“U ra Alla li kien tajjeb”

(Ġen 1:25)

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA FRANĠISKU

GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-

JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN

1 TA’ SETTEMBRU 2019

 

“U ra Alla li kien tajjeb” (Ġen 1:25). Il-ħarsa ta’ Alla, fil-ftuħ tal-Bibbja, tistrieħ bi ħlewwa liema bħalha fuq il-ħolqien. Mill-art mgħammra għall-ilmijiet li jagħtu l-ħajja, mis-siġar li jagħmlu l-frott għall-annimali li jimlew id-dar komuni, kollox hu għażiż f’għajnejn Alla, li joffri l-ħolqien lill-bniedem bħala don prezzjuż biex iħarsu.

 

Traġikament, it-tweġiba tal-bniedem għad-don hi mmarkata mid-dnub, mill-għeluq fl-awtonomija tiegħu nnifsu, mir-regħba biex jaħkem taħtu u jisfrutta. L-egoiżmi u l-interessi bidlu l-ħolqien, post il-laqgħa u l-qsim ma’ xulxin, f’teatru ta’ rivalità u ta’ tilwim. Hekk poġġejna fil-periklu lill-istess ambjent, ħaġa tajba f’għajnejn Alla li saret ħaġa ta’ sfruttament f’idejn il-bniedem. Dan it-tifrik kollu żdied fl-aħħar għaxriet ta’ snin: it-tinġis kontinwu, l-użu bla waqfien ta’ karburanti fossili, l-isfruttament agrikolu qawwi, il-prattika ta’ deforestazzjoni, kollha qed jgħollu t-temperaturi globali għal livelli inkwetanti. Iż-żieda fl-intensità u l-frekwenza ta’ fenomeni meterjoloġiċi estremi u d-deżertifikazzjoni tal-ħamrija qed isiru prova iebsa għal dawk vulnerabbli fostna. Il-glaċieri dejjem jinħallu iżjed, l-iskarsezza tal-ilma, it-traskurar tal-baċiri tal-baħar u l-preżenza qawwija tal-plastik u l-mikroplastik fl-oċeani huma fatti daqstant ieħor preokkupanti, li jikkonfermaw l-urġenza ta’ interventi li ma nistgħux nittardjawhom iżjed. Ħloqna emerġenza klimatika, li qed thedded b’mod serju n-natura u l-ħajja, inkluża dik tagħna.

 

Fl-għerq ta’ kollox, insejna min aħna: ħlejjaq fuq ix-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:27), imsejħin ngħixu bħala aħwa fl-istess dar komuni. Ma ġejniex maħluqa biex inkunu individwi li jaħkmu qishom sidien, imma ġejna maħsuba u mixtieqa fiċ-ċentru ta’ xibka tal-ħajja magħmula minn miljuni ta’ speċi li bi mħabba xierek għalina l-Ħallieq. Din hi s-siegħa li niskopru mill-ġdid il-vokazzjoni tagħna ta’ wlied Alla, ta’ aħwa bejnietna, ta’ ħarriesa tal-ħolqien. Wasal iż-żmien li nindmu u nikkonvertu, li nerġgħu lura għall-għeruq: aħna l-ħlejjaq maħbuba ta’ Alla, li fit-tjieba tiegħu jsejħilna nħobbu l-ħajja u ngħixuha f’komunjoni, imxierka mal-ħolqien.

 

Għalhekk nistieden bil-qawwa kollha lill-fidili biex jiddedikaw ruħhom għat-talb f’dan iż-żmien, li minn inizjattiva opportuna f’ambitu ekumeniku żviluppa bħala Żmien il-ħolqien: perjodu ta’ talb u azzjoni aktar intensi għall-ġid tad-dar komuni li jiftaħ illum, l-1 ta’ Settembru, Jum Dinji ta’ Talb għall-għożża tal-ħolqien, u jagħlaq fl-4 ta’ Ottubru, fit-tifkira ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Hi l-okkażjoni biex inħossuna iktar magħqudin ma’ ħutna mid-diversi konfessjonijiet Insara. Jiġuni f’moħħi, b’mod partikulari, il-fidili Ortodossi li diġà ilhom tletin sena jiċċelebraw dan il-Jum. Inħossuna wkoll f’sintonija profonda man-nies ta’ rieda tajba, imsejħin flimkien biex, fil-kuntest tal-kriżi ekoloġika li qed tolqot lil kulħadd, jippromovu l-ħarsien tax-xibka tal-ħajja li minnha lkoll nagħmlu parti.

 

Dan hu ­ż-żmien biex nerġgħu nidraw nitolbu mgħaddsin fin-natura, fejn titwieled spontanja l-gratitudni lejn Alla l-Ħallieq. San Bonaventura, għannej tal-għerf Franġiskan, kien jgħid li l-ħolqien hu l-ewwel “ktieb” li Alla fetaħ quddiem għajnejna, biex aħna u nammiraw fih il-varjetà ordnata u sabiħa, nerġgħu lura biex inħobbu u nfaħħru lill-Ħallieq (ara Breviloquium, II,5.11). F’dan il-ktieb, kull ħlejqa ġiet mogħtija lilna bħala “kelma ta’ Alla” (ara Commentarius in librum Ecclesiastes, I,2). Fil-ħemda u fit-talb nistgħu nisimgħu l-leħen sinfoniku tal-ħolqien, li jsejħilna biex noħorġu mill-għeluq awtoreferenzjali tagħna u niksopru mill-ġdid li aħna mdawrin mill-ħniena tal-Missier u hienja fil-qsim tad-doni li rċivejna. F’dan is-sens nistgħu ngħidu li l-ħolqien, xibka tal-ħajja, post tal-laqgħa mal-Mulej u bejnietna, hu x-“xibka soċjali ta’ Alla” (Udjenza lill-Guides u l-iScouts tal-Ewropa, 3 ta’ Awwissu 2019). Hu jwassalna biex ngħollu għanja ta’ tifħir kożmiku lill-Ħallieq, kif tgħallimna l-Iskrittura: “Bierku, kulma jinbet fl-art, il-Mulej, faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem” (Dan 3:76).

 

Dan hu ż-żmien biex nirriflettu fuq l-istili ta’ ħajjitna u fuq kif l-għażliet tagħna ta’ kuljum f’dak li hu ikel, konsum, ġiri minn post għall-ieħor, użu tal-ilma, tal-enerġija u tant ġid materjali spiss isiru mingħajr qies u jagħmlu l-ħsara. Ħafna minna qed jinqdew b’mod ħażin bil-ħolqien. Ejjew nagħżlu li nibdlu, li nassumu stili ta’ ħajja iżjed sempliċi u rispettużi! Issa hu l-waqt li nabbandunaw id-dipendenza mill-karburanti fossili u nwettqu, bla dewmien u b’determinazzjoni, tranżizzjonijiet lejn forom ta’ enerġija nadifa u ta’ ekonomija sostenibbli u ċirkulari. U ma ninsewx nagħtu widen għall-popli indiġeni, li l-għerf tagħhom tul is-sekli jista’ jgħallimna ngħixu aħjar ir-relazzjoni tagħna mal-ambjent.

 

Dan hu ż-żmien biex inwettqu azzjonijiet profetiċi. Ħafna żgħażagħ qed jerfgħu leħinhom mid-dinja kollha, jitolbu li jsiru għażliet kuraġġjużi. Huma delużi mill-ħafna wegħdiet mhux mhux mitmuma, mill-impenji meħuda u ttraskurati minħabba f’interessi u konvenjenzi personali. Iż-żgħażagħ ifakkruna li l-Art mhix xi ġid biex naħluh, imma wirt x’ngħaddu lil ta’ warajna; li t-tama f’għada mhix sentiment sabiħ, imma dmir li jitlob għemejjel konkreti llum. Jeħtieġ nagħtuhom tweġibiet veri, mhux kliem fil-vojt; fatti, mhux illużjonijiet.

 

It-talb tagħna u l-appelli tagħna huma fuq kollox biex nissensibilizzaw lil dawk li huma responsabbli politikament u ċivilment. Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari l-Gvernijiet li fix-xhur li ġejjin se jiltaqgħu biex iġeddu impenji deċiżivi, ħalli jorjentaw lill-pjaneta lejn il-ħajja u mhux lejn il-mewt. Jiġini f’moħħli l-kliem li qal Mosè lill-poplu bħal xorta ta’ testment spiritwali qabel id-dħul fl-Art imwiegħda: “Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek” (Dewt 30:19). Huma kelmiet profetiċi li nistgħu nadattawhom għalina u għall-qagħda tal-Art tagħna. Ejjew nagħżlu l-ħajja! Ngħidu le għar-regħba tal-konsumi u għall-pretensjonijiet ta’ omnipotenza, toroq tal-mewt; naqbdu mixjiet b’viżjonijiet fit-tul, magħmula minn ċaħdiet responsabbli llum biex niggarantixxu triq għall-ħajja għada. Ma nċedux għal-loġika perversa tal-profitt irħis, imma naħsbu fil-futur ta’ kulħadd!

 

F’dan is-sens għandu importanza speċjali s-Summit imminenti tal-Ġnus Magħquda għall-azzjoni fuq il-klima, li fih il-Gvernijiet se jkollhom f’idejhom il-ħidma li juru r-rieda politika li jżidu drastikament il-provedimenti biex jilħqu llum qabel għada emissjonijiet nodfa tal-gass serra ekwivalenti għal żero u li jillimitaw iż-żieda medja tat-temperatura globali għal 1.5°C fi qbil mal-livelli preindustrijali, f’linja mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Imbagħad, fix-xahar id-dieħel ta’ Ottubru, l-Amażonja, li l-integrità tagħha hi mhedda gravament, se tkun fiċ-ċentru ta’ Assemblea speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Ejjew nieħdu din l-opportunità biex inwieġbu għall-karba tal-foqra u tal-Art!

 

Kull fidil Nisrani, kull membru tal-familja umana jista’ jikkontribwixxi biex jinseġ, bħal ħajta rqiqa, imma unika u indispensabbli, ix-xibka tal-ħajja li tħaddan lil kulħadd. Inħossuna parti u responsabbli billi jkollna għal qalbna, bit-talb u bl-impenn tagħna, l-għożża tal-ħolqien. Alla, “li jħobb kulma jgħix” (ara Għerf 11:26), jagħtina l-kuraġġ li nagħmlu l-ġid bla nistennew li jkunu oħrajn li jibdew, bla nistennew li jkun tard wisq.

 

Mal-Vatikan, 1 ta’ Settembru 2019

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard