Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LID-DELEGAZZJONI TA’ TOBBA U MORDA,
FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-MORDA

Sala Klementina
Il-Ħamis, 9 ta’ Frar 2023

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba bikom!

Nirringrazzja lit-tabiba Edith Aldama għall-kliem li indirizzat lili f’isem il-qasam tal-ħidma tagħkom, li hija parti mill-kura pastorali tas-saħħa tad-Djoċesi ta’ Ruma. U nirringrazzja lill-Isqfijiet Paolo Ricciardi u Benoni Ambarus, u lil dawk kollha li jikkollaboraw f’dan il-qasam.

Qed niltaqgħu fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Morda, li din is-sena, fil-kuntest tal-proċess sinodali, għandu bħala tema l-motto evanġeliku “Ħu ħsiebu” (Lq 10,35). Dan hu l-kliem li, fl-Evanġelju ta’ Luqa (ara Lq 10,25-37), is-Samaritan it-tajjeb jindirizza lil tal-lukanda, u jafda f’idejh ir-raġel midrub li hu stess kien għen. Ejjew nirriflettu fuq din ix-xena: hemm raġel li ġie attakkat minn xi ħallelin u issa jinsab mitluq fil-ġenb tat-triq; l-indifferenza u l-qalb iebsa ta’ min jgħaddi minn ħdejh, jirrenduh bħala bniedem eskluż u injorat. Ħin minnhom, wieħed raġel jieqaf u jgħinu: dan jinzerta Samaritan. Meta wieħed jifli l-ġrajja sew, naraw li kemm ir-raġel attakkat kif ukoll is-Samaritan iġarrbu ġrieħi: l-ewwel wieħed ġarrab ġrieħi magħmulin mill-vjolenza ta’ min serqu, it-tieni wieħed ġarrab ġrieħi magħmulin mill-għajnejn mimlija disprezz ta’ dawk li kienu jħarsu lejh bħala barrani mhux mixtieq. U madankollu, grazzi għas-sensittività ta’ min ibati għal min ibati, mil-laqgħa tagħhom [1] twieldet storja ta’ solidarjetà u tama li tkisser il-ħitan tal-iżolament u tal-biża’.

Il-ħidma tagħkom, għeżież ħbieb, twieldet bis-saħħa ta’ din id-dinamika: intom għaraftu kif tibdlu l-esperjenza tat-tbatija tagħkom, billi tkunu qrib tat-tbatija ta’ ħaddieħor, intom għelibtu t-tentazzjoni li tagħlqu qalbkom, billi għollejtu raskom, ilwejtu rkobbtejkom u ħriġtu jdejkom. Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, nixtieq li magħkom nenfasizza tliet atteġġamenti importanti ta’ dan il-mixja: l-ewwel, li nkunu qrib ta’ min ibati; it-tieni, li nagħtu leħen għat-tbatijiet li ħadd ma jagħti kashom; it-tielet, li nsiru ħmira tal-karità.

L-ewwelnett, ejjew niftakru kemm hu importanti li nkunu qrib min ibati, billi nisimgħu, inħobbu u nilqgħu lill-oħrajn.  Imma biex nagħmlu dan irridu nitgħallmu naraw sens ta’ urġenza fl-uġigħ ta’ ħutna, li fil-fond ta’ qalbna jġiegħelna nieqfu u ma nibqgħux għaddejjin. Din hija sensittività li tiżdied fina aktar ma nħallu lilna nfusna nkunu involuti meta niltaqgħu ma’ xi ħadd li qed ibati. U meta nimxu hekk flimkien, din tgħinna wkoll biex nifhmu it-tifsira vera tal-ħajja, li hija l-imħabba.

Importanti wkoll li nagħtu leħen għat-tbatijiet li ħadd ma jagħti kashom ta’ dawk li, fil-mard, jitħallew waħedhom, mingħajr appoġġ finanzjarju u morali, u li faċi jkunu esposti għal disprament u telf ta’ fidi, kif jista’ jiġri lil dawk li jbatu minn fibromyalgia u uġigħ kroniku. Ejjew nagħmlu sfida lill-ibliet tagħna, li xi drabi jkunu neqsin għal kollox mill-umanità u torox għall-kompassjoni. Iva, ħafna drabi s-soċjetajiet tagħna huma hekk. Ejjew nilqgħu l-għajta ta’ min ibati u naraw li din tinstema’. Ejja ma nħallux din l-għajta magħluqa qisha ġo kamra, u lanqas inħalluha ssir sempliċi “aħbar”: ejjew nagħmlulha l-vojt ġewwa fina u nagħtuha iktar saħħa bl-involviment personali u konkret tagħna.

U issa ngħaddu għat-tielet atteġġament: li nsiru ħmira tal-karità tfisser “networking”. Kif? Sempliċement billi naqsmu stil ta’ gratwità u reċiproċità, għax aħna lkoll fil-bżonn u lkoll nistgħu nagħtu u nirċievu xi ħaġa, anki sempliċiment tbissima. U dan iwassal biex madwarna tikber “xibka” li mhux tjassar lil dak li jkun, imma li tilliberah, xibka magħmula minn idejn li jżommu idejn oħrajn, minn dirgħajn li jaħdmu flimkien, minn qlub li jingħaqdu flimkien fit-talb u fil-ħniena. Anke f’nofs il-mewġ mill-aktar qalil, din ix-xibka titwessa’ iżda ma tinqasamx, u twassal sax-xatt lil dawk li jirriskjaw li jibqgħu taħt l-ilma jew li saħansitra jegħrqu. U ma ninsewx li l-eżempju ta’ min jieħu l-inizjattiva jgħin ukoll lil ħaddieħor biex isib il-kuraġġ ħalli jinvolvi ruħu, kif turi l-preżenza tagħkom hawn illum: persuni morda, ħaddiema tas-saħħa u dawk mid-dinja tal-isport, ilkoll magħqudin f’impenn komuni għall-ġid tan-nies. Li nkunu bħal xibka jfisser li naħdmu flimkien bħala membri ta’ ġisem wieħed (ara 1 Kor 12:12-27). It-tbatija ta’ wieħed issir it-tbatija ta’ kulħadd, u l-kontribut ta’ kull wieħed jintlaqa’ minn kulħadd bħala barka.

Għeżież ħbieb, li tkun qrib ta’ dawk li qed ibatu mhux faċli, u din tafuha sew. Għalhekk ngħidilkom: taqtgħux qalbkom! U jekk tiltaqgħu ma’ tfixkil jew ma’ min ma jifhimkomx, ħarsu f’għajnejn ħukom li qed ibati u ftakru fil-kliem tas-Samaritan it-Tajjeb: “Ħu ħsiebu”. F’dak il-wiċċ hemm Ġesù nnifsu jħares lejk, Hu li ried jaqsam id-dgħufija tagħna, il-fraġilità tagħna sal-punt li jmut għalina u li, imqajjem mill--mewt, ma jħallina qatt jabbandunana! Huwa fih li nsibu s-saħħa biex ma naqtgħux qalbna, anke fl-aktar mumenti diffiċli.

L-aħħar kelma hi għalikom, ħuti morda. Hija t-tbatija tagħkom li intom qed tgħixu bil-fidi, li llum ġabritna hawn flimkien, biex naqsmu bejnietna dan il-mument importanti. Fid-dgħufija tagħkom, intom tinsabu qrib il-qalb ta’ Alla. U t-triq li rridu nieħdu hija din: li nifhmu d-dgħufija, li ndewwu d-dgħufija, li nfarrġu fejn  hemm id-dgħufija. Għalhekk nitlobkom it-talb tagħkom għeżiż morda, sabiex fostna jiżdiedu l-persuni li jkunu qrib ta’ min ibati u l-impenn konkret għall-karità, biex l-ebda għajta ta’ wġigħ ma taqa’ fuq widnejn torox. Minn qalbi nbierek lilkom ilkoll, inbierek il-ħidma tagħkom u l-impenn pastorali tagħkom. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes


[1] Cfr Messaġġ għall- XXXI Jum Dinji tal-Morda 11 ta’ Frar 2023 (10 gennaio 2023).