| 
												 
												  
												
												
												Ħsibijiet 
												
												
												minn Fr Reuben Deguara 
												
												
												dwar l-Eżortazzjoni 
												
												
												tal-Papa Franġisku 
												
												 GAUDETE 
												ET EXSULTATE  
												
												
												(Ifirħu u Thennew)  | 
												
												 
												
												   
												
												
												  
												
												
												GAUDETE ET EXSULTATE
												 
												
												Ħsibijiet fuq temi prinċipali 
												
												tal-Eżortazzjoni tal-Papa 
												Franġisku 
												
												GAUDETE ET EXSULTATE
												 
												
												(Ifirħu u Thennew), 
												
												
												  
												
												
												  
												
												
												
												
												1.
												
												
												
												
												
												IL-QADDISIN FIL-BIEB TA’ 
												MAĠENBNA 
												
												
												Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew)
												
												
												
												hija r-raba’ rigal ta’ kitbiet 
												li tana  
												
												l-Papa Franġisku, 
												wara  
												
												l-Misericordiae Vultus, 
												(Il-Wiċċ tal-Ħniena), l-Amoris 
												Laetitia (Il-ferħ 
												tal-Imħabba) u l-Laudato Si’
												(Tkun Imbierek). L-isem ta’ 
												din l-eżortazzjoni, Ifirħu u 
												Thennew (li ġiet 
												ippubblikata fid-9 ta’ April 
												2018), hu kliem Ġesù fil-Vanġelu 
												ta’ San Mattew, (5,12) lil dawk 
												li huma ppersegwitati jew 
												umiljati minħabba f’ismu. 
												Il-Papa Franġisku jgħid li min 
												jaqraha ma jistenniex tagħlim 
												tqil dwar il-qdusija, imma sejħa 
												biex ngħixu l-qdusija llum.
												
												 
												
												
												Il-mod ta’ ħajja ta’ nies oħra 
												jwassalna għall-qdusija. Lil 
												dawn nafuhom mill-Bibbja u mill-istorja; 
												nies ta’ ħajja tajba li 
												jagħmlulna l-qalb. Jiġuna 
												f’moħħna nies bħal Abraham, Mosè 
												u personaġġi oħra tal-Bibbja. 
												Hemm ukoll ommna, in-nanna u 
												qraba oħra li forsi ħajjithom ma 
												kinitx dejjem perfetta imma 
												baqgħu mexjin ’il quddiem 
												f’ħajja li togħġob lil Alla. Ma 
												naħsbux biss f’dawk li ġew 
												iddikjarati mill-Knisja bħala 
												beati jew qaddisin. Il-Papa 
												jgħid li jieħu gost iħares lejn 
												il-qdusija ta’ ġenituri li 
												jrabbu lil uliedhom b’tant 
												imħabba, l-irġiel u n-nisa li 
												jistinkaw biex iġibu l-ħobż id-dar, 
												il-morda u l-anzjani li jibqgħu 
												bit-tbissima fuq fommhom. Il-ħajja 
												tajba ta’ dawk li jgħixu qrib 
												tagħna, il-Papa jsejħilha 
												“il-qdusija tal-bieb ta’ 
												maġenbna”, ta’ nies li huma mera 
												tal-preżenza ta’ Alla, u 
												jirreferi għalihom bħala l-“klassi 
												medja tal-qdusija”.   
												
												
												Meta nħarsu lejn il-qaddisin, 
												m’għandniex naqtgħu qalbna li ma 
												nistgħux nixbħuhom. Biex insiru 
												qaddisin m’hemmx għalfejn inkunu 
												isqfijiet, saċerdoti jew 
												reliġjużi, għax tiġina t-tentazzjoni 
												naħsbu li l-qdusija hi biss għal 
												dawk li jistgħu jżommu ’l bogħod 
												mit-taħbit ta’ kuljum, biex 
												jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. 
												Aħna lkoll imsejħin biex inkunu 
												qaddisin billi ngħixu b’imħabba 
												u noffru x-xhieda tagħna 
												fil-ħidmiet ta’ kuljum.
												 
												 
												
												
												Il-Papa jgħidilna li l-qdusija 
												tikber b’ġesti żgħar, u jagħti 
												dan l-eżempju: waħda mara li 
												tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja, 
												tiltaqa’ mal-ġara u jibdew 
												itaqtqu fuq l-oħrajn. Din 
												il-mara tgħid bejnha u bejn 
												ruħha: “Le, ma jien se ngħid 
												xejn ħażin fuq ħadd”. Lura d-dar, 
												binha jitlobha toqgħod tisimgħu 
												jkellimha fuq il-fantasiji 
												tiegħu u, imqar jekk tħossha 
												għajjiena, tpoġġi bilqiegħda 
												ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. 
												Jiġuha waqtiet ta’ diqa, imma 
												tiftakar fl-imħabba tal-Verġni 
												Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju 
												u tibda titlob bil-fidi. Tkun 
												fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u 
												tieqaf titkellem miegħu bi 
												ħlewwa u tjieba. Bħal din 
												il-mara nistgħu aħna wkoll 
												nagħmlu l-passi żgħar tagħna 
												fil-mixja lejn il-qdusija. Mhux 
												passi kbar, imma passi żgħar 
												b’imħabba kbira. 
												
												 
												
												
												
												2.
												
												
												
												
												
												MA NIBŻGĦUX MILL-QDUSIJA 
												
												
												F’din l-eżortazzjoni, il-Papa 
												Franġisku jgħid li l-qdusija hi 
												l-missjoni ta’ kull persuna. 
												Issib it-tifsira tagħha fi 
												Kristu u nifhmuha biss jekk 
												ngħixu ma’ Kristu l-misteri ta’ 
												ħajtu. Kemm il-ħajja moħbija 
												fid-dar ta’ Marija u Ġużeppi, 
												kif ukoll il-ħajja pubblika ta’ 
												Ġesù, jgħinuna fl-għażliet u 
												fl-imġibiet tagħna. Ikun Kristu 
												li qed iħobb fina. Il-qies 
												tal-qdusija jingħata skont kemm 
												Kristu jikber fina.   
												
												
												Nikbru fil-qdusija mqar qalb 
												l-iżbalji u l-mumenti negattivi 
												tagħna. L-aqwa li ma nwarrbux 
												it-triq tal-imħabba u nibqgħu 
												dejjem qalbna miftuħa 
												għall-grazzja t’Alla. Inħabirku 
												biex ma’ Kristu naħdmu 
												għall-ġustizzja u l-paċi. Kristu 
												jkun magħna waqt l-isforzi u 
												ċ-ċaħdiet tagħna, fil-ferħ u 
												fid-diffikultajiet tal-ħajja. 
												Il-qdusija titlob li minn ġo 
												fina joħorġu l-aħjar kwalitajiet 
												biex ngħinu fil-pjan ta’ mħabba 
												li Alla fassal għall-bnedmin. 
												L-eżempju hu Kristu, l-aktar 
												bl-attenzjoni li kellu lejn dawk 
												fl-aħħar post, bħalma huma 
												l-foqra.   
												
												
												Il-Papa jistedinna biex naraw 
												liema hi dik il-kelma jew dak 
												il-messaġġ li Ġesù jridna 
												nwasslu lid-dinja bil-ħajja 
												tagħna. Dan jitlob li nkunu 
												attenti għal dak li jwasslilna 
												l-Ispirtu s-Santu li dejjem lest 
												biex jibdilna u jagħmilna aħjar 
												u b’hekk il-missjoni prezzjuża 
												tagħna tasal fejn jixtieqna 
												Alla. Fl-istess ħin, il-ħajja 
												tajba tagħna anki jekk mogħnija 
												b’talb sabiħ, m’għandhiex 
												tifridna mill-oħrajn. Għandna 
												nagħtu valur lill-qadi, għax min 
												m’għandux l-ispirtu ta’ qadi u 
												ħsiebu biex jaħkem lil ħaddieħor 
												la se jitqaddes hu u lanqas 
												jgħin lill-oħrajn biex 
												jitqaddsu.   
												
												
												Parir tal-Papa hu li filwaqt li 
												l-Mulej iwasslilna l-kelma 
												tiegħu permezz tal-qaddisin, ma 
												rridux neħlu fuq id-dettalji ta’ 
												ħajjithom. Dan għax anke 
												l-qaddisin kellhom l-iżbalji u 
												l-waqgħat tagħhom u mhux dak 
												kollu li għamlu kien perfett. Li 
												rridu nagħtu kas hi l-ħajja 
												kollha tal-qaddisin, il-mixja 
												sħiħa tagħhom ta’ qdusija u li 
												nħarsu lejhom bħala figura li 
												tirrifletti xi ħaġa minn Kristu.
												
												 
												
												
												“Tibżgħux mill-qdusija!”, jgħid 
												il-Papa. Il-qdusija mhux se 
												toħdilna s-saħħa u l-ferħ. Anzi 
												biha nsiru dak li Alla ħaseb 
												għalina. Meta ngħixu magħqudin 
												miegħu, hu jeħlisna mill-jasar u 
												jwassalna biex nagħrfu d-dinjità 
												tagħna. U bħala eżempju l-Papa 
												jqiegħed quddiemna lil Santa 
												Ġużeppina Bakhita, mibjugħa 
												lsira fl-età ċkejkna ta’ seba’ 
												snin u batiet ħafna minn idejn 
												sidien kefrin. Din il-qaddisa 
												fehmet li Alla u mhux il-bniedem 
												hu l-veru sid ta’ kull ħajja 
												umana. Il-ħajja tagħha għandha 
												tkun ta’ motivazzjoni 
												għall-qdusija tagħna. 
												
												 
												
												
												
												3.
												
												
												
												
												ŻEWĠ GĦEDEWWA TAL-QDUSIJA 
												
												
												Fl-istorja tal-Knisja niltaqgħu 
												ma’ żewġ kurrenti ta’ ħsieb li 
												jistgħu jkunu ta’ tfixkil għal 
												min jixtieq jgħix ħajja tajba. 
												Huwa għalhekk li l-Papa 
												Franġisku, fit-tieni kapitlu 
												tal-Eżortazzjoni Appostolika 
												‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u 
												Thennew) juri t-tħassib tiegħu 
												dwar l-‘Injostiċiżmu’ u 
												l-‘Pelaġjaniżmu’. Jidhru żewġ 
												kelmiet mhux komuni u li forsi 
												naħsbuhom xi ereżiji 
												tal-imgħoddi; fil-fatt huma 
												realtà wkoll fi żmienna.
												
												 
												
												
												Biex nippruvaw nifhmu xi jfissru 
												‘Injostiċiżmu’ u ‘Pelaġjaniżmu’, 
												irridu niftakru x’nifhmu bi 
												qdusija u bi grazzja fit-tagħlim 
												tal-Knisja. Il-Knisja tgħallimna 
												li l-qdusija tiġi minn Alla u li 
												hi dejjem rigal tal-grazzja li 
												tingħata lilna permezz 
												tal-Knisja, bħalma jsir 
												fis-Sagramenti. Dan ifisser li 
												l-qdusija mhix biss riżultat 
												tal-isforzi tal-bniedem; weħidna 
												ma naslux għall-qdusija. Hi 
												teżor fil-Knisja u tidher b’mod 
												speċjali fil-qaddisin, u hi 
												s-sinjal li Kristu hu ħaj u 
												għadu jaħdem fil-Knisja.
												 
												 
												
												
												L-‘Injostiċiżmu’ u 
												l-‘Pelaġjaniżmu’ huma ostaklu 
												għall-qdusija, għax jaħbu jew 
												ineħħu l-grazzja ta’ Kristu. 
												L-Injostiċi, jiġifieri dawk li 
												jħaddnu t-tagħlim 
												tal-‘Injostiċiżmu’, iwarrbu 
												l-misteru u jemmnu li l-fidi 
												kollha u l-Evanġelju kollu 
												jistgħu jinftiehmu perfettament, 
												anki bir-raġuni u l-isforzi 
												tagħna biss. U hawn qiegħed 
												il-periklu: l-Injostiċi 
												jitkellmu b’mod qarrieq u 
												attraenti għax juru li r-raġunar 
												iġib ċerta armonija li biha 
												kollox jimxi sew għal min 
												isegwihom. L-Injostiċi jgħallmu 
												li s-salvazzjoni tiġi bis-saħħa 
												li hemm f’kull persuna u li hi 
												t-triq li biha kull persuna 
												tagħraf li għandha diġà dik 
												il-qawwa divina li twassalha 
												għas-salvazzjoni.   
												
												
												Il-Papa jwissina biex noqogħdu 
												attenti, għax dan it-tagħlim 
												mhux jingħad biss minn dawk li 
												jeħduha kontra l-fidi Nisranija 
												b’mod apert, imma wkoll min-nies 
												li huma fi ħdan il-Knisja, lajċi 
												fil-parroċċi kif ukoll nies li 
												jgħallmu l-filosofija u 
												t-teoloġija f’ċentri ta’ 
												formazzjoni. Il-Papa jistedinna 
												biex inkunu umli u paċenzjużi u 
												nistennew lil Alla jmiss 
												il-ħajja tagħna, għax Alla hu 
												kollu sorpriżi. Mhix f’idejna li 
												niddeterminaw il-post u l-ħin 
												eżatt meta se nirċievu l-grazzja 
												tiegħu. Is-sehem tagħna jkun li 
												nikkoperaw mal-grazzja tiegħu. 
												Irridu nieħdu paċenzja wkoll 
												meta ma jirnexxilniex nifhmu 
												l-komplessità ta’ xi duttrina.
												
												 
												
												
												L-għadu l-ieħor tal-qdusija hu 
												l-‘Pelaġjaniżmu’, li jgħallem li 
												l-grazzja ta’ Kristu qiegħda 
												biss fl-eżempju tiegħu u mhux 
												fir-rigal tal-istess preżenza 
												tiegħu. Il-‘Pelaġjaniżmu’ hu 
												tagħlim sottili għax filwaqt li 
												jnaqqas il-mertu tal-grazzja 
												t’Alla, jibqa’ mar-regoli u 
												mal-istrutturi tal-Knisja, 
												għalkemm bi stil differenti. 
												Il-Papa jgħidilna li ma nistgħux 
												ngħixu ħajja qaddisa billi 
												sempliċiment nimxu fuq il-passi 
												ta’ Ġesù imma jrid ikun hemm 
												ukoll l-indħil dirett 
												tal-grazzja tiegħu. Irridu nkunu 
												mħaddna mill-preżenza misterjuża 
												u reali tiegħu. Ifakkarna li 
												s-sejħa ta’ kulħadd 
												għall-qdusija hi indirizzata lil 
												dawk li jagħrfu li kull pass 
												fil-mixja tal-ħajja u tal-fidi 
												ġej mill-grazzja t’Alla. 
												
												
												   
												
												
												
												
												4.
												
												
												
												
												
												IT-TMIEN BARKIET 
												
												
												Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika 
												tiegħu ‘Gaudete et Exsultate’ 
												(Ifirħu u Thennew), jgħid 
												li biex aħna nkunu Nsara tajbin, 
												irridu nimxu fuq it-tmien 
												Barkiet, jew Beatitudnijiet, li 
												pproponielna Ġesù fil-Vanġelu. 
												Il-Papa jispjega l-kelma 
												“henjin”, li jsemmi Ġesù, u 
												jgħid li minflokha tista’ tgħid 
												“qaddis”. Il-Papa jfisser 
												il-Barkiet waħda waħda.
												 
												 
												
												
												
												“Henjin il-foqra fl-ispirtu, 
												għax tagħhom hija s-Saltna 
												tas-Smewwiet”.  
												
												Il-ġid ma jġibx ċertezza, la jħalli f’qalbna post għal Alla u 
												lanqas post għall-oħrajn. 
												Għandna nkunu foqra f’qalbna, 
												biex Alla jidħol fil-qalb tagħna 
												u jagħmilna kuntenti tassew.
												
												 
												
												
												
												“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax 
												huma jkollhom b’wirthom l-art”.
												
												
												
												F’dinja li fiha kultura ta’ poter u ta’ dominju fuq l-oħrajn, 
												Ġesù jipproponi mod ieħor ta’ 
												ħajja u jistedinna biex nimitawh 
												fil-ħlewwa, fil-ġentilezza u 
												fil-maħfra tal-għedewwa.
												 
												 
												
												
												
												“Henjin l-imnikkta, għax huma 
												jkunu mfarrġa”.  
												
												Id-dinja tgħallem il-kontra ta’ 
												dan; timbotta għad-divertiment, 
												għall-pjaċir u għall-ħarba 
												mir-realtà. Il-bniedem tad-dinja 
												jinjora l-problemi tal-mard u 
												tan-niket, kemm fil-familja kif 
												ukoll madwaru. Imma min imiss 
												it-tbatija u n-niket u jgħin 
												lill-imsejkna, isib il-ferħ 
												awtentiku. Li tagħraf tibki 
												mal-oħrajn: din hi qdusija.
												
												 
												
												
												
												“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u 
												l-għatx tal-ġustizzja, għax huma 
												jkunu mxebbgħin”.  
												
												Ġesù joffri ġustizzja li hi differenti minn dik li toffri 
												d-dinja bil-ħafna interessi 
												fiergħa u bil-prattiċi korrotti 
												li fiha. Il-ġustizzja vera tiġi 
												fil-ħajja tan-nies meta huma 
												stess huma ġusti 
												fid-deċiżjonijiet tagħhom, 
												l-aktar kif iġibu ruħhom 
												mal-foqra, mal-oppressi u 
												mal-emarġinati.   
												
												
												
												“Henjin dawk li jħennu, għax 
												huma jsibu ħniena”.  
												
												Il-ħniena għandha żewġ aspetti: 
												li tagħti, tgħin u taqdi 
												lill-oħrajn; imma wkoll tinkludi 
												l-maħfra u l-mogħdrija. Ġesù 
												jgħidilna biex inkunu ħanina, 
												bħalma l-Missier hu ħanin. 
												Iridna naħfru, ma niġġudikawx u 
												nkunu ġenerużi mal-proxxmu. Li 
												nġibu ruħna bil-ħniena: din 
												ukoll hi qdusija.   
												
												
												
												“Henjin dawk li huma safja 
												f’qalbhom, għax huma jaraw ’l 
												Alla”.  
												
												Din il-barka titkellem fuq dawk li qalbhom hi pura, nadifa, li 
												jgħixu ħajja ta’ sempliċità u ma 
												jagħmlu xejn li bih jistgħu 
												jweġġgħu, idgħajfu jew jonqsu 
												b’xi mod mill-imħabba. Dawk li 
												jħobbu b’qalb safja u b’mod 
												ġenwin, mhux biss bil-kliem, 
												“jaraw ’l Alla”, għax hekk 
												wiegħed Ġesù.   
												
												
												
												“Henjin dawk li huma 
												ppersegwitati minħabba s-sewwa, 
												għax tagħhom hija s-Saltna 
												tas-Smewwiet”. 
												
												Ġesù jagħmilha ċara li t-triq li 
												qiegħed quddiemna tmur kontra 
												l-kurrent tad-dinja. Hi mod ta’ 
												ħajja li tisfida, u b’riżultat 
												ta’ dan nistgħu ma nintgħoġbux. 
												Filwaqt li qalilna biex ma 
												nixxenqux għal ħajja faċli, 
												wegħidna ferħ li ħadd ħliefu ma 
												jista’ jagħtina. 
												
												
												   
												
												
												
												
												5.
												
												
												
												
												
												SINJALI TA’ QDUSIJA 
												
												
												Wara li fl-Eżortazzjoni 
												Appostolika ‘Gaudete et 
												Exsultate’ (Ifirħu u 
												Thennew), il-Papa Franġisku juri 
												l-importanza tat-Tmien Barkiet 
												(il-Beatitudnijiet) - li għallem 
												dwarhom Ġesù fil-Vanġelu - huwa 
												jitkellem dwar sinjali oħra 
												fis-sejħa għall-qdusija. Huma 
												valuri b’tifsira speċjali 
												għalina għax huma 
												espressjonijiet ta’ mħabba lejn 
												Alla u lejn l-oħrajn. L-ewwel li 
												jsemmi huma l-perseveranza, 
												il-paċenzja u l-maħfra 
												tal-għedewwa.   
												
												
												Il-Papa jgħid li l-perseveranza 
												hi qawwa mqiegħda fina minn Alla 
												li biha nkunu konsistenti 
												fl-għemil it-tajjeb tagħna. 
												Il-perseveranza tgħinna 
												nissaportu, inġarrbu 
												l-kuntrarji, l-inżul u t-tlugħ 
												tal-ħajja, u anki l-vjolenza 
												tal-oħrajn, l-infedeltajiet u 
												azzjonijiet oħra li nistgħu 
												nirċievu. Il-Papa jgħid li mhux 
												faċli tippersevera fit-tajjeb, 
												l-aktar meta naraw ir-realtà 
												fid-dawl tal-perikli u 
												l-limitazzjonijiet li jeżistu 
												fil-kultura ta’ żmienna. Iġib 
												l-eżempju ta’ kif qed ninqabdu 
												minn xbieki ta’ vjolenza verbali 
												permezz tal-internet u tal-forom 
												l-oħra ta’ komunikazzjoni 
												diġitali. Il-Papa lanqas ma 
												jżomm lura milli jgħid li dan 
												il-periklu jeżisti wkoll 
												fil-midja Kattolika, meta 
												l-limiti jinqabżu u n-nuqqas ta’ 
												etika u r-rispett għall-fama 
												tal-oħrajn isiru tant komuni. 
												Jiġri li meta nippretendu li qed 
												niddefendu wħud 
												mill-Kmandamenti, naqbżu 
												għalkollox it-tmien Kmandament u 
												bla ħniena neqirdu l-immaġni ta’ 
												ħaddieħor.   
												
												
												Min qed ifittex il-qdusija ma 
												jaħlix saħħtu jgerger 
												għall-iżbalji ta’ ħaddieħor, jaf 
												jiskot quddiem id-difetti ta’ 
												ħutu u jevita l-vjolenza verbali 
												li teqred u tagħmel il-ħsara, 
												għax ma jħossux dehen li jimxi 
												iebes mal-oħrajn, imma pjuttost 
												iqishom aħjar minnu. Il-Papa 
												jistedinna biex ma nħarsux ’l 
												isfel lejn l-oħrajn qisna 
												mħallfin bla qalb; dan meta 
												nikkmandawhom u rridu dejjem li 
												nagħtuhom xi lezzjoni, għax dan 
												fih innifsu hu forma sottili ta’ 
												vjolenza. Anzi għandna nfittxu 
												li nifirħu bil-ġid tal-oħrajn u 
												nixtiequ li bnedmin oħra jkunu 
												ppreferuti aktar minna. Ikollna 
												l-hena f’qalbna meta nħabirku 
												biex nirbħu l-ħażin bit-tajjeb.
												
												 
												
												
												Meta l-Papa jistedinna biex 
												nimxu fit-triq tal-qdusija, mhux 
												qed jirreferi biss 
												għas-sitwazzjonijiet vjolenti 
												tal-martirju, imma għal meta 
												kuljum nistabru biex nistgħu 
												nsalvaw lill-familji tagħna, jew 
												nevitaw li nitkellmu tajjeb 
												fuqna nfusna u nippreferu 
												nfaħħru lill-oħrajn flok 
												niftaħru b’rixna, meta nagħżlu 
												karigi inqas brillanti u nġarrbu 
												xi ħaġa inġusta filwaqt li 
												noffruha lill-Mulej.   
												
												
												Bil-kwotazzjonijiet mis-Salmi, 
												il-Papa jassigurana li l-Mulej 
												se jkun magħna “imqar jekk nimxi 
												f’wied mudlam” (Salm 23, 4) jew 
												“jekk eżerċtu jqum għalija” 
												(Salm 27, 3). B’moħħi mistrieħ 
												nista’ “nimtedd u norqod minnufh 
												fis-sliem, għax int waħdek, 
												Mulej, fis-sod tqegħidni” (Salm 
												4, 9). Jassigurana wkoll il-paċi 
												vera, fuq kliem Ġesù: “Nagħtikom 
												is-sliem tiegħi”, u “ma 
												nagħtihulkomx kif tagħtih 
												id-dinja” (Ġw 14, 27). 
												
												  
												
												
												
												
												6. FERĦ U UMORIŻMU 
												
												
												Nistħajlu lill-Papa Franġisku 
												qed jitbissem, filwaqt li 
												l-pinna tiegħu tgħaddi fuq 
												il-karta li fuqha qed jikteb 
												l-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete 
												et Exsultate’ (Ifirħu u 
												Thennew). Dan għax, kif 
												jgħid hu stess, aħna m’għandux 
												ikollna spirtu magħluq, 
												imdejjaq, qares, malinkoniku, 
												jew b’geddum sal-art u bla 
												ħeġġa. Il-Papa jridna ngħixu 
												bil-ferħ u b’sens ta’ umoriżmu, 
												ħalli ndawlu lill-oħrajn bi 
												spirtu pożittiv u mimli tama. U 
												nifirħu dejjem, kif talabna San 
												Pawl: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; 
												nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil 
												4,4), għax il-ferħ hu meħtieġ 
												il-ħin kollu biex tikber 
												l-imħabba ta’ bejnietna.
												 
												 
												
												
												Nistgħu ngħidu li 
												l-karatteristika tal-ferħ kienet 
												fil-Knisja mill-eqdem żminijiet. 
												Jekk immorru lura fit-Testment 
												il-Qadim tal-Bibbja, insibu 
												stediniet għall-ferħ, għall-kant 
												bħala espressjoni ta’ ferħ, 
												għat-tħabbir ta’ ferħ u ta’ 
												tama. Il-ferħ insibuh ħafna 
												fil-kitba tal-Profeti. Huwa ferħ 
												li ħabbar iż-żmien ta’ Ġesù, li 
												hu ż-żmien li qegħdin ngħixu 
												aħna llum.   
												
												
												Fit-Testment il-Ġdid niltaqgħu 
												ma’ Marija li, fl-għanja tagħha 
												tal-Magnificat, għarfet 
												il-ferħ li kellu jġib Binha 
												Ġesù. Ġesù nnifsu jwegħidna 
												l-ferħ, imma l-ferħ tassew, meta 
												jgħid: “Intom għad tibku... imma 
												n-niket tagħkom għad jitbiddel 
												f’ferħ.” Ġesù jgħid ukoll 
												lill-Appostli: “Għad nerġa’ 
												narakom u qalbkom tifraħ, u 
												l-ferħ tagħkom ħadd ma 
												jeħodulkom ... Għedtilkom dan 
												biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, 
												u biex il-ferħ tagħkom ikun 
												sħiħ.”   
												
												
												Għalkemm minn żmien għall-ieħor 
												ikollna mumenti ibsin u 
												żminijiet fejn is-salib jagħfas 
												fuqna, il-Papa jgħid li xejn ma 
												jista’ jeqred il-ferħ li 
												jagħtina Ġesù, għax hu ferħ li 
												jaddatta ruħu u jinbidel, imma 
												dejjem jibqa’ xaqq ta’ dawl ġej 
												miċ-ċertezza li, lil hinn minn 
												kollox, aħna maħbuba bi mħabba 
												bla qies. Din hi ċertezza li 
												nħossu ġo fina, serenità mimlija 
												bit-tama li toffri sodisfazzjon 
												spiritwali, għalkemm dan ma 
												jistax jinftiehem bil-kejl 
												tal-bnedmin.   
												
												
												Normalment il-ferħ Nisrani hu 
												msieħeb mis-sens ta’ umoriżmu. 
												Fl-istorja tal-Knisja niltaqgħu 
												ma’ qaddisin ċajtiera, bħal San 
												Tumas Moore, San Vinċenz de Paul 
												u San Filippu Neri. Dawn 
												il-qaddisin jgħallmuna li 
												l-burdata ħażina mhijiex sinjal 
												ta’ qdusija u li għandna nneħħu 
												minn moħħna ħsibijiet li 
												jinkwetawna. Min jgħix 
												bid-dwejjaq ma jkunx qed jagħraf 
												id-doni t’Alla li jridna 
												ferħanin biex inwasslu l-ferħ 
												tagħna lill-oħrajn.
												  
												
												
												Il-Papa jirreferi wkoll għal dak 
												il-ferħ li ngħixuh f’komunjoni, 
												li naqsmuh u nieħdu sehem minnu. 
												Jikkwota lil San Pawl li jagħti 
												importanza lill-ferħ qalb l-aħwa 
												meta jikteb: “Min jagħti hu 
												aktar hieni minn min jieħu” u 
												“Alla jħobb lil min jagħti 
												bil-ferħ”. L-imħabba tal-aħwa 
												tkattrilna l-ħila li nifirħu, 
												għax tagħmilna kapaċi nifirħu 
												bil-ġid tal-oħrajn, kif 
												jgħidilna wkoll San Pawl: 
												“Ifirħu ma’ min jifraħ.” (Rum. 
												12, 15) 
												
												  
												
												
												
												
												
												7. KURAĠĠ U ĦEĠĠA 
												
												
												Il-Papa Franġisku, 
												fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete 
												et Exsultate’ (Ifirħu u 
												Thennew), jgħid li l-qdusija 
												hi mimlija b’xewqa kuraġġuża li 
												nevanġelizzaw u nagħmlu 
												differenza fid-dinja tal-lum. 
												Jispjega l-kelma ‘PARRESIA’, 
												mill-Grieg, li tfisser il-kuraġġ 
												u l-ħeġġa fix-xandir tal-kelma. 
												Tiġi minn Ġesù nnifsu, li 
												jtennilna b’serenità u b’leħen 
												sod: “Tibżgħu xejn”, u “Jiena 
												magħkom dejjem, sal-aħħar 
												taż-żmien”. Hija l-imġiba 
												mimlija kuraġġ li l-Ispirtu 
												s-Santu qanqal fl-Appostli biex 
												wassalhom ixandru lil Ġesù 
												Kristu.   
												
												
												Il-Papa jikkwota lil San Pawlu 
												VI, Papa, li, fost dak li 
												jfixkel ix-xandir tal-kelma, 
												isemmi n-nuqqas ta’ ‘PARRESIA’, 
												fosthom fejn tidħol il-ħeġġa. 
												Kemm drabi nħossuna mħajrin biex 
												nieqfu fuq ix-xatt komdu, 
												filwaqt li l-Mulej isejħilna 
												biex insalpaw iktar ’il barra u 
												nixħtu x-xbieki tagħna fil-fond. 
												Ġesù jridna ngħaddu ħajjitna 
												fil-qadi tiegħu u nsibu l-kuraġġ 
												li nqiegħdu l-kariżmi kollha 
												tagħna għall-qadi tal-oħrajn.
												
												 
												
												
												Il-Papa Franġisku jistedinna 
												nħarsu lejn Ġesù: il-ħniena 
												tiegħu wasslitu biex iħabbar 
												il-kelma sabiħa tiegħu b’saħħtu 
												kollha u biex jibgħat 
												lid-dixxipli jfejqu u jwasslu 
												l-ħelsien lill-oħrajn. Filwaqt 
												li nagħrfu d-dgħufija tagħna, 
												għandna nħallu lil Ġesù jinqeda 
												bina. Aħna dgħajfin, imma qed 
												inġorru fina teżor kbir li 
												jista’ jagħmel tajbin u hienja 
												lil dawk li jilqgħuh. Dan 
												it-teżor hu l-kuraġġ u l-ħeġġa 
												biex inxandru l-Aħbar it-Tajba.
												
												 
												
												
												Għandna bżonn tal-ispinta 
												tal-Ispirtu biex ma neħlux 
												minħabba l-biża’ u l-kalkolu, 
												biex ma nidrawx nimxu biss fejn 
												hu fiż-żgur. Meta l-Appostli 
												ħassewhom ittentati li jibqgħu 
												mwaħħlin minħabba fil-biża’ u 
												l-perikli, qabdu jitolbu 
												flimkien għall-‘PARRESIA’: 
												“...agħmel li l-qaddejja tiegħek 
												ixandru kelmtek bil-kuraġġ 
												kollu”. U hekk għamlu.
												 
												 
												
												
												Interessanti nosservaw lil San 
												Pawlu VI jorbot il-ferħ 
												mal-‘PARRESIA’. Huwa jilmenta 
												fuq in-nuqqas ta’ ferħ u tama 
												ta’ xi Nsara u jfaħħar l-hena 
												ħelu li jagħti l-qawwa lil min 
												iwassal l-Aħbar Tajba. Għax 
												in-nies ma jirċevux l-Evanġelju 
												mingħand min hu bla ħeġġa u 
												qalbu maqtugħa. Jista’ jkun li 
												drajna ma naffrontawx il-ħażin u 
												nħallu l-affarijiet jibqgħu 
												sejrin kif inhuma jew kif 
												jiddeċiedu xi wħud.
												  
												
												
												Il-Papa jsejħilna biex inħallu 
												lill-Mulej jiġi u jqajjimna, 
												iċaqlaq ftit it-telqa tagħna u 
												jeħlisna mill-għażż li stajna 
												weħilna fih. Nieħdu l-eżempju 
												ta’ tant saċerdoti, reliġjużi u 
												lajċi li jiddedikaw ħajjithom 
												biex ixandru u jaqdu b’fedeltà 
												kbira, ħafna drabi b’riskju għal 
												ħajjithom u żgur bi prezz 
												għall-kumdità tagħhom. Ix-xhieda 
												tagħhom tfakkarna li l-Knisja 
												m’għandhiex bżonn ta’ tant 
												burokrati u funzjonarji, imma 
												ta’ ħabbara mkebbsa bil-ħeġġa li 
												jwasslu l-ferħ tal-Vanġelu. 
												
												  
												
												
												
												
												
												8. ATTENTI GĦAD-DETTALJI 
												
												
												Il-Papa Franġisku, 
												fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete 
												et Exsultate (Ifirħu u 
												Thennew), isemmi kemm hu 
												tajjeb meta aħna ngħixu 
												f’komunità ma’ dawk li nħobbu. 
												Jekk ninqatgħu għalina, jista’ 
												jkun diffiċli nirbħu 
												d-diffikultajiet li niltaqgħu 
												magħhom. Imma rridu noqogħdu 
												attenti għad-dettalji 
												fir-relazzjoni tagħna ma’ oħrajn 
												qrib tagħna, għax id-dettalji 
												jagħmlu d-differenza biex 
												tinbena jew tinħatt l-għaqda 
												fil-komunità. Għax il-ħajja ta’ 
												komunità, fejn hemm diversi nies 
												flimkien, bħal fil-familja, 
												fil-parroċċa, fl-għaqdiet, 
												fil-kunventi u f’kull komunità 
												oħra hi magħmula minn tant 
												dettalji ċkejkna tal-ħajja ta’ 
												kuljum.   
												
												
												Hekk kien fil-ħajja komunitarja 
												li Ġesù għex flimkien 
												mad-dixxipli tiegħu u man-nies 
												sempliċi tal-poplu. Ġesù kien 
												jistieden lid-dixxipli biex 
												joqogħdu attenti għad-dettalji: 
												id-dettall ċkejken li kien qed 
												jispiċċa l-inbid ta’ festa, 
												id-dettall ċkejken li naqset 
												nagħġa, id-dettall ċkejken 
												tal-armla li offriet iż-żewġ 
												muniti tagħha, id-dettall 
												ċkejken taż-żejt maħżun fil-kus 
												għall-imsiebaħ jekk l-għarus 
												jiddawwar ma jasal, id-dettall 
												ċkejken li jitlob lid-dixxipli 
												jaraw kemm kellhom ħobż u 
												d-dettall ċkejken tal-faħam 
												jaqbad u l-ħut fuqu huwa u 
												jistenna d-dixxipli mas-sebħ.
												
												 
												
												
												Il-komunità li tħares 
												id-dettalji ċkejkna tal-imħabba, 
												fejn il-membri jieħdu ħsieb ta’ 
												xulxin u joħolqu spazju miftuħ 
												għal xulxin hi sinjal 
												tal-preżenza ta’ Ġesù li 
												jqaddisha skont il-pjan 
												tal-Missier.   
												
												
												Ikun hemm waqtiet fejn, b’rigal 
												tal-imħabba tal-Mulej, b’dawn 
												id-dettalji ċkejkna jkollna 
												esperjenza ta’ faraġ minn Alla. 
												Il-Papa jikkwota dan ir-rakkont 
												mill-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ 
												Lisieux, li nafuha wkoll bħala 
												Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, 
												kif irrakkuntat minnha stess: 
												“Darba, filgħaxija matul 
												ix-xitwa, kont qiegħda naqdi 
												bħas-soltu l-ħidma żgħira 
												tiegħi, u f’daqqa waħda, smajt 
												ġej mill-bogħod il-ħoss armonjuż 
												ta’ strument mużikali, u bdejt 
												inġib quddiem għajnejja xi sala 
												mimlija dwal u tfajliet lebsin 
												eleganti, li kienu qegħdin 
												jitkellmu bejniethom u jagħmlu 
												kull xorta ta’ kumplimenti 
												fiergħa. Imbagħad, ħarsti 
												waqgħet fuq l-imsejkna marida li 
												kont qed nieħu ħsieb. Minflok 
												in-noti tal-mużika, minn ħin 
												għal ieħor bdejt nisma’ 
												l-ilmenti tagħha. Ma nistax 
												infisser bil-kliem dak li għadda 
												f’ruħi dak il-ħin. Dak li naf 
												huwa li l-Mulej dawwalha 
												bir-raġġi tal-verità, li kienu 
												hekk jirbħu fuq it-tlellix 
												mudlam tal-festi ta’ din l-art, 
												illi ma stajtx nemmen il-ferħ 
												tiegħi”.   
												
												
												Fil-mixja għall-qdusija, minflok 
												l-individwaliżmu li jiżolana 
												meta nfittxu l-kumdità tagħna 
												b’nuqqas ta’ attenzjoni 
												għall-oħrajn, irridu nagħmlu 
												tagħna t-talba ta’ Ġesu’: “... 
												biex ikunu lkoll ħaġa waħda, 
												bħalma inti ħaġa waħda fija, u 
												jiena fik.” (Ġw 17,21) 
												
												  
												
												
												
												9. MHEMMX QDUSIJA MINGĦAJR 
												TALB 
												
												
												Fl-Eżortazzjoni ‘Gaudete et 
												Exsultate’, (Ifirħu u 
												Thennew), il-Papa Franġisku 
												jgħid li m’hemmx qdusija 
												mingħajr talb. Kemm jekk inhu 
												talb ta’ adorazzjoni, ta’ 
												tifħir, ta’ ringrazzjament jew 
												ta’ kontemplazzjoni, it-talb 
												iqegħedna fil-preżenza t’Alla. 
												M’hemmx għalfejn ikun talb twil, 
												biżżejjed ftit mumenti qawwija 
												imma b’mod kostanti, hekk li 
												nibqgħu f’komunikazzjoni m’Alla. 
												Insibu ftit mumenti dedikati 
												għal Alla u noqogħdu fil-kwiet 
												miegħu. Inwarrbu l-ilħna l-oħra 
												kollha biex nistgħu nisimgħu 
												l-leħen ħelu tal-Mulej li jidwi 
												fis-skiet. Noqogħdu naħsbu dwar 
												it-toroq ta’ qdusija li l-Mulej 
												qed jistedinna għalihom. Inkunu 
												dixxipli ħdejn l-Imgħallem, 
												nisimgħuh u nitgħallmu minnu.
												
												 
												
												
												Kemm hu sabiħ li nidħlu 
												f’kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ 
												Ġesù li miet u rxoxta, biex 
												nibnu mill-ġdid l-umanità 
												tagħna, anki fejn hi f’biċċiet 
												minħabba fit-taħbit tal-ħajja, 
												jew għax imċappsa bid-dnub. 
												Ikunu waqtiet li fihom nieqfu 
												fis-skiet tal-preżenza t’Alla, u 
												mingħajr għaġla ta’ xejn 
												inħalluh iħares lejna. U meta 
												għadna ma nistgħux inħalluh 
												ifejjaqna u jibdilna, allura 
												nidħlu fil-pjagi tiegħu, għax 
												fihom hemm il-ħniena divina. 
												Fit-talb tagħna nippruvaw 
												inġeddu l-memorja ta’ dak li 
												Alla għamel magħna, ibda 
												mill-istorja tal-poplu Lhudi sa 
												dak li għamel mal-Knisja kif 
												ukoll għall-esperjenzi tal-ħajja 
												tagħna u tal-oħrajn. Meta 
												nitolbu, inħarsu lejn l-istorja 
												tagħna u fiha nsibu ħafna 
												ħniena.   
												
												
												It-talb hu espressjoni tal-qalb 
												li tafda f’Alla, li taf li 
												waħidha ma tistax tasal. Allura 
												għandna nagħtu valur lit-talb 
												ta’ petizzjoni, li ħafna drabi 
												jserrħilna qalbna u jgħinna 
												nibqgħu mexjin ’il quddiem 
												bit-tama. It-talb ta’ petizzjoni 
												hu att ta’ fiduċja f’Alla kif 
												ukoll espressjoni ta’ mħabba 
												għall-proxxmu u jesprimi 
												l-impenn fratern mal-oħrajn meta 
												nkunu kapaċi ndaħħlu fih 
												il-ħajja tagħhom, it-tbatijiet 
												li l-aktar iħawdulhom qalbhom u 
												l-isbaħ ħolmiet tagħhom. Sabiħ 
												ukoll it-talb ta’ adorazzjoni, 
												xi drabi magħmul fi skiet mimli 
												stagħġib, jew meta ngħannu lil 
												Alla bil-ferħ tal-kant, 
												f’atmosfera ta’ festa.  
												 
												
												
												Kemm hu prezzjuż il-qari 
												tal-Bibbja, fi spirtu ta’ talb! 
												Hu msejjaħ “iktar ħelu 
												mill-għasel” (ara Salm 119:103) 
												u bih il-Mulej Alla jkun 
												“musbieħ għal riġlejna” u “dawl 
												fil-mixi tagħna” (ara Salm 
												119:105). It-talb bil-Kelma 
												t’Alla mhuwiex sempliċiment 
												wieħed mill-ħafna 
												devozzjonijiet, jew biss xi ħaġa 
												sabiħa imma li nistgħu ngħaddu 
												mingħajrha. It-talb qiegħed 
												fil-qalba tal-ħajja Nisranija u 
												fih il-qawwa li tagħmilna aħjar. 
												Il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù 
												fl-Iskrittura Mqaddsa twassalna 
												għall-Ewkaristija, fejn l-istess 
												Kelma tilħaq l-ogħla qawwa 
												tagħha, għax hi preżenza reali 
												ta’ Dak li hu Kelma ħajja. 
												Fl-Ewkaristija l-Mulej Alla 
												jirċievi l-ikbar qima li tista’ 
												tingħatalu f’din id-dinja, għax 
												hu Kristu stess li jingħata. U 
												meta nirċevuh fit-Tqarbin, 
												inġeddu l-patt tagħna miegħu u 
												nħalluh iwettaq dejjem iżjed 
												l-azzjoni tiegħu li kapaċi 
												tibdel lil ħajjitna. 
												
												  
												
												
												
												
												
												10. IT-TAQBIDA GĦALL-QDUSIJA 
												
												
												F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa 
												Franġisku jgħidilna li l-ħajja 
												Nisranija hi taqbida kontinwa 
												kontra l-ħsara li jrid 
												jagħmlilna x-xitan. Imma hi 
												avventura sabiħa għax grazzi 
												għaliha nistgħu nagħmlu festa 
												kull darba li t-tajjeb jirbaħ 
												fuq il-ħażin. Ġesù nnifsu 
												jiffesteġġja r-rebħiet tagħna. 
												Mhijiex biss taqbida kontra 
												l-ġibdiet ħżiena, l-għira, 
												l-għażż, il-mibegħda u l-bqija, 
												imma hi wkoll taqbida kontra 
												x-xitan, li hu l-prinċep 
												tal-ħażen.   
												
												
												Meta nammettu li x-xitan 
												jeżisti, nifhmu għaliex il-ħażin 
												għandu qawwa hekk qerrieda. 
												Jista’ jkun li meta fil-Vanġelu 
												niltaqgħu ma’ fejqan mill-ħakma 
												tax-xitan, ngħidu li kien fejqan 
												minn mard fiżiku. Imma 
												m’għandniex nissimplifikaw 
												ir-realtà u ngħidu li l-fejqan 
												kien kollu hekk. Dan jista’ 
												jġegħilna nemmnu li x-xitan ma 
												jeżistix u ma noqogħdux għassa 
												għall-ħsara li lest jagħmlilna. 
												Il-preżenza tiegħu nsibuha sa 
												mill-ewwel paġni tal-Bibbja.
												
												 
												
												
												Il-Papa jgħid li nkunu iktar 
												preċiżi jekk fit-talba 
												tal-‘Missierna’ ngħidu: “eħlisna 
												mill-Ħażin”, (b’Ħ kbira), 
												minflok ma ngħidu: “eħlisna mid-deni”. 
												Jistedinna biex ma naħsbux li x-xitan 
												hu xi storja ivvintata, simbolu, 
												idea jew fantasija. Hu ingann li 
												naħsbu hekk, għax naslu biex ma 
												noqogħdulux għassa. Hu jrid 
												jirbaħna bil-mibegħda, bid-dwejjaq, 
												bl-għira u b’ħażen ieħor. Jekk 
												ngħidu li x-xitan ma jeżistix, 
												inkunu qed inwaqqgħu d-difiża 
												tagħna u nħalluh japprofitta 
												ruħu biex jirbaħ lilna, 
												lill-familji u l-komunitajiet 
												tagħna.   
												
												
												San Pietru jiddeskrivi x-xitan 
												b’mod preċiż: hu bħal “iljun 
												aħrax, idur madwarkom, ifittex 
												lil min jibla’” (1 Pt 5, 8). San 
												Pawl jistedinna biex “nieqfu 
												għat-tnassis tax-xitan.” (Efes 
												6:11) u nitfu “l-vleġeġ kollha 
												tan-nar tal-Ħażin” (Efes 6:16). 
												Il-Papa jgħid li dan mhux kliem 
												poetiku, għax il-mixja tagħna 
												lejn il-qdusija tassew hi 
												taqbida kontinwa, u min ma 
												jammettix dan, se jkun żarmat 
												quddiem ix-xitan. Il-Papa jsemmi 
												l-“korruzzjoni spiritwali”, ta’ 
												dawk li jgħixu fi sturdament 
												spiritwali, li ma jintebħux li 
												qed jonqsu bil-kbir kontra l-liġi 
												ta’ Alla.   
												
												
												L-istrateġija f’din il-battalja 
												hi li nimxu ’l quddiem fit-tajjeb 
												u nkabbru fina l-virtù 
												tal-imħabba. Jekk noqogħdu 
												nitlajjaw u nikkuntentaw 
												bil-ftit, jekk nieqfu noħolmu li 
												nistgħu noffru lill-Mulej xi 
												ħaġa aħjar, inkunu qed nilagħbu 
												f’idejn il-‘Ħażin’. Min jitlef 
												il-fiduċja diġà jkun tilef minn 
												qabel nofs il-battalja. Il-mixja 
												tal-qdusija titlob li ma 
												“norqdux” (1 Tess 5, 6), li 
												“nkunu għassa“ (Mk 13, 35; Mt 
												24, 42) u li “nżommu l-imsiebaħ 
												tagħna mixgħula” (Lq 12, 35). 
												
												
												  
												
												
												
												
												11.
												
												
												
												
												
												KIF NAGĦRFU XI JRID ALLA 
												MINNA 
												
												
												Fl-aħħar parti tal-Eżortazzjoni 
												Appostolika ‘Gaudete et 
												Exsultate’ (Ifirħu u 
												Thennew), il-Papa Franġisku 
												jitkellem dwar il-grazzja tad-dixxerniment. 
												Dan hu rigal li bih ikollna l-ħila 
												li naraw x’inhu l-aħjar għalina 
												fiċ-ċirkustanzi li nkunu fihom u 
												li naraw jekk ħaġa hix ġejja 
												tassew minn Alla. Biex naslu 
												għal dan, neħtieġu talb, 
												riflessjoni, qari spiritwali u 
												pariri tajba.   
												
												
												Ikollna bżonn id-dixxerniment 
												meta fil-ħajja tagħna sseħħ xi 
												ħaġa ġdida, u nkunu rridu 
												ngħarblu jekk hix ġejja minn 
												Alla. Id-dixxerniment jgħinna 
												wkoll meta nkunu ttentati biex 
												ma nibdlu xejn f’ħajjitna, li 
												nħallu kollox kif inhu, u b’hekk 
												ma nilqgħux ir-rigali ġodda li 
												l-Mulej irid jagħtina. Neħtieġu 
												d-dixxerniment mhux biss 
												f’mumenti straordinarji, meta 
												nkunu rridu nsolvu problemi 
												serji jew meta rridu nieħdu 
												deċiżjonijiet importanti, imma 
												neħtiġuh kontinwament biex 
												inkunu nistgħu nimxu aħjar wara 
												l-Mulej. Ħafna drabi dawn ikunu 
												l-ħwejjeġ iż-żgħar u li jidhru 
												irrelevanti. Imma n-nobbiltà 
												tal-qalb tidher fil-ħwejjeġ 
												sempliċi u ta’ kuljum. Għalhekk 
												li l-Papa jitlobna biex kuljum, 
												fi djalogu mal-Mulej li jħobbna, 
												nagħmlu eżami sinċier 
												tal-kuxjenza.   
												
												
												Id-dixxerniment ma jeskludix l-għajnuniet 
												tax-xjenzi umani, 
												bħall-psikoloġija, għax ta’ 
												bnedmin li aħna, għandna l-limitazzjonijiet, 
												u għalhekk għandna bżonn l-għajnuna. 
												Hawn qed nitkellmu fuq is-sens 
												ta’ ħajjitna quddiem il-Missier, 
												li jafna u jħobbna. Ikellimna 
												b’modi differenti ħafna: fuq ix-xogħol 
												tagħna, permezz tal-oħrajn u 
												f’kull mument. Ma nistgħux ma 
												nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul 
												biex fih nifhmu aħjar dan 
												il-lingwaġġ, biex ninterpretaw 
												it-tifsira vera tat-tnebbiħ li 
												naħsbu li kellna, biex nikkalmaw 
												l-ansjetajiet tagħna u nħarsu 
												lejn il-ħajja sħiħa tagħna fid-dawl 
												ta’ Alla. Din l-imġiba ta’ smigħ 
												titlob ubbidjenza 
												għall-Evanġelju u għat-tagħlim 
												tal-Knisja.   
												
												Kif dejjem jagħmel fi tmiem l-eżortazzjonijiet 
												tiegħu, il-Papa Franġisku jitlob 
												lil Ommna Marija biex tinkuruna 
												r-riflessjonijiet ta’ din l-Eżortazzjoni, 
												‘Gaudete et Exsultate’, 
												li aħna rriflettejna fuqha tul 
												din is-sena. Marija, iktar minn 
												ħaddieħor, għexet il-‘Barkiet 
												tas-Sema’, li stedinna għalihom 
												Ġesù. Hija dik li qabżet 
												bil-ferħ għall-preżenza ta’ Alla, 
												dik li żammet kollox fil-qalb 
												tagħha u ħalliet sejf jinfidha. 
												Hi l-qaddisa fost il-qaddisin, 
												l-iktar imbierka u hienja, dik 
												li turina t-triq tal-qdusija u 
												timxiha magħna. Marija ma 
												taċċettax li meta naqgħu, 
												nibqgħu mal-art, u xi drabi 
												ġġorrna f’dirgħajha, mingħajr ma 
												qatt tiġġudikana. M’hemmx bżonn 
												li noqogħdu nisfurzaw ħafna biex 
												nispjegawlha dak li qed inħossu. 
												Biżżejjed illissnulha minn taħt 
												l-ilsien għal darba, tnejn u 
												iktar: “Sliem għalik, Marija”.
												 
												
												  
												 |