MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

IR-IV JUM DINJI TAL-FOQRA

 

It-XXXIII Ħadd fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena

15 ta’ Novembru 2020

 

Midd idek għall-fqir” (ara Sir 7:32)

 

“Midd idek għall-fqir” (ara Sir 7:32). L-għerf tal-qedem qiegħed dawn il-kelmiet bħal liġi qaddisa li wieħed għandu jimxi fuqha tul ħajtu. Dan jidwi llum bil-qawwa kollha tat-tifsira tiegħu biex jgħin lilna wkoll niffissaw ħarsitna fuq l-essenzjal u negħlbu l-ħitan tal-indifferenza. Il-faqar dejjem jilbes uċuħ differenti, li jitolbu attenzjoni għal kull qagħda partikulari: f’kull waħda minn dawn nistgħu niltaqgħu mal-Mulej Ġesù, li wriena li hu preżenti fl-aħwa l-aktar dgħajfa (ara Mt 25:40).

 

1. Naqbdu f’idejna lil Bin Sirak, wieħed mill-kotba tat-Testment il-Qadim. Hawn insibu l-kliem ta’ mgħallem għaref li għex xi mitejn sena qabel Kristu. Hu kien ifittex l-għerf li jagħmel lill-bnedmin persuni aħjar u li kapaċi jgħarblu fil-fond il-ġrajjiet tal-ħajja. Dan għamlu fi żmien ta’ prova iebsa għall-poplu ta’ Iżrael, żmien ta’ tbatija, luttu u faqar minħabba fil-ħakma ta’ qawwiet barranin. Billi kien bniedem ta’ fidi kbira, b’għeruqu fit-tradizzjonijiet ta’ missirijietu, l-ewwel ħsieb tiegħu kien li jdur lejn Alla biex jitlob lilu d-don tal-għerf. U l-Mulej ma ħalliehx nieqes mill-għajnuna tiegħu.

 

Sa mill-ewwel paġni tal-ktieb, Bin Sirak jesponi l-pariri tiegħu fuq bosta sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja, u l-faqar hu waħda minnhom. Hu jisħaq fuq il-fatt li fit-tbatija wieħed irid ikollu fiduċja f’Alla: “Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ, biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ. Ingħaqad miegħu u titilqux, u tikber fil-ġieħ fi tmiem ħajtek. Kulma jiġi fuqek ilqgħu, u żomm sħiħ fit-tibdil li jumiljak. Għax id-deheb jippruvawh fin-nar, u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni. Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek, żomm triqatek dritti u ttama fih. Intom li tibżgħu mill-Mulej stennew ħnientu, u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu” (2:2-7).

 

2. Paġna wara l-oħra, niskopru kompendju prezzjuż ta’ suġġerimenti fuq kif għandna nġibu ruħna fid-dawl ta’ relazzjoni intima ma’ Alla, ħallieq u maħbub tal-ħolqien, ġust u jipprovdi għal uliedu kollha. Imma r-riferiment kontinwu għal Alla ma jżommniex milli nħarsu lejn il-bniedem konkret, anzi bil-maqlub, iż-żewġ affarijiet huma marbuta qatigħ ma’ xulxin.

 

Dan turih b’mod konkret is-silta li minnha hu meħud it-titlu ta’ dan il-Messaġġ (ara 7:29-36). It-talb lil Alla u s-solidarjetà mal-foqra u l-muġugħa ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Biex niċċelebraw qima li togħġob lil Alla, hemm bżonn nagħrfu li kull persuna, imqar dik l-iżjed miżerabbli u mżebilħa, qed iġġorr fiha x-xbieha ta’ Alla. Minn din l-attenzjoni joħroġ id-don tal-barka divina, li aħna niġbdu fuqna bil-ġenerożità li nuru mal-fqir. Għalhekk, iż-żmien li niddedikaw lit-talb qatt m’għandu jsir skuża biex inwarrbu l-proxxmu fil-ħtieġa. Anzi, il-verità hi bil-maqlub: il-barka tal-Mulej tinżel fuqna u t-talb jilħaq l-iskop tiegħu meta huma mseħbin mill-qadi lill-foqra.

 

3. Kemm hu attwali għalina wkoll dan it-tagħlim antik! Fil-fatt, il-Kelma ta’ Alla tgħaddi kull spazju, żmien, reliġjon u kultura. Il-ġenerożità li twieżen lid-dgħajjef, tfarraġ lill-maħqur, ittaffi t-tbatijiet, trodd id-dinjità lil min ġie mċaħħad minnha, hija kundizzjoni għal ħajja tassew umana. L-għażla li niddedikaw l-attenzjoni tagħna lill-foqra, għall-ħafna ħtiġijiet differenti tagħhom, ma tistax tkun ikkundizzjonata miż-żmien li għandna f’idejna jew minn interessi privati, lanqas minn proġetti pastorali jew soċjali maqtugħin mir-realtà. Ma nistgħux nifgaw il-qawwa tal-grazzja ta’ Alla minħabba fit-tendenza narċisistika li nqiegħdu dejjem lilna nfusna fl-ewwel post.

 

Huwa diffiċli li nżommu ħarsitna msammra fuq il-fqir, imma dan hu meħtieġ iżjed minn qatt qabel biex nistgħu nagħtu lill-ħajja personali u soċjali tagħna d-direzzjoni t-tajba. M’aħniex nitkellmu fuq kemm diskors ngħidu, imma pjuttost fuq kemm inħabirku tassew f’ħajjitna, imqanqla mill-imħabba divina. Kull sena, bil-Jum Dinji tal-Foqra, nerġa’ lura fuq din ir-realtà fundamentali għall-ħajja tal-Knisja, għax il-foqra huma u dejjem se jkunu magħna (ara Ġw 12:8) biex jgħinuna nilqgħu il-kumpanija ta’ Kristu fil-ħajja ta’ kuljum.

 

4. Il-laqgħa tagħna ma’ persuna fil-faqar dejjem tipprovokana u tisfidana. Kif nistgħu ngħinu biex neqirdu jew tal-inqas intaffu l-emarġinazzjoni tagħha u t-tbatija tagħha? Kif nistgħu ngħinuha fil-faqar spiritwali tagħha? Il-komunità Nisranija hi msejħa tidħol f’din l-esperjenza ta’ qsim, fl-għarfien li ma tistax tiddelegaha lil oħrajn. U biex inkunu ta’ għajnuna għall-foqra hu fundamentali ngħixu aħna l-ewwel il-faqar evanġeliku. Ma nistgħux inħossuna “sew” meta hemm membru tal-familja umana mixħut għall-ġenb jew li sar biss dell. Il-karba siekta ta’ tant foqra għandha ssib il-poplu ta’ Alla fuq quddiem, dejjem u kullimkien, biex jagħtihom leħen, biex jiddefendihom u juri solidarjetà magħhom quddiem tant ipokrezija u tant wegħdiet injorati, u biex jistedinhom jieħdu sehem fil-ħajja tal-komunità.

 

Huwa minnu, il-Knisja m’għandhiex soluzzjonijiet sħaħ x’tipproponi, imma toffri, bil-grazzja ta’ Kristu, ix-xhieda u l-ġesti tagħha ta’ qsim. Barra minn hekk, hi tħossha fid-dmir li tressaq it-talbiet ta’ dawk li m’għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu. Li jfakkar fil-valur kbir tal-ġid komuni huwa għall-poplu Nisrani impenn ta’ ħajja sħiħa, li jitwettaq fit-tentattiv li ma jinsa lil ħadd minn dawk kollha li l-umanità tagħhom hi vvjolata fil-bżonnijiet fundamentali tagħha.

 

5. Meta nnewlu jdejna niskopru, qabelxejn aħna stess li nagħmlu dan, li ġewwa fina hemm il-ħila li nwettqu ġesti li jagħtu sens lill-ħajja. Kemm idejn imnewla naraw ta’ kuljum! B’xorti ħażina, qed naraw dejjem iżjed ta’ spiss l-għaġla tkaxkarna ġo ċiklun ta’ indifferenza, tant li m’għadniex kapaċi nagħrfu l-ħafna tajjeb li ta’ kuljum isir fis-skiet u b’tant ġenerożità. U allura jiġri li, iridu jseħħu fatti li jgerfxu l-mixja ta’ ħajjitna, biex għajnejna jibdew jilmħu t-tjieba tal-qaddisin “tal-bieb ta’ maġenbna”, “ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna u huma mera tal-preżenza ta’ Alla” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 7), imma li ħadd qatt ma jitkellem fuqhom. L-aħbarijiet koroh jimlew il-paġni tal-ġurnali, is-siti elettroniċi u l-iskrins tat-televiżjoni, tant li jġagħluna nemmnu li l-ħażen isaltan rebbieħ. Mhuwiex hekk. M’għandniex xi ngħidu, ma jonqsux il-ħażen u l-vjolenza, l-oppressjoni u l-korruzzjoni, imma l-ħajja hi minsuġa minn għemejjel ta’ rispett u ta’ ġenerożità li mhux biss jagħmlu tajjeb għall-ħażen, imma jġagħluna mmorru lil hemm u nimtlew bit-tama.

 

6. Li nnewlu jdejna hu sinjal: sinjal li minnufih ifakkarna fil-qrubija, fis-solidarjetà, fl-imħabba. F’dawn ix-xhur, li fihom id-dinja kollha ġiet bħal mirbuħa minn virus li ġab biss tbatija u mewt, uġigħ u konfużjoni, kemm idejn imnewla stajna naraw! L-id imnewla tat-tabib li jieħu ħsieb ta’ kull pazjent u jfittex ir-rimedju t-tajjeb. L-id imnewla tal-infermiera u tal-infermier li, wisq lil hemm mill-orarji tax-xogħol tagħhom, jibqgħu hemm biex jieħdu ħsieb tal-morda. L-id imnewla ta’ min jaħdem fl-amministrazzjoni u jipprokura l-mezzi biex isalva kemm jista’ jkun ħajjiet. L-id imnewla tal-ispiżjar espost għal tant talbiet f’kuntatt riskjuż man-nies. L-id imnewla tas-saċerdot li jbierek b’qalbu ttorturata. L-id imnewla tal-voluntier li jgħin lil min jgħix fit-triq u lil dawk li, imqar jekk għandhom saqaf fuq rashom, m’għandhomx x’jieklu. L-id imnewla ta’ rġiel u nisa li jaħdmu biex joffru s-servizzi essenzjali u s-sigurtà. U nistgħu nibqgħu nitkellmu dwar idejn oħra mnewla sa ma ninsġu litanija ta’ opri tajba. Dawn l-idejn kollha sfidaw il-kuntaġġ u l-biża’ biex setgħu jagħtu għajnuna u faraġ.

 

7. Din il-pandemija ġiet ħabta u sabta u qabditna fuq sieq waħda, u ħalliet sens kbir ta’ fixla u nuqqas ta’ saħħa. Imma l-id imnewla lill-fqir ma waslitx hekk ħabta u sabta. Pjuttost, din toffri x-xhieda ta’ kif wieħed iħejji ruħu biex jagħraf lill-fqir u jwieżnu fiż-żmien tal-bżonn. L-għodod tal-ħniena ma jiġux hekk f’salt. Hemm bżonn ta’ taħriġ ta’ kuljum, li jitlaq mill-għarfien ta’ kemm aħna l-ewwel u qabel kollox għandna bżonn ta’ id imnewla lilna.

 

Dan il-mument li qed ngħixu poġġa fi kriżi tant ċertezzi li kellna. Qed inħossuna iżjed foqra u iżjed dgħajfa għax doqna s-sens tal-limitu u r-restrizzjoni tal-libertà. It-telfien tax-xogħol, tal-imħabbiet l-iżjed għeżież, kif ukoll in-nuqqas tar-relazzjonijiet interpersonali tas-soltu, f’daqqa waħda fetħu beraħ quddiemna ixfqa li ma konniex għadna mdorrijin nosservaw. Poġġejna fid-dubju l-istess għana spiritwali u materjali tagħna u skoprejna l-biża’ li hemm fina. Magħluqin fil-ħemda ta’ djarna, skoprejna mill-ġdid kemm hi importanti s-sempliċità u li nżommu għajnejna msammra fuq l-essenzjal. Kibret fina l-esiġenza ta’ fraternità ġdida, kapaċi għall-għajnuna reċiproka u l-istima lejn xulxin. Dan hu ż-żmien it-tajjeb biex “nisimgħu mill-ġdid li neħtieġu wieħed tal-ieħor, li għandna responsabbiltà lejn l-oħrajn u lejn id-dinja […].  Diġà ilna biżżejjed sejrin lura moralment, nilagħbu bl-etika, bit-tjieba, bil-fidi, bl-onestà […]. Dan it-tiġrif ta’ kull fundament tal-ħajja soċjali jispiċċa biex iġibna wieħed kontra l-ieħor, moħħna kif ħa naqbżu għall-interessi personali tagħna, u jqanqal il-qawmien ta’ xejriet ġodda ta’ vjolenza u kefrija, u jżomm l-iżvilupp ta’ kultura vera tal-ħarsien tal-ambjent” (Ittra enċiklika Laudato si’, 229). F’kelma waħda, il-kriżijiet kbar ekonomiċi, finanzjarji u politiċi mhumiex se jieqfu sakemm inżommu rieqda r-responsabbiltà li kull wieħed u waħda minna għandu jħoss lejn il-proxxmu u lejn kull persuna.

 

8. “Midd idek għall-fqir”, għalhekk, hija stedina għar-responsabbiltà bħala impenn dirett ta’ kull min iħossu parteċipi fl-istess xorti. Tinċitana biex inħossu fuqna l-piżijiet tal-iżjed dgħajfa, kif ifakkarna San Pawl: “Aqdu lil xulxin fl-imħabba. Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’. […] Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu” (Gal 5:13-14; 6:2). L-Appostlu jgħallimna li l-libertà li ngħatatilna bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu hija għal kull wieħed u waħda minna responsabbiltà biex naqdu lill-oħrajn, fuq kollox lill-iżjed dgħajfin. Din mhix xi eżortazzjoni fakultattiva, imma kundizzjoni tal-awtentiċità tal-fidi li nistqarru.

 

Il-ktieb ta’ Bin Sirak nerġgħu nsibuh jgħinna: jissuġġerixxi għemejjel konkreti biex inwieżnu lill-aktar dgħajfa u juża wkoll xi xbihat suġġestivi. L-ewwel iqis id-dgħufija ta’ dawk li huma mnikkta: “Tonqosx lejn ta’ qalbhom maqsuma, imma ibki ma’ min hu mbikki” (7:34). Il-perjodu tal-pandemija ġagħalna noqogħdu bilfors f’iżolament, żammna saħansitra milli nistgħu nfarrġu u nersqu qrib ta’ ħbieb u nies li nafu u li sfaw imnikkta minħabba li tilfu lill-għeżież tagħhom. U jerġa’ jafferma l-awtur sagru: “Tħallix li żżur bniedem marid” (7:35). Missejna b’idejna xi jfisser ma tistax toqgħod biswit min qed ibati, u fl-istess waqt għarafna d-dgħufija tal-ħajja tagħna. Fi ftit kliem, il-Kelma ta’ Alla ma tħallina qatt bi kwietna u tibqa’ tqanqalna biex nagħmlu l-ġid.

 

9. “Midd idek għall-fqir”, b’kuntrast ma’ dan, tixħet dawl fuq l-imġiba ta’ dawk li jżommu jdejhom fil-but u ma jħallux iqanqalhom il-faqar, li spiss huma stess kompliċi fih. L-indifferenza u ċ-ċiniżmu huma l-ħobża tagħhom ta’ kuljum. X’differenza mill-idejn miftuħa li għadna kemm fissirna! Fil-fatt, hemm idejn miftuħa biex imissu malajr it-tastiera ta’ kompjuter u jittrasferixxu somom ta’ flus minn naħa tad-dinja għall-oħra, u hekk jiddekretaw l-għana ta’ oligarkiji ristretti u l-miżerja ta’ ħafna jew il-falliment ta’ nazzjonijiet sħaħ. Hemm idejn miftuħa biex iġemmgħu l-flus bil-bejgħ ta’ armamenti li jdejn oħra, anki ta’ tfal, se jużaw biex jiżirgħu mewt u faqar. Hemm idejn miftuħa li fid-dlam jiskambjaw dożi ta’ mewt biex jistagħnew huma u jgħixu fil-lussu u fir-regħba li ttir mar-riħ. Hemm idejn miftuħa li minn taħt jiskambjaw favuri illegali għal gwadann irħis u korrott. U hemm ukoll idejn miftuħa li fir-rispettabbiltà ipokrita jistabbilixxu liġijiet li huma stess ma josservawx.

 

F’dan ix-xenarju, “dawk li jitħallew barra, jibqgħu jistennew. Inħolqot globalizzazzjoni tal-indifferenza li qed twieżen dan l-istil ta’ ħajja li jeskludi lill-oħrajn, jew li jħeġġeġ iżjed għal dan l-ideal egoistiku. Kważi bla ma nintebħu, nitilfu l-ħila li tiġina ħniena quddiem il-karba tal-uġigħ tal-oħrajn, ma nibqgħux nibku iżjed quddiem it-tbatija tal-oħrajn, u lanqas jinteressana nieħdu ħsiebhom, qisu kollox kien responsabbiltà li ma tmissx lilna u għalina hi barranija” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 54). Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna sakemm dawn l-idejn li jiżirgħu l-mewt ma jinbidlux f’għodod ta’ ġustizzja u ta’ paċi għad-dinja kollha.

 

10. “F’kulma tagħmel ftakar fi tmiemek” (Sir 7:36). Din hi l-espressjoni li biha Bin Sirak jagħlaq din ir-riflessjoni tiegħu. It-test jitlob interpretazzjoni doppja. L-ewwel waħda turi li għandna bżonn inżommu dejjem quddiem għajnejna l-għan ta’ ħajjitna. Niftakru li d-destin komuni jista’ jkun ta’ għajnuna biex ngħixu ħajja attenta għal min hu l-ifqar u ma kellux l-istess possibbiltajiet tagħna. Hemm ukoll it-tieni interpretazzjoni, li pjuttost turi l-fini, l-għan li lejh kulħadd miexi. Huwa l-għan tal-ħajja tagħna li jitlob proġett xi nwettqu u mixja x’nagħmlu bla heda. Għalhekk, l-għan ta’ kull għemil tagħna ma jistax ikun ieħor għajr l-imħabba. Dan hu l-għan li lejh qbadna mexjin u xejn ma għandu jxekkilna minnu. Din l-imħabba hi qsim, għotja u qadi, imma tibda mill-kixfa li aħna l-ewwel li ġejna maħbuba u mqanqla għall-imħabba. Dan l-għan jidher fil-mument li fih it-tarbija tiltaqa’ mat-tbissima tal-omm u tħossha maħbuba għall-istess fatt li qed tgħix. Anki tbissima li naqsmu mal-fqir hi għajn ta’ mħabba u tippermettilna li ngħixu fil-ferħ. Għalhekk, l-id imnewla tista’ dejjem tistagħna bit-tbissima ta’ min ma jtaqqalx lil ħaddieħor bil-preżenza u l-għajnuna li joffri, imma jifraħ biss li qed jgħix l-istil tad-dixxipli ta’ Kristu.

 

F’din il-mixja ta’ laqgħa ta’ kuljum mal-foqra sseħbina l-Omm ta’ Alla, li iktar minn kull persuna oħra hija l-Omm tal-foqra. Il-Verġni Marija taf mill-qrib id-diffikultajiet u t-tbatijiet ta’ dawk li jħossuhom imwarrba, għax hi stess kellha tagħti d-dawl lill-Iben ta’ Alla fi stalla. Minħabba fit-theddida ta’ Erodi, ma’ żewġha Ġużeppi u t-tarbija Ġesù ħarbet lejn pajjiż ieħor, u l-qagħda ta’ rifuġjati mmarkat għal xi snin lill-istess Familja Mqaddsa. Ħa tkun it-talba ta’ Omm il-foqra li xxierek lil dawn uliedha l-iżjed maħbuba u dawk li jaqduhom f’isem Kristu. U t-talba tibdel l-id imnewla f’tgħanniqa ta’ qsim flimkien u ta’ fraternità misjuba mill-ġdid.

 

Ruma, San Ġwann Lateran,

13 ta’ Ġunju 2020, Tifkira liturġika ta’ Sant’Antnin ta’ Padova

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard