



|
OMELIJA TA'
MONS. ARĊISQOF PAWLU CREMONA OP
Konkatidral ta’
S. Ġwann, Valletta:
4
ta’ Marzu 2012:
Ħuti aħna
ġejna hawnhekk prinċipalment biex niċċelebraw il-quddiesa ta’ dan
it-tieni Ħadd tar-Randan imma li llum għandha togħma speċjali
għaliex illum qegħdin nilqgħu fostna il-fjakkola ta’ S. Benedittu.
U din il-fjakkola tfakkarna f’diversi realtajiet. L-ewwelnett
tfakkarna fis-simbolu; hija fjakkola ta’ dawl, fjakkola li minnha
joħroġ in-nar.
U tafu li
n-nar fl’Iskrittura mqaddsa huwa sinjal tal-preżenza divina. In-nar
huwa dak li mexxa l-poplu Lhudi fid-deżert meta kien qed jaħrab
mill-Eġġizzjani, f’kolonna tan-nar. In-nar huwa x-xbieha li permezz
tiegħu l-Ispirtu s-Santu daħal u qiegħed fuq l-appostli f’jum
il-Pentekoste. Dan in-nar li se jiġi mixgħul minn hawn u ftit ieħor
se jerġa jitlaq minn hawnhekk u jmur Monte Cassino, minn fejn telaq
ħalli jkun sinjal ta dak kollu li huwa divin fostna. Illum ukoll
f’din il-quddiesa aħna se niftakru f’persuna u din il-persuna hija
San Benedittu. San Benedittu twieled fil-ħames seklu, u
fiż-żminijiet li aħna nafuhom bħala ż-żminijiet tad-dlam, Dark
Ages, S. Benedittu xegħel propju f’dan il-poplu. U aħna llum,
qegħdin nagħtu wkoll qima lil dan il-qaddis li permezz ta’ dawk li
kienu segwaċi tiegħu, dak iż-żmien ta’ dlam, sar żmien ta’ dawl.
Għax mis-seklu sitta sas-seklu tnax, is-segwaċi tiegħu kienu jmorru
kullimkien jagħmlu monasteru u mal-monasteru iġibu wkoll dik li hija
l-kultura Kristjana.
U llum qed
niftakru propju f’S. Benedittu. Kien diġa l-Papa Piju XII li kien
qal li S. Benedittu huwa l-missier ta’ l-Ewropa. Imbagħad fis-sena
1964 il-Papa Pawlu VI qal li S. Benedittu huwa l-patrun ta’ l-Ewropa
u minn dak iż-żmien din il-fjakkola baqgħet iddur ma’ l-Ewropa biex
tfakkar, b’mod simboliku , dak li kien għamel S. Benedittu u
s-segwaċi tiegħu. F’din iċ-ċeremonja aħna qegħdin niftakru wkoll
f’kontinent għax dan id-dawl irid idawwal il-kontinent ta’
l-Ewropa. U llum iktar minn qabel, dan id-dawl irid iżur kullimkien
għaliex bħalma tafu, sfortunatament, l-Ewropa qed tipprova tinsa
l-għeruq Kristjani tagħha. U allura din il-fjakkola, għalina lkoll,
hija simbolu ta’ l-għeruq insara li hawn fl’Ewropa biex nerġgħu
nagħtuhom il-ħajja.
Din
il-fjakkola trid tfakkarna ukoll li hija fjakkola li fostna trid
iġġib il-fraternita, trid iġġib it-tama, l-isperanza, u trid iġġib
il-paċi. U meta ngħidu li din il-fjakkola trid iġġib il-paċi
jiġifieri qegħdin ngħidu li din il-fjakkola tfisser dak kollu li
Alla l-Imbierek xtaq u ried li jkun hawn fid-dinja meta ħalaq
id-dinja. Timpressjonanhiex, ħuti, meta fil-bidu kif għandna
fil-ktieb tal-Ġenesi, kollox kien kaos u Alla l-Imbierek
bagħat l-Ispirtu tiegħu biex ma jibqax iktar kaos imma kollox
jiġi ekwilibrat ma’ xulxin hekk li tibda l-paċi. Timpressjonanhiex
ħuti, meta Sidna Ġesu Kristu ġie fostna hawnhekk bħala tarbija u
l-anġli fis-sema kantaw: il-paċi lil bnedmin kollha ta rieda tajba.
Hija din il-paċi li din il-fjakkola trid tfakkarna fiha u tagħtina
impenn biex verament din il-fjakkola tkun għalina ta’ impenn
personali u komunitarju biex il-pjan t’Alla għall-paċi fid-dinja
jkun jista’ jseħħ.
