’ servizz u ta’ dominju spiritwali, dmir li jħaddan id-destin tal-umanità kollha!

 

Ġustament Prudenzju, il-poeta Kristjan tal-qedem, ikanta fi żmienu t-trijonf tar-Redentur Divin fil-mument li ħatar lil Ruma ċ-ċentru tal-era l-ġdida fl-istorja tad-dinja, era li kienet ħadet l-ispirazzjoni u l-isem tagħha minn Kristu. (cfr. Prud. Peristeph. Innu II, W 461-470:P.L. 60, Kol. 324).

 

Matul din it-tħejjija  għall-konċilju, kien possibbli li dan jiġi ppruvat. Ir-rabtiet prezzjużi fil-katina tal-imħabba, li diġà mill-ewwel sekli tal-era nisranija, il-grazzja ta’ Sidna kienet rabtet mal-pajjiżi differenti tal-Ewropa u tad-dinja ta’ dak iż-żmien, magħrufa għall-perfezzjoni tal-għaqda Kattolika, u li permezz ta’ ċirkustanzi varji dehru, aktar tard, li ddgħajfu u fil-fatt tkissru, issa jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk kollha li huma sensittivi għan-nifs ġdid li l-proġett tal-konċilju qajjem f’kull naħa tad-dinja, f’xewqa anzjuża ta’ għaqda fraterna bħal tgħanniqa tal-omm komuni antika, Sancta et universalis mater ecclesia. Hawn hi r-raġuni tal-ferħ seren tagħna li jmur lil hinn mill-ewwel xrara li kellna meta bdejna l-ewwel tħejjijiet għal din il-laqgħa dinjija.

 

O kemm hi sabiħa t-talba liturġika: “Għati s-sliem u l-għaqda lill-poplu nisrani kollu”. O x’ferħ kbir inissel f’qalbna l-qari tas-17-il kapitlu ta’ San Ġwann: “Sabiex ikunu lkoll ħaġa waħda” Ut omnes unum sint: ħaġa waħda fil-ħsieb, fil-kelma u fil-ħidma.

 

Tħejjija individwali u kollettiva

 

Il-poeta tal-qedem li għanna l-għemejjel glorjużi tal-Kristjaneżmu (cfr. Prud. ibid.) jerġa’ jitkellem fuq tema għal qalbu li hija l-koperazzjoni universali fil-ġustizzja u l-għaqda fost il-ġnus kollha, u bi kliem qawwi ifakkar lill-ulied kollha tal-Knisja li f’Ruma iż-żewġ prinċpijiet tal-Appostolat, Pietru u Pawlu, huma dejjem preżenti.

Pawlu huwa l-magħżul speċjali biex iħabbar l-Evanġelju lil dawk li għadhom ma semgħux bih, u Xmun Pietru, li għal 20 seklu, jinsab fuq il-kattedra (siġġu) ewlenija, huwa lest jiftaħ u jagħlaq il-bieb tas-sema: intom tifhmu, għeżież uliedi, li dan jiftaħ il-bieb f’din il-ħajja u għall-eternità.

 

Bi kliem qawwi, jindirizza lill-idoli pagani— ħallu postkom, sabiex il-poplu ta’ Kristu ikollu libertà sħiħa. Huwa Pawlu li qed ikeċċikom. Huwa d-demm ta’ Pietru u ta’  Pawlu li jgħajjat kontrikom.

 

B’ton aktar sabiħ, is-suċċessur umli ta’ Pietru u Pawlu li jinsab fit-tmexxija u fl-appostolat tal-Knisja Kattolika, lejliet il-konċilju, jixtieq ikellem lil uliedu kollha madwar id-dinja, mil-Lvant sal-Punent, ta’ kull rit, ta’ kull ilsien, bit-talba tat-Tnax-il Ħadd wara Pentekoste. Mhux possibbli li ssib espressjoni aktar adatta li taqbel mat-tħejjija individwali u kollettiva għas-suċċess tal-konċilju ekumeniku.

 

Aħna nixtiequ li mad-dinja kollha nitolbu din it-talba, u nħeġġu lill-oħrajn jitolbuha b’insistenza matul dawn il-ġimgħat li ġejjin mill-11 ta’ Settembru sal-11 ta’ Ottubru, jum tal-ftuħ ta’ dik l-assemblea konċiljari kbira. Dawn il-vuċijiet ta’ dan it-talb nistħajlu ġej mis-sema. Huma jagħtu l-intonazzjoni lill-kant korali tal-Papa, l-isqfijiet, il-kleru u l-poplu kollu. Kantiku wieħed li jogħla ʼl fuq, kantiku qawwi, armonjuż, u li jidħol f’qalbek: “Lumen Christi, Deo gratias.” Dan id-dawl qed jiddi u se jkompli jiddi matul iż-żminijiet. Iva, Lumen Christi, Ecclesia Christi, Lumen gentium.

 

“O Alla ħanin u li tista’ kollox, li bil-grazzja tiegħek l-fidili jistgħu jaqduk b’dinjità u ferħ, agħtina, nitolbuk, li nħaffu bla ebda xkiel biex niksbu l-wegħdiet tiegħek. Dan qed nitolbuhulek mill-inħawi kollha tad-dinja u mis-sema, permezz tal-merti ta’ Ġesù Kristu, Mgħallem u Salvatur ta’ kulħadd. Ammen” (cfr. Talba tat-12-il Ħadd wara Pentekoste).

 

 

 

*A.A.S., vol. LIV (1962), n. 11, pp. 678-685.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes