|
X’inhuwa l-Ġublew fil-Knisja Kattolika
Fit-tradizzjoni Kattolika, il-ġublew huwa avveniment reliġjuż kbir. Hija s-sena speċjail tal-maħfra tad-dnubiet u l-pieni marbuta magħhom, mhux għaliex matul dik is-sena, Alla jkun dispost li jaħfer aktar milli fi snin oħra, imma għaliex, il-bniedem ikun imħeġġeġ aktar għall-indiema u r-rikonċiljazzjoni mal-oħrajn. Matulha ssir sejħa speċjali għall-konverżjoni u għall-penitenza sagramentali. Għalhekk hija s-sena tas-solidarjetà, tat-tama, tal-ġustizzja, tal-impenn għall-qadi ta’ Alla fil-ferħ u tal-paċi mal-aħwa. Is-sena tal-ġublew hija fuq kollox is-sena ta’ Kristu, li jagħti l-ħajja u l-grazzja lill-umanità kollha.
Is-Sena tal-Ġublew fit-Testment il-Qadim
L-oriġini tas-Sena Ġubilari huwa marbut mat-Testment il-Qadim. Il-liġi ta’ Mosè kienet stabbiliet sena partikolari għall-poplu Lhudi kollu u saħansitra għall-annimali u għall-art infisha.
“Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa' għal li kellu u għal ma' niesu. Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru l-għeneb mid-dwieli bla żbir. Għax hu żmien il-ġublew, żmien li għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba' dak li trodd l-art.” Ara Levitiku 25: 8-55
L-oriġini
tal-kelma, Ġublew
It-tromba li biha kienet titħabbar din is-sena partikolari kienet qarn tal-muntun, li bl-Ebrajk jissejjaħ “Yobel”, għalhekk il-kelma “Ġublew”. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena kienet tinvolvi fost l-oħrajn li tintradd lura l-art lis-sidien ta’ qabel, il-maħfra tad-djun u l-ħelsien tal-iskjavi.
Kristu huwa dak li jwettaq il-Ġublew
Imbagħad, fit-Testment il-Ġdid, il-ġublew jikseb tifsira ogħla għaliex Kristu stess jippreżenta lilu nnifsu bħala Dak li jwettaq il-ġublew tal-qedem, wara li ġie biex ixandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej. Infatti fl-Evanġelju ta’ San Luqa (4:16-21) naqraw:
U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien
lill-imjassrin,
nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
nrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’
Mbagħad raġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu."
Il-Ġublew huwa Sena Mqaddsa
Il-ġublew huwa komunement imsejjaħ ukoll “Is-Sena Mqaddsa”, mhux biss għax jibda, iseħħ u jispiċċa b’riti sagri solenni, imma wkoll għax hu l-iskop tiegħu huwa li jippromwovi l-qdusija fil-ħajja tal-poplu ta’ Alla. Huwa msejjaħ biex isaħħaħ il-fidi, biex irawwem ħidmiet ta’ solidarjetà u komunjoni fraterna fi ħdan il-Knisja u fis-soċjetà, u biex isejjaħ u jistimula lil dawk li jemmnu għal professjoni ta’ fidi aktar sinċiera u konsistenti fi Kristu Salvatur wieħed.
Ġublew ordinarju jew straordinarju
Il-ġublew jista’ jkun kemm ordinarju, jekk marbut ma’ skadenzi ta’ żmien stabbiliti minn qabel jew straordinarju jekk jissejjaħ għal xi avveniment ta’ importanza partikolari. Illum is-Snin Mqaddsa ordinarji, huma ċċelebrati kull ħamsa u għoxrin sena, l-aħħar waħda sal-lum kienet dik li saret fis-sena 2000. Li jmiss ser tkun dik tal-2025 bit-tema, “Pellegrini ta’ Tama”.
Il-Ġublew tas-sena 2000 kien wieħed ta’ importanza speċjali għax, kważi kullimkien, isir il-kalkolu tal-mogħdija tas-snin mill-miġja ta’ Kristu fid-dinja. Hekk kienu ċċelebrati l-elfejn sena mit-twelid ta’ Kristu, u dan irrispettivament mill-eżattezza tal-kalkolu kronoloġiku. Mhux hekk biss, imma s-sena 2000 kienet l-ewwel Sena Mqaddsa ċċelebrata fil-bidu ta’ millenju ġdid. Dan għaliex l-ewwel Ġublew kien tħabbar mill-Papa Bonifaċju VIII fl-1300. Hekk dan il-ġublew tas-sena 2000 kien talba kbira ta’ tifħir u radd il-ħajr lill-Alla għad-don tal-Inkarnazzjoni tal-Iben tiegħu u tal-Fidwa mwettqa minnu.
Id-drawwa li jissejjaħ ġublew straordinarju tmur lura għas-seklu sittax, it-tul tagħhom ivarja minn ftit jiem sa sena sħiħa. L-aħħar Snin Mqaddsa straordinarji ta’ dan is-seklu huma dawk tal-1933, imħabbra mill-Papa Piju XI għad-dsatax-il mitt sena tal-Fidwa, tal-1983, u dik imħabbra mill-Papa Ġwanni Pawlu II għall-elf, disa’ mija u ħamsin sena tal-Fidwa. Ġwanni Pawlu II kien ħabbar ukoll Sena Marjana li bdiet f’Għid il-Ħamsin tal-1987 u ntemm fil-15 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara.
Bejn it-8 ta’ Diċembru 2015 u l-20 ta’ Novembru 2016 kien ukoll żmien ta’ ġublew strordinarju msejjaħ mill-Papa Franġisku bħala Sena Mqaddsa tal-Ħniena, mhux biss dik ta’ Alla għalina, imma wkoll dik tagħna lejn xulxin.