Laikos

 

VJAĠĠ APOSTOLIKU TAL-PAPA FRANGISKU
F’BUDAPEST, FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ
TAL-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI, U FL-ISLOVAKKJA
(12-15 TA 'SETTEMBRU 2021)

LAQGĦA MA’ L-ISQFIJIET 

DISKORS TAL-PAPA 

Mużew tal-Arti (Budapest)
Il-Ħadd, 12 ta 'Settembru 2021

Għeżież Ħuti fl-Episkopat, l-għodwa t-tajba!

Ninsab kuntent ħafna li qiegħed hawn fostkom fl-okkażjoni tal-għeluq tat-52 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Nirringrazzja lill-Arċisqof András Veres tal-merħba li tani u wkoll għar-rigal li tani f’isimkom ilkoll: sabiħ ħafna, sabiħ ħafna! Grazzi. U nsellem lilkom ilkoll, nirringrazzjakom talli lqajtuni u talli ħejjejtu dan l-avveniment, li jfakkarna fil-post ewlieni li għandha l-Ewkaristija fil-ħajja tal-Knisja.

Nixtieq naqsam xi ħsibijiet li ħerġin preċiżament mill-ġest Ewkaristiku: fil-Ħobż u fl-Inbid naraw lil Kristu joffri Ġismu u Demmu għalina. Il-Knisja fl-Ungerija, bl-istorja twila tagħha, immarkata minn fidi soda, minn persekuzzjonijiet u demm tal-martri, hija partikolarment imsieħba mas-sagrifiċċju ta’ Kristu. Ħafna aħwa, ħafna isqfijiet u saċerdoti għexu dak li ċċelebraw fuq l-artal: kienu mitħunin bħal ħabba tal-qamħ, sabiex kulħadd ikun jista’ jitmantna bl-imħabba ta’ Alla; intagħsru bħall-għeneb, sabiex id-demm ta’ Kristu jkun jista' jsir il-bidu ta’ ħajja ġdida; kienu maqsumin, iżda l-offerta ta’ mħabba tagħhom kienet żerriegħa evanġelika ta’ twelid mill-ġdid imħawla fl-istorja ta’ dan il-poplu.

Meta nħarsu lejn dik l-istorja, l-istorja tal-imgħoddi, magħmula minn martirju u demm, nistgħu nimxu lejn il-futur bl-istess xewqa tal-martri: li ngħixu l-imħabba u nagħtu xhieda tal-Vanġelu. Imma rridu nżommu dejjem dawn iż-żewġ realtajiet flimkien fil-ħajja tal-Knisja: inħarsu l-imgħoddi u nħarsu lejn il-ġejjieni . Inħarsu l-għeruq reliġjużi tagħna, inħarsu l-istorja li ġejja minnha, mingħajr ma nħallu l-ħarsa tagħna mwaħħla fl-imgħoddi: imma nħarsu lejn il-ġejjieni, inħarsu ʼl quddiem u nsibu modi ġodda kif inħabbru l-Evanġelju.

Inżomm ħaj f’qalbi t-tifkira tas-Sorijiet Ungeriżi tal-Kumpanija ta’ Ġesù ( Englische Fräulein ), li, minħabba persekuzzjoni reliġjuża, kellhom jitilqu minn pajjiżhom. Bil-kuraġġ li kellhom u bil-fedeltà għall-vokazzjoni tagħhom, huma waqqfu l-Kulleġġ “Maria Ward” fil-belt ta’ Plátanos, ħdejn il-kapitali Buenos Aires. Mill-qawwa tagħhom, il-kuraġġ tagħhom, is-sabar tagħhom u l-imħabba tagħhom għal art twelidhom tgħallimt ħafna; għalija kienu xhieda. Waqt li niftakar fihom hawn illum, nagħti ġieħ ukoll lil ħafna rġiel u nisa li kellhom imorru fl-eżilju u wkoll lil dawk li taw ħajjithom għal art twelidhom u għall-fidi.

Bħala Rgħajja intom imsejħin fuq kollox biex tfakkru lill-poplu tagħkom dwar dan: it-tradizzjoni Nisranija - kif qal Benedittu XVI - “mhix ġabra ta’ affarijiet, ta’ kliem, bħal kaxxa ta’ affarijiet bla ħajja; it-tradizzjoni hija xmara ta’ ħajja ġdida li ġejja mill-bidunett, minn Kristu sa żmienna, u fiha hemm aħna wkoll, fl-istorja ta’ Alla mal-umanità” ( Udjenza Ġenerali, 3 ta’ Mejju, 2006). Intom għażiltu bħala t-tema tal-Kungress vers minn Salm 87: “L-għejjun kollha tiegħi jinsabu fik”. Tabilħaqq, il-Knisja ġejja mill-għajn ewlenija li hu Kristu u hi mibgħuta sabiex il-Vanġelu, bħal xmara ta’ ilma ħaj, li hu infinitament ikbar u isbaħ mix-xmara Danubju tagħkom, jista’ jilħaq in-nixfa tad-dinja u tal-qalb tal-bniedem, jippurifikaha u jaqta’ l-għatx tal-bniedem. Bħala isqfijiet, il-ministeru tagħkom mhux qiegħed hemm biex tirrepetu aħbar tal-passat, iżda biex tkunu vuċi profetika biex b’qawwa tipproklamaw ir-rilevanza tal-Vanġelu, fil-ħajja tal-Poplu qaddis ta’Alla u fid-dinja tal-lum.

Nixtieq nissuġġerixxi xi indikazzjonijiet biex twettqu din il-missjoni.

L-ewwelnett: li nkunu ħabbâra tal-Vanġelu. Ma ninsewx li l-laqgħa ma’ Kristu hija fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja. Kultant, speċjalment meta s-soċjetà ta’ madwarna ma tidhirx entużjasta dwar il-proposta Nisranija tagħna, it-tentazzjoni hi li ningħalqu fina nfusna u niddefendu l-istituzzjonijiet u l-istrutturi. Pajjiżkom illum għaddej minn tibidliet kbar li jaffettwaw l-Ewropa kollha b’mod ġenerali. Wara żmien twil li fih kontu mċaħħda mil-libertà li tistqarru l-fidi, issa bil-miġja tal-libertà hemm sfidi ġodda li tridu tħabbtu wiċċkom magħhom, f’kuntest li fih is-sekulariżmu qiegħed jikber u l-għatx għal Alla qed jiddgħajjef.  Imma ma ninsewx: l-għajn tal-ilma ħaj, li dejjem ġej, u li jaqta’ kull għatx, huwa Kristu. L-istrutturi, l-istituzzjonijiet, il-preżenza tal-Knisja fis-soċjetà jservu biss biex iqajmu l-għatx għal Alla fin-nies u li nwasslulhom l-ilma ħaj tal-Vanġelu. Għalhekk, din hija l-ewwel ħaġa mitluba minnkom Isqfijiet: mhux l-amministrazzjoni burokratika tal-istrutturi, dan jista’ jagħmlu ħaddieħor; mhux it-tfittxija ta’ privileġġi u vantaġġi. Jekk jogħġobkom kunu qaddejja. Qaddejja, mhux prinċpijiet. X’qed nitlob minnkom? Il-passjoni ħarqana għall-Vanġelu, hekk kif inhi: il-Vanġelu. Il-fedeltà u l-passjoni għall-Vanġelu. Kunu xhieda u ħabbâra tal-Aħbar it-Tajba, tal-ferħ,  kunu qrib tas-saċerdoti – qrib tas-saċerdoti - u anke tar-reliġjużi b’qalb ta’ missier, u li tħaddmu l-arti tas-smigħ.

Ippermettuli li nħalli għal ftit dawk li għandi miktub u nfakkarkom fl-erba’ viċinanzi li għandu jkollu isqof.  L-ewwel waħda li jkun qrib ta’ Alla. Bħala ħukom, nistaqsikom: inti titlob? Jew sempliċiment tgħid il-brevjar biss? Qalbek titlob? Iddum titlob? “Imma tant inkun imħabbat ...”. Imma mat-taħbit ta’ kuljum, poġġi din ukoll: itlob. 

It-tieni: li tkunu qrib xulxin. Il-fratellanza episkopali, il-konferenza episkopali, hija grazzja. Ħadd minnkom ma jaħseb l-istess bħall-ieħor: u dan huwa ġid. Madankollu, ippruvaw esprimu d-differenzi ta’ bejnietkom fl-għaqda ta’ bejnietkom l-isqfijiet, u tħallux jinbtu bejnietkom fazzjonijiet. Aħna lkoll aħwa. Inti taħsibha differenti minni, imma inti ħija.  Hemm bżonn nitkellmu? Mela ejjew nitkellmu. Għandna bżonn ngħajtu? Mela ħa ngħajtu. Imma bħala aħwa.  Qatt tmissu l-unità tal-Konferenza Episkopali. Din hija grazzja: li rridu nitolbuha. Dan ifisser li nħarsu l-għaqda tal-poplu ta’ Alla permezz tal-għaqda bejn l-isqfijiet. 

It-tielet qrubija hija dik li ġa semmejt: li tkunu qrib tas-saċerdoti. Is-saċerdot  huwa l-proxxmu l-iktar qrib tal-isqof. Se ngħidilkom xi ħaġa li lili tweġġagħni ħafna. F’xi djoċesijiet, kemm f’pajjiżi meta kont hemm fid-djoċesi li kelli qabel, u anke f’Ruma, hemm saċerdoti li dejjem igergru, dawn jistgħu jkunu nies diffiċli: imma jgergru għax iħossu bżonn, bżonn li jitkellmu mal-isqof.  Hekk jgħidu huma. U bosta drabi smajthom jgħidu hekk: “Ċempilt, u s-segretarju qalli li l-isqof imħabbat ħafna, imbagħad iċċekkeja, ħares lejja u qalli: ‘forsi  tliet ġimgħat oħra jagħtik appuntament ta’ kwarta’ ”. U s-saċerdot jgħid: “le, grazzi, hekk ma rridx”, jew inkella jgħid: “kollox sew”. L-affarijiet ma jsirux hekk. Is-saċerdot iħoss lill-isqof il-bogħod minnu, u ma jħossx li l-isqof huwa missieru.  Se nagħtikom parir bħala ħukom. Meta tmorru lura d-dar wara xi missjoni, jew wara li tkunu żortu xi parroċċa, u tkunu għajjenin, u tindunaw li jkun ċemplilkom saċerdot, ċemplulu lura dakinhar stess, jew l-iktar l-iktar l-għada, imma mhux iktar tard minn hekk. Kunu qrib tas-saċerdoti.  Dak is-saċerdot, jekk inti ċċempillu mill-ewwel, jinduna li hu għandu missier. Dan huwa importanti ħafna. Kunu qrib tas-saċerdoti, u dan igħodd ukoll għar-reliġjużi. “Iva veru, imma taf int, dan is-saċerdot huwa diffiċli ...”. Imma, għiduli intom, liema missier ma jkollux xi iben diffiċli? Il-missirijiet kollha jkollhom. L-ulied trid tħobbhom kif inhuma, mhux kif tixtieq li jkunu. 

U mbagħad, hemm ir-raba’ qrubija: li nkunu qrib tal-poplu qaddis ta’ Alla. Jekk jogħġobkom, tinsewx il-poplu tagħkom, għax il-Mulej għażilkom minn ġo nofsu! “Jiena ħadtek minn nofs il-merħla”: tinsewx il-merħla li minnha ġejtu meħudin. Pawlu x’irrakkomanda lil Timotju? “Ftakar f’ommok u f’nanntek, f’niesek”. L-awtur tal-Ittra lill-Lhud qal: “Ftakar f’dawk li għaddewlek il-fidi”. Warajna hemm ħafna katekisti umli, ħafna nanniet. Jalla b’qalbkom tkunu viċin in-nies. Mhix ħaġa tajba meta l-qalb ta’ isqof tkun bogħod min-nies. 

Mela dawn huma l-erba’ tipi ta’ qrubija. Għamlu eżami tal-kuxjenza ħa taraw kif sejrin f’dawn. Nixtieq nerġa’ nirrepetihomlkom. Kunu qrib ta’ Alla, qrib ta’ xulxin – qed nara xi wħud minnkom hawn li għandkom l-istorja partikulari tagħkom, tradizzjonijiet liturġiċi u differenzi oħra: kunu qrib tal-liturġija ta’ xulxin, tal-istorja ta’ xulxin, bla ma tridu tagħmlu lill-oħrajn bħalkom jew tillatinizzawhom: jekk jogħġobkom tagħmlux hekk. Mela kunu qrib ta’ xulxin, qrib tas-saċerdoti tagħkom u qrib tal-poplu qaddis ta’Alla. Biex tkun isqof illum – dejjem tafux, imma ninsisti fuq il-kelma illum – wieħed irid jipprattika l-arti tas-smigħ. U mhux faċli. Tibżgħux li tagħtu spazju lill-Kelma ta’ Alla u li tinvolvu l-lajċi: dawn ikunu l-għejjun li bihom l-Ungerija terġa’ tissaqqa bix-xmara tal-fidi.

It-tieni indikazzjoni: li tkunu xhieda tal-fraternità. Pajjiżkom huwa post fejn nies minn popli oħra ilhom ħafna jgħixu flimkien. Diversi gruppi etniċi, minoranzi, nies ta’ twemmin reliġjuż differenti u migranti, ilkoll bidlu lil dan il-pajjiż f’wieħed multikulturali. Din ir-realtà hija ġdida u, għall-ewwel, toħloq ċertu biża’. Id-diversità dejjem tbeżżagħna xi ftit, għax nibdew ninkwetaw dwar is-sigurtàjiet tagħna u l-istabbiltà li konna ksibna. Madankollu, hija opportunità kbira biex tiftaħ il-qalb għall-messaġġ tal-Vanġelu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” ( Ġw15.12). Quddiem diversitajiet kulturali, etniċi, politiċi u reliġjużi, jista’ jkollna żewġ attitudnijiet: jew ninagħlqu fina nfusna biex niddefendu akkost ta’ kollox dik li nsejħulha l-identità tagħna, jew inkella ninfetħu biex niltaqgħu mal-oħrajn u nikkultivaw flimkien il-ħolma ta’ soċjetà fraterna. Nixtieq infakkar bi pjaċir li fl-2017, hawnhekk f’din il-kapitali Ewropeja, intom iltqajtu mar-rappreżentanti ta’ Konferenzi Episkopali oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant biex ittennu għal darb’oħra li biex wieħed iżomm l-identità tiegħu mhemmx għalfejn ikun ostili jew jiddisprezza lill-oħrajn, imma l-istess identità tagħna trid tgħinna biex niddjalogaw ma’ kulturi oħra. Djalogu, mingħajr ma tinjora l-identità tiegħek.

Fuq ix-xmara l-kbira li taqsam din il-belt, hemm il-pont impressjonanti tal-Ktajjen (Chain Bridge): li nbena minflok ieħor fraġli tal-injam, li kien iservi biex jgħaqqad lil Buda ma’ Pest. Jekk irridu li x-xmara tal-Evanġelju tilħaq il-ħajja tan-nies, biex tagħmel soċjetà aktar fraterna u ta’ appoġġ, anke hawn fl-Ungerija, jeħtieġ li l-Knisja tibni pontijiet ġodda għad-djalogu. Nitlobkom biex bħala Isqfijiet, flimkien mas-saċerdoti u l-operaturi pastorali, turu l-wiċċ veru tal-Knisja: li hi omm. Hija omm! Wiċċ li jilqa’ lil kulħadd, anke dawk li ġejjin minn barra, wiċċ fratern, miftuħ għad-djalogu. Kunu Ragħajja li għandkom il-fraternità għal qalbkom. Taħkmux fuq il-merħla, imma kunu missirijiet u aħwa. Jalla l-istil tal-fraternità, li nitlobkom tikkultivaw mas-saċerdoti u mal-Poplu ta’ Alla kollu, isir sinjal li jiddi għall-Ungerija. Dan jgħinkom biex tiffurmaw Knisja li fiha l-lajċi, f’kull qasam tal-ħajja ta’ kuljum, fil-familja, fis-soċjetà u fuq il-post tax-xogħol, isiru l-ħmira tal-fraternità evanġelika. Jalla l-Knisja Ungeriża tkun bennejja ta’ pontijiet u tippromwovi d-djalogu!

 

Fl-aħħarnett, it-tielet ħaġa, li tkunu bennejja tat-tama. Jekk inpoġġu l-Evanġelju fiċ-ċentru u nagħtu xhieda tiegħu b’imħabba ta’ aħwa, nistgħu nħarsu lejn il-futur bit-tama, anke jekk illum għaddejjin minn maltempati żgħar jew kbar. Dan hu dak li l-Knisja hija msejħa biex tiżra fil-ħajja tan-nies: iċ-ċertezza li sserrħilna rasna li Alla hu ħniena, li jħobbna f’kull mument tal-ħajja u huwa dejjem lest li jaħfrilna u jqajjimna mill-ġdid. Tinsewx li l-istil ta’ Alla huwa stil ta’ qrubija, kompassjoni u tenerezza. Dan huwa l-istil ta’ Alla. Ejjew nimxu f’din it-triq, bl-istess stil. It-tentazzjoni li nċedu u li naqtgħu qalbna qatt ma tiġi minn Alla. Qatt. Ġejja mill-għadu, u nsibuha f’ħafna sitwazzjonijiet: quddiem it-taparsi prosperità, quddiem tradizzjonijiet reliġjużi, wara dan kollu jista’ jinħeba ħafna dlam! Il-Knisja fl-Ungerija reċentement kellha l-opportunità li tirrifletti dwar kif il-bidla miż-żmien tad-dittatorjat għal dak tal-libertà miksuba mill-ġdid, kienet bidla mmarkata minn kontradizzjonijiet: fosthom it-tkissir fil-ħajja morali, iż-żieda fil-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, il-pjaga tat-traffikar tal-organi – u tant ħarġu fatti dwar tfal maqtula minħabba hekk. Hemm problemi soċjali: id-diffikultajiet fil-familji, il-faqar, il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ, u dan kollu f’kuntest li fih id-demokrazija għadha qed tikkonsolida ruħha. Il-Knisja ma tistax tfalli f’dan: li tkun qrib tan-nies, fejn isibu għajn ta’ imħabba u konsolazzjoni, sabiex qatt ma jħallu min jisirqilhom id-dawl tat-tama. It-tħabbira tal-Vanġelu terġa’ ssaħħaħ it-tama għax tfakkarna li f’dak kollu li ngħixu Alla huwa preżenti, jimxi magħna, jagħmlilna l-qalb biex dejjem nibdew mill-ġdid. Hija ħaġa li tmisslek qalbek meta tiftakar f’dak li qal il-Venerabbli Kardinal József Mindszenty, iben u missier din il-Knisja u ta’ din l-art, li, fl-aħħar ta’ ħajtu, ħajja immarkata minn tbatija minħabba l-persekuzzjoni, ħalla dawn il-kliem ta’ tama: “Alla huwa żagħżugħ. Il-futur hu f’idejh. Huwa Hu li joħloq dak li hu ġdid, żagħżugħ u li jagħti tama lill-individwi u lill-popli. Għalhekk ma nistgħux inċedu għad-disperazzjoni” (Messaġġ lill-President tal-Kumitat Organizzattiv u lill-Ungeriżi eżiljati , J. Közi Horváth, Mindszenty bíboros , 111). Alla huwa żagħżugħ.

Quddiem kriżijiet, kemm soċjali kif ukoll fil-knisja, jalla tkunu dejjem bennejja tat-tama. Bħala Isqfijiet ta’ dan il-pajjiż, dejjem għidu kliem ta’ inkoraġġiment. Jalla l-kliem tagħkom ma jkun qatt kliem li jkabbar id-distanzi jew kliem ta’ ġudizzju, iżda kliem li jgħin lill-Poplu ta’ Alla jħares b’kunfidenza lejn il-ġejjieni, kliem li jgħin lin-nies jgħixu ħajja ta’ libertà u responsabbiltà.  Il-ħajja hija grazzja li rridu nilqgħuha, u mhux xi kobba li rridu nħollu. Ir-rubic cube li kienet ivvintata mill-arkitett famjuż tagħkom Rubik, hija logħba sabiħa, imma żgur mhix mudell ta’ kif ngħixu ħajjitna!

 

Ftakru: intom rgħajja tal-merħla. Ir-ragħaj irid ikun ġewwa il-merħla: quddiem il-merħla biex juriha t-triq, f’nofs il-merħla biex ikollu r-riħa tagħha, wara l-merħla biex jgħin lil dawk li jibqgħu lura u anke biex iħalli l-merħla tmur ftit ʼil quddiem, għax hi għandha sens partikulari biex tinduna fejn jinsabu l-mergħat tajba.

Għeżież ħuti, l-Ungerija wkoll teħtieġ tħabbira mġedda tal-Vanġelu, fraternità soċjali u reliġjuża ġdida, tama li tinbena kuljum sabiex tħares lejn il-ġejjieni bil-ferħ. Bħala rgħajja intom imsejħin biex ikollkom post speċjali f’dan il-proċess storiku, f’din l-avventura sabiħa. Ħuti, jalla Alla jwettaqkom fil-ferħ ta’ din il-missjoni! Nirringrazzjakom ta’ dak kollu li tagħmlu u nberikkom minn qalbi. Jalla l-Madonna tipproteġikom u San Ġużepp iħariskom. U jekk ikollkom ftit tal-ħin, itolbu għall-Papa Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes