Laikos

 

Mill-Papa Franġisku ...


MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
GĦAS-57 JUM DINJI
TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET SOĊJALI

Nitkellmu mill-qalb.
«
Nagħmlu s-sewwa fl-imħabba» (Ef 4,15)w

Għeżież ħuti

Wara li fis-snin li għaddew irriflettejt fuq il-verbi “mur u ara” u “isma’”, bħala kundizzjoni biex il-komunikazzjoni tkun tajba, b’dal-Messaġġ għas-LVII Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, nixtieq nirrifletti fuq it-tema “nitkellmu mill-qalb”  Hija l-qalb li ċċaqlaqna biex immorru, naraw u nisimgħu u hija l-qalb li timbuttana lejn komunikazzjoni miftuħa u akkoljenti. Wara li nkunu tħarriġna fis-smigħ, li jitlob stennija u paċenzja, kif ukoll li niċċaħdu li naffermaw b’mod preġudizzjali l-opinjoni tagħna, nistgħu nidħlu fid-dinamika tad-djalogu u l-kondiviżjoni li hija appuntu l-komunikazzjoni kordjali.  Wara li nkunu smajna lill-ieħor b’qalb safja, jirnexxielna wkoll nitkellmu bil-verità fl-imħabba (cfr Ef 4,15).  M’għandniex nibżgħu inxandru l-verità, (minkejja li xi kultant hi skomda) imma, li dan nagħmluh b’nuqqas ta’ karità, bla qalb.  Għaliex “il-programm tan-nisrani – kif kiteb Benedittu XVI – “hu qalb li tara” !  Qalb li bit-taħbita tagħha turi l-verità dwar min aħna u għalhekk għandha tkun mismugħa.  Lil min jisma’ ġġibu jaqbel ma’ dak li jkun sal-punt li f’qalbu stess iħoss ukoll it-taħbita tal-ieħor.  Allura jkun jista’ jseħħ il-miraklu tal-laqgħa, li twassalna nħarsu lejn xulxin bil-kumpassjoni, nilqgħu id-dgħufijiet reċiproċi bir-rispett, minflok niġġudikaw skont dak li smajna u niżirgħu n-nuqqas ta’ qbil u l-firda.

Ġesù jwissina li kull siġra tingħaraf mill-frott tagħha (cfr Lq 6,44): “Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (V. 45).  Għalhekk, biex nikkomunikaw skont il-verià bil-karità jeħtieġ insaffu qlubna.  Biss meta nisimgħu u nitkellmu b’qalb safja nkunu nistgħu nħarsu ‘l hinn mill-apparenza u ngħelbu l-ħsejjes imċajpra li, anki fil-qasam tal-informazzjoni, mhumiex ta’ għajnuna biex niddixxernu l-kumplessità tad-dinja li ngħixu fiha.  L-appell biex nitkellmu minn qalbna jinterpella radikalment żmienna, żmien inklinat għall-aħħar lejn l-indifferenza u r-rabja, kultant anki minħabba d-diżinformazzjoni li tiffalsifika u tistrumenalizza l-verità.

Komunikazzjoni kordjali

Il-komunikazzjoni kordjali tifisser li min jaqrana u jismagħna jkun lest jaqsam magħna l-ferħ u l-biżgħat, it-tamiet u t-tbatija tan-nisa u tal-bnedmin ta’ żmienna.   Min jitkellem hekk irid il-ġid tal-ieħor għax jgħożżu u jħarislu l-libertà tiegħu, bla ma jinvadieha.  Nistgħu nilmħu dan l-istil fil-Vjaġġatur misterjuz li jiddjaloga mad-dixxipli sejrin lejn Għemmaus wara t-traġedja li kienet seħħet fuq il-Golgota.   Ġesù rxoxt ikellimhom minn qalbu, jakkumpanja bir-rispett it-triq tan-niket tagħhom, jipproponi ruħu bla ma jimponi ruħu, jiftħilhom moħħhom bl-imħabba biex jifhmu s-sens profond ta’ dak li ġara.  Infatti huma jistgħu jistqarru bil-ferħ li qalbhom kienet imħeġġa meta Hu kien qed ikellimhom tul għonq it-triq u kien jispjegalhom l-Iskrittura (cfr Lq 24,32).

F’perjodu storiku ttimbrat mill-polarizzazzjoni u l-kontrappozizzjoni – li sfortunatament lanqas il-komunità ekkleżjali mhi meħlusa minnhom – l-impenn għall-komunikazzjoni “mill-qalb u b’dirgħajn niftuħa” ma tolqotx biss lill-operaturi tal-informazzjoni, iżda hi responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ilkoll għandna s-sejħa li nfittxu li ngħidu l-verità u dan nagħmluh bil-karità.  Aħna l-insara, b’mod partikolari, il-ħin kollu mħeġġin biex inħarsu lsienna mill-ħażen (cfr Salm 34,14), għax kif tgħallima l-Iskrittura, bih nistgħu ukoll inbierku lill-Mulej u nisħtu lill-bnedmin xbieha t’Alla (cfr Ġak 3,9).  Minn fommna qatt m’għandu joħroġ kliem mhux xieraq “iżda pjuttost kliem sewwa li jedifika skont il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu” (Ef 4,29).

Kultant, il-kliem ħlejju jiftaħ tiċrita saħansitra fil-qlub l-aktar iebsa.  Għandna ħjiel ta’ dan fil-letteratura wkoll.  Qed niftakar f’dik il-paġna memorabbli fil-kapitlu XXI tal-Promessi Sposi li fiha Lucia tkellem minn qalbha lil-Innominato sakemm dan, mitluf u tturmentat minn kriżi interjuri li staħjietu, iċedi quddiem il-qawwa ġentili tal-imħabba.  Aħna nagħmlu din l-esperjenza fil-konvivenza ċivika fejn il-ġentilezza mhix biss kwistjoni ta’ “galteo”, imma antidotu veru u propju għall-krudeltà, li sfortunatament tista’ tavvelena l-qlub u r-relazzjonijiet.  Dan neħtiġuh fil-qasam tal-midja, ħalli l-komunikazzjoni ma tinċitax rankur li jeżaspera, ma tiġġenerax rabja u twassal għat-taqbid, imma tgħin lin-nies jirriflettu bil-kalma, janalizzaw bi spirtu kritiku u rispettuz dejjem, ir-realtà li qed ngħixu fiha.

 

Il-komunikazzjoni bejn il-qlub: “Biex titkellem kif għandek titkellem biżżejjed li tħobb

San Franġsik de Salle hu wieħed mill-aktar eżempji mdawlin u għadhom isaħħruk sal-lum bħala eżempju ta’ persuna li “titkellem mill-qalb”.  Lil dan id-Duttur tal-Knisja għadni kif iddedikajtlu Ittra Appostolika Totum Amoris est, fl-okkażjoni tal-400 sensa minn mewtu.  Flimkien ma’ dan l-anniversarju importanti, f’diċ-ċirkostanza hu pjaċir tiegħi infakkar ieħor li qed iseħħ ukoll fl-2023: iċ-ċentinarju tal-proklamazzjoni tiegħu bħala patrun tal-ġurnalisti kattoliċi minn Piju XI bl-Enċiklika Rerum omnium perturbationem.  Intellett brillanti, kittieb għammiel, teologu ta’ sustanza kbira, San Franġisk de Salle kien isqof ta’ Ġinevra fil-bidu tas-seklu XVII, tul snin diffiċli, immarkati b’diskussjonijiet imqanqlin sew mal-kalvinisti.  L-atteġġjament manswet tiegħu, l-umanità tiegħu id-dispożizzjoni għad-djalogu bil-paċenzja u ma’ kulħadd u speċjalment ma’ min kien jopponih, għamluh xhud straordinarju tal-imħabba mimlija ħniena ta’Alla.  Dwaru seta’ jingħad li kien “fomm li jagħti gost ikattar il-ħbieb, u ilsien li jitkellem tajjeb ikollu ħafna min jirrispettah” (Sir 6,5).  Infatti, waħda mill-affermazzjonijiet l-aktar ċelebri tiegħu: il-qalb tkellem lill-qalb”, nebbħet ġenerazzjonijiet ta’ fidili, fosthom San John Henry Newman, li kien għażilha bħala motto tiegħu: Cor ad cor loquitur.  “Biex titkellem kif għandek titkellem, biżżejjed tħobb”, kienet waħda mill-konvinzjonijiet tiegħu. Hu juri kif għalih il-komunikazzjoni qatt m’għandha tispiċċa sservi l-interessi personali tagħna, - illum ngħidu - strateġija ta’ marketing, iżda għandha tkun rifless tal-qalb, il-qoxra li tidher ta’ nukleju ta’ mħabba li l-għajn ma tistax taraha.  Għal San Franġisk de Salle hu propju “fil-qalb u permezz tal-qalb li jitwettaq dak il-proċess unitarju sottili u qawwi li bis-saħħa tiegħu l-bniedem jagħraf ‘l Alla” (2).  “Għax ħabb kif imiss” San Franġisk irnexxilu jikkomunika ma’ Martin li kien trux u mutu, sar ħabib tiegħu; għalhekk infakkruh ukoll bħala l-protettur tal-persuni b’diżabbiltajiet komunikattivi.

Ibda minn “dal-kriterju tal-imħabba” bil-kitbiet tiegħu u x-xhieda ta’ ħajtu, il-qaddis isqof ta’ Ġinevra jfakkarna li “kif nikkomunikaw juri x’aħna”.  Lezzjoni li llum hi kontra l-kurrent fi żmien meta, kif qed naraw fil-komunikazzjonijiet soċjali, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni spiss ħafna tisfa’ strumentalizzata ħalli d-dinja tarana kif nixtiequha tarana aħna, u mhux kif fil-fatt aħna.  San Franġisk de Salle qassam għadd ta’ kopji ta’ kitbietu fost il-komunità ġinevrina.  Din l-intwizzjoni “ġurnalistika” bnietlu fama li f’ħakka t’għajn dwiet lil hinn mill-perimetru tad-djoċesi tiegħu u qatt ma waqfet sal-lum.  Kitbietu, osserva San Pawlu VI, jiġġeneraw qari “li jaħji bil-kbir, jgħallem, jistimola” (3).  Jekk illum inħarsu lejn il-panorama tal-komunikazzjoni, mhumiex propju dawn il-karatteristiċi li artiklu, rapport, servizz bir-radju jew it-telviżjoni jew kumment fuq il-mezzi soċjali, suppost għandhom jissodisfaw?  L-operaturi tal-komunikazzjoni jistgħu jispiraw ruħhom minn dal-qaddis tat-tenerezza, billi jfittxu u jirrakkuntaw il-verità bil-kuraġġ u l-libertà, u jwarrbu t-tentazzjoni li jużaw kliem biex jimpressjona u aggressiv.

Fil-proċess sinodali nitkellmu mill-qalb

Kif kelli ċ-ċans nisħaq “fil-Knisja wkoll hemm bżonn kbir tas-smigħ u li nisimgħu lil xulxin.  Hu d-don l-aktar prezzjuz u ġenerattiv li nistgħu noffru lil xulxin” (4). Mis-smigħ bla preġudizzji, attent u disponibbli, jinbet diskors skont l-istil ta’ Alla, mgħammar bil-qrubija, kumpassjoni u tenerezza.  Fil-Knisja għandna bżonn urġenti ta’ komunikazzjoni li tħeġġeġ il-qlub, li tkun balzmu fuq il-ġrieħi u ddawwal il-mixja tal-aħwa.  Jien noħlom li jkun hemm komunikazzjoni ekkleżjali li tagħraf tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxieha, tkun ġentili u fl-istess ħin profetika, li tagħraf issib forom u modi ġodda għat-tħabbir meraviljuz li hi msejħa twassal fit-tielet millennju.  Komunikazzjoni li fiċ-ċentru tqiegħed ir-relazzjoni ma’ Alla u mal-proxxmu, speċjalment dak l-aktar fil-bżonn, u tagħraf tkebbes in-nar tal-fidi pjuttost milli tipproteġi l-irmied ta’ identità awtoreferenzjali.  Komunikazzjoni li l-bażi tagħha jkunu s-smigħ bl-umiltà u l-parresia fi kliemha, li qatt ma tifred il-verità mill-karità.

Nippromwovu lingwaġġ ta’ paċi biex inrattbu l-qlub

“Bil-kelma t-tajba tkisser l-għadam” jgħid il-Ktieb tal-Proverbji (25,15).  Illum hemm bżonn nitkellmu mill-qalb daqs qatt qabel biex nippromwovu kultura ta’ paċi fejn hemm il-gwerra; biex niftħu mogħdijiet li jippermettu d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni fejn isaltnu l-mibgħeda u l-ostilità.  Fil-kuntest drammatiku ta’ kunflitt globali li qed ngħixu fih bħalissa, huwa urġenti li nsostnu komunikazzjoni nieqsa mill-ostilità.  Jeħtieġ ngħelbu “d-drawwa li malajr malajr niskreditaw lill-avversarju, numiljawh bl-insulti, u minflok nibdew djalogu miftuħ u rispettuz” (5).  Għandan bżonn komunikaturi lesti biex jiddjalogaw, kollaboraturi biex id-diżarm ikun sħiħ u impenjati biex ikissru l-psikożi ta’ gwerra li tbejjet fi qlubna, kif kien eżortana profetikament San Ġwanni XXIII fl-Enċiklika Pacem in terris: “Il-vera paċi tinbena biss bil-fiduċja f’xulxin” (n. 61).  Fiduċja li teħtieġ komunikaturi mhux magħluqin fit-trunċieri imma kuraġġiżi u kreattivi, lesti jirriskjaw biex isibu terren komuni fejn jiltaqgħu flimkien.  Bħal sittin sena ilu llum ukoll għaddejjin minn siegħa mudlama li fiha fuq livell komunikattiv, l-umanità hi mbeżża’ minn eskalazzjoni ta’ gwerra, li għandha tittwaqqaf minnufih.  Nibqgħu mwerwrin meta nisimgħu b’liema faċilità qed jingħad kliem li jsejjaħ għall-qerda ta’ popli u territorji.  Kliem li, sfortunamtament spiss jissarraf f’azzjonijiet ta’ gwerra, ta’ vjolenza mistmella.  Din hi r-raġuni għala għandna nirrifjutaw kull retorika ta’ gwerra, kif ukoll kull forma ta’ propaganda li timmanipola, tiffalsifika l-verità, tgħawwiġha għal għanijiet ideoloġiċi.  Minflok, hemm bżonn nippromwovu, fil-livelli kollha, komunikazzjoni li tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ fejda ħalli jissolvew il-kontroversji bejn il-popli.

Għax aħna nsara, nafu li propju l-konverżjoni tal-qalb hi deċisiva għad-destin tal-paċi, għaliex il-virus tal-gwerra jinbet mill-qiegħ tal-qalb umana (6).  Mil-qalb jitnissel il-kliem xieraq li jħoll id-dellijiet ta’ dinja magħluqa u mifruda u jibni ċiviltà aħjar minn dik li rċevejna aħna.  Hu sforz mitlub minn kull wieħed u waħda minna, imma b’mod partikolari hu twissija għas-sens ta’ responsabbiltà tal-operaturi tal-komunikazzjoni, ħalli huma jqisu l-professjoni tagħhom bħala missjoni.

Il-Mulej Ġesù, Kelma safja li tnixxi mill-qalb tal-Missier, jgħinna nagħmlu l-komunikazzjoni tagħna ħielsa, nadifa u kordjali.

Il-Mulej Ġesù, Kelma li saret laħam, jgħinna biex nibdew nisimgħu it-taħbita tal-qlub, biex niskopru mill-ġdid li aħna aħwa, u jġarraf l-ostilità li tifred.

Il-Mulej Ġesù, Kelma tal-verità u mħabba, jgħinna ngħidu l-verita bil-karità, biex inħossu li aħna kustodji ta’ xulxin. 

Ruma, San Giovanni in Laterano, 24 ta’ Jannar, 2023, memorja ta’ San Franġisk de Salle.
 

FRANĠISKU

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

 

[1] Enċ. Deus caritas est, 31.

[2] Ittra App.Totum amoris est (28 ta’ Diċembru, 2022).

[3] Epistola App. Sabaudiae gemma fir-IV Ċentinarju tat-twelid ta’ San Franġisk de Salle, Duttur tal-Knisja (29 ta’ Jannar, 1967).

[4] Messaġġ għas-LVI Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali (24 ta’ Jannar, 2022).

[5]Enċ. Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru, 2020), 201.

[6] Cfr Messaġġ għas-56 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 2023.