NISKOPRU MILL-ĠDID IL-ĠMIEL LI NITOLBU R-RUŻARJU D-DAR

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

lill-fidili kollha għax-Xahar ta’ Mejju 2020

 Għeżież ħuti,

Qed joqrob issa x-xahar ta’ Mejju, li fih il-poplu ta’ Alla jesprimi b’qawwa partikulari l-imħabba u l-qima tiegħu lejn il-Verġni Marija. Hija tradizzjoni li f’dan ix-xahar nitolbu r-Rużarju d-dar, fil-familja. Din tad-dar hi dimensjoni li r-restrizzjonijiet tal-pandemija “ġagħluna” nagħtuha iktar valur, anki mill-perspettiva spiritwali.

Għalhekk ħsibt li nipproponi lil kulħadd li niskopru mill-ġdid il-ġmiel li nitolbu r-Rużarju d-dar fix-xahar ta’ Mejju. Nistgħu nagħmlu dan flimkien, jew personalment; agħżlu intom skont is-sitwazzjonijiet tagħkom, imma nitlobkom tiżnu sew iż-żewġ possibbiltajiet. Hu x’inhu, hemm sigriet biex tagħmluh dan: is-sempliċità; u huwa faċli li ssibu, anki fuq l-internet, skemi tajba ta’ talb li tistgħu timxu fuqhom.

Barra minn hekk, qed noffrilkom it-testi ta’ żewġ talbiet lill-Madonna, li tistgħu tgħidu fi tmiem ir-Rużarju, u li jiena wkoll se ngħid fix-xahar ta’ Mejju, magħqud magħkom fl-ispirtu. Qed nehmiżhom ma’ din l-ittra biex hekk ikunu disponibbli għal kulħadd.

Għeżież ħuti, jekk nikkontemplaw flimkien il-wiċċ ta’ Kristu bil-qalb ta’ Marija, l-Omm tagħna, inkunu nistgħu ningħaqdu iktar flimkien bħala familja spiritwali u negħlbu din il-prova. Jiena se nitlob għalikom, speċjalment għal dawk li qed ibatu l-aktar, u intom, nitlobkom, itolbu għalija. Nirringrazzjakom u nberikkom minn qiegħ qalbi.

Ruma, San Ġwann Lateran, 25 ta’ April 2020.  Festa ta’ San Mark Evanġelista

FRANĠISKU