ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

IL-PAPA FRANĠISKU

LIS-SAĊERDOTI TAD-DJOĊESI TA’ RUMA

31 ta' Mejju 2020

 

Għeżież ħuti,

 

F’dan iż-żmien tal-Għid ħsibt li se niltaqgħu u niċċelebraw flimkien il-Quddiesa taż-Żjut. Billi mhuwiex possibbli li ssir ċelebrazzjoni fuq livell djoċesan, qed niktbilkom din l-ittra. Il-fażi l-ġdida li deħlin fiha titlob minna għaqal, ħsieb fit-tul u impenn komuni, biex l-isforzi u s-sagrifiċċji kollha li saru s’issa ma jisfawx fix-xejn.

 

F’dan iż-żmien tal-pandemija ħafna minnkom tkellmu miegħi, permezz tal-posta elettronika jew tat-telefon, dwar dak li fissret għalihom din is-sitwazzjoni mhux mistennija li ġabet fixla. Hekk, anki jekk ma stajtx noħroġ jew ikolli kuntatt dirett, għentuni nifhem dak li kontu għaddejjin minnu billi tajtuni l-informazzjoni direttament “minn ras il-għajn”. Dan li qsamtu miegħi sar parti mit-talb tiegħi, ħafna drabi biex nirringrazzja għax-xhieda kuraġġjuża u ġeneruża li kont qed nirċievi mingħandkom; drabi oħra biex b’fiduċja nitlob l-interċessjoni tal-Mulej li dejjem imidd idu lejna (ara Mt 14:31). Għalkemm kien hemm bżonn li nżommu d-distanza soċjali, dan ma waqqafniex milli nsaħħu s-sens ta’ appartenenza, ta’ komunjoni u ta’ missjoni, li għenna ma nħallux li l-karità, speċjalment mal-persuni u mal-komunitajiet l-iktar żvantaġġjati, tispiċċa kwarantina. Stajt nara, f’dawk id-djalogi sinċiera, li d-distanza li kien hemm bżonn inżommu ma kinitx tfisser għeluq fina nfusna li tilloppja, traqqad u tmewwet il-missjoni. 

 

Dak li qsamtu miegħi għamilli kuraġġ, għalhekk qed niktbilkom sabiex inkun iktar qrib tagħkom u nakkumpanjakom, naqsam magħkom u nkun ta’ konferma għall-mixja tagħkom. It-tama tiddependi minna wkoll, u titlobna nżommuha ħajja u mkebbsa; dik it-tama li tittieħed, li tikber u tissaħħaħ fil-laqgħa mal-oħrajn u li, bħala rigal u dmir, ingħatat lilna biex mill-ġdid nibnu n-“normalià” ġdida li tant nixtiequ.

 

Waqt li qed niktbilkom, niftakar fl-ewwel komunità tal-Appostli, li wkoll għexet mumenti fejn kellha tibqa’ kkonfinata, iżolata, żminijiet ta’ biża’ u inċertezza. Qattgħu ħamsin jum weqfin u magħluqin qabel dik l-ewwel tħabbira li kienet se tibdlilhom ħajjithom għal dejjem. Id-dixxipli, waqt li kienu bil-bibien magħluqa minħabba l-biża’, baqgħu mgħaġġba meta raw lil Ġesù li “qagħad f’nofshom u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom’. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: ‘Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom’” (Ġw 20:19-22). Ejjew nibqgħu mgħaġġba aħna wkoll!

 

“Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa (…), bil-bibien magħluqa” (Ġw 20:19).

 

Illum, bħal dakinhar, inħossu li “l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom” (Gaudium et spes, 1). Kemm nafuh sew dan! Ilkoll kemm aħna konna nisimgħu n-numri u l-persentaġġi li jum wara jum kienu jibbumbardjawna; missejna b’idejna l-uġigħ ta’ niesna. Dawk li kienu qed jaslulna ma kinux numri fil-bogħod: l-istatistiċi kellhom ismijiet, uċuħ, stejjer li kienu qasmu magħna. Bħala komunità ta’ presbiteri ma ġibniex ruħna ta’ barranin f’din is-sitwazzjoni u ma qgħadniex inħarsu lejha mit-tieqa; imxarrbin għasra bil-maltempata li ħakmet, intom sibtu modi kreattivi biex tkunu preżenti u takkumpanjaw lill-komunitajiet tagħkom: rajtu ’l-lupu ġej u ma ħrabtux jew ħallejtu ’l-merħla (ara Ġw 10:12-13).

 

Ġarrabna t-telfa mhux mistennija ta’ familjari, ġirien, ħbieb, parruċċani, konfessuri, punti ta’ riferiment għall-fidi tagħna. Iltqajna ma’ persuni li impossibbli jsibu faraġ għax ma setgħux ikunu qrib u jsellmu għall-aħħar darba lil xi ħadd li jħobbu, fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu. Rajna t-tbatija u l-frustrazzjoni tal-operaturi sanitarji li, bla saħħa, kienu jaħdmu bla heda fi ġranet twal ta’ ħidma, inkwetati li mhux ilaħħqu ma’ tant xogħol. Ilkoll smajna bin-nuqqas ta’ sikurezza u l-biża’ ta’ ħaddiema u voluntiera li kienu jkunu esposti kuljum, sabiex jiżguraw li jiġu offruti s-servizzi essenzjali; u anki biex jakkumpanjaw u jieħdu ħsieb lil dawk li, minħabba li huma esklużi u vulnerabbli, kienu qed ibatu iktar il-konsegwenzi ta’ din il-pandemija. Smajna u rajna d-diffikultajiet u s-sofferenza kkawżati mill-konfinament soċjali: is-solitudni u l-iżolament b’mod speċjali tal-anzjani; l-ansjetà, id-diqa u l-inkwiet għan-nuqqas ta’ sigurtà fejn tidħol l-inċertezza fix-xogħol u l-inċertezza residenzjali; il-vjolenza u l-għeja fir-relazzjonijiet. Il-biża’ antik mill-kontaġġ reġa’ għolla rasu bis-sħiħ. Ħassejna wkoll il-piena u l-inkwiet ta’ familji sħaħ li ma jafux hux se jkollhom x’jieklu l-ġimgħa d-dieħla.

 

Ħassejna fuq il-ġilda tagħna stess l-istess vulnerabbiltà u s-sensazzjoni li ma tista’ tagħmel xejn. Bħalma l-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari, hekk ukoll kellna ngħaddu minn prova (ara Sir 27:5). Mifxulin b’dak kollu li kien qed jiġri, ġarrabna, b’iktar qawwa, il-prekarjetà ta’ ħajjitna u tar-responsabbiltajiet appostoliċi tagħna. Is-sitwazzjoni imprevedibbli kixfet kemm hu diffiċli għalina ngħixu u nħabbtu wiċċna ma’ xi ħaġa mhux magħrufa, li m’għandniex kontroll fuqha u, bħal kulħadd, tħawwadna, bżajna u ma konniex nafu x’naqbu nagħmlu. Hemm bżonn li ngħixuha wkoll din ir-rabja tajba u bżonnjuża, li tixprunana biex ma nintelqux quddiem l-inġustizzji u tfakkarna li aħna maħsubin u maħluqin għall-Ħajja. Bħal Nikodemu, billejl, stagħġibna għax “ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer”, u staqsejna lilna nfusna: “Kif qatt jista’ jkun dan?”; u Ġesù qalilna: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux?” (ara Ġw 3:8-10).

 

Il-kumplessità ta’ dak li kellna ngħixu ma ħalliex wisa’ għal riċetti jew risposti li nsibu f’xi manwal; kienet titlob ħafna iktar minn eżortazzjonijiet sempliċi jew kliem maħsubin biex jgħallmu, li ma kinux se jkunu kapaċi jidħlu fil-profond u jkopru b’mod sħiħ dak kollu li l-ħajja vera kienet qed titlob minna. L-uġigħ ta’ niesna kien qed iweġġagħna, l-inċertezzi tagħhom laqtuna, id-dgħufija komuni tagħna kixfitilna kull element falz ta’ kburija idealistika jew marbuta ma’ dak li suppost hu spiritwali, kif ukoll minn kull tentattiv puritan ta’ ħarba. Ħadd mhu barrani f’dan kollu li qed jiġri. Nistgħu ngħidu li bħala komunità għexna s-siegħa tal-biki tal-Mulej: bkejna quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru (ara Ġw 11:35), quddiem il-qlub magħluqa tal-poplu tiegħu (ara Lq 13:14; 19:41), fil-lejl mudlam tal-Ġetsemani (ara Mk 14:32-42; Lq 22:44). Hija wkoll is-siegħa tal-biki tad-dixxiplu quddiem il-misteru tas-Salib u tal-ħażen li jolqot ħafna innoċenti. Huwa d-dmugħ morr ta’ Pietru wara t-tradiment (ara Lq 22:62), dak ta’ Marija Maddalena quddiem il-qabar (ara Ġw 20:11).

 

Nafu li f’ċirkustanzi bħal dawn mhux faċli ssib it-triq li għandek taqbad, u mhux se jonqsu dawk li se jikkummentaw dwar dak li seta’ sar quddiem din ir-realtà ġdida. Il-modi kif soltu nġibu ruħna fir-relazzjonijiet, fl-organizzazzjoni, fiċ-ċelebrazzjonijiet, fit-talb, fil-laqgħat u saħansitra f’kif insolvu l-kunflitti, inbidlu u kellhom jiġu maħsuba mill-ġdid, minħabba preżenza inviżibbli li bidlet il-ħajja ta’ kuljum tagħna f’ħajja mimlija diffikultajiet. Mhuwiex biss fatt individwali, ta’ familja, ta’ xi grupp soċjali jew ta’ pajjiż. Il-karatteristiċi tal-virus iġibu fix-xejn il-loġika li biha konna mdorrijin naqsmu jew nikklassifikaw ir-realtà. Il-pandemija ma tafx b’aġġettivi, konfini, u ħadd ma jista’ jaħseb li se jegħlibha waħdu. Aħna lkoll milquta u involuti.

 

L-istorja ta’ soċjetà bbażata fuq il-prevenzjoni, impassibbli u dejjem lesta biex tonfoq bla limitazzjonijiet, m’għadhiex tinżlilna, għaliex inkixef kemm kien hemm nuqqas ta’ immunità kulturali u spiritwali quddiem id-diffikultajiet. Sensiela ta’ mistoqsijiet u problemi, antiki u ġodda (li ħafna reliġjonijiet kienu jaħsbu li għadda żmienhom u li huma affarijiet tal-passat) reġgħu dehru fl-orizzot u ħakmu l-attenzjoni. Mistoqsijiet li mhux se jsibu tweġiba sempliċement meta jerġgħu jinfetħu ħafna attivitajiet; pjuttost se jkun hemm bżonn li nitgħallmu nisimgħu b’attenzjoni u b’tama qawwija, b’mod kalm imma b’determinazzjoni, b’mod kostanti imma mhux aġitat, li jkun jista’ jipprepara u jiftaħ beraħ it-toroq li l-Mulej isejħilna nterrqu (ara Mk 1:2-3). Nafu li t-tbatija u l-esperjenzi ta’ niket ma noħorġux minnhom bla ma ninbidlu. Irridu nibqgħu għassa u attenti. Il-Mulej stess, fis-siegħa importanti tiegħu, talab hekk: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17:15). Mikxufa u milquta b’mod personali u komunitarju f’dak li fih aħna vulnerabbli u dgħajfa u fil-limitazzjonijiet tagħna, nirriskjaw li nirtiraw u li nibqgħu “nhewdnu” dwar id-deżolazzjoni li ġġib il-pandemija, kif ukoll li nintilfu f’ottimiżmu illimitat, li fih ma nibqgħux kapaċi naċċettaw id-dimensjoni reali ta’ dak li qed jiġri (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 226-228).

 

