Intervista ma’ Pawlu ta’ Tarsu

Kitba tar-Rev. Dr Paul Sciberras 

Fis-suq ta’ Damasku: ħamba ta’ xerrejja u bejjiegħa. Jiltaqgħu Ewtike u żewġha Xmun, koppja nisranija, ma’ Ninfa u Marija, żewġ nisa nsara oħra.

 

Ewtike: Xmun, ġejjin Marija u Ninfa: dawk insara bħalna. Nieqfu nkellmuhom jew aħjar le, hawn minħabba f’din il-folla?

 

Xmun: Nieqfu, mela le! Jekk ma nurux imħabba lejn ħutna nsara anke fil-periklu, kif nistgħu ngħidu li aħna dixxipli ta’ Ġesù? Immorru ftit fil-ġenb, u nagħtu inqas fil-għajn.

 

Ewtike: Marija, Ninfa, kif intom?

 

Ninfa: L-għodwa t-tajba. Ma jidhirlix li nafkom! Din Marija, ħabiba tiegħi. Jaqaw intom tkunu fil-laqgħat bħalna: wiċċkom mhux ġdid?

 

Xmun: Il-Mulej Ġesù jkun dejjem magħkom. Iva, hemm nafukom. Kif intom? Għandkom bżonn xi ħaġa? Marija, kemm tidher imħassba!

 

Marija: L-Evanġelju li nħaddnu, u Ġesù l-Mulej, li fih nemmnu b’qalbna kollha, jridna nissieħbu iktar fil-qrib miegħu fis-salib tiegħu! Għadna kemm smajna li ċertu Sawl minn Tarsu, Lhudi mill-aktar fidil lejn it-twemmin tiegħu, qiegħed jaħbat għall-insara kull fejn jista’ jsibhom. Xi ftit ilu kien ġej Damasku bl-awtorità kollha li tah is-Sinedriju. Kull meta jagħmel dawn il-ħarbiet dejjem jerġa’ jieħu lil ħutna marbutin Ġerusalemm biex jixlihom quddiem il-Lhud.

 

Ninfa: Imma issa l-ħabib għażiż tagħna Ħananija qalilna li ġrat waħda kbira. Veru li xejn ma jwaqqaf lill-Mulej Ġesù milli jwettaq il-ħidma ta’ ħniena u salvazzjoni tiegħu! Qalilna li xi xahar ilu kien id-dar jitlob u deherlu l-Mulej innifsu. Qallu biex imur fi Triq id-Dritta għax iridu jiltaqa’ ma’ wieħed minn Tarsu jismu Sawl. Ħananija nħasad għax jaf sewwa għalfejn Sawl kien ġie hawn f’Damasku, kemm ħsara qiegħed jagħmel lill-Insara Qaddisin. Imma l-Mulej assigurah li Sawl ma għadux il-bniedem li kien.

 

Marija: Ħananija ma jinsa qatt il-preċiżi kelmiet: “Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżraël. Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi.” Issa smajna li dan Sawl qiegħed jgħallem u jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla.

 

Xmun: Qalulna li nhar Jum il-Mulej li ġej, Sawl stess se jkun fid-dar ta’ Ġuda għal-laqgħa ta’ kull ġimgħa. Ħananija talbu jserrħilna rasna dwar il-konverżjoni kbira li seħħet fih. Talbu jgħidilna għaliex minn meta għammdu hu stess, ma jistax ma jxandarx li Ġesù huwa ħaj u hu Mulej tagħna lkoll.

 

Ninfa: Smajna aħna wkoll! Ikun imbierek il-Mulej, li ma jieqaf qatt jissorprendina bil-ħniena u l-imħabba tiegħu! Narawkom nhar Jum il-Mulej, mela. Il-paċi tal-Mulej tkun dejjem f’qalbkom, u mal-familja għażiża tagħkom.

 

 

Isellmu lil xulxin u jinfirdu

 

Erbat ijiem wara. Fid-dar ta’ Ġuda fejn kellha ssir il-laqgħa tal-Insara dak il-Ħadd.

 

Jibdew jiltaqgħu l-Insara, isellmu lil xulxin bil-bewsa tal-paċi u fl-Isem ta’ Ġesù, l-Mulej. Wara xi ħin, jidħol Ħananija, flimkien ma’ "dixxiplu" ieħor, li l-Insara miġbura bdew jirreferu għalih bħala Sawl jew Pawlu.

 

Ġuda (sid id-dar): Nilqagħkom fid-dar tiegħi u tagħkom f’isem il-Mulej Ġesù, ħellies tagħna. Il-paċi tal-Mulej imqajjem mill-mewt tkun magħkom!

 

L-Insara preżenti jwieġbu għat-tislima tiegħu.

 

Ikompli Ġuda: Aħwa qaddisa tiegħi, illum Ħananija għoġbu jġib miegħu lil ħuna Pawlu. Pawlu nnifsu se jaqsam magħna l-ħniena li l-Mulej Ġesù wera miegħu u magħna. Ikun imfaħħar dejjem l-Isem ta’ Ġesù, il-Mulej u Sid tagħna.

 

Ħananija: Għeżież maħbubin mill-Mulej Ġesù, fit-Triq li bdejna mixjin wara l-Imgħallem tagħna Ġesù, hemm dejjem post għall-konverżjoni. L-imħabba u l-ħniena ta’ Alla magħna ma jista’ jgħaddihom ħadd. Imma fina nħossu dejjem il-bżonn li nsiru nixbhu lill-Mulej. Min minna, b’qalb miftuħa għat-toroq ta’ Alla, jiftaħlu l-bibien ta’ qalbu, ma jitlef xejn minn dak li jagħmlu aktar bniedem sħiħ. Illum nisimgħu minn fomm ħuna Sawl innifsu kif jaħdem Alla fil-qalb tal-bnedmin.

 

Pawlu: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Grazzja u sliem lilkom, għeżież ħuti fil-Mulej.

Il-Mulej Ġesù għoġbu jidħol fil-ħajja tiegħi ferm qabel id-dehra li kelli fit-Triq ta’ Damasku, kif x’uħud minnkom jafu! Daħal f’ħajti bħal riefnu li jċaqlaq kull ma jsib quddiemu. Sirt naf fuqu meta s-Sinedriju tal-anzjani tagħna l-Lhud kien inkwetat ferm bil-konsegwenzi tal-mewt li ngħata fuq l-għuda tas-salib. Tant u tant dixxipli tqawwew fil-fidi tagħhom fih, u xi ħaġa riedet issir. Jien, bħala Fariżew sa fil-qiegħ ta’ ruħi, kont nargumenta mill-Iskrittura stess kif qatt u qatt ma seta’ jkun li bniedem misħut minn Alla fuq is-salib ikun hu l-Messija mwiegħed. Skandlu bħal dan ma stajt naċċettah qatt. Ridt inxammar il-kmiem u flok ninkwieta, nargumenta u niddiskuti biss, tlabt l-awtorizzazzjoni biex naqbad u nħarbat lil dawk kollha li kienu jsejħu isem Ġesù tal-Galilija. Imma l-Mulej ried jgħaddini minn toroq oħra.

 

Ħananija: Sawl, ħija, illum li tippritkah b’ħeġġa daqstant qawwija, x’sar ifisser għalik il-Mulej Ġesù?

 

Pawlu: Illum ngħodd kollox bħala knis ħdejn il-qligħ kbir li ħadt meta Ġesù għarraf lilu nnifsu lili, biex inwasslu b’kull mod lill-oħrajn. Illum ngħix, imma mhux jien ngħix, imma Hu jgħix fija! Illum nagħrfu bħala dak li ħabbni u ta ħajtu għalija.

 

Ġuda: Pawlu, l-għuda tas-salib kienet l-akbar skandlu għalik u għalina bħala Lhud u l-akbar bluha għal dawk ħutna li kienu pagani. Fejn hi l-bidla li ġab fik il-Mulej Ġesù nnifsu?

 

Pawlu: Il-Ktieb għażiż tal-Kelmiet ta’ Mosè dejjem għallimna li "Misħut hu min ikun imdendel mas-siġra". Bħala Lhudi u Fariżew ma stajt qatt naċċetta kliem il-Mulej Ġesù li jitlob lil dawk li riedu jkunu dixxipli tiegħu biex iġorru l-għuda tas-salib warajh! Kif qatt seta’ jkun li l-messija, kif isejħulu d-dixxipli tiegħu, ikun propju wieħed misħut minn Alla?! Il-membri meqjuma tas-Sinedriju rawh mislub, iċ-ċenturjun Ruman xehed quddiem il-Gvernatur Ponzju Pilatu li kien miet, kif kien ikkundannah hu stess. Imma lili deherli ħaj: imqajjem minn mewt l-aktar misħuta!

 

Ħananija: Imma llum tippridkah ħaj, Mulej u Sid tal-bnedmin, anzi li fih għad jinġabar il-ħolqien kollu!

