Laikos

 

Mill-Papa Franġisku ...


MESSAĠĠ TAL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

GĦALL-XXXI JUM DINJI TAL-MARID

11 TA’ FRAR 2023

 

“Ħu ħsiebu”. Il-kompassjoni bħala eżerċizzju sinodali ta’ fejqan

 

Ħuti għeżież!

 

Il-mard jagħmel parti mill-esperjenza umana tagħna. Iżda huwa jista’ jsir diżuman jekk wieħed jgħixu f’iżolament u fl-abbandun, jekk ma jkunx akkumpanjat mill-kura u mill-kompassjoni. Meta wieħed jimxi flimkien, huwa normali li xi ħadd iħossu ma jiflaħx, li jkun jeħtieġlu jieqaf minħabba l-għeja jew minħabba xi inċident ieħor matul il-mixja. Huwa hawn, f’dawn il-mumenti, li jidher kif aħna qegħdin nimxu; jekk hux verament qed nimxu flimkien, jew jekk aħniex qegħdin fuq l-istess triq iżda kulħadd għalih waħdu, medhi bl-interessi proprji tiegħu u jħalli lill-oħrajn “jaħsbu huma għalihom infushom”. Għalhekk f’dan il-XXXI Jum Dinji tal-Marid, fil-qalba tal-Mixja Sinodali, nistedinkom tirriflettu fuq il-fatt li proprju permezz tal-esperjenza ta’ fraġilità u tal-mard nistgħu nitgħallmu kif nimxu flimkien skont l-istil ta’ Alla li huwa qrubija, kompassjoni u ħlewwa.

 

Fil-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, f’oraklu kbir li jikkostitwixxi wieħed mill-punti ewlenin tar-Rivelazzjoni kollha, il-Mulej jitkellem hekk: “Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida… u nirgħahom bil-ġustizzja” (34:15-16). L-esperjenza tat-telfien, tal-mard u tad-dgħufija naturalment jagħmlu parti mill-mixja tagħna; dawn ma jeskluduniex mill-Poplu ta’ Alla, anzi jressquna lejn iċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Mulej, li huwa Missier u ma jrid jitlef lil ħadd minn uliedu fit-triq. Għalhekk għandna nitgħallmu minnu, biex inkunu tassew komunità li timxi flimkien, li kapaċi ma tħallix lilha nfisha tittieħed mill-kultura tal-iskart.  

 

L-Enċiklika Fratelli tutti, bħalma tafu, tipproponi l-qari attwalizzat fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Għażiltha bħala ċappetta, bħala punt ta’ bidla, biex noħroġ mid-“dell ta’ dinja magħluqa” u “naħseb u niġġenera dinja miftuħa” (ara n. 56). Fil-fatt hemm rabta profonda bejn il-parabbola ta’ Ġesù u l-ħafna modi li bihom illum il-fraternità hija miċħuda. B’mod partikolari, il-fatt li l-persuna tiġi msawta u misruqa u mħollija abbandunata matul it-triq, jippreżenta l-kundizzjoni li fiha huma mħollija ħafna minn ħutna fil-mument li huma jkunu jeħtieġu l-iktar għajnuna. Li wieħed jiddistingwi liema attentati fuq il-ħajja u d-dinjità tagħna ġejjin minn kawżi naturali u dawk li huma kkawżati mill-inġustizzja u d-dominju tal-interessi tal-ftit, mhix xi ħaġa faċli. Fir-realtà, il-livell ta’ diżugwaljanza u l-interessi tal-ftit jaffettwaw kważi kull ambjent uman b’tali mod li jirriżulta diffiċli tikkunsidra “naturali” kull esperjenza. Kull sofferenza titwettaq f’“kultura” u fost il-kunsiderazzjonijiet tagħha.

 

Imma dak li hawn huwa importanti hu li wieħed jagħraf il-kundizzjoini ta’ solitudni u ta’ abbandun. Din hija attroċità li tista’ tiġi ssuperata qabel kull inġustizzja, għaliex – bħalma tirrakkonta l-parabbola – biex tiġi eliminata hu biżżejjed mument ta’ attenzjoni, il-moviment interjuri tal-kompassjoni. Tnejn li kienu għaddejjin, ikkunsidrati reliġjużi, raw il-ferut u ma waqfux. Għall-kuntrarju, it-tielet, li kien Samaritan, li kien oġġett ta’ disprezz, imqanqal mill-kompassjoni, ħa ħsieb il-barrani matul it-triq u ttrattah bħala ħuh. Meta għamel hekk, mingħajr ma qagħad jaħsibha, biddel l-affarijiet, iġġenera dinja iktar fraterna. Ħuti, qatt ma aħna ppreparati għall-mard. U ħafna drabi lanqas biex nammettu li qegħdin nikbru fiż-żmien. Nibżgħu mill-vulnerabbiltà, u l-kultura mifruxa tas-suq timbuttana biex niċħduha. M’hemmx spazju għall-fraġilità. Hekk kif il-mard jidħol u jaħkimna, iħallina fl-art imbikkma. Jista’ jiġri li l-oħrajn jabbandunawna, jew inkella jidhrilna li għandna nabbandunawhom, biex ma nħossuniex ta’ piż fil-konfront tagħhom. Hekk tibda s-solitudni, u tavvelenana bil-qrusa tal-inġustizzja, u jidhrilna li anki s-sema ngħalaq għalina. Fil-fatt insibuha bi tqila biex nibqgħu fil-paċi ma’ Alla, meta tinqered ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn u magħna nfusna. Għalhekk huwa tant importanti, anki f’dak li għandu x’jaqsam mal-mard, li l-Knisja kollha kemm hi titkejjel fuq l-eżempju evanġeliku tas-Samaritan it-tajjeb, biex issir “sptar fil-kamp” validu: fil-fatt il-missjoni tagħha, partikolarment fiċ-ċirkustanzi stoiriċi li għaddejjin minnhom, tesprimi ruħha fit-tħaddim tal-kura. Ilkoll kemm aħna fraġli u vulnerabbli: ilkoll għandna bżonn ta’ dik l-attenzjoni ta’ kompassjoni li taf tieqaf, tavviċina, tikkura u terfa’. Il-kundizzjoni tal-morda hija għalhekk sejħa li tinterrompi l-indifferenza u twaqqaf il-pass ta’ min jimxi ’l quddiem bħallikieku m’għandux ħutu.  

 

Il-Jum Dinji tal-Marid, fil-fatt, ma jistedinniex biss għat-talb u biex inkunu qrib lejn dawk li jkunu jbatu; huwa fl-istess ħin immirat biex jissensibilizza l-poplu ta’ Alla, l-istituzzjonijiet tas-saħħa, u lis-soċjetà ċivili, għal mod ġdid kif nimxu ’l quddiem flimkien. Il-profezija ta’ Eżekjel, ikkwotata fil-bidu, għandha fiha ġudizzju iebes ħafna fuq il-prijorità ta’ dawk li jeżerċitaw fuq il-poplu xi poter ekonomiku, kulturali u ta’ tmexxija: “Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna, u l-merħla ma tirgħuhiex. Id-dgħajfa ma saħħaħtuhiex, u l-marida ma fejjaqtuhiex, u l-midruba ma dewwejtuhiex, ’il dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, lanqas ma fittixtu l-mitlufa. Imma mexxejtuhom b’saħħa u qalb iebsa” (34:3-4). Il-Kelma ta’ Alla dejjem iddawwal u attwali. Mhux biss fl-akkuża, iżda wkoll fil-proposta. Il-konklużjoni tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, fil-fatt, tissuġġerixxi kif it-tħaddim tal-fraternità, li nbeda mil-laqgħa bejn tnejn, jista’ jitwessa’ għal kura organizzata. Il-lukanda, sid il-lukanda, il-flus, il-wegħda li jżommu lil xulxin infurmati (ara Lq 10:34-35): dan kollu jwassalna biex naħsbu fil-ministeru tas-saċerdoti, fix-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa u dawk soċjali, fl-impenn tal-familjari u l-voluntiera li grazzi għalihom kuljum, f’kull parti tad-dinja, it-tajjeb jirreżisti lill-ħażin.

 

Is-snin tal-pandemija żiedu fina s-sens ta’ gratitudni għal dawk kollha li jaħdmu ta’ kuljum għas-saħħa u għar-riċerka. Iżda minn din it-traġedja kollettiva mhux biżżejjed noħorġu nonoraw lill-eroj. Il-Covid-19 poġġa taħt prova iebsa din ix-xibka ta’ kompetenzi u solidarjetà u wera l-limiti strutturali tas-sistemi tas-saħħa eżistenti. Għalhekk meħtieġ li mal-gratitudni tikkorrispondi t-tfittxija attiva, f’kull pajjiż, fl-istrateġiji u r-riżorsi sabiex lil kull essri uman ikun iggarantit l-aċċess għall-kura u d-dritt fundamentali tas-saħħa.

 

“Ħu ħsiebu” (Lq 10:35) hija r-rakkomandazzjoni tas-Samaritan lis-sid tal-lukanda. Ġesù dan jgħidu wkoll lil kull wieħed u waħda minna, u fl-aħħar jeżortana: “Mur, agħmel hekk inti wkoll”. Kif enfasizzajt fil-Fratelli tutti, il-parabbola turina b’liema inizjattivi nistgħu nerġgħu nsawru komunità ta’ bnedmin li jagħmlu tagħhom id-dgħufija tal-oħrajn, li ma jħallux lil min jibni soċjetà ta’ esklużjoni, imma jsiru proxxmu għal ħaddieħor u jerġgħu jerfgħuh fuq riġlejh u jirrijabilitaw il-bniedem li waqa’, biex il-ġid ikun tassew komuni (n. 67). Fil-fatt, aħna ġejna maħluqa għall-milja li tintlaħaq biss fl-imħabba. Li ngħixu indifferenti quddiem it-tbatija mhijiex għażla possibbli (n. 68).

 

Anki fil-11 ta’ Frar 2023 inħarsu lejn is-Santwarju ta’ Lourdes bħala profezija, bħala tagħlima mħollija lill-Knisja fil-qalba tal-modernità. Ma jiswiex biss dak li jiffunzjona u ma jiswiex biss dak li jipproduċi. Il-persuni morda huma fiċ-ċentru tal-poplu ta’ Alla, li jimxi ’l quddiem flimkien bħala profezija ta’ umanità li fiha kull wieħed u waħda huwa prezzjuż u ħadd ma huwa skart. Fl-interċessjoni ta’ Marija, Saħħa tal-morda, nafda lil kull wieħed u waħda minnkom, li intom morda; intom li tieħdu ħsiebhom fil-familja, fix-xogħol, fir-riċerka u fil-volontarjat; u lilkom li timpenjaw ruħkom biex iddommu rabtiet personali, ekkleżjali u ċivili ta’ fraternità. Lilkom ilkoll mill-qalb nibgħat il-Barka appostolika.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 10 ta’ Jannar 2023.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Mons. Renato Borg