| 
												   
												  
												
												  
												
												
												Messaġġ tal-Papa Franġisku 
												
												
												għall-Jum ta' Talb 
												
												
												għall-Vokazzjonijiet  
												
												3 
												ta' Mejju 2020 
												
												  
												Il-Kelmiet tal-Vokazzjoni 
  
												  
												
												 
												 | 
												
												 
												
												  
												
												
												
												MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU 
												FRANĠISKU 
												
												
												
												GĦAS-57 JUM DINJI TA’ TALB 
												
												
												
												GĦALL-VOKAZZJONIJIET 
												
												
												(3 
												ta’ Mejju 
												
												2020) 
												
												  
												
												
												
												Il-kelmiet tal-vokazzjoni 
												
												
												  
												
												
												
												Għeżież ħuti, 
												
												
												  
												
												
												Fl-4 ta’ Awwissu tas-sena 
												l-oħra, fil-160 anniversarju 
												mill-mewt tal-Kurat qaddis ta’ 
												Ars, offrejt
												
												Ittra lis-saċerdoti, li qed 
												jiddedikaw ħajjithom ta’ kuljum 
												għas-sejħa li l-Mulej 
												għamlilhom, għall-qadi tal-Poplu 
												ta’ Alla.  
												
												
												  
												
												
												F’dik l-okkażjoni, kont għażilt 
												erba’ kelmiet-muftieħ – 
												uġigħ, gratitudni, kuraġġ u 
												tifħir – biex irrodd ħajr 
												lis-saċerdoti u nwieżen 
												il-ministeru tagħhom. Inħoss li 
												llum, f’dan is-57 Jum Dinji ta’ 
												Talb għall-Vokazzjonijiet, 
												nista’ nerġa’ naqbad dawk 
												il-kelmiet u ntennihom 
												lill-Poplu kollu ta’ Alla, 
												fl-isfond tas-silta tal-Vanġelu 
												li tirrakkontalna l-esperjenza 
												unika ta’ Ġesù u Pietru f’dak 
												il-lejl ta’ maltempata fuq 
												l-għadira ta’ Tiberija (ara Mt 
												14:22-33). 
												
												
												  
												
												
												Wara t-tkattir tal-ħobż, li kien 
												ħeġġeġ tant lill-folla, Ġesù 
												jordna lid-dixxipli tiegħu biex 
												jitilgħu fuq id-dgħajsa u jaqsmu 
												qablu għax-xatt l-ieħor, waqt li 
												hu kellu jibgħat lin-nies. 
												Ix-xbieha ta’ dan il-qsim fuq 
												l-għadira tevoka b’xi mod 
												il-vjaġġ tal-ħajja tagħna. 
												Fil-fatt, id-dgħajsa ta’ 
												ħajjitna miexja bil-mod, dejjem 
												bla kwiet għax qed tfittex port 
												hieni, lesta biex taffronta 
												r-riskji u l-opportunitajiet 
												tal-baħar, imma mixtieqa wkoll 
												li tilqa’ mingħand dak li 
												qiegħed fuq it-tmun bidla 
												fid-direzzjoni li saflaħħar 
												twassal għar-rotta t-tajba. Imma 
												xi drabi jista’ jiġrilha li 
												tintilef, li jgerfxuha 
												l-illużjonijiet flok timxi 
												mad-dawl tal-fanal li jwassalha 
												għal port żgur, jew li tħoss 
												kontriha l-irjieħ tas-saram, 
												tad-dubji u tal-biża’. 
												 
												
												
												  
												
												
												Hekk ukoll jiġri fil-qalb 
												tad-dixxipli, li, imsejħin biex 
												jimxu wara r-Rabbi ta’ Nazaret, 
												iridu jiddeċiedu li jaqsmu 
												għax-xatt l-ieħor, jagħżlu 
												bil-kuraġġ li jħallu warajhom 
												iċ-ċertezzi tagħhom u jibdew 
												mexjin wara l-Mulej. Din 
												l-avventura mhijiex xi waħda 
												paċifika: jasal il-lejl, jonfoħ 
												ir-riħ kontrihom, id-dgħajsa 
												tispiċċa titqalleb fil-mewġ, u 
												hemm ir-riskju li jintrebħu 
												mill-biża’ li mhux ħa jaslu 
												qawwijin u sħaħ u li mhumiex 
												kapaċi jwieġbu għas-sejħa kif 
												imiss. 
												
												
												  
												
												
												Imma l-Vanġelu jgħidilna li 
												fl-avventura ta’ dan il-vjaġġ 
												xejn faċli m’aħniex waħidna. 
												Il-Mulej, donnu kważi kważi jrid 
												jisforza ż-żerniq fil-qalba 
												tal-lejl, jimxi fuq l-ilmijiet 
												imħarrka u jilħaq lid-dixxipli, 
												jistieden lil Pietru biex jiġi 
												jiltaqa’ miegħu fuq il-mewġ, 
												isalvah meta jarah ħa jegħreq, u 
												fl-aħħar jirkeb id-dgħajsa u 
												jsikket ir-riħ. 
												
												
												  
												
												
												Allura l-ewwel kelma 
												tal-vokazzjoni hi gratitudni. 
												Li nsalpaw lejn ir-rotta t-tajba 
												mhix xi biċċa xogħol fdata biss 
												lill-isforzi tagħna, lanqas 
												tiddependi biss mit-toroq li 
												aħna nagħżlu li naqbdu. 
												Ir-realizzazzjoni tagħna nfusna 
												u tal-pjanijiet ta’ ħajjitna 
												mhijiex ir-riżultat matematiku 
												ta’ dak li niddeċiedu aħna 
												f’“jien” iżolat; bil-maqlub, 
												hija qabelxejn it-tweġiba għal 
												sejħa li taslilna mill-Għoli. 
												Huwa l-Mulej li qed jurina 
												x-xatt li fuqu jeħtieġ naslu u 
												li, qabel dan, jagħtina l-kuraġġ 
												li nitilgħu fuq id-dgħajsa; huwa 
												hu li, waqt li jsejħilna, isir 
												ukoll it-tmunier tagħna biex 
												iseħibna, jurina d-direzzjoni, 
												ma jħallix li ninkaljaw fuq xi 
												skoll tad-dubji tagħna u 
												jagħtina l-ħila saħansitra li 
												nimxu fuq l-ilmijiet imqallba. 
												
												
												  
												
												
												Kull vokazzjoni tinbet 
												mill-ħarsa kollha mħabba li biha 
												l-Mulej ġie jiltaqa’ magħna, 
												forsi sewwasew waqt li d-dgħajsa 
												tagħna kienet f’ħalq 
												it-tempesta. “Aktar milli għażla 
												tagħna, hija risposta għal sejħa 
												gratwita tal-Mulej” (Ittra 
												lis-saċerdoti, 4 ta’ Awwissu 
												2019); għalhekk, jirnexxilna 
												niskopruha u nħaddnuha meta 
												l-qalb tagħna tinfetaħ 
												għall-gratitudni u tagħraf 
												tifhem kif Alla jgħaddi minn 
												ħajjitna. 
												
												
												  
												
												
												Meta d-dixxipli lemħu lil Ġesù 
												riesaq lejhom fuq l-ilma, 
												għall-bidu ħasbu li kien xi 
												fantażma u twerwru. Imma 
												minnufih Ġesù għamlilhom il-qalb 
												b’kelma li dejjem għandna 
												nżommuha magħna fil-ħajja tagħna 
												u tul il-mixja vokazzjonali 
												tagħna: “Agħmlu l-qalb, jiena 
												hu, tibżgħu xejn!” (v. 27). 
												Proprju din hija t-tieni kelma 
												li nixtieq ngħaddilkom: 
												kuraġġ. 
												
												
												  
												
												
												Dawk li spiss iżommuna milli 
												nimxu, nikbru, nagħżlu t-triq li 
												l-Mulej ħejja għalina, huma 
												l-fantażmi li hemm jitqallbu 
												fil-qalb tagħna. Meta aħna 
												msejħin inħallu x-xatt żgur 
												tagħna u nħaddnu stat ta’ ħajja 
												– bħaż-żwieġ, is-saċerdozju 
												ordnat, il-ħajja kkonsagrata –, 
												l-ewwel reazzjoni spiss tkun 
												irrappreżentata mill-“fantażma 
												tan-nuqqas ta’ fidi”: Ma jistax 
												ikun li din il-vokazzjoni hi 
												għalija; imma din hi tassew 
												it-triq it-tajba? Proprju dan 
												qed jitlob il-Mulej minni?
												 
												
												
												  
												
												
												U, ftit ftit, joktru ġo qalbna 
												dawk il-ħsibijiet kollha, dawk 
												il-ġustifikazzjonijiet u dawk 
												il-kalkoli li jtellfulna 
												l-entużjażmu kollu, iħawduna u 
												jħalluna mwaħħlin fejn aħna fuq 
												ix-xatt mnejn suppost tlaqna: 
												nibdew nemmnu li ħadna xi żball, 
												li m’aħniex kapaċi biżżejjed, li 
												sempliċiment rajna fantażma li 
												għandna nkeċċuha minn quddiemna. 
												
												
												  
												
												
												Il-Mulej jaf li għażla 
												fundamentali fil-ħajja – bħalma 
												hi dik li niżżewġu jew 
												nikkonsagraw ruħna b’mod 
												speċjali għall-qadi tiegħu – 
												titlob il-kuraġġ. Hu jaf 
												x’inhuma l-mistoqsijiet, 
												id-dubji u d-diffikultajiet li 
												jċaqilqu d-dgħajsa ta’ qalbna, u 
												għalhekk jiżgurana: “La tibżax, 
												jiena miegħek!”. Il-fidi 
												fil-preżenza tiegħu li jiġi 
												jiltaqa’ magħna u jimxi magħna, 
												anki meta l-baħar ikun imqalleb, 
												teħlisna minn dik it-telqa li 
												jien diġà sejjaħtilha “dwejjaq 
												ħelu” (Ittra lis-saċerdoti, 
												4 ta’ Awwissu 2019), jiġifieri 
												dak il-qtigħ ta’ qalb ġewwa fina 
												li jimblukkana u ma jħalliniex 
												niggustaw il-ġmiel 
												tal-vokazzjoni. 
												
												
												  
												
												
												Fl-Ittra lis-saċerdoti 
												tkellimt anki fuq l-uġigħ, imma 
												hawnhekk nixtieq nittraduċi din 
												il-kelma b’mod differenti u 
												nirriferi għat-taħbit. 
												Kull vokazzjoni ġġib magħha 
												impenn. Il-Mulej isejħilna għax 
												irid jagħmilna bħal Pietru, 
												kapaċi “nimxu fuq l-ilma”, 
												jiġifieri nieħdu l-ħajja tagħna 
												f’idejna biex inqegħduha 
												għas-servizz tal-Vanġelu, b’modi 
												konkreti u ta’ kuljum kif jurina 
												hu, u speċjalment fid-diversi 
												għamliet ta’ vokazzjonijiet 
												lajkali, presbiterali u ta’ 
												ħajja kkonsagrata. Imma aħna 
												iktar qisna l-Appostlu: għandna 
												x-xewqa u l-ħeġġa, imma, 
												fl-istess waqt, aħna mimlijin 
												dgħufijiet u biżgħat. 
												
												
												  
												
												
												Jekk nitkaxkru mill-ħsieb 
												tar-responsabbiltajiet li hemm 
												jistennewna – fil-ħajja 
												taż-żwieġ jew fil-ministeru 
												saċerdotali – jew 
												mid-diffikultajiet li se 
												niltaqgħu magħhom, allura ma 
												ndumux ma nwarrbu għall-ġenb 
												ħarsitna minn fuq Ġesù u, bħal 
												Pietru, nirriskjaw li negħrqu. 
												Bil-maqlub, imqar fid-dgħufija u 
												fil-faqar tagħna, il-fidi 
												tippermettilna nimxu biex 
												niltaqgħu mal-Mulej Irxoxt u 
												negħlbu mqar it-tempesti. 
												Fil-fatt hu jnewlilna idu meta 
												minħabba l-għeja jew il-biża’ 
												nirriskjaw li negħrqu, u 
												jagħtina l-ħeġġa meħtieġa biex 
												ngħixu l-vokazzjoni tagħna 
												bil-ferħ u l-entużjażmu. 
												 
												
												
												  
												
												
												Fl-aħħar, meta Ġesù jitla’ fuq 
												id-dgħajsa, ir-riħ jieqaf u 
												l-imwieġ jikkalmaw. Hija xbieha 
												sabiħa ta’ dak li l-Mulej 
												jagħmel fil-ħajja tagħna u 
												fit-taqlib tal-istorja, 
												speċjalment meta nkunu f’nofs 
												it-tempesta: hu jordna 
												lill-irjieħ biex jisktu, u 
												l-qawwiet tal-ħażen, tal-biża’, 
												tar-rassenjazzjoni ma 
												jibqgħalhomx setgħa fuqna. 
												
												
												  
												
												
												Fil-vokazzjoni speċifika li aħna 
												msejħin ngħixu, dawn l-irjieħ 
												kapaċi jċeduna. Jiġuni f’moħħi 
												dawk li jassumu ħidmiet 
												importanti fis-soċjetà ċivili, 
												il-miżżewġin li mhux ta’ b’xejn 
												nieħu pjaċir insejħilhom 
												“il-kuraġġjużi”, u speċjalment 
												dawk li jħaddnu l-ħajja 
												kkonsagrata u s-saċerdozju. 
												Nista’ nifhem it-taħbit tagħkom, 
												is-solitudni li xi drabi ttaqqal 
												il-qalb, ir-riskju tad-drawwa li 
												naqra naqra jitfi n-nar jaqbad 
												tas-sejħa, it-toqol 
												tal-inċertezza u tal-prekarjetà 
												ta’ żminijietna, il-biża’ 
												mill-futur. Kuraġġ, la tibżgħux! 
												Ġesù jinsab magħna u, jekk 
												nagħrfuh bħala s-Sid waħdieni 
												ta’ ħajjitna, hu jnewlilna idu u 
												jaqbadna biex isalvana. 
												
												
												  
												
												
												U hemm, imqar qalb l-imwieġ, 
												ħajjitna tinfetaħ għat-tifħir. 
												Din hija l-aħħar kelma 
												tal-vokazzjoni, u trid tkun 
												ukoll l-istedina biex inxettlu 
												fina l-atteġġjament interjuri 
												ta’ Marija Santissma: grata 
												għall-ħarsa ta’ Alla li straħet 
												fuqha, bl-offerta fil-fidi 
												tal-biżgħat u d-dubji tagħha, 
												waqt li ħaddnet b’kuraġġ 
												is-sejħa, hija għamlet minn 
												ħajjitha għanja eterna ta’ 
												tifħir lill-Mulej. 
												
												
												  
												
												
												L-iktar għeżież, speċjalment 
												f’dan il-Jum, imma anki 
												fl-azzjoni pastorali ordinarja 
												tal-komunitajiet tagħna, nixtieq 
												li l-Knisja tterraq din il-mixja 
												għall-qadi tal-vokazzjonijiet, 
												billi tiftaħ xquq fil-qalb ta’ 
												kull fidil, biex kulħadd jista’ 
												jiskopri bi gratitudni s-sejħa 
												li qed jagħmillu Alla, isib 
												il-kuraġġ li jlissen “iva”, 
												jegħleb l-għeja tat-taħbit 
												bil-fidi fi Kristu u, fl-aħħar, 
												joffri ħajtu bħala għanja ta’ 
												tifħir lil Alla, għall-aħwa u 
												għad-dinja kollha. Il-Verġni 
												Marija sseħibna u tidħol 
												għalina. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Ruma,
												
												
												San Ġwann Lateran, 
												8 
												
												ta’ Marzu 
												
												2020, 
												
												it-II 
												
												Ħadd tar-Randan 
												
												  
												
												
												Franġisku 
												
												
												  
												
												
												  
												
												
												
												miġjuba mit-Taljan għall-Malti 
												minn Francesco Pio Attard 
												  
												 |