 

Pawlu: Hawn hi l-ħniena ta’ Alla miegħi, Ħananija, ħija, u intom ħuti kollha! Fit-Triq ta’ Damasku deherli hu stess: ħaj, imqajjem mill-mewt, mimli dawl tal-glorja. Dak li qatt ma stajt nifhem mill-Kotba Qaddisa tagħna fuq il-messija, urihuli l-Mulej Ġesù fid-dehra. La mqajjem mill-mewt wara s-saħta tas-salib, la mimli bil-glorja li ġejja minn Alla ta’ kull sabar u faraġ, kien ifisser li Ġesù huwa fil-fatt il-Magħżul ta’ Alla li lilu nqimu! Kien ifisser li mis-saħta tas-salib hu għamel minn Ġesù s-Salvatur tal-bnedmin. Is-salib ma kellux l-aħħar kelma fuq Ġesù. Is-salib mhux talli ma kienx il-mewt u s-saħta għall-Magħżul ta’ Alla, kif ikanta Iżaija l-Profeta fuq il-Qaddej tiegħu, imma s-salib sar il-bieb u l-garanzija minn Alla nnifsu tas-salvazzjoni tagħna.

 

Ħananija: Għidilna, Pawlu, dan ifisser li l-wegħdiet li rċevejna fil-Kotba Mqaddsa seħħew fil-Mulej Ġesù?

 

Pawlu: Il-glorja li Alla ta lill-Mulej Ġesù wara s-salib hija propju l-garanzija minn Alla li f’Ġesù għandna t-twettiq tal-wegħdiet kollha li għamlilna Hu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Bħala Lhudi ma nistax ma nemminx fil-Mulej Ġesù, għax għalih, fuqu jitkellmu l-Kotba Mqaddsa. Ir-rieda li nkun fidil lejn il-poplu tiegħi u t-tamiet fil-wegħdiet magħmula lilu: kienet hi li minħabba fiha ma stajtx ma nemminx f’Ġesù bħala l-Messija mwiegħed. Il-konverżjoni tiegħi kienet propju hawn: li dak li qatt ma stajt nara fil-messija, magħżul minn Alla, urihuli l-Mulej, Imqajjem mill-mewt! Huwa hu dak li ġie magħżul minn Alla biex, b’demmu u bil-mewt tiegħu fuq is-salib, kull min isejjaħ l-Isem tiegħu jsalva. Propju għax xejjen lilu nnifsu fuq is-siġra tas-salib, Alla għollieh u tah l-Isem li hu fuq kull isem, biex f’ismu kulħadd isalva. Jien issa ċert li l-Mulej Ġesù huwa l-IVA ta’ Alla għall-wegħdiet maħlufa minn Alla sa mill-qedem. M’hemmx salvazzjoni jekk mhux fl-isem għażiż tiegħu!

 

Xmun: Pawlu, ħija, il-konverżjoni tiegħek hija ta’ ispirazzjoni għalina. Għidilna: x’inhu s-sigriet tagħha, ħalli aħna wkoll inħossu l-bżonn li nikkonvertu kuljum lejn il-Mulej Ġesù?

 

Pawlu: Il-konverżjoni tiegħi kienet rigal kbir ġej minn Alla u Sidna Ġesù. Mhijiex ħaġa li ħdimt għaliha jien. Huwa Alla l-bidu ta’ kull konverżjoni. Is-sigriet ta’ kollox qiegħed fil-fatt li nagħrfu li aħna qegħdin f’mixja. Bħal kull mixja, dejjem ikun baqa’ pass ieħor x’tagħmel, u ieħor u ieħor, sakemm tasal fil-post lejn fejn inti miexi. Huwa l-Mulej Ġesù, li nsiru nixbhuh dejjem iktar, il-mira tagħna. Ixbhu lili għax jien nixbah lil Kristu Ġesù ... fil-fatt li dejjem nagħmel minn kollox billi nqabbel ħajti ma’ dak li hu hu, ma’ dak li kien jagħmel hu kieku kien jgħix hu fija, minfloki. Mhix ħafifa, għax fija nħoss ġibdiet biex immur fi triq oħra, f’direzzjonijiet kontra! Imma l-grazzja ta’ Alla ma tisfax fix-xejn. Is-sigriet qiegħed hawn: fid-dgħjufija tas-salib dehret il-qawwa tar-rebħa fuq il-mewt tal-Mulej Ġesù.  Hekk ukoll fid-dgħjufija tiegħi u tagħna lkoll tista’ tidher il-qawwa ta’ Alla, jekk nagħmlulu l-wisa’ f’qalbna.

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll, ħuti maħbubin mill-Mulej.