Imma jiena
xtaqt, ħuti, li dan kollu, dak li aħna qegħdin niċċelebraw flimkien
aħna niċċelebraw fil-kuntest tat-tlett lezzjonijiet ta’ dan it-tieni
Ħadd tar-Randan li Alla l-Imbierek ipprovdilna llum. U xtaqt li
nagħmel daqsxejn ta’ ħsibijiet fuq dawn il-lezzjonijiet. L-ewwel
lezzjoni kienet mill-ktieb tal-Ġenesi u hemmhekk rajna lil Abraham
joffri lil Alla l-Imbierek lil ibnu stess. U Alla l-Imbierek mhux
talli lil Abraham ma ħadlux lil ibnu talli reġa tah lil ibnu u tah
din id-darba bil-possibilta li permezz ta’ ibnu Iżakk ikun hemm
poplu li jibqa’ li huwa l-poplu t’Alla li baqa’ anke saż-żmienna u
sar il-poplu ġdid permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu. U fid-dawl ta’ dan
kollu jiena ngħid, ejjew illum noffru din il-fjakkola bħalma għamel
Abraham lil Alla l-imbierek biex il-fjakkola ma tkunx tagħna;
il-fjakkola tkun tiegħu. U bħalma meta noffruhielu jerġa
jagħtihielna lura, jagħtihielna b’ħafna grazzji ħalli l-fjakkola
tkun verament, mhux biss simbolu imma tkun dik li tħeġġeġ lil ħafna
nsara biex huma jerġgħu il-fidi tagħhom jiskopruha u permezz tagħhom
isiru dwal.
Fit-tieni
lezzjoni tal-lum aħna rajna lil S. Pawl jikteb lir-Rumani (8,31-34)
u jagħmlilhom il-kuraġġ. Immaġinaw f’mument fejn kien hemm
persekuzzjoni, S. Pawl, imnebbah mill-Mulej, jibagħtilhom dan
il-kliem ta’ ħafna tama, ta’ ħafna speranza. U jgħidilhom dak
il-kliem li kien tant qawwi: “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun
kontra tagħna?” U jekk aħna ġejna mifdijin mill-qawwa ta’ Kristu
rxoxt, min jista’ jirbah din il-vittorja kbira li għamel Sidna Ġesu
Kristu permezz tas-salib għal ħajja ta’ dejjem għalina lkoll?
Allura aħna ejjew napplikaw anke din it-tieni lezzjoni
għall-fjakkola. Ejjew ngħaqqduha ma’ dan il-kliem ta’ S. Pawl.
Ħafna drabi, ħuti, aħna għaliex naraw id-dinja ta’ madwarna li mhux
dejjem tagħti każ, kultant aħna nibdew naqtgħu qalbna; ejjew
ngħaqqduha propju din il-fjakkola mar-rebħa tal-Mulej Ġesu! Din
il-fjakkola trid tfakkarna li Ġesu diġa rebaħ u trid tfakkarna li
aħna rridu nkunu parti minn din ir-rebħa tal-Mulej Ġesu u naħdmu
għaliha.
L-aħħar
riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hija dak li rajna fil-Vanġelu
tal-lum (Mk 9, 2-10). Kellna t-trasfigurazzzjoni tal-Mulej Ġesu.
Tafu xi tfisser it-trasfigurazzjoni? F’mument raw lil Ġesu bħala
bniedem kif is-soltu jarawh, mument ieħor, ftit wara, huma fuq
il-muntanja jarawh mibdul biex jiġi u jidher bħala dak li huwa
fil-ġisem glorjuż tiegħu. U dan, Sidna Ġesu Kristu tafu għalfejn
għamlu? Għaliex dawn l-appostli tiegħu ftit wara kellhom jarawh
imsallab. U ried li l-esperjenza tiegħu propju fil-glorja tiegħu,
tkun għalihom ta’ kuraġġ biex huma, meta jarawh fuq is-salib,
jiftakru fil-glorja tiegħu u jibqgħu mexjin. U allura anke din
il-fjakkola aħna rridu narawha f’dan il-kuntest. Ejjew inħallu lil
Mulej Ġesu l-ewwel jagħtina l-esperjenza tiegħu, ħuti. Ftakru li
kull quddiesa għalina hija l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, mhux
fis-sens litterali tagħha għaliex aħna naraw lil Sidna Ġesu Kristu
l-ewwel ikun ostja imbagħad ikun hemm il-preżenza reali tiegħu. Ma
nistgħux, ħuti, aħna verament nieħdu impenn sod jekk mhux
fil-kuntest ta’ esperjenza personali tal-Mulej Ġesu. Il-fjakkola
Benedittina għandha sens biss jekk aħna lkoll ngħaqqduha llum ma’
din l-esperjenza tal-glorja tal-Mulej Ġesu u nħarsu lejha bħala
l-fjakkola li tfisser ukoll il-glorja tagħna li għad trid tidher.
Ħuti, nixtieq
nagħlaq minn daqsxejn ta’ kliem mill-Prologu ta’ S. Benedittu. Araw
x’jikteb lil dawk li kienu se jidħlu miegħu u araw huwiex kliem li
għandu jħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex aħna ngħixu. U
jgħid hekk fil-Prologu, siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa. “Waslet
is-siegħa li fiha intom tqumu min-nagħas”. “Mhux li kontu llum
tisimgħu leħnu; la twebbsux qalbkom”. “Ibqħu miexja sakemm għandkom
id-dawl biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx”. Ħuti, din hija
l-kelma ta’ S. Benedittu takkompanja l-fjakkola li ġiet fostna
f’Malta. Ejjew inħalluha tħeġġiġna biex dejjem iktar ngħaqdu lil
Mulej b’mod speċjali bi fjakkola ta’ evanġelizzazzjoni ġdida li aħna
noffru lil Alla l-Imbierek.
Ara t-test bit-Taljan ...>
Ara aktar tagħrif dwar il-Fjakkola Benedittina ...>
|