Iż-żminijiet ta’ tbatija jitolbu minna li nkunu kapaċi nagħmlu dixxerniment biex insibu liema huma t-tentazzjonijiet li jheddu li jżommuna lsiera ta’ atmosfera ta’ biża’ u konfużjoni, li mbagħad twaqqagħna f’sistema ta’ telqa li ma tħallix lill-komunitajiet tagħna jxandru l-ħajja ġdida li l-Mulej Irxoxt jixtieq jagħtina. Huma ħafna t-tentazzjonijiet, tipiċi ta’ dan iż-żmien, li jistgħu jgħammdulna għajnejna u jġiegħluna nrawmu ċertu sentimenti u attitudnijiet li joħonqu t-tama u ma jħalluhiex tistimula l-kreattività tagħna, it-talenti u l-kapaċità li noffru risposti. Ma jħalluniex nammettu b’onestà kemm hi gravi s-sitwazzjoni, imma nispiċċaw nippruvaw noħorġu minnha biss b’attivitajiet inutli li jieħdu post dak li kien isir qabel waqt li nistennew li kollox jerġa’ lura “għan-normal”, bla ma nagħtu kas tal-ġrieħi fondi u n-numru ta’ persuni li ntlaqtu fil-frattemp; nibqgħu saħansitra mgħarrqa f’ċerta nostalġija li tipparalizzana u nibqgħu naħsbu fil-passat reċenti u nispiċċaw ngħidu: “Xejn mhu se jerġa’ jkun bħal qabel”, u nitilfu l-kapaċità li nħeġġu lill-oħrajn joħolmu u jaħsbu f’toroq u stili ta’ ħajja ġodda.

 

“Ġie Ġesù u qagħad f’nofshom, u qalilhom: ‘Is-sliem għalikom!’. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lil-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: ‘Is-sliem għalikom!’” (Ġw 20: 19-21).

 

Il-Mulej ma għażilx jew fittex sitwazzjoni ideali biex reġa’ daħal fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu. Bla dubju konna nippreferu li dak kollu li ġara ma seħħx, imma seħħ; u bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, nistgħu nibqgħu mixjin tul it-triq nitħaddtu b’ħarsa ta’ niket (ara Lq 24:13-21). Imma meta daħal fiċ-Ċenaklu bil-bibien magħluqa, f’nofs l-iżolament, il-biża’ u l-inċertezza li kienu qed jgħixu fihom, il-Mulej kien kapaċi jibdel kull loġika u jagħti tifsira ġdida lill-istorja u lil dak li ġara. Kull żmien hu tajjeb biex inxandru l-paċi, l-ebda ċirkustanza mhi nieqsa mill-grazzja tiegħu. Il-preżenza tiegħu, f’nofs l-iżolament u l-assenza ta’ bilfors, għad-dixxipli tal-bieraħ u bħalhom għalina llum, tfisser jum ġdid li kapaċi jibdel it-telqa u r-rassenjazzjoni u jgħinna nużaw it-talenti kollha għas-servizz tal-komunità. Bil-preżenza tiegħu, l-iżolament isir produttiv u jagħti l-ħajja lill-komunità appostolika ġdida.

 

Ngħidu b’fiduċja u bla biża’: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). M’għandniex għax nibżgħu mix-xenarji kkumplikati li qed ngħixu għaliex hemm, f’nofshom, hemm il-Mulej; Alla dejjem wettaq il-miraklu li jagħmel ħafna frott (ara Ġw 15:5). Il-ferħ Kristjan jitwieled proprju minn din iċ-ċertezza. F’nofs il-kuntradizzjonijiet u l-affarijiet li ma nifhmux u li nsibu ma’ wiċċna ta’ kuljum, mgħarrqin u saħansitra storduti minħabba tant kliem u konnessjonijiet, hemm moħbi leħen l-Irxoxt li jgħidilna: “Is-sliem għalikom!”.

 

Aħna nqawwu qalbna meta naqbdu l-Evanġelju u naraw lil Ġesù f’nofs il-poplu tiegħu, jilqa’ u jħaddan il-ħajja u ’l-persuni hekk kif inhuma. Il-ġesti tiegħu jagħtu ħajja lill-għanja mill-isbaħ ta’ Marija: “Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin” (Lq 1:51-52). Hu stess offra jdejh u l-kustat ferut tiegħu bħala mezz li jwasslu għal ħajja ġdida. Ma jaħbix u lanqas jostor il-pjagi tiegħu; anzi, jistieden lil Tumas imiss b’idejh biex juri kif kustat ferut jista’ jkun għajn ta’ Ħajja bl-abbundanza (ara Ġw 20:27-29).

 

Iktar minn darba, waqt l-akkumpanjament spiritwali, stajt inkun xhieda tal-fatt li “l-persuna li kapaċi tara l-affarijiet kif inhuma tassew, li tħalli t-tbatija tinfidha u tibki fil-qalb tagħha, għandha l-ħila tmiss il-profondità tal-ħajja u tkun tassew hienja. Dik il-persuna tkun imfarrġa, imma bil-faraġ ta’ Ġesù u mhux b’dak tad-dinja. Hekk tista’ ssib il-kuraġġ li taqsam fit-tbatija tal-oħrajn u ma tibqax taħrab mis-sitwazzjoni ta’ tbatija. Hekk tiskopri li l-ħajja għandha sens meta tgħin lill-ieħor fit-tbatija tiegħu, meta tifhem l-uġigħ tiegħu, meta sserraħ lill-oħrajn. Din il-persuna tħoss li l-ieħor hu laħam minn laħamha, ma tibżax tersaq lejh sa tmiss il-ġerħa tiegħu, tħenn għalih sal-punt li d-distanzi jgħibu. Hekk nistgħu nilqgħu dik it-tħeġġiġa li jagħmlilna San Pawl: Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki (Rum 12:15). Li nagħrfu nibku mal-oħrajn, din hi l-qdusija (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 76).

 

“‘Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom’. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu’” (Ġw 20:21-22).

 

Għeżież ħuti, billi aħna komunità presbiterali, aħna msejħin inxandru u nitkellmu dwar il-ġejjieni, bħal għassies li jħabbar is-sebħ li jġib miegħu jum ġdid (ara Iż 21:11): jew se jkun  ġejjieni ġdid, jew inkella jkun iktar, ħafna iktar u agħar minn kif kienet is-sitwazzjoni qabel. Il-Qawmien mhuwiex biss avveniment storiku, xi ħaġa li seħħet fil-passat u aħna nfakkruha u niċċelebrawha; hu iktar, ħafna iktar: huwa t-tħabbira tas-salvazzjoni u ta’ żmien ġdid li jidwi u diġà wasal illum: “Feġġet issa, għadkom ma ttendejtux?” (Iż 43:19); hu l-ad-venire li l-Mulej qed isejħilna nibnu. Il-fidi tippermetti immaġinazzjoni realistika u kreattiva, li taf tħalli warajha l-loġika tar-ripetizzjoni, tas-sostituzzjoni jew tal-konverżjoni; tisedinna nwaqqfu żmien dejjem ġdid: żmien tal-Mulej. Jekk preżenza inviżibbli, silenzjuża, dejjem tikber tal-virus ġabitna fi kriżi u ħasditna, ejjew inħallu li din il-Preżenza l-oħra diskreta, rispettuża u mhux invażiva ssejħilna mill-ġdid u tgħallimna ma nibżgħux niffaċċjaw ir-realtà. Jekk preżenza tant żgħira rnexxielha tifxel u tibdel il-prijoritajiet u l-aġendi globali li apparentement kien impossibbli ċċaqlaq u li kienu qed joħonqu u jeqirdu ’l-komunitajiet tagħna u ’l-oħtna d-dinja, m’għandniex għax nibżgħu nħallu l-preżenza tal-Irxoxt turina t-triq li għandna naqbdu, tiftħilna l-orizzonti u tagħtina l-kuraġġ ngħixu dan il-mument storiku u singulari. Ftit nies imbeżżgħin kienu kapaċi jibdew mewġa ġdida, tħabbira ġdida ta’ Alla li hu magħna. Tibżgħux! “Qawwet ix-xhieda tal-qaddisin qiegħda f’li għexu l-Beatitudnijiet u r-regola ta’ mġiba tal-Ġudizzju finali” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 109).

 

Ejjew inħallu li l-Irxoxt, għal darb’oħra, iħallina mgħaġġbin. Inħallu lilu, mill-kustat ferut tiegħu, sinjal ta’ kemm taf tkun iebsa u inġusta r-realtà, jixprunana biex ma nagħtux daharna lir-realtà iebsa u diffiċli ta’ ħutna. Ħa jkun hu li jgħallimna nakkumpanjaw, nieħdu ħsieb u ndewwu l-feriti tal-poplu tagħna, mhux b’biża’ imma bl-ardir u l-abbundanza evanġelika tat-tkattir tal-ħobż (ara Mt 14:15-21); bil-kuraġġ, l-attenzjoni u r-responsabbiltà tas-Samaritan (ara Lq 10:33-35); bil-ferħ u l-festa tar-ragħaj għan-nagħġa li ma baqgħetx mitlufa (ara Lq 15:4-6); bit-tħaddina ta’ rikonċiljazzjoni tal-missier li jaf x’jiġifieri l-maħfra (ara Lq 15:20); bil-ħniena, id-delikatezza u t-tenerezza ta’ Marija ta’ Betanja (ara Ġw 12:1-3); doċli, mimlija sabar u intelliġenti bħad-dixxipli missjuanarji tal-Mulej (ara Mt 10:16-23). Ħa jkunu l-idejn bil-pjagi tal-Irxoxt li jagħmlulna l-qalb fid-dwejjaq tagħna, li jqawwu t-tama fina u li jixprunawna nfittxu s-Saltna ta’ Alla lil hemm minn fejn imdorrijin nieqfu u nsibu rifuġju. Ejjew inħallu li jgħaġġibna anki l-poplu tagħna, mimli fidi u sempliċità, ħafna drabi milqut u midrub, imma wkoll imħaddan mill-ħniena ta’ Alla. Ejjew inħallu lil dan il-poplu jgħallimna kif nibdlu s-sura u nrattbu ’l-qlub tagħna ta’ ragħajja billi nkunu doċli u nuru kompassjoni, bl-umilità u l-ġenerożità ta’ min iżomm sod b’mod attiv, solidali, bis-sabar u bil-kuraġġ, mingħajr indifferenza, imma li jikxef u jwaqqa’ l-maskri tax-xettiċiżmu u l-fataliżmu. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-qawwa tal-Poplu fidil ta’ Alla li dejjem isib kif jgħin u jakkumpanja lil min waqa’! Il-Qawmien huwa t-tħabbira li tgħidilna li l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Ejjew inħallu li jkun l-Għid, li ma jafx bi fruntieri, li jmexxina b’mod kreattiv lejn il-postijiet fejn it-tama u l-ħajja qed jiġu maħnuqa, fejn it-tbatija u l-uġigħ isiru art fertili għall-korruzzjoni u l-ispekulazzjoni, fejn l-aggressività u l-vjolenza jidhru li huma l-unika soluzzjoni possibbli.

 

Bħala saċerdoti, ulied u membri ta’ poplu saċerdotali, aħna rridu nerfgħu r-responsabbiltà għall-futur u nwassluh lill-oħrajn bħal aħwa. Nirħu fl-idejn bil-pjagi tal-Mulej, bħala offerta qaddisa, id-dgħufija tagħna, id-dgħufija tal-poplu tagħna, dik tal-umanità kollha. Il-Mulej huwa dak li jibdilna, li jagħmel użu minna u bħall-ħobż jaqbadna f’idejh, iberikna, jaqsamna, inewwilna u jagħtina lill-poplu tiegħu. U b’umiltà nħallu li kliem Pawlu jkun bħal dilka li tkun tista’ tixtered bħal żejt ifuħ fl-irkejjen kollha tal-ibliet tagħna u hekk tagħti ħajja lit-tama sottili li ħafna – fis-skiet – jgħożżu f’qalbhom: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù” (2 Kor 4:8-10). Ngħixu ma’ Ġesù l-passjoni tiegħu, li hi l-passjoni tagħna, biex miegħu ngħixu wkoll il-qawmien: żguri mill-imħabba ta’ Alla li kapaċi ċċaqlaqna minn ġewwa u toħroġna f’salib it-toroq biex inħabbru “l-bxara t-tajba lill-fqajrin, il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irroddu l-ħelsien lill-maħqurin u nxandru sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Lq 4:18-19), bil-ferħ għax kulħadd jista’ jieħu sehem b’mod attiv permezz tad-dinjità ta’ wlied Alla l-ħaj.

 

Dawn l-affarijiet kollha, li ħsibt u ħassejt tul dan iż-żmien ta’ pandemija, nixtieq naqsamhom b’mod fratern magħkom, biex jgħinuna fil-mixja tat-tifħir lill-Mulej u fis-servizz lill-aħwa. Nittama li lilna lkoll jgħinuna “nħobbu u ningħataw iktar”.

 

Il-Mulej Ġesù jberikkom u l-Verġni Mbierka tħariskom. U, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

Bi mħabba fraterna,

 

Franġisku

 

Ruma, minn San Ġwann fil-Lateran, 31 ta’ Mejju 2020, Solennità ta’ Pentekoste.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona