Laikos

Aktar dwar il-Konċilju Vatikan II ...

Dun Ġużepp Pace
 

X’MA QALX IL-KONĊILJU



Edizzjoni Klabb Qari Nisrani

2002

 

Ħajr ...

lil Monsinjur Ġużepp Pace tal-permess tiegħu biex dan il-ktieb ikun publikat fuq il-Laikos

u lil Ms Myriam Buttigieg għat-typing tal-verjoni għal-Laikos

 


 

WERREJ

 

PREŻENTAZZJONI

1. Tliet Parabboli

 

L-EWWEL TAQSIMA – IR-RIEFNU

2. Ir-Riefnu

3. Is-Sinjali

4. Il-Baħħara

5. Il-Kantina

6. Il-Maltemp

7. Id-Dgħajsa

 

IT-TIENI TAQSIMA – IL-ĦOLMA

8. Il-Ħolma

9. Il-Qabża

10. Il-Fanali

11. Il-Mekkanik

12. Iż-Żifna

 

IT-TIELET TAQSIMA – IR-ROTTA

13. Iċ-Ċella

14. L-Iskola

15. Id-Dar

 


 

PREŻENTAZZJONI

 

Il-Konċilju Vatikan it-Tieni ma kienx Konċilju ta’ definizzjonijiet.

Ma ħareġ bl-ebda duttrina ġdida. Ma taniex lista ta’ liġijiet.

Ma kienx Konċilju ta’ dokumenti – għad li sebaq il-Konċilji kollha fil-għadd ta’ dokumenti.

Il-Konċilju Vatikan it-Tieni kien proċess, moviment, li beda u għadu sejjer sal-lum. Ġwanni XXIII sejjaħlu aġġornatment. Pawlu VI sejjaħlu rinnovament, tiġdid.

Il-Konċilju Vatikan it-Tieni kien ġrajja, epika, marbuta mal-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna; u marbuta ħaġa waħda mal-karattru u l-personalità tal-protagonisti li ħadu sehem fih, f’Ruma, f’Malta u barra minn Malta.

Kien avventura li wkoll bdiet u għadha sejra sal-lum.

F’dan il-ktieb, erbgħin sena mill-ftuħ tal-Konċilju, nistedinkom tgħixu mill-ġdid miegħi din il-ġrajja u tidħlu miegħi f’din l-avventura.

 

Dun Gużepp

 

1. TLIET PARABBOLI

 

Tliet “parabboli” sejjaħtilhom it-tliet ġrajjiet kbar li se niltaqgħu magħhom f’dan il-ktieb: il-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin, dik tal-Mixi ta’ Ġesù fuq il-baħar u dik tad-dixxipli ta’ Għemmaws.

“Parabboli” aktar minn ġrajjiet. M’għandix dubju mill-verità ta’ dawn il-ġrajjiet. Iżda nemmen li l-ġrajjiet tal-Iskrittura ma tridx taqrahom biss bħala xi ħaġa tal-imgħoddi. Huma l-Kelma ta’ Alla għal kull żmien u kullimkien. Jagħtuna t-tixbiha tal-ħolma ta’ Alla għalina, il-muftieħ biex nifhmu lil Alla, iżda wkoll lilna nfusna u l-ġrajjiet ta’ madwarna u l-ġrajjiet tal-Knisja.

Għalhekk għażilthom biex nifmnu x’ġara u x’qiegħed jiġri mill-Konċilju sal-lum. Għall-ewwel kont se nsemmi l-ktieb Fejn Jonfoh l-Ispirtu. Imbagħad xi ħadd issuġġerieli X’ma Qalx il-Konċilju; u għoġbitni mal-ewwel. Għax biex tifhem il-Konċilju trid tkun taf x’qal, imma aktar u aktar x’ma qalx, x’hemm wara u qabel, x’ġara u x’qiegħed jiġri u x’għandu jiġri ’l hinn mid-dokumenti tal-Konċilju. U din hi l-mixja li se nagħmlu flimkien.

Il-parabbola ta’ Għid il-Ħamsin sejjaħtilha Ir-Riefnu. Għax l-Ispirtu, għalkemm kultant jidħol inkiss inkiss, imma dejjem iqajjem riefnu, riefnu ġo fina u riefnu wkoll fil-Knisja. Meta l-Kummissjoni Kateketika stampat l-ewwel sillabu tar-Reliġjon fis-sebgħinijiet, l-istampatur kien ħa żball. Minflok “l-Ispirtu jwaħħad il-Knisja”, stampa “l-Ispirtu jħawwad il-Knisja”. Jista’ jkun li kellu ħafna raġun kif se naraw.

Il-parabbola tal-Mixi ta’ Kristu fuq il-Baħar, semmejtha Il-Ħolma. Għax tiftħilna l-bieb biex nifhmu l-ħolma tal-Konċilju. Meta tiltaqa’ ma’ Kristu jdaħħlek f’ħolma u jieħdok fejn qatt ma kont taħseb jew tistenna, fil-ħolma tiegħu. Il-Mulej mhux biss jikteb dritt fuq linji mgħawwġa, imma jimxi wkoll fuq il-mewġ tal-baħar imqalleb. Jistedinna naqbzu mid-dgħajsa u nersqu lejh: Jiena Hu tibżgħu xejn! (Mt 14,27).

Il-mixja tad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws tagħtina r-Rotta, il-mixja tat-triq tagħna. Tgħidilna minn fejn tlaqna, fejn aħna u fejn sejrin. Għajnejna, bħal tad-dixxipli, kellhom u għad għandhom ħafna xi jżommhom. Għalhekk mhux dejjem nagħrfuh. Iżda meta “jimxi magħna fit-triq” u “jaqsmilna l-ħobż”, qalbna titħeġġeġ u nerġgħu lura Ġerusalemm (Lq 24-35).

Fil-mixja tagħna se niltaqgħu ma’ bosta parabboli oħra “żgħar”: is-sinjali, il-baħħara, il-kantina, il-maltemp, id-dgħajsa, il-qabża, il-fanali, il-mekkanik, iż-żifna, iċ-ċella, l-iskola, id-dar. Għal min jemmen il-ħajja mimlija “parabboli żgħar” tal-mixja tal-Mulej. Ġesù Kristu għażel ġrajjiet ta’ kuljum biex ifissrilna s-Saltna ta’ Alla: Is-Saltna ta’ Alla tixbah... U għażel ħwejjeġ ta’ kuljum biex jiġi fina fis-Sagramenti.

Kieku kelli ż-żmien u l-ispazju kont nirrakkontalkom iktar parabboli. Jien issa ninsab fl-età meta nista’ nħares aktar lura milli ’l quddiem. Għalhekk forsi nista’ nara xi ftit aktar ċar minn qabel. Se nitkellem ħafna fuq “il-Knisja”; iżda m’hemm xejn fil-Knisja, sabiħ jew ikrah, li ma nistax ngħidu fuqi nnifsi u fuqna lkoll. Ma nistax nogħġob lil kulħadd; imma naċċertakom li m’għandi l-ebda ħsieb li nsawwat la lili nnifsi u lanqas lill-“Ommi”. Aħna lkoll nagħmlu parti mill-Knisja. Aħna lkoll għandna d-dmir u r-responsabbilità li naraw li tkun dejjem aktar sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb u b’xejn minn dan (Ef 5,27).

Għaddew erbgħin sena mill-ftuħ tal-Konċilju u erbgħin sena wkoll minn mindu jien ġejt ordnat qassis! Il-Mulej ma jieqaf qatt jissorprendina. Għad jissorprendina aktar meta narawh kif inhu (1 Ġw 3,2).

 


 

 L-EWWEL TAQSIMA

IR-RIEFNU

 F’daqqa waħda ġie mis-sema

ħoss ta’ riħ qawwi, u mela

id-dar kollha...

Atti 2,2

PARABBOLA

 

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed mnnhom. Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jtkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema.

Malli nstama’ dan il-ħoss, nġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twieldu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopatamja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm proseliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nismigħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”.

U lkoll, mitlufa bil-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?” Oħrajn bdew jiddieħku, u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid” (Atti 2,6-13).

 

 

2. IR-RIEFNU

 

“Illejla, sal qamar ħareġ – ħarsu lejh hemm fuq – biex jara dan l-ispettaklu... Meta tmorru d-dar se ssibu t-tfal tagħkom. Agħtuhom tgħannieqa lit-tfal tagħkom. Għidulhom li dit-tgħannieqa tal-Papa... ”.

Ma konnix imdorrija nisimgħu Papa jitkellem hekk. Ġwanni XXIII – xiħ ta’ tmenin sena, oħxon u goff, jixxotta l-għaraq u wiċċu mixrub bil-kanċer – filgħodu kellu jissaporti iħallihom iġorruh f’pultruna tad-deheb fuq l-ispalla, kif aħna l-Maltin indaħħlu l-istatwa fil-festa, fost ringili ta’ isqfijiet, mitri, damask, linef u daqq tat-trombi. L-ewwel darba li sab ruħu hemm fuq dik il-bradella, kif jgħid hu, tah il-mejt!

Filgħaxija x-xena nbiddlet. Il-poplu ta’ Ruma ried jgħidlu Grazzi kif jafu jgħiduha n-nies ta’ Ruma. Imlew Pjazza San Pietru u t-toroq ta’ madwar bl-eluf, kulħadd bil-fjakkli mixgħula jistenna l-Papa joħroġ jitkellem. Dakinhar filgħodu hawn Malta konna rajna l-funzjoni tal-Ftuħ tal-Konċilju Vatikan II minn fuq it-televiżjoni. Filgħaxija, il-Papa għajjien kif kien quddiem folla bħal dik, għall-ewwel ħabat se jitkellem fuq l-ispettaklu ta’ filgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru. Malajr biddel it-ton, kellem il-folla fuq l-ispettaklu li kellu quddiemu: “Il-lejla sal-qamar ħareġ – ħarsu lejh hemm fuq... Agħtuhom tgħannieq lil uliedkom...” Mid-diskorsi kollha tal-Konċilju Vatikan II, dan id-diskors ma ninsewh qatt.

Kien l-11 ta’ Ottubru 1962, dak iż-żmien festa ta’ Sidna Marija Omm Alla.

 

Fil-25 ta’ Jannar 1959, festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, il-Papa Ġwanni XXIII kien ħabbar li se jsejjaħ Konċilju Ekumeniku. Kienu għadhom għaddew bilkemm tliet xhur mill-elezzjoni tiegħu. Il-Konċilju Vatikan II beda tliet snin wara u ngħalaq taħt Pawlu VI fil-festa tal-Kunċizzjoni tat-8 ta’ Diċembru 1965.

Is-snin tal-Konċilju kienu snin sħan f’pajjiżna. Konna għadna kif ħriġna mill-kampanja tal-Integration. Il-kwistjoni politiko-reliġjuża kienet fl-eqqel tagħha. Fl-1960 iċċelebrajna b’ħafna dimostrazzjonijiet id-Dsatax-il Ċentinarju tal-Miġja ta’ San Pawl f’Malta. Kellna r-run down fit-Tarzna u s-Servizzi Ingliżi. Imbagħad ġiet il-kampanja qalila tar-Referendum u l-għoti tal-Indipendenza fl-1964 lejn l-għeluq tal-Konċilju. Il-poplu kellu moħħu band’oħra. Il-Konċilju kien ħafna ’l bogħod.

Jgħidu li Papa Piju XII, il-Papa ta’ qabel Ġwanni XXIII, huwa wkoll kien beda jaħseb fuq Konċilju wara t-tifrik tat-Tieni Gwerra Dinjija, iżda beża’ li kien għadu mhux il-waqt. L-aħħar Konċilju Ekumeniku kien sar ukoll fil-Vatikan (għadna nsibuh b’Vatikan I); beda fit-8 ta’ Diċembru 1869 u nqata’ ħesrem inqas minn sena wara fl-1870, minħabba s-sitwazzjoni politika u l-gwerer fl-Ewropa u Ruma ta’ dak iż-żmien.

Ġwanni XXIII innifsu jgħidilna li l-ispirazzjoni għall-Konċilju ġiet fuqu ħabta u sabta. Mal-elezzjoni tiegħu f’Ottubru 1958, beda jħoss f’qalbu tliet “kelmiet semplici” – Konċilju Ekumeniku, Sinodu Djoċesan u Reviżjoni tal-Kodiċi tal-Liġi tal-Knisja.

Ma kellu l-ebda dubju li hu kien “papa di provvisoria transizione[1] papa ta’ 77 sena, biex ma jdumx wisq u jilħqu jsibu lil xi ħadd aħjar! Il-mewt fil-qrib kienet dejjem fi ħsiebu. L-ewwel proponiment fl-ewwel irtir wara l-għażla tiegħu kien: “Nagħmel testment bi tħejjija għall-mewt x’aktarx fil-qrib”.[2] U safrattant “hawn jien... bi programm qawwi quddiem id-dinja, filwaqt li d-dinja kollha qed tħares u tistenna”.[3] Kien konxju li ma kellux żmien x’jitlef. Dak li kellu jagħmel ried jagħmlu malajr. Fil-25 ta’ Jannar 1959 ta l-aħbar tal-Koncilju; f’Jannar 1960 sar is-Sinodu ta’ Ruma; f’Marzu 1962 bdiet il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Kodiċi.

 

Fid-Djarju personali tiegħu, Ġwanni XXIII irodd ħajr lil Alla, bħalma qegħdin nagħmlu aħna erbgħin sena mill-ftuħ tal-Konċilju, tal-“grazzji kbar li rċieva wieħed li għandu stima baxxa tiegħu nnifsu, imma jilqa’ l-ispirazzjonijiet tajba li jiġuh u jagħmilhom b’umiltà u fiduċja”:

“Jiġuni quddiem għajnejja ideat xejn komplikati, anzi sempliċi ħafna, imma ta’ importanza u responsabbilità kbira minħabba dak li jista’ jiġri ’l quddiem; jidhru li trid tħaffef tagħmilhom; u malajr iseħħu”.[4]

 

Għalih din kienet il-virtù tal-ubbidjenza – li żżomm ruħek dejjem miftuħ għall-ispirazzjonijiet ta’ Alla u tagħmilhom bla telf ta’ zmien “b’umiltà u fiduċja”. “Dan hu l-misteru ta’ ħajti; tistaqsini xejn aktar... Voluntas tua pax nostra, ir-rieda tiegħek, Mulej, hija l-paċi tagħna... oboedientia et pax”.[5]

Għall-ewwel ma kien qal xejn lil ħadd. Żamm kollox ġo fih; beża’ li jħassrulu kollox! Kien biss ħamest ijiem qabel ma ta l-aħbar tal-Konċilju li żerżaq xi ħaġa baxx baxx f’diskursata mal-Kardinal Tardini, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. “Qatt ma kont nissoponi jew nimmaġina xi ħaġa bħal din. L-ewwel sorpriża ħadtha jien”.[6] Imma dakinhar kien diġà lesta u kiteb id-diskors tal-Ħadd ta’ wara, 25 ta’ Jannar 1959, bl-omelija tal-quddiesa u l-aħbar li xxukkjat lill-Kardinali “bħal leħħa ta’ berqa mis-sema”.[7]

Ġwanni XXIII ried jirrakkonta personalment il-prajja tal-ispirazzjoni tal-Konċilju fid-Diskors Uffiċjali tal-Ftuħ fil-11 ta’ Ottubru 1962, għax, kif qal hu, riedha tibqa’ mniżżla f’dokument storiku. Dan tajjeb li ngħiduh, għax fostna wkoll għad hawn sal-lum min għadu jaħseb li l-Konċilju ma kienx imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu!

 

3. IS-SINJALI

 

Naturalment, il-ġrajjiet imqallba naqqsu ferm l-impatt tal-Konċilju f’pajjiżna. Id-daqqiet ġiegħlu l-Knisja tingħalaq fiha nfisha fuq difiża. Il-kleru ta’ ċertu età u l-lajċi fl-għaqdiet kattoliċi raw it-theddida għall-Fidi. Kienu żminijiet ta’ dimostrazzjonijiet enormi fuq il-Fosos tal-Furjana mill-Ġunta Djoċesana tal-Għaqdiet Kattoliċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani.

Min-naħa l-oħra, l-aktar fost il-kleru żagħżugħ, ħafna bdew jagħmlu mistoqsija sempliċi imma importanti: “Għaliex il-Knisja tilfet il-klassi tal-ħaddiema?” Dak iż-żmien fl-Ewropa konna għadna nitkellmu dwar “klassi” tal-ħaddiema biex nifhmu l-ħaddiema tal-id li, flimkien mal-fqar u l-emarġinati, minn dejjem kienu fuq quddiemnett fil-Knisja u fl-imħabba ta’ Kristu. Fi Franza, kien twaqqaf il-moviment tal-“Qassisin Ħaddiema”, qassisin li neħħew is-suttana u libsu l-boiler suit biex imorru jaħdmu fil-minjieri tal-faħam. Fil-Belġju, Monsinjur Josef Cardijn kien waqqaf il-Moviment taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara biex jerġa’ jirbaħ il-ħaddiema żgħażagħ għal Kristu. Fi xjuħitu kien sar Kardinal u tkellem f’waħda mid-dimostrazzjonijiet kbar fuq il-Fosos.

Sena qabel il-Konċilju, fl-1961, Ġwanni XXIII kien ħareġ l-enċiklika Mater et Magistra fuq l-“Aħħar Żviluppi tal-Kwistjoni Soċjali fid-dawl tat-Tagħlim Nisrani”. Mal-ewwel ġiet maqluba bil-Malti minn Dun Karm Sant u Dr Salvino Busuttil u ħarġuha dik is-sena stess iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara b’daħla minn Dun Renato Cirillo, dak iż-żmien Kappillan Nazzjonali ta’ dan il-Moviment.

F’din l-enċiklika l-Papa rrikkmanda l-metodu ARA – QIS – AGĦMEL tal-Kardinal Cardijn bħala l-metodu l-aktar addattat għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ.[8] Il-Papa xwejjaħ ried jgħallem lill-Knisja żagħżugħa li l-ġrajjiet tad-dinja, u l-aktar il-ġrajjiet ta’ min hu fqir u mwarrab, meta jinqraw fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, mhux talli mhumiex tħeddida għall-Knisja, iżda huma l-leħen ta’ Alla nnifsu li jsejħilha biex tinbidel u tikber. Madwar għaxar snin wara, il-Kummissjoni Kateketika Nazzjonali daħħlet dan il-metodu fl-iskejjel; u qalulna li ma konniex qed ngħallmu r-Reliġjon!

 

Il-ġrajjiet tad-dinja huma magħġuna mal-ġrajjiet tal-Knisja; u wara t-tnejn hemm il-Providenza ta’ Alla u l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Fit-8 ta’ Diċembru 1962 ntemmet l-ewwel sessjoni tal-Konċilju; sa dakinhar kien għadu ma ħareġ xejn ħlief Messaġġ lill-Umanità mill-Isqfijiet fl-20 ta’ Ottubru 1961, disat ijiem wara l-ftuħ. Jumejn wara dal-Messaġġ, fit-22 ta’ Ottubru 1961, faqqgħet il-kriżi tal-missili Russi f’Kuba, l-eqqel siegħa tal-gwerra bierda bejn ir-Russja u l-Amerika. Id-dinja kienet tinsab f’xifer ta’ gwerra atomika. Ġwanni XXIII għamel messaġġ qasir u mqanqal minn fuq it-televiżjoni Taljana lil Kruschev u Kennedy. Il-vapuri bil-missili Russi bdew jirtiraw. Fil-1 ta’ Marzu 1963 il-Papa ngħata l-Premju Internazzjonali għall-Paċi mill-Fundazzjoni Balzan. Fis-7 ta’ Marzu 1963 Kruschev bagħatlu lil bintu mar-raġel tagħha biex jirringrazzjah. Fid-9 ta’ April 1963, Ġwanni XXIII ħareġ l-iktar enċiklika importanti tal-pontifikat tiegħu, il-Pacem in Terris, dwar il-paċi fid-dinja.

Kull taqsima ta’ din l-enċiklika tagħti ħarsa lejn “is-sitwazzjoni tal-lum”. Iżda fl-aħħar taqsima “is-sitwazzjonijiet tal-lum” il-Papa jsejħilhom is-Sinjali taż-Żminijiet, espressjoni li kien iħobb juża ta’ spiss. Il-ġrajjiet tad-dinja għal Ġwanni XXIII kienu ‘sinjali” ta’ xi ħaġa akbar u kienu joffrulu “raġuni għat-tama... li permezz tal-laqgħat flimkien u n-negozjati, il-bnedmin għad jaslu biex jiskopru aħjar ir-rabtiet li jgħaqqduhom flimkien... li bejniethom mhux il-biża’ trid issaltan imma l-imħabba, imħabba li ssib espressjoni f’kollaborazzjoni leali u ta’ suriet varji u ġġib magħha vantaġġi kbar”.[9]

Filwaqt li l-isqfijiet marru lura lejn djarhom idhom f’idhom, il-profeta Ġwanni XXIII, għax kien jaf jaqra s-Sinjali taż-Żminijiet, kien qed jara minn qabel x’kien se jiġri fid-dinja u fil-Knisja lejn l-aħħar snin tas-seklu għoxrin.

 

Mhux ta’ b’xejn li fid-Diskors tal-Ftuħ tal-Konċilju, Ġwanni XXIII, bis-sempliċità u s-sinċerità tipika tiegħu, kien sammar lil dawk li sejħilhom “profeti tal-iżvintura”:

“Fl-ezerċizzju ta’ kuljum tad-dmirijiet pastorali tiegħi, kultant ikolli noqgħod nisma’, ħafna kontra qalbi, ilħna ta’ nies li għalkemm jaħarqu biż-żelu, jonqoshom ħafna s-sens tad-diskrezzjoni u l-miżura. Fiż-żminijiet tal-lum ma jistgħu jaraw xejn ħlief gwaj u rovina. Jgħidu li żminijietna ħdejn żminijiet oħra sejrin dejjem lura. Iġibu ruħhom qishom ma tgħallmu xejn mill-ġrajjiet tal-istorja, li wara kollox hija għalliema tal-ħajja. Iġibu ruħhom qisu fi żmien il-Konċilji l-oħra kollox kien ta’ trijonf għall-idea u l-ħajja nisranija u għal-libertà reliġjuża ġenwina. Inħoss li ma nistax naqbel ma’ dawn il-profeti tal-iżvintura, li jħabbru dejjem id-diżastri, qisna wasalna fl-aħħar tad-dinja.

Kif mexjin il-ġrajjiet tal-lum, il-Providenza ta’ Alla, qed tmexxina lejn ordni ġdid ta’ relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Dan l-ordni l-ġdid, bil-ħidma tal-bnedmin nfushom imma wkoll kontra kulma jistennew il-bnedmin, għad iwassal biex iseħħu l-pjanijiet superjuri u inskrutabbli ta’ Alla. U kollox, ukoll id-differenzi bejn il-bnedmin, għad jiswa ta’ vantaġġ għall-Knisja. Ma tridx wisq biex tiddixxerni din ir-realtà jekk tħares b’attenzjoni lejn id-dinja tal-lum...”.[10]

 

Kliem tad-deheb ta’ profeta! Kien iż-żmien meta fid-dinja kien għad kellna l-Purtiera tal-Ħadid u l-gwerra tal-Vjetnam, u f’Malta konna qisna fi Gwerra Ċivili bil-kwistjoni politiko-reliġjuża.

 

Il-Papa tas-Sinjali taż-Żminijiet miet fit-3 ta’ Ġunju 1963. Imma l-messaġġ tiegħu ma waqax fuq widnejn torox. Qabel ma għalqet l-ewwel sessjoni tal-Konċilju, tliet Kardinali, Suenens tal-Belġju, Montini ta’ Milan (li wara sar Pawlu VI) u Lercaro ta’ Bologna, għamlu pressjoni biex jidħol suġġett li ma kienx fl-aġenda oriġinali tal-Konċilju. Kellu jkun l-itwal dokument tal-Konċilju, Il-Kostituzzjoni Pastorali tal-Knisja fid-Dinja tal-Lum. Jibda bil-kliem solenni Gaudium et Spes, “L-Hena u t-Tama”, tabilħaqq “ħarsa attenta” u ottimista mimlija Fidi, lejn id-dinja u lejn il-bnedmin kollha:

“L-hena u t-tama,

in-niket u t-tħassib tal-foqra

u ta’ dawk kollha li jbatu,

huma wkoll il-hena u t-tama,

in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu;

u ma hemm ebda ħaġa

li hi tassew tal-bnedmin,

li d-dixxipli ta’ Kristu wkoll

ma jħossuhiex f’qalbhom.

Għaliex il-komunità tagħhom

hija magħmula minn bnedmin,

li magħqudin fi Kristu,

huma mmexxija mill-Ispirtu s-Santu,

fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier,

u rċevew messaġġ ta’ salvazzjoni

biex iwassluh lil kulħadd.

Għalhekk din il-komunità

tħoss ruħha magħquda tassew u intimament

mal-ġens tal-bniedem u mal-istorja tiegħu”.[11]

 

Dan kellu jkun ukoll l-aħħar dokument li ġie approvat fil-Konċilju. Imma ta l-orjentament lid-dokumenti l-oħra kollha. Il-Gaudium et Spes tat lill-Knisja ta’ kull żmien aġenda preċiza: li tħares b’attenzjoni u fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla lejn is-Sinjali taż-Żminijiet u tara fihom is-sejħa tal-Mulej għall-konverżjoni u l-ħidma tagħha:

“Huwa dmir tal-Knsija li dejjem tiskrutinja s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju; u hekk, b’lingwaġġ li jinftiehem minn kull ġenerazzjoni, tkun tista’ twieġeb għall-mistoqsijiet ta’ dejjem tal-bnedmin... Għalhekk għandna nagħrfu u nifhmu d-dinja li ngħixu fiha, kif ukoll it-tamiet tagħha, ix-xewqat tagħha u x-xejra spiss drammatika tagħha”.[12]

 

Minn dak iż-żmien l-enċikliki u d-dokumenti uffiċjali ta’ Ruma kollha jagħtu ħarsa lejn x’qed jiġri fid-dinja, imbagħad jgħidu xi trid tgħid il-Knisja. Hawn Malta, is-Sinodu Djoċesan li qed isir bħalissa miexi fuq l-istess linji.

 

L-espressjoni Sinjali taż-Żminijiet insibuha fl-Evanġelju. Biex tintebaħ bihom u tfissirhom irid ikollok l-umiltà, is-sempliċità, il-fidi u l-ubbidjenza, l-erba’ virtujiet kbar ta’ Ġwanni XXIII. Lill-fariżej ta’ kull żmien Ġesù jgħidilhom:

“Meta jasal il-ħin ta’ filgħaxija intom tgħidu, ‘Temp tajjeb se jkollna, għax is-sema ħamrani’. Iżda mas-sebħ tgħidu: ‘Temp imqalleb illum, għax is-sema ħamrani u msaħħab’. Jiġifieri wiċċ is-sema tafu tfissruh, imma għas-sinjali taż-żminijiet ma tinqalgħux”.[13]

  

 

4. IL-BAĦĦARA

 

Intqal li bil-Konċilju l-Papa Ġwanni XXIII fetaħ it-twieqi tal-Knisja u daħal riefnu! Fostna dak iż-żmien kien hemm min ried jiftaħ it-twieqi tal-Knisja u kien hemm min irid jagħlaqhom. Konna nisimgħu min irid jagħlaq il-Knisja fis-sagristija, u min iridha toħroġ mis-sagristija. Ir-riefnu ma jagħtix gost lil kulħadd. Kultant ibeżżgħek. Imma r-riefnu kien l-Ispirtu s-Santu. Ħafna baqgħu jsibuha bi tqila biex jaċċettaw il-Konċilju għax ma rrifettewx biżżejjed fuq din il-verità. Għalhekk Ġwanni XXIII kien insista daqshekk dwar “l-ispirazzjoni tal-Konċilju”.

 

Il-kleru żagħżugħ u l-aħjar elementi tal-lajċi kattoliċi f’Malta mal-ewwel lemħu fil-Konċilju, ir-riħ tat-tama u l-bidla. Bidla fil-pajjiż u bidla fil-Knisja biex tilqa’ l-isfidi taż-żminijiet ġodda. Fis-snin ħamsin il-Papa Piju XII kien diġà ħabbar rebbiegħa ġdida fil-Knisja, wara t-tifrik tal-gwerra. Jien qaddist fis-sena 1962, is-sena tal-ftuħ tal-Konċilju; imma niftakar li anki qabel il-Konċilju, fis-seminarju kellna entużjażmu kbir għall-moviment Per Un Mondo Migliore tal-ġiżwita Padre Riccardo Lombardi. Ta’ żagħażagħ li konna, konna noħolmu minn qabel Knisja mġedda f’dinja u f’Malta ġdida, l-aggiornamento li ħareġ bih Ġwanni XXIII. Kienu s-snin ta’ Kennedy fl-Amerika, Kruschev fir-Russja u l-Beatles fl-Ingilterra.

 

Fil-ktieb tiegħu From Lordship to Stewardship is-soċjologu Mario Vassallo jitkellem dwar l-inkapaċità tal-Knisja f’Malta fuq il-livell tal-parroċċi biex tadatta ruħha u tinbidel. Iwaħħal fil-mentalità ta’ kappillani, li dak iż-żmien kien jibqgħu għexieren ta’ snin fl-istess parroċċa. Iżda ma jonqosx li jsemmi forzi ġodda fuq livell tad-Djoċesi, kemm barra u kemm fil-Knisja, li ġabu l-bidla. Jagħti lista sħiħa ta’ qassisin li rnexxielhom jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u bdew inizjattivi providenzjali fil-Knisja f’Malta:[14] il-Moviment ta’ Kana, il-Kummissjoni Emigranti, il-Moviment Azzjoni Soċjali, il-Kummissjoni Djar tat-Tfal, il-Kummissjoni Kateketika, il-Youth Service Commission, ix-Xandir Reliġjuż, ir-riforma fis-seminarju. Il-lista ta’ Vassallo jkollha titwal ħafna iżjed kieku kellna nsemmu l-inizjattivi kollha ta’ saċerdoti, qassisin u reliġjużi li nibtu madwar il-Konċilju, xi whud ftit qabel u oħrajn ftit wara.

“Għalkemm ma jitbegħdux wisq mill-ħidma ‘saċerdotali’ tradizzjonali biex jimpenjaw ruħhom direttament f’ħidma soċjali u mingħajr ma biddlu għal kollox l-idea ta’ qassis u jagħmluh speċi ta’ ħaddiem professjonali fis-sens soċjoloġiku tal-kelma, jidher li hemm xejra ġdida lejn speċjalizzazzjoni fil-ministeru saċerdotali u f’dawk li jinteressaw ruħhom fil-pjanifikazzjoni pastorali f’Malta”.

 

Fl-1966 sar l-ewwel abbozz ta’ Pjan Pastorali għad-Djoċesi ta’ Malta u mill-bidunett tfassal fuq l-iskema Ara – Qis – Agħmel bl-analisi tas-sitwazzjoni f’pajjiżna u b’inkjesti dwar ħtiġiet f’numru ta’ oqsma tal-Knisja u tas-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien. Vassallo jikkummenta b’ċertu delużjoni: “L-abbozz tal-1966 qatt ma ġie applikat b’mod sistematiku, u, minkejja bosta kummissjonijiet waħda wara l-oħra, ma sarx ieħor minfloku”.[15] Fl-1985, għoxrin sena wara l-Konċilju, dan il-pjan kien għadu abbozz.[16]

Il-bidla fil-mentalità, b’mod speċjali fuq livell parrokkjali ma kenitx faċli. Madankollu, l-Ispirtu tal-Konċilju kien qed jaħdem u jissorprendi fost ħafna mil-lajċi rġiel u nisa u dan kien fenomenu ġdid li ħareġ bla mistenni mill-arja tal-Konċilju. Kien hemm qawmien kbir fl-għaqdiet tradizzjonali. Fis-sebgħinijiet bdew deħlin il-movimenti l-ġodda, Neo-Katekumenali, Kariżmatiċi, Fokolari.

Fl-1966 il-Kummissjoni Kateketika tas-Soċjetà tal-Kleru Christus Rex organizzat l-Ewwel Kungress Kateketiku Nazzjonali fl-Awditorju tal-Istitut Kattoliku. It-tweġiba kienet enormi, l-aktar fost il-lajċi tal-għaqdiet, għalliema fl-iskejjel, studenti tat-Training Colleges tal-għalliema u studenti fl-Università. Attendew aktar minn 2000 ruħ. Il-programm konna fassalnieħ sal-inqas dettal; imma minħabba n-numru kbir, kellna nagħmlu kollox darbtejn, ġimgħa wara oħra. Għall-Workshops barra mill-Istitut Kattoliku, kellna nagħmlu użu ukoll mill-kmamar tal-knsija ta’ San Publju, l-Iskola tal-Gvern tal-Furjana, l-iskola ta’ St. Joseph tal-Blata l-Bajda u saħanstra użajna l-knisja tal-Metodisti, li offrewhielna mill-qalb, sinjal ieħor tal-Konċilju. Il-konklużjoni saret mill-Arċisqof fil-Katidral ta’ San Ġwann f’ċelebrazzjoni tal-Kelma Solenni, li fiha kantajna għall-ewwel darba s-Salmi bil-Malti fuq il-mużika ta’ Gelineau.

  

5. IL-KANTINA

 

Fil-ġimgħat bejn il-mewt ta’ Piju XII u l-elezzjoni ta’ Ġwanni XXIII, konna bdejna naraw l-ewwel settijiet tat-televiżjoni fl-armaturi, tal-Belt. Il-funeral ta’ Piju XII, aħna s-seminaristi rajnieh fil-klabb tal-istudenti fi triq San Pawl. Għall-elezzjoni tal-Papa l-ġdid, ir-Rettur Monsinjur Pantalleresco kien ġabilna set fis-seminarju tal-Furjana. Fid-dlam, imrekknin fl-Albert Hall, konna qed nistennew il-fumata bianca wara numru ta’ fumate nere. F’nofsna fuq pultruna kellna lill-Arċisqof Gonzi. Kien beda jitlef sabru. Malli sema’ isem Roncalli, qabeż minn fuq is-siġġu jxejjer idejh u għajjat: “Lil dan għażlu?!”.

Gonzi kellu jkun l-Arċisqof tal-Konċilju tal-Papa Ġwanni XXIII. Mingħajr is-supportive role tal-awtorità tiegħu, jgħidilna Vassallo ħafna mill-inizjattivi ta’ wara l-Konċilju kienu jmutu fuq ommhom.[17]

 

Ma kellux xi viżjoni teoloġika speċjali. L-idea tiegħu ta’ Knisja u ta’ l-awtorità kienu tal-Konċilju ta’ Trentu. Fi xjuħitu kien ittarrax sew; imma baqa’ dejjem miftuħ għall-ideat il-ġodda. Talent kien ixommu mill-bogħod u jimbuttah ’il quddiem. Kien jaħtfek imma ma joħonqokx. Meta kien jara li inizjattiva ġdida miexja ’l quddiem kien jiddefendiha bil-piż kollu tal-personalità tiegħu.

Darba l-Ministru Agatha Barbara qaltlu li l-uffiċjal “tagħha” (kien Dun Eddie Borg Olivier) ma kienx jaqbel mal-Kummissjoni Kateketika. “Imma dawk tiegħi!” kien pront weġibha.

Darb’oħra rċieva ittra mill-Kongregazzjoni għall-Kleru biex ifakkruh li ma kenux irċevew rapport dwar il-katekezi f’Malta. Bagħat għalina fil-Kurja tal-Belt. “Dawn qed jgħidu li m’għamilna xejn”, qalilna. Jien wegħedtu li nagħmillu rapport; imma ħadt ftit taż-żmien biex nittajpjah pulit. Ċempilli d-dar u sab lil ommi. Qalilha: “Għidlu li l-Arċisqof mhux tal-mogħdija taż-żmien”. Malli dħalt id-dar ommi qaltli: “X’għamiltlu lill-Arċisqof?”. Malli lestejt, ħadtlu r-rapport u bagħtu dritt Ruma. Ftit wara, irċieva ittra twila ta’ apprezzament mill-Kongregazzjoni. Reġa’ bagħat għalina, tana l-ittra f’idejna u qalilna bis-sollennità kollha, “Hawn aqrawha”. U spiċċajna nagħmlu festa. Kull min ħadem bħalna f’dak iż-żmien jista’ jirrakkonta ruxmata stejjer bħal dawn.

 

Għall-Konċilju, Gonzi kien ħa miegħu lil Dun Benny Tonna, qassis żagħzugħ li studja s-Soċjoloġija fl-Università ta’ Louvain fil-Belġju. Wara l-Konċilju Dun Benny, dejjem bl-inkuraġġiment tal-Arċisqof Gonzi, fetaħ il-Pastoral Research Services fil-kantina tal-Kurja tal-Belt, “biex taqra s-sinjali taż-żminijiet”. Din il-kantina saret bejta ta’ l-ideat tal-Konċilju. Lilna tal-Kummissjoni Kateketika li ħdimna ħafna ma’ Dun Benny, l-Isqof Gerada kien jgħidilna “Intom qegħdin fil-kċina”. Fil-kċina ma tidhirx. Imma mill-kċina joħroġ l-ikel.

Mal-ewwel għarafna li biex il-Konċilju jirnexxi ried isir aġġornament fuq livell ta’ ideat. Dun Benny introduċiena mar-rivisti Concilium u l-ICI (Informations Catholiques Internationales). Il-Catholic Bookshop ta’ Triq l-Arċisqof (fejn illum hemm Il-Qarrej Nisrani) kien iġibilna l-Catholic Herald u l-kotba bl-ideat il-ġodda. Is-Soċjetà tal-Kleru Christus Rex kienet toħroġ ir-rivista Pastor. Fuq livell ieħor kellna r-rivista tal-Ġiżwiti Problemi tal-Lum; fiha kienu jiktbu wkoll nies mhux daqshekk qrib tal-Knisja. Min iqalleb in-numru ta’ dawn ir-rivisti ta’ dak iż-żmien jista’ jara x’minjiera ta’ ideat u inizjattivi bdew ħerġin, sakemm kulħadd seta’ jesprimi bil-libertà kollha l-ideat u l-kreattività tiegħu.

Il-kantina tal-Kurja kienet tintuża wkoll bħala l-uffiċċju tal-PRO tal-Kurja, Patri Salvino Galea, ġizwita. F’xi żmien kien hemm ukoll Dun Annetto Depasquale, l-Isqof Awżiljarju tal-lum. Wara xi ħasla mingħand l-Arċisqof Gonzi, konna ninżlu hemm. Insibu dejjem tistenniena kikkra kafè u żewġ pastizzi u s-sorijiet; u erħilna ngergru u noħolmu!

 

5. IL-MALTEMP

 

Xbaqa’ mill-entużjażmu ta’ dak iż-żmien? Wara l-mewt ta’ Ġwanni XXIII, il-piż tat-tkomplija waqa’ fuq spallejn Pawlu VI. Sena biss wara l-ftuħ tat-tieni sessjoni, Pawlu VI ħass il-bżonn li jfisser “bil-miktub”, f’enċiklika, il-ħsibijiet li kien għamel fid-diskorsi tiegħu lill-isqfijiet dakinhar, mhux biex “jindaħal” fix-xogħol tal-Konċilju, imma biex “insaħħaħ il-ministeru tiegħu u nieħu sehem fil-frott taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Konċilju”. Kien beda jberraq! Pawlu VI ħass il-bżonn li jerġa’ jqiegħed il-Konċilju fir-rotta ta’ Ġwanni XXIII.

Din l-ewwel enċiklika tiegħu tibda bil-kliem Eccelsiam Suam, “il-Knisja Tiegħu”. Il-Knisja mhux tiegħi u tiegħek, imma tiegħu, tal-Mulej. U bl-awtorità li tah il-Mulej bħala suċċessur ta’ Pietru u Vigarju ta’ Kristu, il-Papa Montini ried iqiegħed quddiem l-isqfijiet u quddiem il-Knisja kollha tliet ħsibijiet peċiżi:

1. “Din hija s-siegħa li fiha l-Knisja trid tidħol fl-għarfien tagħha nnifisha... il-pjan, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla... kien issa mgħarraf... permezz tal-Knisja (Ef 3,9-10).

2. “Minn dan l-għarfien toħroġ ix-xewqa spontanja li tqabbel ix-xbieha ideali ta’ Knisja kif raha u riedha Kristu u ħabbha bħala l-Għarusa tiegħu, qaddisa u bla tebgħa (ara Ef 5,27) mal-wiċċ veru tagħha kif tidher illum... il-bżonn ġeneruż u tista’ tgħid impazjenti ta’ tiġdid, ta’ tiswija tan-nuqqasijiet li dan l-għarfien jikxer u jikkundanna.

3. “It-tielet ħsieb, tiegħi u ċertament tagħkom, joħroġ mill-ewwel tnejn... ir-rabtiet li l-Knisja llum trid tagħmel mad-dinja ta’ madwarha, li fiha tgħix u fiha taħdem”.[18]

Mingħajr ma “jindaħal”, Pawlu VI ried jagħti aġenda peċiża lill-isqfijiet għall-kumplament tal-Konċilju.

Ġwanni Pawlu II, li kien wieħed mill-isqfijiet tal-Konċilju, daħal ħafna fil-fond ta’ din l-Enċiklika ta’ Pawlu VI. Ħafna snin wara, fil-Konklavi dwar il-Ġublew il-Kbir, sejjħilha “il-kumment fundamentali” tad-dokumenti kollha tal-Konċilju. Jgħidilna ċar u tond li l-pontifikat ta’ Pawlu VI kien żmien ta’ maltemp “aktar milli seta’ jkun previst mill-andament tal-Konċilju u nnifsu”, żmien ta’ konfront minn kullimkien kemm fil-Knisja u kemm fir-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja: iżda Pawlu VI ma qatax qalbu; baqa’ fidil lejn il-konvinzjoni tiegħu dwar “iċ-ċrieki ta’ djalogu” li jsemmi f’din l-enċiklika.[19]

 

Għalkemm il-Konċilju kien għadu ma ħareġ l-ebda dokument importanti, Pawlu VI ried iqiegħed il-bażi u jagħti l-orjentament għad-dokumenti kollha. Mal-ewwel stqarr li d-djalogu kellu jkun in-nota karatteristika tal-pontifikat tiegħu. It-twieqi li fetaħ Ġwanni XXIII kellhom jibqgħu miftuħa. Bil-mod tipiku tiegħu, ried ifisser preċiżament x’jifhem bi djalogu. Djalogu jeskludi l-konfront, l-iskomuniki, il-kurċjati, il-kundanni minn qabel, il-polemiki u l-kliem fil-vojt; fl-istess waqt id-djalogu għandu jkun korrett, mimli stima, simpatija u tjubija, ċar, umli, fiduċjuż, prudenti u b’lingwaġġ li jinftiehem minn kulħadd.[20] Fil-klima taħraq tas-sittinijiet dan il-kliem tal-Papa mal-ewwel sab eku hawn Malta.

Bl-idea taċ-ċrieki tad-djalogu, qabel saħansitra l-kostituzzjonijiet Lumen Gentium u l-Gaudium et Spes, Pawlu VI tana forma grafika, ġjometrika, kif nimmaġinaw il-viżjoni l-ġdida tal-Knisja. Mhux aktar piramida magħluqa fiha nfisha, imma ċirku jew ahjar ċrieki ta’ djalogu. Fil-piramida għandek min hu fuq u min taħt, u min jixxabbat! Fiċ-ċirku, ilkoll niżfnu flimkien; u niżfnu ma’ Alla; u l-bnedmin kollha u l-ħolqien kollu jiżfnu magħna fid-Dar ta’ Wlied Alla. “Il-Knisja hija l-poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.[21]

 

Iċ-Ċrieki ta’ Djalogu ta’ Pawlu VI.

 

 

7. ID-DGĦAJSA

 

Bl-intervent qawwi u sod ta’ Pawlu VI, id-dgħajsa tal-Konċilju bdiet taqbad ir-rotta. Bejn l-1963 u l-1965 bdew ħerġin id-dokumenti, wieħed wara l-ieħor, sittax b’kollox, u b’votazzjoni ta’ maġġoranza enormi, fenomenu li għaġġeb lil kulħadd.

Iżda minkejja dan kollu “l-ilħna” u l-“profeti tal-iżvintura” li kien semma Ġwanni XXIII fil-Ftuħ tal-Konċilju kienu għadhom hemm u baqgħu hemm. Meta, fl-aħħar tal-Konċilju, l-isqfijiet ġew biex jitilqu, kien hemm min qal, “Il-barranin – questa gente da fuori – marru; l-ordni terġa’ ssaltan mill-ġdid. Intom morru, imma aħna nibqgħu hawn”.[22][23]

Qabel imorru lura f’pajjiżhom, Pawlu VI reġa’ beda jlaqqa’ l-konferenzi tal-isqfijiet u jħeġġiġhom biex jieħdu t-tiġdid tal-Konċilju f’pajjiżhom bis-serjetà. Fit-13 ta’ Novembru 1965, iltaqa’ mal-isqfijiet pollakki. Fosthom kien hemm l-Arċisqof ta’ Krakovia, Karol Wojtyla. Il-Kardinal Wyszynski b’Taljan perfett wieġeb għad-diskors tal-Papa: “Aħna nafu li se jkun diffiċli ħafna, għalkemm mhux impossibbli, li nqiegħdu fil-prattika d-deċiżjonijiet tal-Konċilju fis-sitwazzjoni tagħna... Mhux faċli tifhem is-sitwazzjoni tagħna mill-bogħod. Kulma jiġri fil-Knisja tagħna trid tħares lejh min-naħa tal-esperjenza tagħna... Jekk hemm ħaġa li tweġġagħna hija din, li ħutna fi Kristu ma jifhumiex”. Il-Papa ma qabilx. Reġa’ tenna li bla dubju l-Konċilju kien se jseħħ “b’enerġija u bil-qalb” fil-Polonja wkoll, bħal f’kull pajjiż ieħor.[24]

Fostna “l-profeti tal-iżvintura” ma naqsux u għadhom magħna. Imma kollox ma’ kollox, aħna nobdu, l-aktar jekk l-ordnijiet jiġu minn Ruma. Ħafna mill-kleru u aktar u aktar mill-poplu ftit jaqraw u għalhekk ftit jaħsbu. Nippreferu nagħmlu kif jgħidulna. Fil-politika nivvutaw kif jgħid il-partit jew il-mexxej tal-partit. Fil-Knisja, ir-riformi tal-Liturġija daħlu jiġru (hawn min jgħid jiġru żżejjed) u ma sabux il-kontestazzjoni li sabu f’pajjiżi oħra. Imma l-mentalità baqgħet l-istess, dik ta’ qabel il-Konċilju. Bħala poplu, aħna nbatu mit-tliet mardiet li semma dan l-aħħar Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Novo Millennio Ineunte: is-superfiċjalità, il-medjokrità u l-minimiżmu.[25] Kollox jibqa’ fil-qoxra, xejn profond; medjokri, hekk u hekk, ta’ kafkaf; u kollox mill-inqas u bl-inqas sforz. Ir-radikalità tal-Evanġelju ibeżżagħna.

Meta Ruma qaltilna biex nagħmlu l-quddiesa bil-Malti, bdejna nagħmluha bil-Malti, ħalliha li ħafna bdew jaqraw il-Malti bil-Latin. Meta Ruma bdiet iżżomm il-brejkijiet, ma nduna ħadd u bqajna mixjin. Meta xi ħadd jaħseb b’moħħu u jitkellem, nagħmluh eretiku.

 

Iżda, filwaqt li aħna nitħabtu biex ninbidlu, id-dinja tibqa’ miexja. Illum, il-Knisja ma tistax tippretendi aktar li tibqa’ tmexxi l-kultura ta’ Malta. Irjieħ oħra, irwiefen oħra bdew deħlin minn kullimkien. Jekk fis-sittinijiet konna ngħidu li l-Knisja tilfet il-klassi tal-ħaddiema, illum qed naraw iż-żgħażagħ ħerġin mill-Knisja bis-sigħat. L-Arċisqof Gonzi kien jgħidilna li kull darba li jmur Ruma kienu jistaqsuh dwar l-età tal-Griżma. Fl-1973 irnexxielna ntellgħuha b’sentejn. Sal-lum tletin sena wara, għadna ma ddeċidejniex nagħmlux pass ’il quddiem.

Sadattant l-attendenza għall-quddies baqgħet nieżla ’l isfel; il-qrar jinsab fi kriżi, kif jinsab fid-dinja kollha; il-vokazzjonijiet naqsu ferm għalkemm dan l-aħħar telgħu xi ftit; żwiġijiet qed ifallu ftit snin wara t-tieġ; il-morali nisranija l-aktar imma mhux biss dwar is-sesswalità, ma nafux fejn qiegħda. Filwaqt li wara l-Konċilju rajna numru ta’ qassisin u reliġjużi jħallu l-vokazzjoni, fl-aħħar snin rajna vokazzjonijiet ifallu ftit snin wara l-ordinazzjoni. Mal-Ewropa kollha, ħafna qassisin ġodda qed iduru għas-sigurtà tal-forom ta’ qabel il-Konċilju; oħrajn jaqtgħu qalbhom mal-ewwel mewġ u jitilqu wara ftit.

Fl-ittra Tertio Millennio Adveniente, il-Papa Ġwanni Pawlu II jagħmel lista ta’ “dellijiet” fost ħafna “dwal”; kif sejħilhom hu, fit-tmiem tat-Tieni Millennju: indifferenza reliġjuża, reliġjożità vaga jew telfien tas-sens ta’ Alla; taħwid fil-morali u fil-valuri fundamentali tar-rispett lejn il-ħajja u tal-familja; sekulariżmu u relattiviżmu morali wkoll fost nies tal-Knisja; dubji dwar it-talb u l-fidi; forom ġodda ta’ inġustizzji u emarġinazzjoni soċjali wkoll fost l-insara.[26] Fl-ittra l-oħra jsemmi wkoll l-insara li telqu l-Knisja u marru jfittxu forom oħra ta’ reliġjożità.[27]

Bla dubju ta’ xejn, illum tinħass għaja fil-mixja tal-Knisja. Spiċċa l-entużjażmu tas-snin tal-Konċilju. Tbiddel pajjiżna, tbiddlet ukoll it-tmexxija tal-Knisja. Dawk li kienu protagonisti fi żmien il-Konċilju xjieħu jew mietu. Illum għandna ġenerazzjoni ta’ qassisin u kappillani li fi żmien il-Konċilju lanqas kien twieldu. Il-“profeti tal-iżvintura” baqgħu jwaħħlu fil-Konċilju għal dak kollu li nqala’. Lilna wkoll, li għexna l-Konċilju, kultant jaħkimna d-dubju. Jista’ jkun li fi xjuħitna qed inbatu bin-nostaliġja għal żminijiet li żgur ma jerġgħux jiġu? Jista’ jkun li żbaljajna kollox? li kollox għalxejn? Qisna l-appostli meta qalu lil Ġesù: Għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn.[28]

 

It-tweġiba ta’ Ġwanni Pawlu II hija l-istess tweġiba ta’ Krisu: Aqdef ’il barra fil-fond. Bħalma kien għamel ta’ qablu u ta’ qabel ta’ qablu, il-Papa jridna nkomplu noħolmu l-ħolma tal-Konċilju. Fuq l-għatba tat-Tielet Millennju, Ġwanni Pawlu II reġa’ saħaq dwar “l-għana enormi” tad-dokumenti tal-Konċilju, u ried li l-Knisja timpenja ruħha mill-ġdid biex tapplikahom fil-prattika.[29]

L-isfidi tal-lum mhumiex ħlief sinjali taż-żminijiet li jġegħluna naqbdu mill-ġdid u b’qawwa ġdida ir-rotta tal-Konċilju Vatikan II. L-Ispirtu għadu jonfoħ:

 

“Dan hu l-waqt tal-fidi, tat-talb, tal-konversazzjoni tagħna ma’ Alla biex niftħu qalbna għall-qawwa tal-grazzja u nħallu l-kelma ta’ Kristu tgħaddi minn ġo fina bil-qawwa tagħha kollha: Duc in Altum. Aqdef ’il barra fil-fond...

Fl-esperjenza komuni tal-bnedmin, minkejja l-kontradizzjonijiet li nilmħu fiha, l-Ispirtu ta’ Alla, li jonfoh fejn irid (Ġw 3,8), spiss juri sinjali tal-preżenza tiegħu li jgħinu lil dawk li jimxu wara Kristu, biex jifhmu aktar fil-fond il-messaġġ li huma jxandru. Ma kienx b’din l-umiltà u din il-fiduċja li l-Konċilju Vatikan II ipprova jaqra s-sinjali taż-żminijiet? (GS, 4)

Mal-medda tas-snin id-dokumenti tal-Konċilju ma tilfu xejn mill-valur u s-sbuħija tagħhom. Jenħtieġ li jinqraw sewwa, ikunu magħrufin minn kulħadd u jiġu milqugħin bħala testi normattivi tal-maġisteru fit-tradizzjoni tal-Knisja. Issa li l-Ġublew spiċċa, inħossni aktar minn qabel fid-dmir li nindika l-Konċilju bħala l-grazzja l-kbira li biha ġiet mogħnija l-Knisja fis-seklu 20; fih insibu l-boxxla li għandha tmexxina fis-seklu li beda ftit ilu...”[30]

 

 

Noħlom ...

 

- Knisja bit-twieqi miftuħa u l-bibien beraħ biex tilqa’ l-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja;

  

 

- Knisja ta’ damiġġani ġodda biex tfawwar bl-inbid ġdid tal-Ispirtu;

  

 

- Knisja b’orizzonti wiesgħa biex mill-ħażna toħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim;

  

 

- Knisja li tkompli toħlom biex ma tħarisx lura u tgħix fil-futur ta’ Alla.

 

 


 

 

IT-TIENI TAQSIMA

 IL-ĦOLMA

 

Ejja nurik l-Għarusa, mart il-Ħaruf... nieżla mis-sema mingħand Alla, bil-glorja ta’ Alla fiha.

 Apok 21,9-11

PARABBOLA

 

Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. X’ħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, ghax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja,” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jumxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu, “għaliex iddubitajt?” Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla”.

 (Mt 14,23-33)

  

8. IL-ĦOLMA

 

Fit-28 ta’ Awwissu 1963, quddiem folla ta’ kwart ta’ miljun ruħ miġburin fil-Mixja għal-Libertà f’Washington, Martin Luther King għajjat għajta, I have a dream, “Għandi ħolma”. U l-folla, kulħadd id f’id, jitbandlu mar-ritmu, infexxet twieġeb: “U nerġa noħlom, nerġa noħlom”.

Kienet il-ħolma tas-Suwed tal-Amerika, imma mhux tagħhom biss: “Noħlom li fuq l-għoljiet iħammru ta’ Georgia, ulied l-ilsiera tal-qedem u wlied is-sidien tal-ilsiera għad joqogħdu flimkien fuq il-mejda tal-aħwa... Noħlom li għad jintradam kull wied, jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet. Kull art imħarbta ssir maqgħad u tfeġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin kollha jarawha (Is 40,4-5)”.

 

Fl-4 ta’ Diċembru 1962, lejlet l-għeluq tal-ewwel sessjoni tal-Konċilju, il-Kardinal Léon-Joseph Suenens tal-Belġju, għamel mistoqsija importanti fl-awla tal-Konċilju: Knisja, min tgħid li int? L-eku ta’ din il-mistoqsija ġab bidla sħiħa fil-mixja tal-Konċilju. Kienet mistoqsija ta’ ħafna isqfijiet oħra, fosthom il-Kardinal Giovanni Battista Montini, il-Papa ta’ wara Ġwanni XXIII. Kellu ħolma l-Konċilju? Dawn l-isqfijiet kellhom ħolma.

Fl-ewwel xahrejn tal-ħidma, il-Konċilju kien irnexxielu jwarrab l-iskemi li tħejjew minn qabel u jaqbad it-triq tal-aggiornamento ta’ Ġwanni XXIII. Iżda l-isqfijiet kienu diġà qed jitħassbu dwar x’se jiġri wara l-Konċilju. Kull aġġornament u kull riforma setgħu jisfaw fix-xejn jekk ma jkollhomx viżjoni jew ħolma li tgħaqqad kollox, orjentament preċiż, dehra ġdida li l-Knisja trid tagħti lilha inifisha fid-dinja tal-lum.

“L-imħabba tibda b’ħolma” jgħidilna John Fulton Sheen fil-ktieb tiegħu fuq il-Madonna, The World’s First Love. Kull proġett kbir, kull skoperta, bdiet b’ħolma. L-aqwa personaġġi tal-Bibbja kienu nies li joħolmu: Abraham, Ġakobb, Ġuzeppi, Danjel, il-Profeti kollha, Ġużeppi l-Għarus ta’ Marija, Pietru, Pawlu... Il-missirijiet tal-Knisja jgħidulna li l-Knisja twieled “mill-ġenb ta’ Kristu rieqed fil-mewt fuq is-salib”.[31]

Kristu nnifsu kien juża tixbiħat biex jippreżenta l-ħolma tiegħu lin-nies ta’ żmienu: is-Saltna li wiegħdu l-profeti, żerriegħa f’għalqa li nibtet u kibret sa żmien il-ħsad, siġra li timla d-dinja u jistkennu fiha l-għasafar tal-ajru, xibka li tħaddan kull xorta ta’ ħut, merħla ta’ ragħaj wieħed, l-għalqa ta’ Alla, id-dielja...

X’inhi x-xbieha li rridu nagħtu lill-ħolma ta’ Kristu fi żmienna? Ġwanni Pawlu II jgħidilna li l-ħolma ta’ Kristu f’kull żmien u f’kull pajjiż trid “tieħu l-għamla partikulari” li taqbel mal-kuntest u l-kultura ta’ dak iż-żmien u l-pajjiż. U jgħidilna wkoll li dan il-proċess “jirrifletti l-moviment tal-Inkarnazzjoni nfisha”.[32] Kieku Ġesù Kristu kellu jiġi fi żmienna kien jibqa’ dejjem l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni, imma kien jilbes bħan-nies ta’ żmienna, jitkellem bħan-nies ta’ żmienna u jġib ruħu b’mod li jinftiehem min-nies ta’ żmienna. L-istess ħaġa riedet tagħmel il-Knisja fil-Konċilju.

 

Ħolma mhix definizjoni, iżda viżjoni, ideal li jentużjażmak, jiftaħlek orizzonti, jimbottak biex timxi ’l quddiem, tiftaħlek it-triq biex tista’ tibdel u tinbidel, jagħtik qawwa biex tibqa’ miexi minkejja d-diffikultajiet. Fi kliem ieħor, tagħmlek protagonist, responsabbli, ħaj, l-istess bħall-ħolma ta’ Martin Luther King. Mingħajr viżjoni, it-tibdil jew ma jiftehimx, jew isir biex ikun sar, jew, kif ġara fostna, isir bil-biċċiet u bin-nofs.

Fl-1985 kien sar kungress dwar Il-Knsja Maltija Għoxrin Sena wara l-Konċilju. F’dan il-kungress kien intqal li l-istrutturi mitluba “mill-kelma tal-liġi” tal-Konċilju, tajjeb u ħażin, kienu twaqqfu kollha. “Imma l-mod ta’ kif jitħaddmu, almenu whud minnhom, hu tal-biki... Għax bit-tħaddim dgħajjef, meta mhux ukoll mill-inqas possibli ta’ dawn l-istrutturi, mhux qed jiġi kultivat u mħaddem dak is-sens ġenwin u frisk ta’ Knisja kif ħareġ mill-Konċilju”.[33]

Għaddew kważi għoxrin sena oħra u għadna fejn konna. L-ewwel konklużjoni fir-Rapport tal-Konsultazzjoni fl-ewwel fażi tas-Sinodu tgħid li b’mod ġenerali l-viżjoni tal-Maltin hija viżjoni ffokata fuq il-kleru, il-Knisja “Piramida”: “Jinħass il-bżonn li titwassal viżjoni ta’ Knisja bħala Poplu ta’ Alla, fejn kulħadd għandu sejħa u responsabbiltà u fejn hemm diversi kariżmi u ministeri”,[34] il-Knisja “Ċrieki ta’ Djalogu”. Viżjoni “ffokata fuq il-kleru”, tista’ tagħi sens ta’ sigurtà lil xi wħud, imma żgur ma tentużjażmakx. Tagħmlek passiv, dipendenti, “spettatur”, kif jgħid ir-Rapport. Fi kliem ieħor ma tħallikx tikber u ssir adult. Lill-Knisja tagħlaqha fih nnifisha, iddur dejjem mal-istrutturi tagħha.

X’qed jgħidlna l-Ispirtu f’din is-sitwazzjoni? Il-Knisja m’għamilnihiex aħna. Il-Knisja mhix tagħna imma ta’ Ġesù Kristu. U Ġesù qabel ma miet ta viżjoni peċiża lill-Knisja tiegħu.

Kif inti fija, Missier, u jiena fik

ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina,

biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.

(Ġw 17, 21)

Hemm fin-nofs mhux biss l-identità  ̶ Knisja min tgħid li int?  ̶ iżda wkoll il-kredibbiltà  ̶ biex hekk id-dinja temmen. Il-Knisja tkun kredibbli daqskemm tkun fidila għal dak li hi, jiġifieri għal dik il-viżjoni li Ġesù Kristu nnifsu ried jagħtiha. Jista’ jkun li rridu ngħaddu minn Knisja “ffokata fuq il-kleru” għall-Knisja ffokata fuq Kristu?

Il-ħolma ta’ Alla nistgħu niġbruha f’żewġ xeni. L-ewwel waħda fil-bidu tal-ħolqien, l-oħra fl-aħħar. L-ewwel waħda hi l-ħolma li ħassarna aħna, l-oħra dik li jrid jagħmel Hu. Għax sa mill-bidu, aħna l-bnedmin ippruvajna nirranġaw dak li jagħmel Alla u ħloqna d-diżastri, ibda mid-Dnub Oriġinali u spiċċa bil-qerda tal-ħolqien tal-lum. Imma Alla qatt ma jaqta’ qalbu lanqas mill-bniedem. F’nofs l-ewwel xena għandna ġnien, il-Ġenna tal-Art, u f’nofs il-ġnien koppja, ragel u mara, xbieha ta’ Alla (Ġen 1). F’nofs it-tieni xena għandna Mara, l-Għarusa ta’ Kristu, il-Knisja, kif ħarġet “mill-ġenb ta’ Kristu rieqed fil-mewt fuq is-Salib”.[35]

U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida,

rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla

bħal Għarusa mżejna għall-Għarus tagħha.

U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid:

Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin;

u hu jgħammar magħhom.

U huma jkunu l-poplu tiegħu,

u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom;

u huma jkunu l-poplu tiegħu.

(Apok, 21,1-4)

 

Alla hu Mħabba (1 Ġw 4,8). Fil-ħolma ta’ Alla, il-Knisja hija l-Għarusa ta’ Kristu u d-Dar fejn jgħammar Alla mal-bnedmin. Bħal ħmira fl-għaġna tad-dinja mfarrka bid-dnub, ulied Alla jġibu l-Imħabba ta’ Alla fid-dinja, sakemm Kristu jimla kollox f’kollox u Alla jkun kollox f’kollox (ara wkoll Efes 1 u 2; 1 Kor 15,28)  ̶ il-viżjoni taċ-ċirku l-kbir tad-dinja u fil-qalba tiegħu d-“Dar ta’ Wlied Alla”, kif fissirha Pawlu VI.

Fis-snin sebgħin filwaqt li aħna konna nitħabtu biex nirranġaw l-istrutturi u niktbu l-kotba, l-Ispirtu s-Santu kien qed inibbet il-fjuri fid-deżert! Minn sħabna li kienu marru missjunarji fl-Amerika Latina, bdejna nisimgħu bil-komunitajiet tal-bażi, komunitajiet ta’ nies fqar u injuranti li magħhom il-Kelma ta’ Alla kienet taqbad bħalma kienet taqbad mal-foqra ta’ żmien Kristu. Il-quddies tagħhom kien u għadu esperjenza ferħana, festa ta’ tieġ u Kristu fil-ġemgħa tal-fqar. L-Evanġelju beda jsir esperjenza ta’ ħajja u impenn fis-soċjetà; u nibtet minn fost il-fqar it-Teoloġija ta’ Liberazzjoni. Il-ħolma ta’ Pawlu VI bdiet isseħħ.

Fostna bdew jinbtu ma’ kullimkien impurtati minn barra komunitajiet ġodda u jiġbdu lejhom mijiet u eluf. Insemmi biss xi wħud li ltqajt magħhom jien, il-Kariżmatiċi, il-Fokolarini, u n-Neo-Katekumenali. L-istess esperjenza ta’ ħajja u ferħ bdejna narawhom fostna. Għadni niftakar l-istagħġib meta qalulna biex inkantaw u nċapċpu u nbusu ’l xulxin fil-Knisja! U ż-żmien uriena li dan ma kienx entużjażmu ta’ mument. Il-folol li bdew imorru u għadhom imorru magħhom huma nies li ma tantx kienu midħla tal-Knisja; bosta kienu jħossu ruħhom imkeċċija u mwarrba fil-knejjes tagħna. Il-konverżjonijiet radikali li jinstemgħu fix-xhieda tagħhom u l-ispirtu missjunarju qawwi fosthom ifakkruk fil-ħajja tal-ewwel insara.

Huwa veru li fl-entużjażmu tal-bidu, membri ta’ dawn il-movimenti bdew iqisu lilhom infushom bħala l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu u jmaqdru lil kull min ma kienx magħhom. Fil-fatt, u dan ukoll huwa sinjal tal-Ispirtu, fl-ebda moviment m’għandek issib l-aspetti kollha tal-ħajja tal-Knisja. Ilkoll għandhom dik ix-xi ħaġa nieqsa. L-aspetti kollha tal-Knisja nsibuhom biss f’dik li tissejjaħ “il-Knsija lokali”, id-djoċesi fin-nazzjon, il-parroċċa fil-bliet u l-irħula. Min-naħa l-oħra ma setax jonqos li, minkejja r-reżistenzi minn bosta, l-impatt ta’ dawn il-movimenti beda jinħass fil-parroċċi wkoll, l-aktar fit-truf u fiż-żoni parrokkjali u wkoll fl-għaqdiet, hekk imsejħa, tradizzjonali.

F’xi wħud tispikka l-Liturġija u ma jidher xejn impenn soċjali. Oħrajn jibbażaw fuq il-Kelma u ma jagħtux kas tal-Liturġija; u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Ilkoll kellhom jikkoreġu esaġerazzjonijiet u devjazzjonijiet.[36] Imma żgur bejniethom ilkoll, qegħdin jagħtu sinjal ċar u qawwi lill-Knisja, li t-tiġdid tal-Konċilju huwa possibbli; u ġej mill-Ispirtu s-Santu, mhux mill-għerf u l-qawwa tal-bniedem.

Ġwanni Pawlu II jgħidilna li l-iżvilupp tal-“forom ta’ assoċjazzjoni kemm dawk ta’ sura tradizzjonali kif ukoll tal-movimenti l-ġodda fil-Knisja” qegħdin joffru “rebbiegħa tal-Ispirtu” fil-ħajja tal-Knisja. “Jeħtieġ li jaħdmu b’armonija sħiħa kemm fil-Knisja universali kif ukoll fil-Knejjes lokali u b’ubbidjenza għad-direttivi tal-awtorità tar-Rgħajja. Imma t-twiddiba soda u deċiżiva tal-Appostlu tgħodd għal kulħadd: Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profeziji, ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh (1 Tess 5,19-21).[37]

Fuq kollox fil-bidu u fit-tmexxija ta’ dawn il-movimenti f’Malta kien hemm nies komuni ħafna, la qassisin u lanqas teoloġi. Kif wieħed jistenna, ir-reazzjoni tal-Knisja uffiċjali kienet imħallta sew. Fost il-kleru l-aktar ir-reliġjużi kien hemm min tahom fiduċja għamja; u kien hemm, l-aktar fost il-kappillani, min ma riedx jaf bihom. Bdew isejħulhom “tas-setta” jew “Knisja ġo Knisja”. Għall-Papa Ġwanni Pawlu II huma “l-isbaħ frott tal-Konċilju”. Għall-Kardinal Ratzinger, li ma tantx wera ruħu ferħan bil-Konċilju, huma “l-unika ħaġa tajba li ħarġet mill-Konċilju”.[38] Bħalma kienu għamlu l-eremiti, l-irħieb u l-fundaturi tal-ordnijiet reliġjużi fi żminijiet oħra, dawn il-movimenti kellhom joħorġu mill-istrutturi li konna mdorrijin bihom biex jieħdu viżjoni ġdida. Kellhom “jaqbżu mid-dgħajsa” biex jerġgħu jidħlu ma’ Kristu. U dan jispjega r-reazzjonijiet imħallta li ġew milqugħin bihom.

Ġwanni Pawlu II ikompli jgħidilna: “L-ispirtu li ġie msawwab f’Għid il-Ħamsin għadu jħeġġiġna wkoll illum biex nibdew mill-ġdid, inweżnin mit-tama li ma tqarraqx”.[39]

Min għandu widnejn, jisma’ l-Ispirtu x’qiegħed jgħid lill-Knisja f’Malta (ara Apok 2,7).

  

 

Noħlom ...

 

- Knisja miftuħa lejn l-Ispirtu;

 

  

- Knisja li ma tibżax mill-ġdid;

  

 

- Knisja li tibqa’ tistaqsi u tfittex.

 

 

 

 

 

9. IL-QABŻA

 

Darba waħda kien hemm sinjur li xtara par żwiemel il-ġmiel tagħhom. Fir-raħal ma kontx issib par żwiemel bħalhom. Is-sinjur ma kien iħalli ’l ħadd imisshomlu. Isuqhom huwa biss. Għaddew sentejn u ż-żwiemel ma kontx tagħrafhom iżjed. Saru għadma u ġilda, mitluqin, għajnejhom bingħas, jogħtru, bilkemm iżommu fuq saqajhom. Is-sinjur, imħasseb, mar sejjaħ il-Kuċċier tas-Sultan u tahomlu f’idejh. M’għaddewx xahrejn u ż-żwiemel reġgħu ġew f’tagħhom, sodi fuq riġlejhom, għajnejhom jarmu n-nar, jiġru mili sħaħ fuq tagħhom bla waqfien. Is-sinjur staqsa lill-Kuċċier tas-Sultan x’kien għamlilhom. “Sentejn sħaħ”, qallu l-Kuċċier tas-Sultan, “soqthom int kif taf int. Dax-xahrejn soqthom jien kif naf jien”.[40]

Alla sa mill-bidu, kellu ħolma. Kull darba li ħallejna l-Ispirtu s-Santu jmexxi, il-ħolma ta’ Alla mxiet ’il quddiem: “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed... u kienu ifaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi”.(Atti 2, 44,47). Din hi l-ħolma taċ-ċrieki tad-djalogu fl-aqwa tagħha. Kull darba li ppruvajna nieħdu r-riedni f’idejna, ġibna xiżmi, firdiet, gwerer, kruċjati, skandli u taħwid. U n-nies telqet il-Knisja u telqet lil Alla u marret tfittex band’oħra.

F’omelija famuża fi żmien il-Konċilju, il-Patrijarka Athenagoras ta’ Konstantinopli kien qal:

“Mingħajr l-Ispirtu:

Alla hu fil-bogħod,

Kristu xi ħadd tal-imgħoddi,

l-Evanġelju kelma mejta,

il-Knisja mhux ħlief organizzazzjoni,

l-awtorità mezz biex taħkem,

il-missjoni propaganda,

il-liturġija mhux ħlief tifkira tal-imgħoddi,

il-ħajja nisranija moralità ta’ lsiera.

 

Bl-Ispirtu s-Santu:

l-univers jirxoxta u jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas tas-Saltna,

Kristu Rxoxt jinsab fih,

l-Evanġelju jsir qawwa ta’ ħajja,

il-Knisja tiddi bil-ħajja tat-Trinità,

l-awtorità ssir servizz ta’ ħelsien,

il-Liturġija memorjal u stennija ta’ li ġej,

il-ħidma tal-bniedem issir ħidma ta’ Alla”.

Fi żmien il-persekuzzjoni tal-ewwel insara, San Ġwann seta’ jara l-ħolma dejjem riesqa:

U rajt sema ġid u art ġdida,

għax is-sema ta’ qabel

u l-art ta’ qabel għabu,

u ma kienx hemm iżjed baħar.

U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida,

rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla...

(Apok 21,1-2)

 

L-istess ġara fil-persekuzzjonijiet tal-insara f’bosta pajjiżi fi żmienna.

Malli ħarġet mill-persekuzzjonijiet tal-ewwel żminijiet, il-Knisja sabet ruħha r-reliġjon tal-Imperu Ruman; u aktar ma igħaddi ż-żmien, l-aktar meta qaleb il-millennju, aktar bdiet tieħu l-viżjoni tal-Imperu Ruman, il-piramida. Sal-lum it-tmexxija u l-istruttura tal-Knisja huma dawk tal-Imperu Ruman. Ma nafx kemm jafu li l-kelma Kurja tfisser Qorti tal-Imperatur! Mhux ta’ b’xejn li fi żmienna l-Papa Ġwanni Pawlu II talab lit-teoloġi, lill-isqfijiet u saħansitra lill-“Aħwa Mifrudin”, biex jagħtuh ideat ġodda dwar it-tmexxija tal-Knisja.[41]

Kull meta l-Knisja ddakkret mis-setgħana tilfet il-qawwa li ddawwal id-dinja u twieldu x-xiżmi, l-antikerikaliżmu, il-piki u l-firdiet. “Il-forza tal-Knisja hija l-komunjoni; id-dgħufija tagħha huma l-firda u l-konfront” kien jgħid id-dokument ta’ tħejjija (Instrumentum Laboris) tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal- 2001 dwar L-Isqof Qaddej tal-Evanġelju b’riżq it-Tama fid-Dinja. Kellu raġun Pawlu VI jgħidilna li “l-Knisja hija l-Poplu ta’ Alla mitfugħ fid-dinja, spiss ittantat mill-idoli. Għalhekk... il-Knisja jeħtiġilha tiġi evanġelizzata permezz ta’ konverżjoni u tiġdid, sabiex tkun tista’ tevanġelizza d-dinja bi kredibbiltà”.[42] Mingħajr din l-evanġelizzazzjoni u konverżjoni kostanti faċli li strutturi li writna maż-żmien naħsbuhom ġejjin minn Alla u ma jistgħu jinbidlu qatt.

Fuq il-libsa sabiħa tal-Għarusa trabba ħafna trab, tkemmxet, ittebbgħat u fi bnadi ċċartet (ara Efes 5,27). F’ħafna postijiet tinħass tensjoni bejn l-Isqfijiet u l-Kurja ta’ Ruma. Hawn Malta f’survey li għamel il-grupp Concern dwar il-ħajja tas-saċerdoti, sibna li l-ikbar tensjoni fost is-saċerdoti mhix ġejja miċ-ċelibat imma mir-relazzjoni mal-awtorità.

Min-naħa tal-Papiet, il-Papa Pawlu VI kien għamel ir-Riforma tal-Kurja ta’ Ruma bħala wieħed mill-miri tal-Pontifikat tiegħu. Ġwanni Pawlu II sejjaħ Konċistorju Straordinarju fl-1985 bl-istess skop. Imma l-problema għadha sejra, kif deher ċar fis-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2001. Il-piramida għadha hemm.

Il-Konċilju kien ħeġġeġ għal dawk li Ġwanni Pawlu II jsejħilhom “servizzi ta’ komunjoni” u “organiżmi ta’ parteċipazzjoni[43] bħalma huma l-Kunsilli Pastorali. Ġwanni Pawlu II jgħidilna li dawn “jeħtieġ li jkunu mistħarrġa bla heda biex wieħed jiżgura li jkunu mexjin fuq l-ispirazzjoni ġenwina tagħhom imsawra fuq il-Vanġelu”.[44] Il-qabża mill-Knisja “piramida” għall-Knisja “Dar ta’ wlied Alla” għadna m’għamilnihiex. Għandna bżonn konverżjoni.

Konverżjoni ma tistax issir, jgħidilna l-Papa, mingħajr eżami tal-kuxjenza serju min-naħa tagħna lkoll dwar kif ilqajna jew ma lqajniex, il-Konċilju, “dan id-don kbir tal-Ispirtu lill-Knisja lejn it-tmiem tat-tieni millennju”. Il-Papa jagħmlilna numru ta’ mistoqsijiet proprju dwar l-erba’ dokumenti jew kostituzzjonijiet li jiffurmaw il-pilastri tal-Konċilju kollu:

1. Kemm nistgħu ngħidu li l-Kelma ta’ Alla qiegħda tnebbaħ it-teoloġija u l-ħajja nisranija kollha kemm hi, kif titlob id-Dei Verbum?

 

2. Il-Liturġija qegħdin ngħixuha bħala “għajn u quċċata” tal-ħajja tal-Knisja, skont it-tagħlim tas-Sacrosanctum Concilium?

 

3. Qiegħda tissoda, fil-Knisja universali u f’din partikolari, l-ekkeżjoloġija tal-komunjoni tal-Lumen Gentium, billi jingħata spazju għall-kariżmi, ministeri u l-bosta suriet ta’ parteċipazzjoni fil-Poplu ta’ Alla?

 

4. Dwar ir-rabta bejn il-Knisja u d-Dinja, il-Papa mhux mistoqsija jagħmlilna imma stqarrija: “Id-direttivi tal-Konċilju – li tawna l-Gaudium et Spes u d-dokumenti l-oħra – dwar djalogu miftuħ, rispettuż u kordjali, imsieħeb madankollu ma’ dixxerniment attent u x-xhieda kuraġġuża tal-verità, dawn id-direttivi għadhom validi u jitolbu minna impenn akbar”.[45]

Għaddew il-festi tal-Ġublew u l-Papa reġa’ staqsiena: “Kont tlabt lill-Knisja biex tħejji ruħha għall-Ġublew billi teżamina lilha nfisha dwar kif laqgħet il-Konċilju: Nistgħu ngħidu li dan sar?”.[46]

M’hemm l-ebda dubju li matul iż-żminijiet tal-istorja bosta nies tilfu l-fiduċja fil-Knisja għax ma rawx fiha dak li suppost hi. Dan b’mod speċjali fil-qasam tar-relazzjonijiet umani fit-tmexxija u fil-membri tal-Knisja. U dan deher ukoll fil-konsultazzjonijiet tas-Sinodu.

Sinjali ta’ arja friska ma jonqsux. Hawn fostna komunitajiet fejn tinħass tassew u tidher il-preżenza ta’ Kristu Ħaj u tal-Ispirtu tiegħu. Hawn, anki fost dawk li telqu, għatx ta’ esperjenza ġdida u ġenwina ta’ Knisja. Dan għandu jagħmlilna kuraġġ u jimbuttana biex ninbidlu. Nagħrfu bis-sinċerità n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet; imma nagħrfu wkoll fejn ħassejna r-riħ jonfoħ u fejn imxejna ’l quddiem. Dan jgħinna nindividwaw l-oqsma u l-istrutturi li jenħtieġu jinbidlu, niffukaw aħjar u niffissaw prijoritajiet.

Fostna hawn nies li telqu l-Knisja, imma hawn ukoll min ġej lura. Hawn komunitajiet u gruppi li naqsu u spiċċaw fix-xejn, u hawn oħrajn li jiffjorixxu. Huwa mportanti għalina lkoll li nistaqsu għaliex. B’mod speċjali għal dawk li għandhom responsabbilità tat-tmexxija fil-livelli kollha huwa vitali li jistaqsu fejn sejra d-dgħajsa.

Il-Papa mhux l-ewwel darba ħeġġeġ lill-isqfijiet biex jistaqsu fejn qed jonfoħ l-Ispirtu, fejn iż-żerriegħa tal-Vanġelu qed tiffjorixxi u fejn qiegħda tmut. L-Ispirtu jkellimna b’dak li qed jiġri madwarna.

Kif qed ngħixu u naġixxu bejnietna u fl-ambjenti tagħna? Fiex aħna b’saħħitna u fiex dgħajfin jew morda? X’inhuma x-xewqat u l-ħolm tagħna? X’irnexxielna nagħmlu u x’ma rnexxiex? Aħna tassew komunjoni jew kulħadd jaħdem għal rasu? Fiex inhi l-liturġija tagħna, l-aktar dik ta’ nhar ta’ Ħadd? U l-kariżmi tal-lajċi? L-adolexxenti? Il-familji? Dawn il-mistoqsijiet jagħtuna l-polz tal-komunitajiet tagħna. Dan hu l-materjal li jaħdem fuqu l-Ispirtu ta’ Alla.

Mhix kwistjoni ta’ numri imma l-ħajja tal-fidi tal-Maltin tal-lum. X’inhu li qiegħed jiġbed lil xi wħud? U x’inhu li qed ibegħedhom? X’inhi r-raġuni tal-apatija ta’ ħafna?

Ma nistgħux noqogħdu nwaħħlu f’xulxin. Ma nistgħux lanqas ngħidu li dawk li telqu għax tilfu l-fidi. Xi wħud minn dawk li telqu huma nies ta’ fidi, nies li fittxew u għadhom ifittxu komunità li tagħmlilhom kuraġġ u ddewwaqhom esperjenza ġenwina ta’ Alla. Minflok ġieli sabu min ibegħedhom, nies li ħanqulhom l-entużjażmu li kellhom, jew fixkluhom fit-twemmin tagħhom, jew weġġgħuhom b’esperjenza qarsa ta’ xi inġustizzja.

Oħrajn jgħidulek li l-Knisja ma tħossx, ma tifhimhomx fil-problemi u l-uġigħ tagħhom. Il-Knisja u dak li jisimgħu min-nies tal-Knisja jgħaddi minn fuq rashom. Ma jmisshomx fil-ħajja u l-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum: “Xewqa li toħroġ ħafna hi x-xewqa għall-komunità: li wieħed iħossu parti minn Knisja li hi komunità, fejn hu maħbub u apprezzat. Hi x-xewqa għal relazzjonijiet personali. Diversi lmenti li jissemmew minn persuni li b’xi mod iħossuhom imweġġgħin huma frott ta’ esperjenza qarsa fir-relazzjonijiet: per eżempju, ma’ xi qassis jew persuna ta’ ħajja kkonsagrata”.[47]

L-Ispirtu ta’ Alla qajjem fostna bosta komunitajiet li jimlew dan il-vojt. U dan ukoll jagħtina direzzjoni. Għandna nies li jagħtu xhieda li nbiddlu, ferħana li sabu esperjenza ġenwina ta’ komunità. Għandna komunitajiet fejn il-liturġija hija esperjenza ġenwina ta’ Alla. Għandna nies li skoprew is-sbuħija tar-radikalità tal-Vanġelu u qed jgħixuha. Għandna nies li skoprew lil Alla għax sabu komunità li tilqgħek u sseddqek.

Iżda kemm għandna nies li baqgħu jiġu għax sabu esperjenzi bħal dawn? Nistgħu ngħidu li l-komunitajiet tagħna dejjem jikkomunikaw ħbiberija, fidi, tama u mħabba? Jew kultant jikkomunikaw xi ħaġa oħra?

U xi ngħidu għall-foqra u l-imwarrbin, kemm mill-Knisja u kemm mis-soċjetà? Dawn it-tipi ta’ nies kienu jmorru bi ħġarhom wara Kristu. “Fit-tweġibiet tan-nies, dan hu l-aktar aspett tal-ħajja tal-Knisja li jidher li hu apprezzat. Jintwera apprezzament għall-ħidma karitattiva tal-Knisja u l-ħidmiet soċjali ma’ persuni fi bżonn. Saret sejħa biex dan ikompli u fl-istess waqt, ikunu esplorati toroq oħra u inizjattivi ġodda. Ma’ dan, għandu jissaħħaħ ukoll l-impenn soċjali tal-Knisja biex tkun dejjem aktar sensittiva għan-nies bi problemi, l-aktar favur dawk li m’għandhomx vuċi, u tkun għalihom sors ta’ wens, faraġ, kuraġġ u għajnuna. Jissemma wkoll il-bżonn ta’ aġġornament, prinċipalment fil-mentalità, fil-metodi pastorali, fl-istrutturi; uħud isemmu wkoll il-ħtieġa ta’ aġġornament f’xi oqsma tat-tagħlim”.[48]

Fil-Pastorali tal-Bidu tas-Sinodu Djoċesan fl-1999, l-Arċisqof Mercieca talab minna lkoll “bidu tal-qalb, tal-mentalità, tal-attitudni, ta’ direzzjoni”. Qablu kien qalilna l-istess ħaġa Ġwanni Pawlu II: “Quddiem dan il-Ġublew il-Kbir il-Knisja tenħtieġ metanoia”.[49]

Biex inbiddlu mil-Latin għall-Malti, mill-artal maġġur għall-artal mejda, ma ħadniex wisq żmien. Biex tibdel mentalità trid għallinqas ġenerazzjoni. Għaddew kważi tnejn, u għadna ’l bogħod. Forsi dan li kien qed jifhem il-Papa meta qalilna Aqdef ’il barra fil-fond.

 

Aqdef ’il barra, jiġifieri trid toħroġ minn mentalità biex tidħol f’oħra. Ma tistax iġġannat, saqajk waħda banda u l-oħra f’oħra, kif nippruvaw nagħmlu sikwit. Il-Papa qalilna ċar u tond li l-Konċilju tana l-bxara ta’ żminijiet ġodda, “ton ġdid li ma konniex nafu bih qabel... il-lingwaġġ tal-Evanġelju, il-lingwaġġ tad-Diskors tal-Muntanja u tal-barkiet”.[50] Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu bil-lingwaġġ ta’ qabel il-Konċilju u fl-istess ħin il-lingwaġġ il-ġdid li qed jitolbu minna s-sinjali taż-żminijiet.

Forsi għalhekk id-dinja u l-aktar iż-zgħażagħ ma jifhmuniex. Il-qabża għadna m’għamilnihiex. Bil-kliem ngħidu mod; meta jħarsu lejn l-imġiba tan-nies tal-Knisja, l-istrutturi tal-Knisja u l-mentalità tan-nies li jaħdmu fihom u iktar u iktar, il-liturġija fil-knejjes tagħna, in-nies qed jaraw mod ieħor. Żgur għadna ’l bogħod mil-“lingwaġġ tal-Evanġelju. Tabilħaqq, Knisja min qed tgħid li int?

Aqdef fil-fond: Il-bidla ma tridx issir biss fl-istrutturi ta’ barra, fid-“dgħajsa”; iżda l-iktar fin-nies, fil-mentalità, mill-mod kif inħarsu u nġibu ruħna ma’ xulxin fil-livelli kollha. Il-Papa jitkellem fuq “spiritwalità”. Biex ikollna ekkleżjoloġija ta’ komunjoni (kliem tqil, li jfisser il-Knisja “ċirku”, “Dar ta’ Wlied Alla”), irid ikollna spiritwalità ta’ komunjoni.[51]

Għalhekk irridu nħarsu barra mid-“dgħajsa”, noħorġu mit-triq kif sikwit kien jagħmel Kristu, biex naraw il-viżjoni; irridu nħarsu ġewwa biex naraw fejn aħna u kemm għadna ’l bogħod. Imma, imbagħad, irridu nagħmlu l-qabża. Il-Papa jwissina biex ma nibqgħux fl-ajru imma nagħmlu pjanijiet konkreti.

 

L-Appostli, meta raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar, għall-ewwel ħasbuh fantażma – il-ħolma għall-ewwel tidher impossibli. Imbagħad semgħuh jitkellmu, għamlu ftit kuraġġ. Pietru qabeż il-baħar għoddu għarwien. Kellu jitlaq id-dgħajsa li kien imdorri jistad minn fuqha għomru u żmienu. Kellu wkoll iġarrab id-dgħufija tiegħu, il-biża’ tal-mewġ u l-għarqa. Imbagħad iggranfa ma’ Kristu u daħlu t-tnejn flimkien fid-dgħajsa. U r-riħ waqaf.

 

 

Noħlom ...

 

- Knisja li tinża’ l-libsa tal-Imperu u tilbes il-libsa tal-Għarusa ma’ Kristu l-Għarus;

  

 

- Knisja li ma tieqaf qatt titgħallem;

  

 

- Knisja li ma tieqaf qatt tinbidel, u tikkonverti.

  

 

 

 

 

10. IL-FANALI

 

L-ispirtu s-Santu għandu l-mod tiegħu kif jaħdem. Inebbaħ, iqanqal, jonfoh, imma qatt ma jisforza. Rari ħafna jitkellem fir-ragħad u s-sajjetti. Normalment jitkellem bil-mod, għall-ħoss ta’ żiffa ħelwa bħal dik ta’ Elija. Fl-istorbju u fl-ispettaklu jiskot u jinħeba; tistenniex li tara riżultati mal-ewwel, il-frott joħroġ fi żmienu, fi żmien il-ħsad. Fil-Kredu ngħidu: “li tkellem b’fomm il-profeti” – l-Ispirtu għadu jitkellem permezz tal-profeti. U l-profeti kollha huma nies ta’ skiet u ma jagħmlux ħoss. Imiss lilna li nisimgħuh u nagħrfuh.

Wieħed mit-teoloġi kbar tal-Konċilju, Yves Congar, jgħidilna li fuq l-għatba tas-seklu għoxrin, l-Ispirtu s-Santu tana żewġ profeti, Tereża ta’ Lisieux u Charles de Foucauld. Għexu fl-istess żmien: Tereża twieldet fl-1873 u mietet ta’ 24 sena fl-1897, Charles de Foucauld twieled fl-1838 u miet maqtul fl-1916. Is-seklu għoxrin kellu jkun is-seklu tal-progress u spiċċa biex ikun is-seklu taċ-ċaħda ta’ Alla u s-skiet ta’ Alla, seklu ta’ dlamijiet. Il-bniedem ried jieħu post Alla; u spiċċa biex ħalaq il-waħx tal-bomba atomika. Bħall-profeti kollha, Tereża u Charles de Foucauld id-dlam għexuh f’ħajjithom qabel żmienu; imma lit-tnejn l-Ispirtu nebbaħhom ukoll it-triq tad-dawl, li hija t-triq tal-faqar: Tereża “it-triq iż-żgħira” tas-sempliċità fid-“deżert tal-Karmelu”; Charles de Foucauld “it-triq ta’ Nazaret” fid-deżert tas-Saħħara. Għalhekk Congar isejħilhom, “żewġ fanali mistiċi” għall-bniedem u għall-Knisja tas-seklu għoxrin. Il-Konċilju mexa fit-triq tagħhom.

Is-seklu wieħed u għoxrin, is-seklu tal-globalizzazzjoni, fetaħ bil-waħx tal-11 ta’ Settembru 2001. Il-bniedem donnu tilef il-fiduċja mhux biss f’Alla iżda wkoll fih innifsu; ma nafux fejn sejrin. Tassew tlifna l-boxxla. Minkejja l-progress kollu, il-bnedmin ta’ żmienna “jinsabu mifxulin bejn tama u ansjetà, imtaqqlin bl-inkwiet, jistaqsu fejn sejra d-dinja”.[52] Fejn huma “l-fanali” ta’ Alla għal żmienna?

Ġwanni XXIII kien il-profeta tal-Konċilju u l-Pacem in Terris. Ġwanni Pawlu II, bil-personalità qawwija tiegħu, fetaħ orizzonti kbar għad-dinja u għall-Knisja, imma profeta ma jiġix magħruf qabel mewtu. Jidhirli li hemm persunaġġ ieħor – Tereża ta’ Kalkutta. Permezz tagħha Alla tana ikona ħajja tal-Knisja tas-seklu wieħed u għoxrin; fraġli, fqira, ċkejkna, imma dawl u juri t-triq.

L-istess bħal Charles de Foucauld u Tereża ta’ Lisieux, it-tlieta kemm huma kellhom esperjenza qawwija f’ħajjithom tal-faqar tal-bniedem. Ġwanni XXIII ta’ tmenin sena kien konxju li hu “papa proviżorju”; l-ewwel proponiment li ħa fl-ewwel irtir wara li sar Papa kien li jħejji t-testment! Ġwanni Pawlu II li f’żgħożitu daq il-ħruxija tan-Nażiżmu u l-Komuniżmu, aktar ġibed nies fi xjuħitu, ikaxkar saqajh u bilkemm jinftiehem, milli meta kien qisu artist. Għal Tereża ta’ Kalkutta, il-faqar u l-fqar kienu ħajjitha. F’mewtha, bħal Kristu, ġibdet id-dinja kollha. Il-purċissjoni bla tarf ta’ kapijiet ta’ nazzjonijiet u reliġjonijiet biex jagħtu qima lill-katavru tagħha fakkritni fil-profezija dwar Ġerusalemm il-Ġdida: Lejha għad jiġru l-ġnus kollha, kotra ta’ poplu għad jiġu u jgħidu: “Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu”(Is 2,2-3). Il-Mulej qed jgħidilna: “Din hi t-triq. Din hi l-Knisja li rridkom tkunu”.

Ġwanni XXIII, Ġwanni Pawlu II u Tereża, imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, qed jgħidulna li t-triq ta’ Alla u tal-Knisja huwa l-bniedem – il-ħsieb tal-ewwel enċiklika ta’ Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis. U mhux il-Bniedem fil-kobor tiegħu, mhux il-bniedem sinjur, jew setgħan, jew għaref, jew xjenzat; imma l-Bniedem bniedem, bla żjieda ta’ xejn, u għalhekk kull bniedem, il-Bniedem fil-faqar tiegħu, anzi l-ifqar fost il-fqar; għax “fil-Misteru tal-Inkarnazzjoni, l-Iben ta’ Alla... ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem”.[53]

“Il-Bniedem hu t-triq għall-Knisja – triq li, f’ċertu sens, hi l-bażi tat-toroq kollha li minnhom il-Knisja għandha tgħaddi – għaliex il-bniedem – kull bniedem bla eċċezzjoni – kien mifdi minn Kristu; u għaliex mal-bniedem – ma’ kull bniedem bla ebda eċċezzjoni – Kristu b’xi mod jingħaqad, ukoll meta l-bniedem ma jindunax b’din l-għaqda... Għalhekk billi l-bniedem hu t-triq għall-Knisja, it-triq għall-ħajja tagħha ta’ kuljum, għall-esperjenza tagħha, għall-missjoni u t-tbatija tagħha, jeħtieġ li l-Knisja tal-lum tagħraf b’mod dejjem ġdid is-sitwazzjoni tal-bniedem”.[54]

Ġwanni XXIII kien fetaħ bieb meta fix-xahar ta’ qabel il-ftuħ tal-Konċilju fil-Messaġġ għall-Milied ta’ dik is-sena ddikjara: “Il-Knisja hi u trid tkun il-Knisja ta’ kulħadd, imma l-iktar il-Knisja tal-Fqar”.[55]

Lejn it-tmiem tal-ewwel sessjoni, meta l-Kardinal Suenens kien għamel dik il-mistoqsija famuża “Knisja min tgħid li int?”, grupp kbir ta’ isqfijiet wieġbu bl-istess kliem ta’ Ġwanni XXIII: “Il-Knisja tal-Fqar”. Fosthom, barra l-Kardinal Suenens u l-grupp “tal-Kulleġġ Belġjan”, kien hemm il-Kardinali Montini u Lercaro, Dom Helder Camara tal-Brażil u grupp ieħor ta’ isqfijiet li kienu jsejħu lilhom infushom “Il-Fraternità tal-Monsinjuri ċ-Ċkejkna” fl-ispirtu tal-“Fraternitajiet tal-Aħwa ċ-Ċkejkna” ta’ Charles de Foucauld. Dawn kollha u oħrajn magħhom, b’kollox aktar minn 500 isqof, iltaqgħu fil-Katakombi ta’ Domitilla u ffirmaw proposta ta’ impenn min-naħa tal-isqfijiet: li jwarrbu t-titli, id-dekorazzjonijiet u l-istili ta’ ħajja li għamlu żmienhom. Fuq kollox, riedu jintrabtru li jaqsmu kollox mhux biss mal-qassisin tagħhom, imma wkoll mal-ifqar fost il-fqar – il-ħaddiema, il-morda u l-imwarrbin; u jaqsmu wkoll il-ħidma pastorali tagħhom mal-lajċi. Il-proposta tagħhom bdew isejħulha “Skema Erbatax”, minħabba li l-Gaudium et Spes (li kienet għadha qed tinħema) kienet bdiet tissejjaħ “Skema Tlettax”, l-iskema “extra” mat-tnax li kienu tħejjew minn qabel il-Konċilju.

Il-proposta tal-isqfijiet ma mxietx ’il quddiem dak iż-żmien, biex il-Konċilju ma jitwalx iżżejjed. Iżda meta l-Konċilju ta t-tweġiba għall-mistoqsija “Knisja min tgħid li int?” fil-Kostituzzjoni Lumen Gentium, l-għażla tal-faqar u l-fqar rabatha mal-kwalitajiet li minnhom tingħaraf il-Knisja ta’ Kristu:

“Kif Kristu temm il-ħidma tal-fidwa fil-faqar u l-persekuzzjoni, hekk il-Knisja hija msejħa biex taqbad l-istess triq ħalli twassal lill-bnedmin il-frott tal-fidwa. Ġesù Kristu għad li baqa’ bin-natura ta’ Alla... xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir u għad li kien għani ftaqar għalina. Hekk ukoll il-Knisja... Kristu ntbagħat mill-Missier biex wassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin... hekk ukoll il-Knisja tħaddan magħha b’imħabba lil dawk li huma mġarrba b’xi dgħufija umana, saħansitra tagħraf fil-fqar u f’dawk li jsofru x-xbieha tal-Fundatur tagħha, fqir u mġarrab, taħdem biex tnaqqas il-ħtiġiet tal-fqar u fihom tfittex li taqdi lil Kristu”.[56]

Ġwanni Pawlu II l-ħin kollu jfakkarna fil-kliem ta’ Kristu: Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni... (Mt 25,31-46); u jgħidilna li “minn dal-kliem il-Knisja trid tkejjel il-fedeltà tagħha lejn Kristu l-Għarus tagħha, mhux anqas mill-fedeltà għat-tagħlim”.[57] “Dak li qal: Dan hu Ġismi, u wettaq kliemu, qal wkoll: Dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.[58] Fl-Ewkaristija Ġesù ma jitkellimx, sieket: imma fil-fqar tarah u tisimgħu.

Henry J.M. Nouwen, professur f’Harvard Divinity School fl-Amerika jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fil-komunitajiet tal-persuni b’diżabbilità fl-Arche ta’ Jean Vanier. Lil Adam, God’s Beloved, isejjaħħlu “l-Imgħallem u d-Direttur Spiritwali tiegħi”! Jgħidilna li fl-Arche “sab postu” għax sab lilu nnifsu. Għax Alla għandu ħabta kif juri wiċċu fil-fqar. Permezz tagħhom jitkellem ċar u jikxfilna l-faqar tagħna; permezz tagħhom nintebħu li aħna wkoll għandna l-faqar tagħna. Mhux biss ma nħossuniex aqwa minnhom imma nħossuna żgħar, żgħar ħafna li nistgħu nagħtuhom qima. Dun Ġorġ Preca kien jinżel għarkubbtejh quddiem il-ħaddiema tal-faħam u jaqflilhom il-qorq. Nouwen[59] jgħidilna l-istess atmosfera ta’ skiet u adorazzjoni sabha kemm fil-kappella tal-Arche u sew fil-kmamar tar-residenti.

Fl-ewwel Milied wara li sar Papa, Ġwanni XXIII ried joħroġ mill-Vatikan u jmur jara t-tfal morda fl-isptar tal-Bambin Ġesù. Kontra l-parir ta’ xi wħud l-għada mar il-ħabs ta’ Regina Coeli. Meta ra dawk l-uċuħ kollha jħarsu lejh imbikkmin u ċċassati, b’leħen umli u mimli kommozzjoni beda d-diskors tiegħu, “Maħbubin uliedi u maħbubin ħuti” u l-ħabsin infexxew f’ċapċip. Ħassew li meta sejħilhom “ħuti” ma kienx qed jiċċajta. Beda jirrakuntalhom kif fi tfulitu sema’ l-ewwel darba bil-ħabs, meta kuġinuh sab ruħu hemm għax ħareġ għall-kaċċa bla liċenzja! “Intom ma tistgħux tiġu għandi, imma jien ġejt għandkom”, għax huwa wkoll kien iħossu ħabsi mal-ħabsin fil-Vatikan! Ra kanċell magħluq fejn kienu jinżammu l-ħabsin perikulużi; qalilhom jiftħu: “Tifirduhomx minni; dawn ukoll ulied Alla”. Wieħed mill-aktar ħorox inxteħet f’riġlejh: “Jista’ jkun hemm maħfra għal wieħed bħali?” Il-Papa qajmu fuq saqajh u għannqu miegħu b’idejh it-tnejn.

Il-proposta dwar il-Knisja tal-Fqar ġiet milqugħa b’entużjażmu kbir mill-isqfijiet tal-Amerika Latina, dak iż-żmien maħkuma aktar mil-lum f’morsa ta’ faqar u inġustizzji, u fl-1968 fl-Ewwel Konferenza Episkopali tal-Amerika Latina f’Medelin iddikkjaraw uffiċjalment l-Għażla Preferenzjali favur il-Fqar bħala l-bażi tal-ħidma pastorali kollha fil-Kontinent. Kien iż-żmien tal-Isqof Camara fil-Brażil, l-Isqof Romero ta’ San Salvador u l-Isqof McGrath tal-Panama, wieħed mill-“Monisjuri ċ-Ċkejkna”, li mbagħad ġie mqabbad mill-Kardinal Lercaro u Pawlu VI biex iħejji l-istudju għall-Enċiklika Populorum Progressio.

Jidher li Ġwanni Pawlu II kellu dan kollu f’moħħu dan l-aħħar meta għamel Omelija qawwija ħafna lill-isqfijiet fis-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2001:

“Il-faqar bil-fatti, jagħtina xejra essenzjali tal-persuna u l-ministeru ta’ Ġesù u waħda mill-kondizzjonijiet indispensabbli biex l-aħbar tal-Vanġelu tinstema’ u tintlaqa’ mill-bnedmin tal-lum...

Il-parabbola tar-raġel għani u l-fqir Lazzru... tħeġġiġna biex neżaminaw lilna nfusna dwar l-atteġġjament tagħna quddiem il-ġid tal-art u l-użu tiegħu. Niftakru fil-kliem tal-Konċilju Vatikan II: ‘Kif Kristu temm il-ħidma tal-fidwa fil-faqar u l-persekuzzjoni, hekk il-Knisja hija msejħa biex taqbad l-istess triq biex twassal lill-bnedmin it-triq tal-fidwa’.

Hija t-triq tal-faqar li twassalna biex ngħaddu lin-nies ta’ żmienna l-frott tas-salvazzjoni. Bħala isqfijiet aħna msejħin biex inkunu fqar fis-servizz tal-Vanġelu.

Li nkunu qaddejja tal-Kelma rrivelata billi meta jkun meħtieġ ngħollu leħinna biex niddefendu lil dawk li huma l-aħħar mill-moħqrija ta’ dawk li skont Għamos ilegilgu l-inbid u xejn ma jsewdu qalbhom.

Li nkunu profeti li nikxfu bil-kuraġġ kollu d-dnubiet soċjali marbuta mal-konsumiżmu, l-edoniżmu, u ekonomija li toħloq differenzi inaċċettabbli bejn il-lussu u l-miżerja, bejn dawk li jlegilgu l-inbid u n-numru bla għadd ta’ Lazzri. F’kull żmien, il-Knisja żammet ħaġa waħda ma’ dawn tal-aħħar, u kellha rgħajja qaddisa li, ta’ appostli tal-Karità li ma jibżgħux, issieltu fuq in-naħa tal-fqar.

Imma biex leħen ir-rgħajja jitwemmen, jenħtieġ li huma stess jagħtu xhieda ta’ mġiba ta’ distakk mill-interessi privati u mġiba li taħseb f’dawk li huma l-aktar dgħajfa.

Jeħtieġ li jkunu ta’ eżempju għall-komunità fdata f’idejhom, billi jgħallmu u jġibu ’l quddiem dawk il-prinċipji ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali li nsibu fit-tagħlim soċjali tal-Knisja”.

Biex ma naħsbux li dan il-kliem jgħodd biss għall-isqfijiet, Ġwanni Pawlu II kien diġà qal fl-ittra Pastores Dabo Vobis li “għall-insara kollha bla ebda eċċezzjoni, ir-radikalità tal-Vanġelu hi esiġenza fundamentali li wieħed ma jistax jiċħadha, għax toħroġ mis-sejħa biex dak li jkun jimxi wara Kristu u jsir jixbhu”.[60]

“Fid-dawl ta’ dan”, ikompli jgħidilna band’oħra Ġwanni Pawlu II, “waqt li niftakru li Ġesù ġie biex ixandar il-bxara t-tajba lill-foqra, kif ma nurux b’aktar qawwa l-importanza tal-għażla preferenzjali favur il-foqra u l-imwarrbin?”[61] Nistgħu ngħidu li l-Knisja f’Malta wieġbet għal dawn is-sejħat u għamlet l-Għażla Preferenzjali favur il-Foqra?

M’għandna jkollna l-ebda dubju li l-Knisja f’Malta għandha rekord mill-aqwa ta’ għajnuna lill-fqar. U dan ma jistax jonqos, għax il-Knisja “tagħraf fil-fqar u f’dawk li jsofru x-xbieha tal-Fundatur tagħha, fqir u mġarrab... u fihom tfittex li taqdi lil Kristu”.[62] L-imħabba lejn il-fqar il-Knisja dejjem urietha u għadha turiha b’mod mill-aktar konkret u prattiku.

Dan jixhduh in-numru kbir ta’ istituzzjonijiet, illum jissejħu “djar” imxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Anki l-bidla fl-isem, minn “istituti” għal “djar” turi sensibbiltà dejjem ġdida lejn min hu fqir. U mhix kwistjoni biss ta’ sensibbiltà: min jaf kif kienu jgħixu fl-istituti fl-antik u kif jgħixu t-tfal u l-anzjani fid-djar tal-lum jista’ jara d-differenza. “Dar Nazaret” fiż-Żejtun marret pass aktar ’il quddiem: minn “dar” għal “familja” – persuni b’diżabbilità jgħixu familja waħda mal-helpers u l-qassis, fuq il-mudell tal-komunitajiet tal-Arche ta’ Jean Vanier. Id-Dar tal-Providenza għadha tixgħel l-immaġinazzjoni tal-Maltin kollha.

L-istess għan-numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, irġiel u nisa impenjati f’kull qasam tad-dinja tal-fqar, kemm f’Malta u kemm fil-missjonijiet: orfni, familji bil-problemi, anzjani, morda fl-isptarijiet, nies fil-ħabs, żgħażagħ f’sitwazzjonijiet diffiċli, vittmi tad-droga, tal-użura u tal-vjolenza, biex inkun semmejt xi wħud. Kull kappillan jista’ jirrakkonta stejjer sħaħ fuq kull qasam. L-iskejjel tal-Knisja kollha bdew bħala skejjel għall-fqar.

Li hemm ġdid wara l-Konċilju huwa l-impenn mhux żgħir tal-lajċi, irġiel u nisa, koppji miżżewġin, u żgħażagħ fil-ħidma soċjali u karitattiva tal-Knisja. Illum għandna lajċi u assoċjazzjonijiet tal-lajċi, kemm mill-għaqdiet tradizzjonali u kemm mill-movimenti l-ġodda u oħrajn bħala voluntiera, li jmexxu djar sħaħ tal-Knisja. Ġdid ukoll hemm il-mod professjonali kif tingħata l-għajnuna: l-istaff tad-djar huwa staff kwalifikat u dejjem aġġornat u l-mezzi huma wkoll mill-aktar moderni. Illum mhux la kemm taqbad u tiftaħ sptar, jew skola, jew dar tal-anzjani jew tat-tfal. Dan naturalment jenħtieġ somom kbar ta’ flus; u ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li proporzjoni qawwi min-nefqa tad-dħul kollu tal-Knisja ta’ Malta jmur għall-fqar.

Dan kollu rridu nammettuh biex inkunu ġusti u b’sens ta’ gratitudni lejn Alla u lejn in-nies li ħadmu u għadhom jaħdmu f’dan il-qasam. Iżda nistgħu ngħidu li b’daqshekk il-Knisja f’Malta għamlet l-Għażla Preferenzjali favur il-Foqra? Ġwanni Pawlu II jgħidilna li din hija l-“għażla jew sura speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fit-tħaddim tal-imħabba nisranija”.[63] Knisja tal-Fqar jiġifieri trid tibda mill-fqar u tispiċċa mal-fqar: “Mhix Knisja ta’ kategorija soċjali, imma Knisja kollha kemm hi fqira; Knisja li tistaqsi lilha nfisha kontinwament; Knisja li kapaċi teħles lilha nfisha minn kull sura ta’ prestiġju tad-dinja; Knisja li tieqaf kontra t-tentazzjoni li ssir support spiritwali ta’ partit politiku jew ta’ xi setgħa ekonomika; Knisja li ma tieqaf qatt milli tmut bħall-Mulej tagħha, biex l-Ispirtu jibdilha f’dak li suppost dejjem tkun: is-sagrament ta’ Alla li sar fqir”. Kliem mill-isbaħ tal-Kardinal Etchegaray dwar is-Sena tal-Ġublew il-Kbir u l-Ittra tal-Papa fi tmiem il-Ġublew.[64]

Dan hu ideal li suppost dejjem nimxu lejh imma dejjem nintebħu kemm għadna ’l bogħod biex nilħquh. Imma din m’għandhiex tkun skuża biex ma nagħmlu xejn. L-isqfijiet tal-Amerika Latina, meta għamlu l-Għażla tagħhom fl-1968, kienu ferm prattiċi u fuq l-Għażla favur il-Fqar fasslu l-oqsma kollha tal-ħidma pastorali tagħhom mill-Katekeżi sal-Liturġija sa l-impenn għall-Ġustizzja u l-Libertà.

· L-ewwelnett irridu nkunu fqar, Knisja bl-istil tal-fqar. Mhux biss naħdmu għall-fqar, imma li nkunu fqar mal-fqar. Li fil-ħajja personali tagħna u fil-ħidmiet kollha tal-Knisja naħarbu l-lussu, il-konsumiżmu, l-edonoiżmu u naqbdu “t-triq tal-faqar” u s-sempliċità, l-istil ta’ ħajja ta’ Kristu fqir.

Fil-Populorum Progressio, Pawlu VI staqsa: “Lesti nħallsu aktar taxxi biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jkabbru l-isforzi tagħhom għall-iżvilupp? Lesti nixtru bil-għoli dak li nimportaw minn barra, biex min jaħdimhom jirċievi ħlas aktar xieraq? Lesti fejn meħtieġ, l-aktar iż-żgħażagħ, inħallu pajjiżna biex ngħinu fl-iżvilupp ta’ pajjiżi foqra?” Jien inżid: lesti li nissagrifikaw opri li jqumu somom kbar ta’ flus, biex ikollna djar għall-anzjani aħjar? Lesti li niftħu l-iskejjel tagħna għat-tfal li baqgħu lura fl-iskola? Lesti li noffru l-ispazji tal-kunventi tagħna għall-immigrati mit-Tielet Dinja? Li nħallsu aktar taxxi biex inħarsu l-pensjonijiet? Li nissagrifikaw bini lussuż biex inħarsu l-ambjent?

 

· Irridu nagħmluha mal-fqar. Kemm-il darba fi mkejjen tal-Knisja staqsewni “Fejn huma l-fqar?” Ġesù qalilna li l-fqar dejjem issibuhom magħkom (Ġw 12,9). Pawlu VI u Ġwanni XXIII ifakkruna fil-fqir Lazzru, li ma setax jiekol mill-mejda tal-għani. Jekk ma nintebħux bih, mela tassew ma narawx. Hawn nies li ma jistgħux joqogħdu magħna fuq il-mejda tal-ġid. F’dinja mibnija fuq l-effiċjenza, is-saħħa, is-sbuħija u f’kultura fejn kulħadd jaħseb għal rasu, hemm nies li dejjem se jibqgħu barra, “il-fqar ġodda”: il-morda l-anzjani, dawk li jinsabu waħidhom; il-vittmi tad-droga, jew alkohol, tal-użura, tal-vjolenza u l-abbuż, tal-prostituzzjoni, tal-persuni b’diżabbilità u l-familja tagħhom; it-tfal li jibqgħu lura fl-iskola; l-immigrati; min imiss mal-ħabs. Ma’ dawn in-nies kien jiekol Ġesù; u jridhom ikunu fuq quddiemnett tal-laqgħat u l-attenzjoni tagħna.[65]

 

· Irridu nagħrfu l-faqar, il-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tagħna, “il-misteru tal-faqar tal-Knisja”, kif isejjaħlu l-Kardinal Martini. Hemm nies li ma jistgħux joqogħdu magħna fuq il-mejda tal-Ewkaristija, għax għalaqnielhom il-bieb jew warrabniehom jew keċċejniehom bil-kelma jew bl-imġiba ħażina tagħna. Il-Konċilju jgħidilna li l-ateiżmu jista’ jkun frott ukoll tal-imġiba ħażina tal-insara.[66] Hemm nies imweġġgħin minn nies oħra tal-Knisja. Hemm nies li ma jistgħux jidħlu fil-knejjes u l-postijiet tagħna għax m’hemmx aċċessibiltà. Hemm nies qed ibatu għax żammejna s-skiet meta kellna nitkellmu, biex ma niksruhiex ma’ min għandu s-setgħa, jew bżajna għall-“interessi privati” tagħna. Ukoll fil-knejjes u l-kunventi u l-istituzzjonijiet tagħna, għandna wisq nies jibku minħabba fina; il-ġustizzja soċjali xi drabi ħallejnieha barra mill-għatba ta’ darna. Dawn mhux biss fqar, imma għamilniehom aħna fqar. Fihom il-Mulej ikellimna b’leħen ċar ħafna; f’wiċċhom il-wiċċ ta’ Ġesù huwa trasparenti aktar mill-Ostja Mqaddsa.

Ġwanni Pawlu II, kontra l-parir ta’ ħafna, talab maħfra għad-dnubiet u l-ħruxijiet li għamlu wlied il-Knisja matul is-sekli. Fost dawn kien hemm ukoll papiet u isqfijiet. Il-ġest tat-talba ta’ maħfra l-Papa sejjaħlu “purifikazzjoni tal-memorja”; għax permezz ta’ ġest bħal dan inwaqqgħu l-qxur u nifxfu t-travi li hemm f’għajnejna; m’aħniex superjuri għal ħadd. F’Malta għad ma kellniex il-kuraġġ nitolbu maħfra għan-nies imweġġgħin minn “ulied il-Knisja”. Forsi għalhekk ma nistgħux ninqalgħu mill-imgħoddi u naqbdu t-triq tat-tiġdid. Il-ġdid jibqa’ riċiklaġġ tal-antik; u ma nitgħallmu qatt mill-iżbalji tagħna. Meta nirrkonoxxu li aħna ukoll “ninħtieġu l-ħniena ta’ Alla”, kif iħobb jgħidilna Ġwanni Pawlu II, imbagħad inkunu nistgħu “ngħollu leħinna” biex niddefendu l-fqar u “nissieltu fuq in-naħa tagħhom”.

Kull tiġdid fil-Knisja dejjem sar f’rabta mal-faqar u l-fqar, sa mill-bidunett. Ġesù Kristu lil dawn kien jilqa’ għandu u jiekol magħhom (Lq 15,2). Il-Kardinal Martini jgħid li mill-fqar ġejja l-qawwa tal-Knisja u “l-għana mogħtija lilha minn Kristu”. Charles de Foucauld kien jgħid lil Kristu: “Ħallejt il-fqar bħala eredità għal dawk kollha li jridu jkunu dixxipli tiegħek”.

Fis-snin ta’ qabel u ta’ wara l-Konċilju, il-Mulej ħallielna lista twila ta’ nies li wrewna t-triq sa mill-bidu tas-seklu, l-Abbè Pierre ta’ Franza, Helder Camara u l-Isqof Romero fl-Amerika Latina; Jean Vanier (L’Arche) fil-Kanada; Dorothy Day fl-Amerika; Don Milani (Scuola di Barbiana), Don Primo Mazzolari u l-Isqof Don Tonino Bello (Il-Knisja tal-Fardal) fl-Italja; il-Ġiżwiti martri f’San Salvador, it-trappisti maqtula fl-Algerija u missjunarji martri kullimkien; u f’Malta, Tereża Nuzzo, Dun Lawrenz Degabriele, il-Kappillan Manchè, Dun Mikiel Azzopardi u, fuq kollox it-tliet Beati Maltin, Dun Ġorġ Preca, Nazju Falzon, Adeodata Pisani. Il-fanali fit-triq ma jonqsux.

Il-Kardinal Martini fil-ktieb tiegħu Parole sulla Chiesa jiftakar fil-proposta tal-isqfijiet tal-Konċilju dwar il-Knisja tal-Fqar. Ma laħqitx daħlet bħala skema għaliha waħidha fil-Konċilju. “Iżda,” jgħidilna “imiss lilna x-xogħol li nifhmu l-misteru tal-faqar tal-Knisja... ir-rabta tal-Knisja mal-fqar, l-attenzjoni tagħha lejn il-faqar tal-bnedmin u l-preżenza tagħha fost il-bosta suriet ta’ faqar tal-bniedem. Minn hawn joħorġu s-suriet kollha ta’ karità mill-Knisja. Knisja fqira u qalbha mimlija għall-ħniena bla tarf li wera magħha l-Mulej; minn hawn joħroġ it-tifħir u r-radd il-ħajr tal-Knisja, l-ewkaristija, għall-imħabba tal-Mulej lejha”.[67]

 

 

Noħlom ...

 

- Knisja ta’ kulħadd, imma l-aktar tal-fqar;

  

 

- Knisja li taħdem għall-fqar;

  

 

- Knisja fqira ma’ Kristu fqir.

 

 

 

  

 

11. IL-MEKKANIK

 

Carlos Mesters, Karmelitan Olandiż studjuż kbir tal-Bibbja, sa minn ftit wara l-Konċilju, qatta’ ’l fuq minn tletin sena missjunarju fil-Brażil jaħdem fost il-“komunitajiet tal-bażi”. Fil-ktieb tiegħu, Flor Sem Defesa: uma Explicacao da Biblia a Partir do Povo (“Fjur bla Lqugħ: Il-Bibbja Mfissra min-Naħa tal-Fqar”) jirrakkonta esperjenza tiegħu fost il-fqar tal-Brażil.

Darba, f’waħda mill-komunitajiet, kellhom paġna mill-Vanġelu. Wieħed lil ieħor qallu: “Ħares, int ħriġt dik it-tagħlima mill-Vanġelu. Il-Ħadd li għadda aħna fil-knisja smajna qassis mill-università jgħid il-kuntrarju, u fuq l-istess silta. Din kif inhi?” Qabeż l-ieħor u qallu: “Għax jien mekkanik, mhux qassis mill-università”.

Mesters jgħidilna li hawn qiegħda d-differenza bejn kif iħares lejn il-Bibbja l-poplu tal-fqar u kif iħarsu lejha l-istudjużi u l-qassisin. Il-qassisin u l-istudjużi mhux qed jgħixu fil-“jasar” tal-poplu, m’għandhomx sehem attiv fil-ġlieda tal-poplu għall-ħelsien. Iridu u ma jridux, jixbhu lil wieħed sinjur idur mal-karozza tiegħu għand il-mekkanik. Is-sinjur jaf ħafna fuq il-karozza tiegħu, qara ħafna drabi l-manwal u minn jaf kemm-il darba fissru lill-mekkanik; imma qara kemm qara, ma jistax iħoss bħall-mekkanik u ma jħarisx lejn il-karozza bħall-mekkanik. Il-mekkanik, mixħut wiċċu ’l fuq taħt il-karozza, fuq xkora maħmuġa u boiler-suit mimlija żejt, iħares lejn il-karozza, l-istess karozza, minn taħt. U l-karozza mhix tiegħu u qatt a tista’ tkun tiegħu.

Il-foqra jħarsu lejn il-Bibbja, mixħutin wiċċhom ’il fuq mal-art tal-ħajja, “fuq xkejjer maħmuġa bl-inġustizzji u ħwejjiġhom mimlijin ħmieġ u demm”. Illum, jgħidlna Mesters, nistgħu nagħmlu differenza bejn il-mekkanik li jsewwi l-karozza u l-poplu, għax illum il-poplu beda ħares lejn il-Bibbja bħala l-ktieb tiegħu. “Wara li minn jaf kemm sewwew karozzi tas-sinjuri, illum qed iwaħħlu l-plags fuq karozza qadima li saret tagħhom. Aħna l-istudjużi u l-qassisin konna minn dejjem il-padruni tal-Bibbja  ̶ imma m’għandniex il-ħila jkollna dik il-viżjoni, dak il-ferħ, gratitudni, stagħġib, sens ta’ ġdid u impenn li jġib mieghu l-poplu fil-Bibbja”. Dun Ġorġ Preca beda s-Socjetà tal-MUSEUM billi ta’ l-Bibbja f’idejn il-fqar u l-ħaddiema tat-Tarzna; u riedu jikkundannawh għax ta l-Kelma ta’ Alla f’idejn “l-injuranti”.

Dawk minna li kellhom esperjenza mal-movimenti l-ġodda tal-lajċi jistgħu jgħidu l-istess li qal Mesters. U dan hu frott ieħor tal-Konċilju. Bl-ebda mod ma jnaqqas l-importanza tal-istudjużi tal-Bibbja. Huwa mertu tal-istudjużi li għallmuna naqraw il-Bibbja bil-Malti u ħielsa mill-iżbalji ta’ “studjużi” oħra li għawġuha fl-imgħoddi. Imma l-poplu, u l-aktar il-poplu tal-fqar, għandu l-ħila jillibera l-Bibbja mill-jasar tal-kelma u jagħmilha esperjenza ta’ ħajja, il-Kelma tal-Mulej. Ma għandhomx dik il-familjarità mal-Bibbja li għandhom l-istudjużi, imma għandhom il-familjarità ta’ nies li fil-Bibbja sabu lilhom infushom. Ma jimpurtahomx daqshekk mit-tifsira storika tal-kelma, imma fil-Kelma sabu tifsira tal-istorja ta’ ħajjithom. L-istudjużi u l-poplu, it-tnejn bżonn xulxin: l-istudjuż biex jagħti lill-poplu s-sens ġenwin tal-Kelma; il-poplu biex jgħid lill-istudjużi l-Kelma x’qed tagħmel f’ħajtu; u dan hu l-importanti. Għalhekk l-istudjuż hu l-qaddej tal-poplu, mhux il-kuntrarju. Ġesù radd ħajr b’ferħ lill-Missier: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok (Mt 11,25-28).

Il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna: “Minn meta l-Konċilju Vatikan II saħaq fuq is-sehem tassew importanti li l-Kelma ta’ Alla għandha fil-ħajja tal-Knisja, sar progress kbir fil-mod kif wieħed jisma’ b’imħabba l-qari tal-Bibbja u jistudjaha b’attenzjoni... Imma fuq kollox hija l-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u tal-katekeżi li qed tieħu ħajja ġdida... Jeħtieġ fuq kollox li s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla jinbidel f’laqgħa ta’ ħajja... li mit-test tal-Bibbja tislet Kelma ħajja li tistaqsi lill-ħajja u ssawwar il-ħajja”.[68]

Il-Papa qed jgħid fi kliem ieħor dak li qal il-Konċilju:

“Alla, fit-tjieba u l-għerf tiegħu, għoġbu juri lilu nnifsu u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu, u b’hekk il-bnedmin, permezz ta’ Kristu, il-Kelma li saret bniedem, u fl-Ispirtu s-Santu, jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta’ Alla. U sewwasew permezz ta’ din ir-rivelazzjoni Alla li ma jidhirx, fl-imħabba kbira tiegħu, jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom, biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu. Dan il-pjan tar-rivelazzjoni jsir bi ġrajjiet u kliem f’għaqda intima bejniethom... Bir-rivelazzjoni Alla ried juri u jikkomunika lilu nnifsu u d-digrieti eterni tar-rieda tiegħu għas-salvazzjoni tal-bniedem”.[69]

Ikoll kemm aħna, aħna l-anzjani, niftakru s-siltiet twal tal-Iskrittura li kellna nitgħallmuhom bl-amment fi ċkunitna, qisna professuri żgħar. Għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma kellna nitgħallmu “d-duttrina tal-Knisja”, ukoll bl-amment, mistoqsija u tweġiba. Fl-Att tal-Fidi konna nistqarru li “nemmnu b’fidi ferma... dak kollu li temmen u tgħallem Ommna l-Knisja Mqaddsa”. Meta kbirna u bdejna nistudjaw it-teoloġija, lejlet l-eżami tal-Iskrittura ħadd ma kien jorqod bi kwietu.

L-aċċent kien fuq il-moħħ: li tifhem, li tkun taf, li titgħallem, li temmen b’moħħok  ̶ jiġifieri assens mhux bilfors kunsens! Fuq il-bankijiet tal-iskola tgħallimna li l-Fidi hija “don sopranaturali ta’ Alla biex nemmu mingħajr dubju dak kollu li Alla rrevelalna”. U konna nżidu, “Dak li Alla rrevelalna huwa żgur veru, kemm jekk nifhmuh u kemm jekk ma nifhmuhx”; għax “Alla huwa l-istess verità, li la jista’ jqarraq u lanqas jitqarraq”. Ħafna minn dan il-kliem hu ta’ San Tumas ta’ Aquino. Kien veru dak iż-żmien u għadu veru sal-lum. Insibuh ukoll fil-Katekiżmu Universali.

Iżda l-aċċent tal-lum kemm hu differenti! Fil-katekiżmu l-antik, Alla hu l-Għalliem li jaf kollox, huwa l-istess Verità; lilna jgħallimna “l-veritajiet kollha”; bl-iskop li aħna “nemmnuhom bla dubju, nifhmu jew ma nifhmux”. Il-Konċilju jqegħedha ħafna isbaħ u ħafna iżjed mibnija fuq l-Iskrittura: Alla huwa l-Ħabib li “jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom, biex jistedinhom u jdaħħalhom f’għaqda miegħu”. Alla hu l-Għarus li “juri lilu nnifsu u jikkomunika lilu nnifsu” lill-Għarusa u jistedinha tingħaqad miegħu. Min-naħa tiegħu, il-bniedem huwa l-Għarusa li jwieġeb għas-sejħa tal-imħabba ta’ Alla b’“l-obbidjenza tal-fidi” (Rum 1,5). Il-bniedem mhux biss jammetti b’moħħu, imma billi jagħti lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla: “Bil-fidi l-bniedem iħalli kollox f’idejn Alla, l-intelliġenża u r-rieda tiegħu u, b’ruħu u ġismu jagħti l-kunsens tiegħu lil Alla”.[70]

Dan huwa l-mod kif tħares lejn il-Kelma ta’ Alla mhux min-naħa tal-“għorrief”, imma min-naħa tal-“Fqajrin u ċ-ċkejknin”. Marija, “il-fqajra tal-Mulej”, kellha dan it-tip ta’ fidi: “Mat-tħabbira li se tnissel Bin il-Għoli,... Marija wieġbet bl-ubbidjenza tal-fidi żgura li għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir: Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek. Hekk hija u tagħti l-kunsens tagħha għall-Kelma ta’ Alla, saret omm Ġesù u ... b’qalbha kollha ħaddnet ir-rieda ta’ Alla għas-salvazzjoni u tat ruħha kollha kemm hi, għall-Persuna u l-ħidma ta’ Binha”.[71] Fil-ġuf ta’ Marija seħħ “iż-żwieġ” bejn Alla u l-Bniedem, f’Ġesù Kristu, il-Kelma li saret Bniedem. L-“iva” ta’ Alla ngħaqdet mal-“iva” tal-Bniedem (ara 2 Kor 1,20).

 

Mill-Konċilju sal-lum saru sforzi kbar biex il-Bibbja f’Malta tkun f’idejn il-poplu: it-traduzzjonijiet bil-Malti, il-qari bil-Malti tal-Liturġija tal-Kelma, xandir fuq il-medja ta’ kuljum, il-missalin kateketiku tal-Ħdud, il-librett “Kliem il-Ħajja”, korsijiet u rivisti bibliċi f’livelli differenti. Li jonqos hu li mill-Bibbja fl-idejn ngħaddu għall-Bibbja fil-qlub u fil-ħajja, mill-qari tal-Bibbja għall-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi. Il-Kelma ta’ Alla mhux kelma li tinqara biss u tibqa’ fl-arja. Il-Kelma trid issir ġisem, “tinkarna” fil-ħajja konkreta u l-ġrajjiet ta’ nies tad-demm u l-laħam u fil-kultura. Il-Konċilju jfakkarna li r-Rivelazzjoni ssir “bi ġrajjiet u kliem f’għaqda intima bejniethom”;[72] u jkompli jgħidilna Pawlu VI, “il-firda bejn il-Vanġelu u l-kultura hija bla dubju ta’ xejn it-traġedja ta’ żmienna.[73]

Nistgħu ngħidu li dan kien ix-xogħol tal-Kummissjoni Kateketika sa mit-twaqqif tagħha fl-1966. Iżda waqafna fil-livell tat-tfal. Ġwanni Pawlu II jfakkarna li l-Katekeżi qabel xejn hija tal-kbar u mhux tat-tfal; hija proċess li jibqa’ sejjer matul il-ħajja kollha, saħansitra fix-xjuħija. Ġwanni Pawlu II ġej mill-Polonja, pajjiż kattoliku, u jaf x’inhu jgħid meta jistqarr li għandna nies adulti li “għalkemm twieldu f’pajjiż nisrani jew f’ambjent soċjoloġikament nisrani, qatt ma ġew imrawma fil-fidi, u għalkemm adulti, għadhom fil-fatt katekumeni, jiġifieri qishom nies li għadhom lanqas tgħammdu.[74] Kif nistgħu nippretendu li jkollna Liturġija ħajja min-nies bħal dawn? Kif nistgħu n-nisa u rġiel Maltin jiffaċċjaw l-isfidi għall-fidi u l-morali nisranija li qed tagħmlilhom is-soċjetà ta’ żmienna meta f’dik li hi fidi għadhom tfal? Kif jistgħu jibnu komunità nisranija ħajja f’Malta jekk fil-fidi baqgħu immaturi? Minn daqshekk l-għaqdiet u l-movimenti l-ġodda mxew ħafna ’l quddiem, u f’dan ukoll qed juruna t-triq. Iżda fil-parroċċi għadna ħafna lura.

Fil-parroċċi għad irridu ngħaddu mill-mentalità tal-“qassisin u l-istudjużi” ta’ Carlos Mesters għall-mentalità tal-Kelma f’idejn “il-poplu tal-fqar”;

· mir-ruxmata laqgħat, korsijiet u konferenzi, li ma jħallu l-ebda frott, għall-Kelma li ssir ħajja u l-ħajja Kelma;

 

· mit-tagħlim tal-“veritajiet” li jolqtu biss il-moħħ għall-Aħbar Tajba, Kerigma, li tferraħ, tqanqal u tbiddel;

 

· mill-Kelma li tgħaddi minn fuq għal isfel  ̶ qisna nafu kollox u nagħtu soluzzjonijiet u tweġibiet għal kollox  ̶ għal tfittxija flimkien tal-Kelma ta’ Alla għall-ħajjitna llum. Hawn ukoll “iċ-ċirku” mhux “il-piramida”.

Il-foqra “jħarsu lejn il-Bibbja mixħutin wiċċhom ’il fuq ma’ l-art tal-ħajja”. Għad irridu nibdew naqraw il-Bibbja min-naħa tal-ħajja ta’ kuljum. Il-qari li jsir f’ħafna quddies, omeliji li jgħaddu minn fuq l-irjus, il-firda bejn l-esperjenzi ta’ kuljum u dak li jitwassal fil-Kelma, konferenzi fuq konferenzi “biex nitgħallmu”  ̶ dawn kollha jħalluna fejn konna. Ma jistgħux jagħtuna “l-ferħ, il-viżjoni, l-istagħġib” ta’ min isib ħajtu fil-Bibbja u l-Bibbja f’ħajtu. Charles de Foucauld jgħidilna li trid tersaq lejn il-paġna tal-Evanġelju qisek qed taqraha l-ewwel darba; u Pawlu VI jinsisti li “l-evanġelizzazzjoni ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix kas tar-rabta dejjiema bejn l-Evanġelju u l-ħajja konkreta tal-bniedem, sew personali u sew soċjali”.[75]

Mal-fqar il-Bibbja trid tersaq lejha “minn fuq xkejjer maħmuġin bl-inġustizzji u ħwejjiġhom mimlija ħmieġ u demm”. Il-Kelma ta’ Alla, meta tkun Kelma ta’ Alla, dejjem toħorġok mill-jasar, għax Alla ma jitkellimx għalxejn. Il-messaġġ ta’ Alla huwa dejjem messaġġ ta’ liberazzjoni. Alla tagħna hu s-Salvatur tal-bniedem, u tal-“bniedem sħiħ, ġisem u ruħ flimkien, qalb u kuxjenza, dehen u rieda”.[76] Għal darba oħra Pawlu VI jgħidilna li l-liberazzjoni “mhix xi ħaġa barranija għall-evanġelizzazzjoni. Hemm infatti rabtiet profondi bejn l-evanġelizzazzjoni u l-progress tal-bniedem  ̶ l-iżvlupp u l-ħelsien... għax il-bniedem li jrid jiġi evanġelizzat mhux xi ħaġa astratta, iżda suġġett li jintlaqat minn kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi”.[77]

Fl-aħħarnett, il-fqar ma jsibuhiex bi tqila biex iħallu l-Kelma tbiddilhom. Il-Kelma ta’ Alla ddaħħlek f’mixja ta’ konverżjoni, ma tħallikx fejn tkun: toħorġok minnek innifsek biex tingħata lill-oħrajn; toħorġok minn triq u tqabbdek oħra; minn dak li taf għall-viżjoni ġdida; mill-għarfien tad-dgħufijiet għall-iskoperta ta’ orizzonti u opportunitajiet ġodda; bidla fl-ideat, fil-mod kif tħares lejk innifsek u lejn il-ħajja ta’ madwarek, fl-atteġġjamenti u fl-imġiba.

Forsi għalhekk insibuha daqshekk iebsa li naċċettaw il-ġdid u ninbidlu  ̶ li nagħmlu “l-qabżiet” li qalilna l-Konċilju. Fil-livelli l-aktar importanti tal-Knisja f’Malta, għadna ma ħadniex l-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi bis-serjetà li jixirqilhom. Ġwanni Pawlu II jistaqsina erbgħin sena wara l-Konċilju, jekk aħniex inħallu tassew il-Kelma “tnebbaħ il-ħajja nisranija kollha kemm hi, kif titlob il-Kostituzzjoni tal-Konċilju Dei Verbum”.[78]

  

 

Noħlom ...

 

- Knisja qaddejja tal-Kelma, bħal Marija, Omm Ġesù;

  

 

- Knisja li tħaffef lejn l-għoljiet, ixxandar l-għeġubijiet ta’ Alla;

  

 

- Knisja bħal Marija l-oħra, li toqgħod f’riġlejn Ġesù u tidlikhomlu bil-fwieħa.

 

 

 

 

 

12. IŻ-ŻIFNA

 

Qabel il-Konċilju konna ngħidu: “Kieku San Pawl kellu jiġi l-knisja waqt quddiesa kantata, kien jinduna li qed nagħmlu l-Ikla tal-Mulej?” U kieku kellu jiġi llum? Fl-ewwel dokument li ħareġ mill-Konċilju, il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija, fl-4 ta’ Diċembru 1963, Pawlu VI kien qal li huwa l-ewwel dokument mhux biss għax ħareġ l-ewwel, imma wkoll bħala “valur intrinsiku” u “ta’ importanza għall-ħajja tal-Knisja”.

Ir-riforma tal-Liturġija hija l-iktar waħda li tidher. Tant, li għal ħafna nies il-Konċilju Vatikan II jfisser biss dan: qabel konna nqaddsu bil-Latin u issa bil-Malti, qabel daharna lejn in-nies u issa wiċċna ’l barra! Il-Konċilju huwa ħafna aktar minn hekk. Il-Liturġija rnexxielha tieħu l-ewwel, għax minn ħafna qabel il-Konċilju, ir-riformi kienu ġew studjati u xi wħud ippruvati f’diversi bnadi fil-moviment liturġiku internazzjonali, ukoll bl-approvazzjoni tal-Papa. Ir-riforma tal-Liturġija tal-Għid il-Kbir bdiet “bi prova” fi żmien Piju XII fl-1951.

Il-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija kienet “ta’ valur intrinsiku u ta’ importanza għall-ħajja tal-Knsija”, l-aktar għax bir-riforma liturġika n-nies mad-dinja kollha setgħu jaraw b’għajnejhom stess, fis-sens kollu tal-kelma u b’mod mill-aktar konkret, li setgħu jifhmuh, il-qabża kbira fil-viżjoni tal-Knisja li kien qed jaħdem fuqha l-Konċilju fid-dokumenti l-oħra kollha; minn Knsija “piramida”, il-qassis hemm fuq, dahru lejn in-nies, għal-Knisja “ċirku”, fejn “ilkoll niżfnu flimkien u niżfnu ma’ Alla” madwar, mhux quddiem, il-“mejda tal-Mulej”. Ma ninsewx li skont Ġwanni Pawlu II din il-viżjoni hija l-idea fundamentali u bażika wara d-dokumenti kollha tal-Konċilju. Permezz ta’ din ir-riforma nħoloq djalogu li jinħass bejn il-Poplu ta’ Alla fid-dinja u l-Isqfijiet miġburin fuq xogħolhom fl-Awla tal-Konċilju  ̶ iċ-“ċirki tad-djalogu”.

Li ġara iżda, u dan ngħiduh mill-ewwel, li ħafna saċerdoti u, aktar u aktar fost il-poplu, ma daħlu qatt fil-mentalità l-ġdida tal-Konċilju. Kellna qassisin li ma ridux jidħlu fiha u baqgħu jqaddsu bil-Latin fl-artal tal-kor”, wara l-artal il-maġġur; u kellna oħrajn li bdew iqaddsu bil-malti, wiċċhom lejn in-nies imma ma jimpurahomx min-nies, kultant ġirja waħda, altru minn żifna! U kellna nies li baqgħu jgħidu r-Rużarju u l-quddiesa sejra! Ma daħlux fiż-żifna!

F’dak li hu tibdil minn barra, it-tiġdid tal-Liturġija f’Malta daħal b’ħeffa, kif sar, nistgħu ngħidu, mad-dinja kollha. Il-bidla konna nistennewha bil-ħerqa. L-ewwel darba li nqara l-Ewwel Qari u l-Vanġelu bil-Malti kien propju fl-arena tal-Furjana fil-quddiesa ta’ filgħodu tal-Jum tal-Għoti tal-Indipendenza, il-21 ta’ Settembru 1964. Fl-Avvent ta’ dik is-sena daħal fil-knejjes kollha. Fi żmien sena sentejn, saru l-addattamenti tal-artali nistgħu ngħidu fil-knejjes kollha u bdew ħerġin kotba fuq kotba, meta qabel konna noħorġu b’missal wieħed daqsiex. Izda wara dan l-entużjażmu tal-bidu waqafna u bqajna nduru fuq dak li sar.

L-idea ta’ żifna hija fundamentali biex tifhem il-Liturġija. Għandna hawn wkoll ir-ritorn għall-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja li ġab miegħu l-Konċilju. Fir-Rabta l-Qadima Alla kemm-il darba ħabbar ikla b’ikel bnin u nbid mill-ifjen u l-Vanġelu jġibilna ’l Ġesù jsejjaħ in-nies mit-toroq u l-isqaqien għall Ikla tat-Tieġ tas-Saltna. Fil-kultura Lhudija l-Ikla tat-Tieġ kienet ikla abbondanti b’ħafna kant u żfin. San Ġwann jgħidilna li l-miraklu tal-inbid fl-Ikla tat-Tieġ kien l-ewwel sinjal fejn Ġesù wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih (Ġw 2,1-12). Mhux l-ewwel darba li Ġesù mar jiekol għand il-“pubblikani u l-midinbin”. Prostituta ħaslitlu riġlejh u xxuttahomlu b’xuxtha u dilkitlu rasu biż-żejt; mur ġibha titlagħlek fuq l-artal illum!

Li tiekol u tiżfen waħdek ma snibuha mkien fil-Vanġelu; Ġesù għallimna biex fit-talb lil Alla nsejħulu “Missierna” mhux “Missieri”. L-Ewkaristija twaqqfet fl-Ikla tal-Għid fost il-kant tas-Salmi u x-xorb tal-inbid; u l-ewwel insara kienu jsejħulha l-qsim tal-ħobż’ u kienu jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja (Atti 2,42-26). Il-Konċilju jgħidilna li fl-Ewkaristija, Kristu l-Għarus ried “iħalli lill-Knisja, l-Għarusa tiegħu, it-tifkira tal-mewt u l-qawmien tiegħu mil-mewt... il-pranzu tal-Għid ‘li fih nirċievu lil Kristu, ir-ruħ timtela bil-grazzja u jingħatalna rahan tal-glorja ġejjiena’”.[79]

Il-Liturġija f’ħafna mill-knejjes tagħna għadha “spettaklu” u spettaklu sabiħ, imma mhux “żifna”. Il-funzjonijiet fil-ġranet tal-festa huma trijonf tal-Liturġija ta’ qabel il-Konċilju: paramenti bir-rakkmu, dehbijiet u fided, damask u linef, mużika operistika u bil-Latin  ̶ spettaklu mill-aqwa, l-aktar meta tkun fuq it-televixin! Sa hawn m’hawn xejn ħażin, għax il-Liturġija ta’ qabel il-Konċilju ħallitilna patrimonju prezzjuż. Ma fiha xejn ħażin li ngħożżuh u darba fis-sena noħorġuh u ngawduh.

Il-ħażin hu meta ma nagħmlux differenza bejn din il-Liturġija u dik ta’ wara l-Konċilju. Il-bidla li saret fil-Konċilju ma saritx sempliċement biex tkun saret bidla, jew “biex immorru għall-antik”, kif kienu jgħidu xi wħud. Il-bidla saret biex dak li hu importanti fil-Quddiesa jerġa’ jieħu l-importanza tiegħu: “b’mod li tkun tidher aħjar in-natura speċifika ta’ kull waħda mill-partijiet tiegħu, ukoll li għaqda ta’ waħda ma’ oħra, u b’mod li l-insara jkunu jistgħu jieħdu sehem devot u attiv”.[80]

Ħafna minn dan intilef maż-żmien jew ittappan jew intradam taħt ruxxmata ta’ riti u tiżjin. Il-fidi fil-Misteru u l-qima lejn Ġesù Ewkaristija baqgħet; u din hi waħda mid-differenzi l-kbar bejn l-Ewkaristija tagħna u dik ta’ ħafna min “ħutna nsara mifrudin”. Imma l-Quddiesa hija ħafna aktar mill-preżenza reali ta’ Kristu “taħt ix-xbiħat tal-ħobż u tal-inbid”. Fil-missalli ta’ qabel il-Konċilju l-kliem tal-Konsagrazzjoni, Dan huwa Ġismi  ̶ Dan huwa l-Kalċi ta’ Demmi kienu jiġu stampati b’ittri ħoxnin, biex jimmarkaw il-qofol tal-Quddiesa, u kienet tindaqq il-qanpiena biex dak li jkun iħares, jemmen u jadura. L-aċċent kien fuq il-bars: “Dan hu... “ Wara l-Konċilju l-kliem b’ittri ħoxnin huma aktar minn dan: Ħudu u kulu, għax Dan huwa Ġismi, li jingħata għalikom. Ħudu u ixorbu, għax Dan huwa l-Kalċi ta’ Demmi, id-Demm li jixxerred għalikom u għal bnedmin kollha, għall-maħfra tad-dnubiet. L-aċċent dar fuq it-tisħib  ̶ l-azzjoni u l-partiċipazzjoni: x’qiegħed jagħmel Kristu l-Għarus, x’qegħdin nagħmlu aħna; u x’qiegħed jiġri fina, l-Għarusa: “Kristu jgħaqqad miegħu ’l-knisja, l-Għarusa l-aktar maħbuba tiegħu”.[81]

Dan kollu kien ittappan biż-żmien. Għalhekk konna nfissru “x’qiegħed jagħmel il-qassis fuq l-artal; u n-nies kienu jibqgħu jħarsu jew jgħidu r-rużarju  ̶ “spettaklu” mhux “żifna”. Il-Konċilju jgħidilna li fil-Quddiesa u f’kull sagrament hemm aktar minn “preżenza” waħda ta’ Kristu : l-ewwel fil-ġemgħa li nġabret fil-Knisja  ̶ Ġesù Kristu jrid jidher fil-ġemgħa aktar milli quddiem il-ġemgħa  ̶ fiċ-Ċelebrant li jirrappreżenta lil Kristu, l-Għarus li jikkomunika mal-Knisja, l-Għarusa; fil-Kelma ta’ Alla li tixxandar (mhux biss tinqara) lill-ġemgħa; u “fuq kollox” taħt ix-xbiħat tal-ħobż u l-inbid.

Biż-żmien “l-ispettaklu” żdied u “ż-żifna” tmewtet. Għalhekk il-Konċilju jgħidilna li: “waqt li s-sustanza trid tibqa’ tinżamm, ir-riti għandhom isiru aktar sempliċi; jitneħħew dawk li maż-żmien ġew duplikati jew miżjuda mingħajr wisq ħtieġa; u jerġgħu jiddaħħlu oħrajn li ntilfu maż-żmien skont kif ħallewhomlna l-missirijiet qaddisa tal-imgħoddi.[82]

 

Fil-bidu l-quddiesa kienet ħaġa sempliċi ħafna, imma ferrieħa u ħafna aktar spontanja. Bħall-Ikla tal-Għid tal-Lhud, kienet talba twila ta’ radd-il-ħajr lil Alla b’ħafna kant (minn hawn l-isem, Ewkaristija) u fiha jkollha l-kliem tal-Konsagrazzjoni u tintemm bl-ikel flimkien. Kollox bi lsien in-nies ta’ dak iż-żmien, il-Grieg. Kull isqof jew qassis kien jagħtiha s-sura li jrid. Kulħadd kien jieħu sehem “fil-qsim tal-ħobż” u x-xorb “minn kalċi wieħed”. Ma kontx timmaġina li xi ħadd ma jitqarbinx!

Maż-żmien, it-talba twalet, saret iktar formali u solenni. Żdiedu “r-riti” ħafna minnhom meħudin mid-drawwiet tal-qima li kienet tingħata lill-imperaturi ta’ Ruma jew Biżanżju fil-“Bażilika” jew “il-palazz tas-Sultan”, purċissjonijiet, xema’, reverenzi, bews, u l-użu ta’ l-istola u ċ-ċurkett. Żdied ħafna talb ieħor, l-aktar marbut ma’ ismijiet ta’ martri u qaddisin. U tbiddlet il-lingwa, mill-Grieg għal-Latin, fejn in-nies bdew jitkellmu bil-Latin.

Meta n-nies komuni ma baqgħux jitkellmu bil-Latin, ġiet il-qasma bejn dak li qed jagħmel il-qassis (li kien jifhem bil-Latin) ħafna minnu fis-skiet, u l-poplu, li kien jibqa’ jħares. L-artal minn mejda fin-nofs resaq fuq quddiem; beda jintrama kif għadna nafu “narmawh” aħna; u l-qassis ta dahru lin-nies. Antonio Rosmini, qassis awtur tas-seklu dsatax, jgħidilna li din il-qasma hija waħda mill-“Ħames Pjagi tal-Knisja Mqaddsa!”. Bdew jiżdiedu l-artali fil-knejjes, biex in-nies ikunu jistgħu “jisimgħu” ħafna quddies fl-istess ħin. It-tqarbin sar aktar rari u kien jista’ jsir ukoll barra mill-quddiesa. Dahlet l-orkestra u l-quddiesa “bil-vuċijiet”. Bdejna nagħmlu differenza bejn quddiesa “baxxa” jew “letta” u l-quddiesa kantata. In-nies bdew jippreferu l-“baxxa” mill-“kantata” għax iddum inqas. Il-quddiesa ma baqgħetx ċelebrazzjoni ferħana u saret obbligu ta’ nhar ta’ Ħadd.

 

Il-firda ma baqgħetx biss bejn il-qassis u n-nies fil-knisja, imma wkoll bejn dak li jsir fil-knisja u l-ħajja barra mill-knisja. Il-Konċilju jgħidilna li l-Liturġija, u l-aktar l-Ewkaristija, hija “l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tal-Knisja” u “l-quċċata li lejha timxi”:[83] il-Liturġija hija “l-aqwa mezz li bih l-insara jfissru bil-ħajja tagħhom u juru lill-oħrajn il-Misteru ta’ Kristu u dak li hi tabilħaqq il-Knisja”; “issaħħah kuljum il-ħajja tal-membri tal-Knisja u tagħmel minnhom... dar fejn jgħammar Alla”.[84]

Hemm rabta qawwija bejn dak li jsir fil-Liturġija u l-ħajja. Waħda tirrifletti lill-oħra. Għalhekk jekk irridu naraw fiex inhi l-ħajja tal-Knisja f’pajjiżna, irridu nħarsu kif inhi l-Liturġija, u bil-maqlub. Fejn “l-għajn” nixfet il-ħajja saret bla Alla; u fejn il-ħajja saret bla Alla m’hemm xejn x’tiċċelebra. G.K. Chesterton kien qal: “Ma tistax tfaħħar ’l Alla nhar ta’ Ħadd jekk matul il-ġimgħa tgħix bla Alla”. Fejn għandek komunità ħajja, bħalma ssib fil-komunitajiet tal-bażi u fil-movimenti l-ġodda, għandek Liturġija ħajja. Fejn is-sens ta’ komunità ntilef issib Liturġija tal-piramida, sabiħa fil-għajn imma mejta fil-parteċipazzjoni, ħafna weraq, frott xejn.

“Kemm-il darba, waqt ċelebrazzjoni tal-Liturġija ħassejtni ferħan nara nies li jinsew lilhom infushom, jinsew saħansitra li jridu jagħmlu bilfors ‘liturġija sabiħa’, u jintilfu f’Alla, fis-sinjali li jidhru. Imma kemm-il darba wkoll, waqt ċelebrazzjoni ħassejtni, nista’ ngħid fiżikament, quddiem nies magħluqin fihom infushom, bħala wħud jew bħala grupp, nies mifrudin bejniethom, ma rnexxilhomx jogħlew u t-talb tagħhom reġa’ waqa’ fuqhom!”[85]

 

Il-profeti ta’ kull żmien isejħulna biex nagħmlu l-qabża mir-“reliġjon tat-tempju”, reliġjon ta’ riti u regolamenti, għar-“reliġjon tal-ħajja”, ħaġa waħda mal-ħtiġiet ta’ kuljum tan-nies. L-Evanġelju ta’ San Ġwann iqiegħed il-ġrajja tat-tkeċċija tal-bejjiegħa mit-Tempju fil-bidu, wara t-Tieġ ta’ Kana. Fit-tieġ kien hemm il-ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud,  ̶ imma l-inbid tal-ferħ kien spiċċa; fil-ġrajja tat-Tempju, Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa għax id-Dar ta’ Alla kienu għamluha dar tan-negożju (Ġw 2). L-evanġelji l-oħra jġibu l-ġrajja tat-Tempju fl-aħħar, wara d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. San Mattew u San Mark jorbtuha mal-ġrajja tas-sigra tat-tin misħuta. Ġesù baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru... ; lemaħ siġra tat-tin... ma sabilħa xejn ħlief weraq... (Mk 11,1-25). Jista’ jkun li Ġesù jiġi jagħti ħarsa madwar il-ħajja tal-Knisja f’Malta u taħt ħafna aspetti ma jsibilna xejn ħlief weraq?

Jien nagħmel differenza bejn quddiesa fil-knisja żgħira fejn inqaddes kuljum, u l-quddies sollenni u formali fl-okkażjonijiet speċjali f’San Ġwann. Waħda tirrifletti ċ-“ċirku tad-djalogu”; l-oħra tagħtik “il-Knisja piramida” fl-aqwa tagħha, organizzata u sabiħa kemm trid, kultant ukoll b’kant tajjeb u tweġibiet mill-poplu imma kiesha għall-aħħar.

Ma ngħidx li dan għax f’waħda għandek grupp żgħir u fl-oħra massa ta’ nies. Jien kont f’quddies ta’ massa ta’ mijiet u eluf, kif ukoll mal-Papa, u l-Liturġija tkun mod ieħor. Li tagħmel differenza hija l-ħajja, il-mentalità li biha nidħlu fil-Liturġija. Għalhekk mhux biżżejjed li nbiddlu minn barra. Hija importanti l-konverżjoni, dak li għedna dwar “il-mekkanik” u l-“fanali”: il-qabża fil-mentalità, l-għażla tal-fqar, iċ-“ċirku” flok “il-piramida” fil-konkret tal-ħajja, u l-Kelma fil-ħajja u l-ħajja fil-Kelma.

Il-Konċilju nnifsu kien qalilna  ̶ iżda aħna konna aktar moħħna biex inbiddlu  ̶ li “biex il-Liturġija Mqaddsa tipproduċi l-effett kollu tagħha, jeħtieġ li l-fidili jiġu mħejjija b’dispożizzjonijiet tajba f’qalbhom, bi ħsibijiethom f’dak li jkunu qegħdin jgħidu u billi jikkoperaw mal-grazzja ta’ Alla biex ma jkunux laqgħuha fix-xejn”.[86] Il-Katekiżmu Universali jgħidilna li biex il-ġemgħa tiltaqa’ mal-Mulej fil-Liturġija jenħtieġ “tħejjija tal-qlub” u “konverżjoni”. Jekk ma jsirx dan, l-istess Liturġija u l-istess sagramenti jistgħu jinbidlu f’superstizzjoni:

“Is-superstizzjoni nistgħu nsibuha wkoll fl-istess kult li nagħtu lil Alla, bħal meta nagħtu importanza kbira qisu għandu xi qawwa maġika lil xi għemil reliġjuż li fih innifsu hu tajjeb u meħtieġ. Meta fit-talb u s-sagramenti aħna norbtu l-ħidma tagħhom biex ikollhom effett ma’ dak li jidher biss u ma nqisux id-dispożizzjoni tar-ruħ li jrid ikun hemm, aħna naqgħu fis-superstizzjoni (ara Mt 23,16-22)”.[87]

F’ħafna parroċċi l-quċċata tas-sena fil-ħajja tal-komunità parrokkjali mhix il-festa tal-Għid, imma l-festa tal-patrun jew patruna. Il-profeta jgħidilna: Il-festi tagħkom, jiena nobgħodhom, piż huma għalija, għejjejt nerfgħu... Inħaslu u tnaddfu... Tgħallmu agħmlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwa l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla... (Is 1,15-16).

Iktar qrib lejna, San Ġwann tas-Salib iqabbel il-festi ta’ żmienu mal-idolatrija ta’ Iżrael “meta għamlu festa u għannew u żifnu quddiem l-idolu tagħhom waqt li ħasbu li qed jagħmlu festa għall-ġieħ ta’ Alla”. Iqabbilhom ukoll mal-festa tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm: “Huma laqgħuh bl-innijiet u bil-friegħi, u l-Mulej beka... Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni (Mt 15,8).[88]

 

 

Noħlom ...

 

- Knisja b’inqas festi u aktar skiet;

 

 

- Knisja li taf tiċċelebra kulma hu sabiħ u tajjeb fid-dinja;

 

 

- Knisja li tqum mill-Ġimgħa l-Kbira għall-ferħ tal-Għid.

 

 

 


 

IT-TIELET TAQSIMA

 IR-ROTTA

 

 

Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha....

 Ġw 14,2-4

PARABBOLA

 

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qal: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlett ijiem minn dawn il-ġrajjiet! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom illi hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm inton boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx inkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 (Lq 24,13-36)

 

 

13. IĊ-ĊELLA

 

“Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa,

ħliefek m’għandi bżonn lil ħadd,

ma nibżax waħdi, għax Inti ħdejja.

Ibqa’ hawn Ġesù, tħallinix waħdi;

kull fejn tgħix Int, Mulej,

kollox ħafif  ̶ kollox sabiħ”.

 

Dit-talba kitibha fil-21 ta’ Jannar 1942, Titu Brandsma, martri ta’ żmien in-nażisti, f’ċella ta’ żewġ metri kwadri fil-ħabs ta’ Scheveningen fl-Olanda. Il-kap tal-Gestapo, il-pulizija sigrieta, kien qallu b’sarkażmu: “Ħajja f’ċella mhix se tkun iebsa għalik, għax inti patri; imdorri toqgħod fiċ-ċella”. Miċ-ċella, Titu Brandsma kiteb: “Nixtieq nibqa’ hawn għal dejjem. Qatt ma ħassejtni daqshekk kuntent”. Brandsma kien patri Karmelitan ġurnalist; għal Gestapo kien “priġunier mill-aktar perikoluż”!

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jagħlaq bl-arrest ta’ “priġunier” perikoluż ieħor, l-Appostlu Missierna San Pawl (Atti 28, 16-31). Wara li ħalla Malta, meta dħalna Ruma, Pawlu tawh il-permess joqgħod għalih b’suldat għassa miegħu (v. 16).

Kien żmien diffiċli għal Pawlu: “L-għeluq tal-Atti hu għeluq misterjuż u mimli inċertezzi”, jgħidilna l-Kardinal Martini. “Kif se jispiċċa l-proċess? X’se jiġri mill-moviment li qajjem Pawlu fil-Knisja kollha? Kollox fid-dlam”.[89]

Spiċċa ż-żmien ta’ entużjażmu għal Pawlu, iż-żmien meta lill-Mulej kien jarah jaħdem miegħu u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha (Mk 16,20). L-istess ġara lilna li ħdimna u tħabatna fi żmien il-Konċilju erbgħin sena ilu. Konferenza li ta dan l-aħħar hawn Malta Nicholas Lash sejħilha Vatican II: Of Happy Memory... and Hope? (The Benjamin Tonna Lecture, Discern, April 2002). “Of happy Memory” hija l-espressjoni li nużaw meta jmut xi ħadd, “Alla jaħfirlu” bil-Malti! Lash tkellem dwar x’irnexxielu jagħmel il-Konċilju; imma tkellem ukoll dwar “Il-falliment tal-Vatikan it-Tieni”. Bosta drabi aħna stajna ngħidu mad-dixxipli ta’ Għemmaws: Aħna konna nittamaw... iżda issa... (Lq 24,21). Fil-mixja tas-Sinodu Djoċesan kemm-il darba smajnieha: “Mhux kollox għalxejn?”

Pawlu fil-ħabs seta’ jgħid: Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi, kulħadd ħallieni (2 Tim 4,16). Kliem mimli mrar ta’ appostlu li kien “intefaq” għall-Knisja u għall-kawża tal-Evanġelju. Issa donnu ħadd ma ried jaf bih. “Madankollu”, jkompli l-Kardinal Martini, “f’din is-sitwazzjoni, l-Appostlu jgħix mument tassew ta’ grazzja”: Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-Kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljuni. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Ammen. (2 Tim 4,17-18).

Ftit snin wara l-Konċilju, is-soċjoloġu Mario Vassallo qabbel il-ħajja f’parroċċa fittizzja ta’ Ħal-Farruġ ma’ dik mhix fittizzja ta’ Santa Luċija.[90] L-isem ta’ Ħal-Farruġ kien ħalqu s-soċjologu l-ieħor J.F. Boissevain biex jiddeskrivi l-ħajja f’parroċċa ta’ raħal tradizzjonali Malti.[91] Santa Luċija dak iż-żmien kienet għadha tinbena kemm bħala post u kemm bħala parroċċa u knisja. Illum, bħal Santa Luċija għandna bosta parroċċi ġodda u żoni parrokkjali fit-truf tal-parroċċi tradizzjonali. F’Ħal-Farruġ, il-knisja kienet tinsab fil-qalba tar-raħal, il-bini tal-knisja jidher minn kullimkien u jiddomina d-djar kollha. F’Santa Luċija, dak iż-żmien il-knisja kienet kamra mdaqqsa qalb bini ieħor tiela’. Ftit wara, minħabba d-daqs tal-popolazzjoni n-nies bdiet tagħmel użu mis-sala tal-iskola tal-Gvern. Din kienet l-istorja wkoll ta’ bosta knejjes f’żoni ġodda tal-parroċċi tradizzjonali.

Vassallo għamel paragun bejn Ħal-Farruġ u Santa Luċija l-aktar biex juri b’mod grafiku l-bidla li kienet qiegħda ssir fir-rwol tal-qassis, l-aktar il-kappillan, fil-parroċċa. From Lordship to Stewardship, hekk kien semmieh il-ktieb tiegħu. Il-qabża kienet bdiet issir mhux biss fir-rwol tal-qassis u fil-bini tal-knisja, imma wkoll fil-post tal-Knisja fis-soċjetà Maltija.

Iż-żmien kompla jgerbeb u llum il-Knisja mhux biss m’għadhiex il-forza dominanti li kienet fis-soċjetà Maltija, imma saret waħda mill-ħafna “aġenżiji ta’ servizz” oħrajn tal-bniedem modern. Il-mentalità l-ġdida hija l-mentalità tas-suq; issib minn kollox – tagħmel u tieħu li trid, kif trid u meta trid, ukoll f’dik li hi verità morali. Il-leħen tal-Knisja sar wieħed fost ħafna ilħna u fil-geġwiġija ta’ ħsejjes jinstema’ dgħajjef ħafna. Il-valuri li kienu jżommu s-soċjetà Maltija magħquda ċedew posthom għal valuri oħra, il-flus, il-progress, l-edukazzjoni, il-konsum, il-kult tal-ġisem, is-sess, il-pjaċir, il-kumdità, fi kliem ieħor, dak kollu li jibni l-“jien”, individwaliżmu spjetat. F’din is-sitwazzjoni tifhem għaliex il-familja, iċ-ċellula bażika tas-soċjetà, tinsab fi kriżi; u għaliex naqsitilna ħafna l-fiduċja f’istituzzjonijiet li kienu jibnu s-soċjetà u jagħtuna sens ta’ sigurtà: l-awtoritajiet ċivili, il-qrati, il-partiti politiċi u magħhom, għalkemm forsi mhux daqshom, il-Knisja. Bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, tlaqna minn Ġerusalemm u mixjin b’ġirja waħda għal għonq it-triq, ma nafux fejn sejrin u lanqas fejn irridu mmorru.

F’simpożju tal-Isqfijiet Ewropej dwar l-“Evanġelizzazzjoni taż-Żgħażagħ fl-Ewropa Post-Moderna” f’April 2002, l-Arċisqof ta’ Westminister, il-Kardinal Murphy-O’Connor ikkwota silta minn ktieb ta’ Douglas Coupland b’isem li jagħtik ħafna x’tifhem, Life after God: “Issa  ̶ hawn hu s-sigriet tiegħi. Ngħidhulek b’qalbi f’idejja għax ma nafx darb’oħra jirnexxilix. Għalhekk nixtieqek tkun f’kamra kwieta, tismagħni x’se ngħid. Is-sigriet dan: Għandi bżonn lil Alla  ̶ jien marid u waħdi ma nista’ nagħmel xejn. Għandi bżonn lil Alla biex jgħinni nagħti, għax ma naħsibx li għadni kapaċi nagħti; biex jgħinni nkun qalbi tajba, għax ma naħsibx li għadni kapaċi nkun qalbi tajba; biex jgħinni nħobb, għax naħseb m’għadnix kapaċi nħobb”.

M’għadhux iż-żmien tal-“progressivi” u l-“konservattivi”. Illum nitkellmu dwar “modern”, “post-modern” u xi wħud waslu wkoll fil-“post-post-modern”! Il-post modern bit-tlellix u l-possibbiltajiet kollha li joffrilna għalaqna f’ċella. Il-Kardinal jgħidilna qisna nies lesti biex noħorġu, “Ilbisna u kollox, għandna elf u mitt possibbilità, iżda sempliċiment m’għandniex fejn immorru”. M’aħniex maħluqin biex ningħalqu fl-egoiżmu tagħna; il-ġid materjali jimlielna idejna u żaqqna imma qalbna jħalliha kiesħa. Taħt id-dawl u l-ħsejjes tad-diskoteki hemm ħafna wġigħ, ħafna solitudni. U dan jispjega ż-żjieda fenomenali f’pajjiżna fit-tixrid tad-droga u, fis-separazzjonijiet fiż-żwieġ. Fi kliem Coupland m’għandniex kapaċi nagħtu, m’għadniex kapaċi naħfru, m’għadniex kapaċi nħobbu. Ġo fina għandna vojt tal-biża’.

Għalhekk mhux kollox negattiv fil-post-modern. Fil-vojt li ħloqna ġo fina u madwarna, jinħass għatx; għatx ta’ Preżenza, ta’ Xi Ħadd li kapaċi jidħol magħna “f’kamra fil-kwiet”, li jimxi magħna fit-triq, sieket, jismagħna, jħoss magħna, jifhimna u jwassalna f’lukanda fejn jaqsmilna l-ħobż: Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm (Lq 24,29). Ta’ dan ix-Xi Ħadd, il-Knisja hija biss ir-rifless. Huwa d-Dawl tal-Ġnus, Lumen Gentium, l-ewwel żewġ kelmiet tal-aktar dokument importanti tal-Konċilju. Allaħares, il-Knisja tippriedka lilha nfisha u teħodlu postu. Il-Knisja tkun Dawl sakemm tkun rifless tiegħu. Meta l-Knisja tkun rifless tad-dinja jew ta’ xi setgħa tad-dinja, tonqos mill-missjoni tagħha, issir melħ li jitlef imluħitu li ma jiswa għal xejn.

Taħt it-torri ġganti tal-Hilton f’Paceville, illum għandna l-Millennium Chapel; kienet kamra, bħall-“kantina” ta’ żmien il-Konċilju, tintuża bħala garaxx tal-patrijiet. Illum miftuħa lejl u nhar u tilqa’ nies ta’ kull kwalità f’kull ħin. Is-Sagrament espost lejl u nhar jinsab wara grada. Ċella? Iċ-ċella tiegħu hija s-Sema  ̶ kaħlani bil-kwiekeb  ̶ u l-ġebel tal-art!

Jidhirli li l-Preżenza ta’ Ġesù fis-skiet tal-Millennium Chapel taħt il-ġgant modern tal-Hilton tagħtina xbieha meraviljuża, l-istil ġdid tal-Knisja għaż-żminijet tal-lum, “il-proġett tal-Knisja li tikber” għat-Tielet Millennju, kif sejjaħlu l-Kardinal Martini. Mhux aktar tiddomina fuq id-dinja tar-raħal; ma ddoqqx qniepen; imma, bħal Marija għand Eliżabetta, toffri l-ambjent biex kull min irid u meta jrid jiltaqa’ ma’ Kristu. U l-laqgħa ma’ Kristu ma tistax tordnaha jew timponiha jew titgħallimha. Il-Knisja tista’ biss toffri ambjenti u tagħti opportunitajiet fejn il-laqgħa ma’ Kristu ssir esperjenza ta’ ħajja. Għalhekk ukoll semmejt il-Millennium Chapel; imma ambjenti bħalha qed jinbtu kullimkien. “Huwa biss l-esperjenza tas-silenzju u t-talb li toffrilna l-atmosfera adatta biex nikbru fl-għarfien veru, fidil u konsistenti tal-misteru li jsib l-aqwa tifsira tiegħu fil-proklamazzjoni solenni tal-evanġelista San Ġwann: U l-Kelma saret bniedem u għammret fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-Waħdieni”.[92]

Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-ewwel enċiklika tiegħu kien qalilna li “l-bniedem huwa t-triq tal-Knisja, it-triq li f’ċertu sens, hi l-bażi tat-toroq li minnhom il-Knisja għandha tgħaddi... it-triq għall-ħajja tagħha ta’ kuljum, għall-esperjenza tagħha, għall-missjoni tagħha u t-tbatija tagħha”.[93] Fl-ittra tal-bidu tal-millennju tana l-bażi ta’ kull pjan pastorali: “Nibdew mill-ġdid minn Kristu... Il-programm diġà jeżisti; huwa l-pjan li jinstab fil-Vanġelu u fit-tradizzjoni ħajja. Huwa l-istess għal dejjem. Iċ-ċentru tiegħu fi Kristu, li jeħtieġ nagħrfu, inħobbu u nimitaw biex fih inkunu nistgħu jkollna l-ħajja tat-Trinità u bih inbiddlu l-istorja sakemm din issib il-milja tagħha f’Ġerusalemm tas-sema”.[94]

L-isqfijiet tal-Konċilju ma setgħux ikunu jafu bil-bidliet kbar li kellhom jiġru fid-dinja, l-aktar fid-disgħinijiet. Iżda l-Konċilju, fi kliem Ġwanni Pawlu II, għamel bħal Ġwanni l-Battista, billi “ħejja t-triq għall-Mulej”. Kien qed jara minn qabel mhux biss id-diffikultajiet imma wkoll l-opportunitajiet ġodda li kellhom jinbtu għall-Knisja imqar f’sitwazzjonijiet diffiċli:

“Il-Konċilju, għalkemm ma użax it-ton aħrax ta’ Ġwanni l-Battista meta f’xatt il-Ġordan ħeġġeġ għall-indiema u l-konverżjoni, dehret fih xi ħaġa mill-profeta tal-imgħoddi meta wera b’qawwa ġdida lill-bnedmin tal-lum lil Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, il-Feddej tal-bniedem, il-Mulej tal-istorja”.[95]

Il-konverżjoni, il-qabża, li wriena ċar ħafna il-Konċilju, hija l-mod ġdid kif il-Knisja trid tħares lejha nfisha u lejn il-bnedmin ta’ żmienna fil-qadi tal-missjoni tagħha llum. Hija t-triq tal-umiltà, tal-imħabba u tad-djalogu. Kieku hawn Malta ħadna din it-triq b’aktar enerġija hekk kif ħarġet mill-Konċilju, konna nevitaw ħafna inkwiet u forsi l-Knisja u Malta tal-lum kienu jkunu wisq aħjar.

· Bħal Kristu fit-triq ta’ Għemmaws, il-Knisja trid tqis lilha nfisha mhux iżjed “barranija” iżda sieħba fit-triq mal-bniedem, kull bniedem, fit-toroq tal-ħajja, taqsam miegħu “il-hena u t-tama, in-niket it-tħassib”.[96]

 

· Il-Knisja trid tqis lilha nifisha mhux fuq is-soċjetà tal-bnedmin, imma ħmira ġol-għaġna tal-ħajja tad-dinja, mingħajr privileġġi jew setgħat speċjali, għajr il-libertà li xxandar lil Kristu: “Il-Knisja, li hija fl-istess ħin għaqda viżibbli u komunità spiritwali, timxi fl-istess triq mal-bniedem u taqsam mad-dinja l-istess kondizzjonijiet tal-art; hi bħal ħmira u bħallikieku r-ruħ tas-soċjetà tal-bnedmin, iddestinata kif inhi biex tiġġedded fi Kristu u tinbidel fil-familja ta’ Alla”.[97]

 

· Il-Knisja trid titkellem inqas fuqha nfisha u xxandar aktar lil Kristu. Trid tfittex biss l-interessi ta’ Kristu mhux tagħha nfisha jew ta’ xi ħaddieħor, u tuża l-istess mezzi u l-istess manjieri ta’ Kristu. Huwa biss it-teżor tagħha u ma teħtieġ ebda ġid ieħor: “Il-Mulej huwa l-iskop tal-istorja tal-bniedem, il-punt li lejh jieħdu x-xewqat tal-istorja u taċ-ċiviltà, iċ-ċentru tal-ġens tal-bnedmin, l-hena tal-qlub kollha u t-tweġiba għax-xewqat kolha tagħhom”.[98] Pietru lill-magħtub fil-bieb tat-tempju kien qallu: Fidda u deheb m’għandix imma minn dak li għandi ser nagħtik... (Atti 3,6).

 

· Bħal Kristu, il-Knisja trid tisma’ u tiddjaloga mhux tordna u timponi. Bi djalogu nifhmu li tagħti u tirċievi u titkellem u tisma’, tgħallem u titgħallem:

“Dak kollu li għedna dwar id-dinjità tal-persuna tal-bniedem, il-komunità tal-bnedmin u t-tifsira profonda tal-ħidma tal-bnedmin, huwa s-sies tar-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja u l-bażi tad-djalogu bejniethom... L-għajnuna li l-Knisja tfittex li tagħti lil kull bniedem... u lis-soċjetà tal-bnedmin... L-għajnuna li l-Knisja tirċievi mid-dinja tal-lum... Biex dan id-djalogu u dan l-iskambju jseħħ, l-aktar illum, meta t-tibdil isir malajr u l-mod kif il-bnedmin jaħsbuha jinbidel ħafna, il-Knisja teħtieġ partikolarment l-għajnuna ta’ dawk li jgħixu fid-dinja... sew nies li jemmnu u sew li ma jemmnux. Huwa d-dmir tal-poplu kollu ta’ Alla u l-aktar tar-rgħajja u t-teoloġi, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, li jisimgħu, jifhmu u jinterpretaw il-manjieri differenti li bihom jitkellmu n-nies ta’ żminijietna u jiżnuhom fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla”.[99]

 

Jgħidu li kemm Pietru u kemm Pawlu kellhom żewġ sejħat, mhux waħda, għal konverżjoni. Ta’ Pietru s-sajjied, it-tnejn saru fl-istess post, fil-baħar tal-Galilija: l-ewwel waħda fil-qabda mirakoluża tal-ħut (Lq 5) u l-oħra fit-tieni qabda tal-ħut wara ċ-ċaħda ta’ Kristu u l-mistoqsija, Tħobbni int? (Ġw 21,15-19). Ta’ San Pawl, l-ewwel waħda fit-triq ta’ Damasku, nafuha lkoll; it-tieni dik li jsemmi fit-Tieni Ittra lill-Korintin meta skopra “l-qawwa ta’ Alla fid-dgħufija”: Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-dgħufijiet tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-dgħufijiet tiegħi, bit-tgħajjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu: għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12,1-11).

It-tieni konverżjoni fiż-żewġ appostli hija l-konverżjoni għall-maturità. Jista’ jgħaddi minnha kull min irid jimxi wara Kristu, kemm personalment kif ukoll bħala Knisja. Fl-ewwel konverżjoni l-Mulej jiġbidna bil-qawwa u s-setgħa tiegħu; fit-tieni, “jinxef l-entużjażmu tal-bidu... iż-żelu jitħassar u jsir attività bla nifs... nibdew nibnu l-imperu tagħna u ningħalqu fih aktar ma jgħaddu s-snin... bosta drabi ħajjitna tibda titmexxa mill-proġġetti li qbadna... il-Mulej inħossuh ’il bogħod, hekk sieket u, ta’ sikwit, wisq irreali... nibdew ngħajjew”.[100]

Kien proprju f’din is-sitwazzjoni li Pawlu għamel l-iskoperta kbira tiegħu:

Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu u nkun ninsab fih... Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u nsir nixbħu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet (Fil 3,8-11).

 

L-aħħar vers tal-Atti tal-appostli jgħidilna li għalkemm Pawlu ma kienx fiċ-ċella, iżda xorta waħda kien marbut u mgħasses sewwa f’dar li kien kera. Madankollu kien kuntent għax hemm kien jilqa’ lil dawk kollha li jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna ta’ Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil (Atti 28,30-31).

Il-Kardinal Martini jgħidilna li f’din is-sitwazzjoni, Pawlu skopra “l-iskop awtentiku tal-Knisja u tal-ħidma kollha tagħha: L-importanza li tagħraf tikkontempla, fl-aktar sitwazzjonijiet medjokri u li jidhru negattivi, il-mod kif jimxi ’l quddiem il-pjan ta’ Alla, il-proġett tal-Knisja li tikber”.[101]

Hawn Malta, “sitwazzjonijiet medjokri u li jidhru negattivi” rnexxielhom jeħilsu lill-Knisja minn toqol u xkiel li kienu jfixklu l-iskop “awtentiku” tal-missjoni tagħha. Irridu ngħassu l-ħin kollu biex inkomplu ninħelsu u ma ninqabdux f’irbit u idoli ġodda. Iżda jista’ jkun li dan hu għall-Knisja f’Malta wkoll, bħalma kien għal Pawlu, “mument tassew tal-grazzja”? Jista’ jkun li l-Mulej qed isejjaħ lilna lkoll għat-tieni konverżjoni, biex niskopru “l-proġett tal-Knisja li tikber” fiż-żmienna?

 

  

Noħlom ...

 

- Knisja li tfisser l-Iskrittura u taqsam il-ħobż;

 

 

- Knisja umli, li tisma’, tħoss, tifhem u tagħder;

 

 

- Knisja li xxandar il-Verità u xxandar wkoll il-Ħniena ta’ Alla.

 

 

 

 

  

14. L-ISKOLA

 

“Soċjeta’ Storduta”  ̶ The Stunned Society  ̶ hekk kien iddeskriva Dun Benny Tonna s-soċjetà f’Malta fl-1998.[102] “Soċjetà tal-għaġeb tal-presepju, hekk miblugħa bid-dehra tal-anġli fis-sema, li nsiet tmur tara lil Ġesù Bambin!” Dun Benny kien janalizza l-ġurnali Maltin kuljum biex jitkixxef is-sinjali taż-żminijiet. Fl-1997 is-soċjetà Maltija kienet Here and Now[103]  ̶ kollox hawn u fil-pront! Malta kienet daħlet sew fil-konsumiżmu u l-individwaliżmu u t-taħwid tal-post-modern.

Iżda fl-1999 il-folja bħal inqalbet. Dun Benny beda jara “Qabża fil-Kwalità  ̶ A Surge in Quality.[104] Malta bħal stembħet f'’daqqa. Il-ġrajjiet tal-1998-1999 ġegħluna nintebħu li ma stajniex nibqgħu sejrin bil-ġirja tal-post-modern. Fl-analisi tiegħu, Dun Banny jgħid ċar u tond li l-“qabża fil-kwalità” kienet reazzjoni għall-ġenn tad-disgħinijiet. Dun Benny miet, mifni bix-xogħol, ftit wara li ħareġ dan il-ktieb. Kien għadu kif temm wkoll ix-xogħol fuq ir-Rapport tal-Konsultazzjoni tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta.

Il-qabża fil-kwalità bdiet tinħass fil-Knisja wkoll. Aħna li ħdimna fit-tiġdid tal-Konċilju konna ilna snin ninsistu li ma stajniex nibqgħu sejrin b’tiġdid bil-biċċiet u s-sulluzzu. Kellna bzonn xi ħaġa mill-qiegħ: Aqdef ’il barra fil-fond. Kellna bżonn viżjoni ġdida. It-tweġiba bl-eluf għall-Konsultazzjoni tas-Sinodu Djoċesan minn kull qasam tal-poplu tatna raġun. Jien ma nistax ma nxebbaħx il-qabża tas-Sinodu ma’ dik tal-Ewwel Kungress Kateketiku Nazzjonali tal-1966. Bid-differenza li din ġabet qabża fil-kwalità tat-tagħlim (nittama li wasalna għal qabża oħra ma ndumux), filwaqt li s-Sinodu huwa qabża fil-ħajja tal-Knisja kollha kemm hi.

Is-Sinodu kif isir daż-żmien huwa frott kbir tal-Konċilju u tal-intuwizzjoni ta’ Pawlu VI. Sal-Konċilju, is-Sinodi kienu laqgħat tal-mexxejja tal-Knisja; minnhom joħorġu direttivi, liġijiet biex jiġu obduti minn kulħadd. Mill-Konċilju ’l hawn ħadu xejra ġdida: ma jiltaqgħux biss il-mexxejja imma kulħadd, ilkoll flimkien, biex nisimgħu lil xulxin, nitgħallmu minn xulxin u flimkien nagħrfu x’qiegħed jgħidilna l-Mulej. Il-kelma “sinodu” tfisser preċiżament “mixja fit-triq flimkien”, Għemmaws: “Sinodu tal-Isqfijiet”, l-isqfijiet flimkien mal-Papa; “Sinodi Djoċesani”, l-insara kollha tad-Djoċesi, lajċi, reliġjużi u kleru, flimkien mal-Isqof.

Fil-Konċilju, id-diskussjoni dwar Il-Ħidma Pastorali tal-Isqfijiet kienet waħda sħuna ħafna u ħadet ukoll tul kbir ta’ żmien. Iżda fil-15 ta’ Settembru 1965, minn xahar qabel ma ġie approvat id-Digriet tal-Konċilju dwar l-Isqfijiet, Pawlu VI ried joħroġ Motu Proprio  ̶ “b’iniżjattiva personali tiegħi u bis-setgħa appostolika mogħtija lili”  ̶ dwar is-Sinodu tal-Isqifijiet, bil-ħsieb li jagħti lill-isqfijiet “mezz aktar ċar u effettiv biex jaqsmu miegħi l-ħsieb tal-Knisja universali  ̶ huma li l-Ispirtu s-Santu għamilhom għassiesa... biex jirgħu l-Knisja ta’ Alla” (Atti 20, 28).

Żewġ kelmiet li bdew jintużaw wara l-Konċilju kienu kolleġġjalità, jiġifieri “flimkien”, mhux kulħadd għal rasu; u korresponsabbilità, jiġifieri “responsabbli flimkien” fit-tmexxija wkoll. Pawlu VI nnifsu stqarr li s-Sinodu kien ir-riżultat tal-esperjenza pożittiva tal-Konċilju, “biex tissokta tfawwar fuq il-poplu Nisrani, dik l-abbundanza ta’ ġid li b’xorti tajba ħarġet mill-kollaborazzjoni tagħna mill-qrib mal-Isqfijiet matul il-Konċilju”. “Bħal kull istituzzjoni umana”, jistqarr Pawlu VI nnifsu, is-Sinodu “għad jista’ jiġi perfezzjonat maż-żmien”; fil-fatt, l-Isqfijiet għadhom sal-lum jippruvaw jipperfezzjonawh. Iżda huwa ċert li l-idea ta’ Sinodu ħolqot stil ġdid fil-ħajja u t-tmexxija tal-Knisja: għall-Isqfijiet, il-Konċilju u s-Sinodu kienu skola ta’ kolleġġjalità u korresponsabbiltà. Xi teoloġi jaslu biex jissuġġerixxu li l-mudell ta’ Sinodu jista’ jsolvi ħafna mill-kwistjonijiet bejn il-Kurja ta’ Ruma u l-Isqfijiet madwar id-dinja.[105]

Nistgħu ngħidu li l-istess esperjenza pożittiva tal-isqfijiet, fil-Konċilju u fis-Sinodi li saru wara, għaddejjin minnha aħna stess illum, erbgħin sena wara, fis-Sinodu Djoċesan li qed jiltaqa’ bħalissa. Qed nitgħallmu nisimgħu ’l xulxin u nitgħallmu minn xulxin. Għadna ma wasalniex, imma għallinqas bdejna. L-Arċisqof rari jitkellem matul l-Assemblea ħlief fl-aħħar; dejjem isib x’jiċċara, kif inhu dmiru; iżda dejjem ukoll jinkuraġina nkomplu nitkellmu bil-miftuħ u l-libertà kollha. Ma naqblux fuq kollox, imma lkoll nagħmlu ħilitna biex naraw l-Ispirtu x’qiegħed jgħid lill-Knisja f’Malta. Qiegħda titwieled viżjoni ġdida tal-Knisja; żgur mhux “iffokata fuq il-kleru”. Jiena nfaħħar lill-Mulej kull meta fl-assembleji nisma’ lajċi, irġiel u nisa, li jitkellmu b’entużjażmu, b’kompetenza u b’sens qawwi ta’ servizz u mħabba lejn il-Knisja. Xi wħud minnhom “aġġornati” aktar minn ħafna qassisin.

Din il-viżjoni ġdida ġiet kristallizzata f’żewġ kelmiet li ħarġu fl-ewwel dokument li ġie approvat mill-Assemblea tas-Sinodu fit-28 ta’ Settembru 2002: Oħt u Qaddejja:

“Għal ħafna sekli ħarisna  ̶ u nibqgħu nħarsu  ̶ lejn il-Knisja bħala Omm u Għalliema. Filwaqt li dan jibqa’ validu u minnu, is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna llum qed twassalna biex nipproponu viżjoni kumplimentari ta’ Knisja  ̶ Knisja li hi Oħt u Qaddejja  ̶ nixtiequ li din il-viżjoni ... twassal għal deċiżjonijiet pastorali konkreti li jiġu implimentati fis-snin li ġejjin”.[106]

 

Jidher li l-Knsja f’Malta tixtieq tagħmel il-“qabża fil-kwalità”. “Omm u Għalliema” tfakkarna fit-tfal  ̶ Knisja li titkellem mal-oħrajn minn fuq għal isfel. Iżda “Min hi l-Knisja?” u “Min huma l-‘oħrajn’?” iġegħelna nistaqsu l-Konċilju Vatikan II.[107] “Min-naħa l-oħra, bħala “Oħt u Qaddejja”, il-Knisja tifhem li qed titkellem ma’ nies maturi: l-“ulied” u “t-tfal tal-iskola” kibru. Il-Knisja trid tinżel mill-pożizzjoni għolja tal-katedra u titħallat mad-dixxipli.[108]

Fid-diskors famuż tal-“qamar”, Ġwanni XXIII kien qal lill-folla tan-nies ta’ Ruma: “Jien ma jien xejn; dan ħukom li qed ikellimkom, sirt missier għax hekk ried il-Mulej... Xejn! Fratres sumus! Aħwa aħna”. Monsinjur Mercieca, meta sar Arċisqof ta’ Malta, għażel bħala motto “Ilkoll aħwa fi Kristu”. Fl-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet iddiskutew it-tema L-Isqof Qaddej tal-Komunjoni b’risq it-Tama tad-Dinja: “L-Isqof qaddej... Il-Knisja hija Qaddejja tal-Evanġelju... Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, qalet Marija; Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, tkompli ttenni llum il-Knisja”.[109] Aħna lkoll aħwa u qaddejja ta’ xulxin; ħadd fuq l-oħrajn, kulħadd bżonn kulħadd. Din hi l-bażi tal-komunjoni, kariżmi u ministri fil-Knisja. Fid-dinja, il-Knisja trid tkun “oħt u qaddejja” tal-bniedem, hu min hu, mhux fuq id-dinja imma sieħba fl-istess triq, bhal Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws.

 

“Omm u Għalliema”, Mater et Magistra, kienu l-ewwel żewġ kelmiet tal-Enċiklika ta’ Ġwanni XXIII fl-1961 qabel ma beda l-Konċilju. Iżda, hemm ukoll, Ġwanni XXIII għaqqad magħha l-idea ta’ dixxipla  ̶ qaddejja: “Il-Knisja Kattolika, miexja wara Kristu (dixxipla) u skont il-kmand tiegħu, għal elfejn sena sħaħ, jiġifieri mill-ħidma tal-ewwel djakni (qaddejja) sa żminijietna, żammet dejjem ’il fuq il-fjamma tal-karità”.[110]

Snin wara l-Konċilju, fl-1979, Ġwanni Pawlu II sejjaħ lil Marija bħala “l-Verġni tal-Pentekoste”, u fakkarna li Santu Wistin, meta sejjaħ lil Marija “Omm u Għalliema”, kien ħareġ bl-espressjoni famuża li għal Marija, “li tkun dixxipla kien aqwa milli tkun omm”.[111] Meta waħda mara sejħet lil Marija ħienja, Ġesù kien pront weġibha: Aktar ħenjin dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha (Lq 11,27-28); u meta qalulu li ommu u ħutu qegħdin ifittxuħ, Ġesù għal darb’oħra weġibhom: Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Ħu (Lq 8,21).

Knisja bl-atteġġjament ta’ Marija, li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tagħmilha hija l-viżjoni l-ġdida tal-Knisja li qed jipproponi s-Sinodu Djoċesan ta’ Malta: li ngħaddu minn Knisja Omm u Għalliema, Mater et Magistra, għall-Knisja Oħt u Dixxipla. Biex tkun Omm u Għalliema, il-Knisja l-ewwel trid tkun bħal Marija, Oħt u Dixxipla tal-Mulej, flimkien mal-fqar kollha tad-dinja.

Il-Kardinal Martini wara t-teologu Urs Von Balthassar jgħidilna li fil-Knisja hemm id-dimensjoni “Petrina” u d-dimensjoni “Marjana”. Id-dimensjoni Petrina tfakkarna fil-“piramida”, bil-Papa, is-suċċessur ta’ Pietru, fuq fil-quċċata; id-dimensjoni Marjana tfakkarna fiċ-“ċirku”, l-appostli madwar Marija jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

“Fil-Knisja nsibu d-don tat-tmexxija amministrazzjoni u ippjanar bil-għaqal: dan hu d-don ta’ Pietru, don fundamentali biex il-Ġisem tal-Knisja jimxi ’l quddiem. Id-don tal-kontemplazzjoni hu iżjed sottili; ma tantx tista’ tiddefinih, imma jġib l-għaqda, gost, tama u konsistenza fil-Knisja kollha kemm hi. Dan hu d-don ta’ Marija. Meta jonqos dan id-don il-Knisja tirriskja li ssir għaqda ta’ esperti, ‘periti’, speċjalisti, fejn kull wieħed jew waħda tipprova jġib ’il quddiem il-viżjoni tiegħu u jargumenta mal-oħrajn dejjem man-naħa tal-esperjenza tiegħu”.[112]

 

Minn “esperti” u “periti”, ilkoll kemm aħna rridu nerġgħu mmorru l-iskola: l-Iskola ta’ Nazaret, fejn Marija, “l-ewwel dixxipla”, tgħallmet mingħand Ġesù u Ġesù tgħallem mingħand Marija:[113]

“Id-dar ta’ Nazaret hija skola fejn nitgħallmu nagħrfu lil Kristu, Skola tal-Evanġelju. Hawn l-ewwelnett nitgħallmu naraw, nisimgħu, nimmeditaw u nifhmu sewwa l-qawwa moħbija tar-rivelazzjoni, umli imma sabiħa, tal-Iben ta’ Alla; u forsi wkoll bil-ftit il-ftit nitgħallmu nsiru nixbhuh... Hawn ġew kollox jitkellem, kollox għandu t-tifsira. Tabilħaqq, hawnhekk, f’din l-iskola, naraw il-ħtieġa tat-tagħlim spiritwali, jekk irridu ngħixu skont l-evanġelju u nsiru dixxipli ta’ Kristu”.[114]

Hawn Malta, niftaħru bil-Fidi li ġabilna San Pawl. Biex “il-qabża fil-kwalità” li saret fl-Assemblea tas-Sinodu ma tibqax dokument sabiħ u jiġrilha bħalma ġralhom id-dokumenti tal-Konċilju, trid issir qabża fil-mentalità, fil-kwalità tal-Fidi tagħna l-Maltin:

· Minn fidi li tistrieħ fuq drawwiet, devozzjonijiet, festi, riti, għal Fidi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-Kelma ta’ Kristu (Rm 10,17). Id-drawwiet jorbtuna mal-għeruq tagħna. Iżda huwa s-smigħ attent tal-Kelma li jagħmilna nsara maturi u Knisja adulta.

 

· Minn fidi infantili, fidi li ma tfittixx u ma tikbirx, għal fidi li tfittex u timmatura: “Min int Mulej?” (Atti 9,5). Insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. Ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom... Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu (Ef 4,13-15).

 

· Minn fidi f’Alla tal-mirakli u grazzji, għal Fidi fi Kristu u dan imsallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi iżda għal dawk imsejħin huwa l-qawwa ta’ Alla (1 Kor 1,23-24)... li tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef (2 Kor 12,9).

Mill-Konċilju ’l hawn is-Sinodu tal-Isqfijiet iltaqa’ b’kollox 13-il darba, darba kull tliet snin. L-isqfijiet tgħallmu jmorru l-iskola! Tnejn mis-sinodi kienu dwar l-Evanġelizzazzjoni (1974) u l-Katekeżi (1977); ħamsa oħra, dawk dwar il-lajċi (1987), il-qassisin (1990) ir-reliġjużi (1994) u l-isqfijiet (2001)  ̶ kif jgħid Ġwanni Pawlu II f’dan tal-aħħar  ̶ kollha kellhom quddiemhom ukoll il-proġett tal-evanġelizzazzjoni. M’hemmx qabża fil-kwalità tal-Fidi  ̶ u għalhekk lanqas fil-ħajja u l-istil tal-Knisja  ̶ mingħajr proġett serju ta’ evanġelizzazzjoni u katekeżi tal-adulti, kif jgħidu d-dokumenti kollha li ħarġu minn dawn is-sinodi. M’hemmx tiġdid mingħajr tiġdid tal-Fidi.

Fl-1972 ħareġ ir-Rit il-ġdid tad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija. Aktar minn Rit, dan hu proġett ta’ mixja fil-Fidi għal min għadu jitħejja għall-Magħmudija jew ħa l-Magħmudija ta’ żgħir u jixtieq jimmatura fil-Fidi. Il-Knisja tgħidilna li dan ir-“Rit” għandu jkun il-mudell ta’ kull katekeżi.[115] Barra minn Malta, bosta djoċesijiet għandhom programmi sħaħ fuq dan il-mudell. Hawn Malta, qed jitħaddem f’xi parroċċi, f’xi gruppi u movimenti ġodda u fil-Mixja Neo-Katekumenali. Iżda bħala Djoċesi erbgħin sena wara l-Konċilju, sa issa għad ma rnexxielna nagħmlu xejn. Il-Papa jfakkarna:

“Aktar ma l-Knisja tagħti prijorità lill-katekeżi fuq il-ħidmiet u l-proġetti kollha l-oħra, li r-riżultat tagħhom jista’ jkun aktar spettakolari, aktar tkun tista’ ssib fil-katekeżi l-qawwa biex tissaħħaħ fil-ħajja tagħha interna bħala komunità ta’ nies li jemmnu, u fil-ħidma tagħha fuq barra bħala Knisja missjunarja.

Lejn it-tmiem tas-seklu għoxrin, il-Knisja qed tiġi msejħa minn Alla u minn ġrajjiet  ̶ li huma kollha wkoll sejħat minn Alla  ̶ biex iġġedded il-fiduċja tagħha fil-ħidma kateketika, bħala aspett primarju tal-missjoni tagħha”.[116]

 

Biex tmur l-iskola trid jew tkun żgħir jew tifhem li għadek zgħir. Il-bidla fil-mentalità ma sseħħx mingħajr ħafna umiltà, il-faqar fl-ispirtu, li hu l-ispirtu ta’ Marija: Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna (Mt 5,3). Din hija l-ewwel beatitudni u l-aktar waħda fundamentali.

 

 

Noħlom ...ħlom ...

 

- Knisja Oħt u Qaddejja ma’ Marija Omm Ġesù;

 

 

- Knisja tal-Fardal “l-ilbies waħdieni Saċerdotali” ta’ Kristu Saċerdot.[117]

 

 

 

  

 

15. ID-DAR

 

Darba waħda, is-sultan David ġieh f’rasu li jibni dar lil Alla. Għalih innifsu David kien ġa bena palazz taċ-ċedru fil-fortizza ta’ Sijon  ̶ Mhux sewwa li s-sultan ikollu palazz u Alla jibqa’ jgħix fit-tined! David bagħat għall-profeta Natan u Natan qabel miegħu. Ħaġa sabiħa li s-sultan ikollu ’l Alla ġar tiegħu  ̶ imur tajjeb Alla u jmur tajjeb is-sultan! Iżda bil-lejl Alla lil Natan ma ħalliehx kwiet: “X’mort tgħidlu lil David? Iġri mur għidlu: Huwa int se tibni dar lill-Mulej? Mhux inti tibni dar għal Mulej, imma l-Mulej jibni dar għalik”.[118] Ħadd minna m’għandu ħila jibni d-Dar: Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja (Salm 126). Huwa hu biss il-Mulej tal-Istorja.

 Kull meta ppruvajna nibnu d-Dar fuq xbieħa tagħna, dejjem bnejna fuq ir-ramel: Kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat... Kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel... (Mt 7,24-27). Meta l-isqfijiet marru fil-Konċilju, kulħadd mar bl-ideat tiegħu u l-ħolm tiegħu; l-ewwel votazzjonijiet kienu maqsuma mhux ftit. Meta tgħallmu jisimgħu lil xulxin u jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, id-dokumenti ħarġu b’votazzjoni tista’ tgħid unanima.

Jien kemm-il darba tbellaht u ħlomt Knisja kif ridtha jien, iżda “Min jien jien Sidi Mulej, u min hi l-familja tiegħi, biex wassaltni sa hawn?” (2 Sam 7,18). Meta l-anġlu qal lil Marija li se jkollha iben u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, Marija wieġbet Kif ikun dan? U l-anġlu qalilha: L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek... (Lq 1,26-38). Huwa l-Ispirtu s-Santu li jnebbaħna l-ħolma ta’ Alla; aħna biss qaddejja tal-Mulej; nisimgħu l-Kelma tiegħu u nagħmlu dak li jgħid Hu (ara Lq 8,21).

Dun Benny Tonna fil-ktieb tiegħu jqabbel il-“qabża fil-kwalità” mal-mixja tal-Iben il-Ħali lura lejn dar il-Missier. Jien inqabbilha mal-mixja tad-dixxipli ta’ Għemmaws lura lejn Ġerusalemm. Fil-Konċilju, l-isqfijiet hekk għamlu; marru lura lejn dar il-Missier ifittxu l-ħolma tal-Missier, l-għeruq tal-għeruq tal-Knisja sa mill-bidu tal-ħolqien meta Alla qal: Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna... (Ġen 1,26). Kulma ġie wara jgħidilna x’għamel Alla  ̶ u x’għamilna u x’m’għamilniex aħna  ̶ biex il-ħolma ta’ Alla sseħħ. Aħna lkoll kemm aħna m’aħniex ħlief ħaddiema ma’ Alla (1 Kor 9), “responsabbli” fis-sens li rridu nwieġbu, biex din il-ħolma sseħħ f’kull żmien u kullimkien: Morru fid-dinja kollha, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu... (Mt 28,19).

U għax Alla hu ta’ kelmtu ma jħalliniex waħidna: U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien  ̶ L-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha (Mt 28; Ġw 16,13). Lill-profeta Alla jgħidlu: Jiena qegħedtek għassies fuq dar Iżrael (Eżek 3,17). F’kull żmien l-Ispirtu “jitkellem b’fomm il-profeti” u kulħadd għandu jisma’ minnhom. Mal-profeti tana wkoll rgħajja: lill-Papa u l-isqfijiet magħqudin miegħu l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa... biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess (Atti 20,28). Nenħtieġu kemm ir-rgħajja u kemm il-profeti għax il-Knisja, f’kull żmien, “hija l-Poplu ta’ Alla mitfugħ fid-dinja, spiss ittentat mill-idoli; għalhekk dejjem jeħtiġilha tisma’ x-xandir tal-opri setgħana ta’ Alla... dejjem għandha bżonn li tiġi msejħa mill-ġdid minnu u magħquda mill-ġdid”.[119]

Qabel il-Konċilju konna nitkellmu dwar il-Knisja bħala “soċjetà perfetta”; iżda malajr konna nżidu li dan ma jfissirx li l-Knisja perfetta, imma biss li ma tiddependi minn ebda setgħa oħra barra minnha. Il-Konċilju tana espressjoni ħafna aktar sabiħa u forsi aktar preċisa: il-Knisja pellegrina:

“Bħal wieħed li jagħmel pellegrinaġġ, il-Knisja timxi ’l quddiem fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta’ Alla, tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi. Mill-qawwa ta’ Kristu li qam mill-mewt, hija ssib il-forza tirbaħ b’sabar u mħabba t-tiġrib u t-tbatijiet li jiġuha minn barra u minn ġewwa u turi lid-dinja b’fedeltà, għalkemm fost id-dellijiet, il-misteru tiegħu sa ma jidher fil-glorja tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet”.[120]

Sal-aħħar tad-dinja l-Knisja jibqa’ jkollha persekuzzjonijiet u konsolazzjonijiet, tiġrib, tbatijiet minn barra u minn ġewwa u dellijiet: U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? (Lq 24,26).

Sa l-aħħar tad-dinja, fil-Knisja se jibqa’ jkollna bħad-dixxipli ta’ Għemmaws xi jfakkarna fil-Mulej miexi magħna fit-triq (Lq 24,25). Iżda jibqa’ jkollna wkoll xi jfakkarna li għadna ’l bogħod minnu.[121] Il-Konċilju ma biddilx it-triq u ma biddilx nies. Fil-Knisja jibqa’ jkollna sal-aħħar qaddisin, u midinbin imsejħin biex ikunu qaddisin; u lkoll kemm aħna għandna mit-tnejn. Jien, ngħid għalija, tgħallimt inħobbha hekk: m’aħniex Knisja tal-anġli. Fil-Knisja lkoll kemm aħna għad irridu nikbru u nitgħallmu, kultant bl-iżbalji tagħna stess.

· L-esperjenza tal-Konċilju u tas-snin ta’ wara għallmitni nemmen li l-Knisja hija tassew l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin (Apok 21,3). Il-Kardinal Newman, mitt sena qabel il-Konċilju, kien qal: “Il-Knisja hija t-Trinità fl-eżilju; it-Trinità hija l-Knisja f’darha”. F’dinja ta’ vjolenza, gwerer, firdiet, egoiżmu u individwaliżmu, il-Knisja hija d-Dar ta’ dik l-Imħabba li hemm f’Alla nnifsu, Trinità Qaddisa, Missier, Iben u s-Spirtu s-Santu  ̶ “il-poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”  ̶ “sagrament jew sinjal li juri u jagħmel li sseħħ l-għaqda intima ma’ Alla u l-unità tal-ġens tal-bnedmin”.[122] Fi triqtu fid-deżert il-Poplu ta’ Alla kien iġorr l-Arka, is-sinjal tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu; fi triqtha f’dinja li qed tfittex, il-Knisja qed iġġorr l-Imħabba: Fidda u deheb ma għandix, imma dak li għandi se nagħtihulek (Atti 3,6). Għalhekk l-għaqda tal-imħabba, il-komunjoni, tibqa’ dejjem l-akbar teżor tal-Knisja, bħalma l-firdiet u x-xiżmi, f’pajjiżna wkoll, huma l-akbar tfixkil u l-akbar skandlu.

· L-esperjenza tal-Konċilju għallmitni li l-għaqda “fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu” hija t-tmiem tat-triq mhux il-punt tat-tluq, “Ġerusalemm” u mhux “Għemmaws”, għad li f’ “Għemmaws” kull nhar ta’ Ħadd naqsmu l-Ħobż u nagħrfu l-Mulej. Fi żmien tal-Konċilju, meta rajna kif “l-aħwa nsara mifrudin” kienu laqgħu lil Ġwanni XXIII u l-istedina tiegħu, ilkoll ħsibna li kien wasal il-mument tal-għaqda mill-ġdid; l-ekumeniżmu, l-għaqda tal-insara, kien u għadu l-ħolma ta’ kulħadd. Iżda dawn l-erbgħin sena wrewna kemm hi iebsa t-triq. Kellna u għadu jkollna passi ’l quddiem, passi lura u ħafna ħotob. Meta jkun il-waqt, il-Mulej għad jurina li l-komunjoni hija don tiegħu. Huwa dmir tagħna li naħdmu u nitolbu. Irridu lkoll immorru fl-iskola tal-aħwa u l-qaddejja:

“Li nagħmlu l-Knisja d-dar u l-iskola tal-komunjoni: din hija l-isfida l-kbira li rridu nħabbtu wiċċna magħha fil-millennju li għadu kif beda, jekk irridu nkunu fidili għall-pjan ta’ Alla u nwieġbu għax-xewqat l-aktar profondi tad-dinja... Jeħtieġ li mmexxu ’l quddiem l-ispiritwalità tal-komunjoni... Din tfisser fuq kollox li l-qalb tikkontempla t-Trinità li qed tgħix fina u li d-dawl tagħha jeħtieġ li nkunu nafu narawh fuq il-wiċċ tal-aħwa tagħna madwarna... Tfisser fl-aħħarnett li naħarbu t-tentazzjonijiet egoistiċi li jaqbdu magħna bla waqfien u jqanqlu l-kompetizzjoni, karrjeriżmu, sfiduċja u għejra. Ejjew ma nitqarrqux: jekk ma nimxux f’din it-triq spiritwali, l-istrutturi esterni ftit li xejn jistgħu jiswewlna. Isiru mekkaniżmi mingħajr ruħ, maskri ta’ komunjoni aktar milli mezzi biex juruha, jgħinuha tikber u tiżviluppa”.[123]

Il-kliem tal-Papa għandna bżonn nixtarruh sew ilkoll kemm aħna, individwi, għaqdiet, movimenti u parroċċi. Il-komunitajiet tagħna għad iridu jinbidlu fi skejjel ta’ komunjoni fejn nitgħallmu naraw it-tajjeb fl-oħrajn, nisimgħu tassew lil xulxin, “nagħmlu spazju” għall-aħwa kollha fejn “il-karità bl-għemil twettaq b’mod l-iktar ċar il-karità bl-għemil u l-fqar u l-emarġinati jħossuhom f’darhom”.[124]

· Fl-aħħar mill-aħħar, biex il-Knisja tagħmel “il-qabża fil-kwalità”, ilkoll kemm aħna rridu ninbidlu. Dak li tassew jgħodd, is-sehem it-tajjeb (Lq 10,42) hija l-qudsija:

“Il-komunitajiet insara jenħtieġ isiru Skejjel ta’ talb ġenwin, fejn il-laqgħa ma’ Kristu ma tkunx biss krib għall-għajnuna, iżda wkoll radd il-ħajr, tifħir, adorazzjoni, kontemplazzjoni, smigħ, ħeġġa tal-qalb sal-punt li r-ruħ ‘tintilef fl-imħabba’  ̶ talb intens, imma madankollu li ma jnessiniex l-impenn tagħna fl-istorja: filwaqt li jiftħilna qalbna għall-imħabba ta’ Alla, jiftaħhielna wkoll għall-imħabba ta’ ħutna, u jagħtina l-qawwa biex insawru l-istorja skont il-pjan ta’ Alla”.[125]

 

Il-vjaġġ tagħna lura lejn is-snin ta’ wara l-Konċilju wassalna biex inħarsu ’l quddiem b’fiduċja lejn Ġerusalemm tas-Sema. “L-ekumeniżmu tal-qaddisin u l-martri”,[126] diġà seħħ u jfakkarna li fil-Knisja tas-Sema hemm nies minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien (Apok 7,9). Meta naslu hemm, ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu ngħidu lil xulxin: Ma kenitx imkebbsa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq? (Lq 24,32). It-toroq tal-Mulej huma bla tarf u magħrufa minnu biss.[127]

  

 

Il-mixja ta’ erbgħin sena* lili għallmitni nemmen u nħobb il-Knisja, imma mhux aktar kif ħlomtha jien, iżda kif iridha u jsawwarha Hu:

 

- Dar bla ħitan, biex tesa’ lil kulħadd; u tesa’ lili wkoll;

 

 

- Dar għadha qed tinbena, il-ġebel mixħut ’l hawn u ’hinn  ̶ Il-Bennej hu l-Mulej;

 

 

- Dar bla saqaf, biex tħares ’il hinn u ’l fuq mill-bejt.[128]

 

 * Il-ktieb kien publikat fl-2002 u l-mixja ta' erbgħin sena tirrefri għas-snin 1962 - 2002.

 


 

[1] Giovanni XXIII, Il Gornale dell’Anima, Ed. Storia e Letteratura, Roma 1965, p.355.

[2] ibid., p. 350.

[3] ibid., p. 355.

[4] ibid., p. 383.

[5] ibid., p. 384.

[6] ibid., p. 384.

[7] Ġwanni XIII, Id-Diskors tal-Ftuħ tal-Konċilju, 11 ta’ Ottubru 1962.

[8] Ġwanni XXIII, Mater et Magistra, 237 – 239.

[9] Ġwanni XXIII, Pacem in Terris ir-Raba’ Taqsima.

[10] Ġwanni XXIII, Diskors tal-Ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, 1962.

[11] Vatikan II, Gaudium et Spes, n.1.

[12] ibid., n.4.

[13] Mt 16,13.

[14] M. Vassallo, From Lordship to Stewardship, Mouton, The Hague, 1979, p.122.

[15] p. 209

[16] Ara Il-Knisja Maltija 20 Sena wara l-Konċilju, Media Centre 1985, pp.58,152.

[17] Vassallo, p.236.

[18] Pawlu VI, Eccelsiam Suam, prologu.

[19] Ġwanni Pawlu II, Pro Memoria, tal-Konċistoru Straordinarju dwar il-Ġublew il-Kbir, 13 ta’ Ġunju 1994.

[20] Pawlu VI, Ecclesiam Suani, it-3 taqsima (Id-Djalogu).

[21] San Ċiprijanu, ara Lumen Gentium, 4.

 

[23] P. Hebblethwaite, Paul VI, The First Modern Pope, Fount 1994.

[24] P. Hebblethwaite, p.446.

[25] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, n.30.

[26] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, n.36.

[27] Ġwanni Pawlu II, Novo Millenio Ineunte, n.34.

[28] Lq 5,4.

[29] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Acveniente 20.

[30] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 38, 56, 57, 58.

[31] Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, 5.

[32] Ġwanni Pawul II, Novo Milennio Ineunte, 3.

[33] Dun Ġużepp Mifsud Bonnici fl-Atti tal-Kungress p.56.

[34] Ir-Rapport tal-Konsultazzjoni.

[35] Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, 2.

[36] Ara x’jgħidu fuq Komunitajiet Ekkleżjali l-Evangelii Nuntiandi, 58 u l-Catechesi Tradendae, 47.

[37] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunt, 46.

[38] Ara Nicholas Lash, Vatican II: Of Happy Memory... and Hope? maħruġ minn Discern, April 2002.

[39] ibid., 58.

[40] Søren Kierkegaard, Il-Parabbola tal-Kuċċier tas-Sultan.

[41] Ġwanni Pawlu II, Ut Unum Sint, 1995.

[42] Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 15.

[43] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 44 u 45.

[44] ibid., 44.

[45] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, 36.

[46] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 57.

[47] Rapport tal-Konsultazzjoni, II, 7.

[48] ibid., II, 2 u 6.

[49] Ġwanni Pawlu II, Promemoria, 1994.

[50] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, 20.

[51] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 42-57.

[52] Vatikan II, Gaudium et Spes, 4.

[53] Vatikan II, Gaudium et Spes 22.

[54] Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 14.

[55] Ġwanni XXIII, Messaġġ, 11 ta’ Settembru 1962.

[56] Vatikan II, Lumen Gentium, 8.

[57] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 49.

[58] San Ġwann Griżostmu.

[59] The Road to Daybreak, Image Books.

[60] Ġwanni Pawlu II, Pastores Dabo Vobis, 27.

[61] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, 51.

[62] Vatikan II, Lumen Gentium, 8.

[63] Ġwanni Pawlu II, Sollecitudo Rei Socialis, 41.

[64] Il Regno, 2, 2001.

[65] Fir-riċerka Poverty in Malta. A First Report (Caritas-Discern 1994), dwar il-foqra l-ġodda, jissemmew, fost l-oħrajn: “disability, family stress, depression, solitude, gambling, housing, alcohol, economic stress, imprisonment, violence, work problems”.

[66] Vatikan II, Gaudium et Spes, 19.

[67] Kardinal C.M. Martini, Parole sulla Chiesa, p. 53.

[68] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte 39.

[69] Vatikan II, Dei Verbum, 2-6.

[70] ibid., 2 u l-Katekiżmu Universali, 142-143.

[71] Il-Katekiżmu Universali, 494.

[72] Vatikan II, Dei Verbum, 2.

[73] Evangelii Nuntiandi, 20.

[74] Catechesi Tradendae, 44 u 45.

[75] Evangelli Nuntiandi, 29.

[76] Vatikan II, Gaudium et Spes, 5.

[77] Evangelii Nuntiandi, 30, 31.

[78] Tertio Millennio Adveniente, 34.

[79] Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, 47.

[80] ibid., 50.

[81] ibid., 7.

[82] Ibid., 50.

[83] ibid., 10.

[84] ibid., 2.

[85] Il-Kardinal C.M. Martini, Parole Sulla Chiesa, p.17.

[86] Sacrosanctum Concilium, 11.

[87] Il-Katekiżmu Universali, 1098, 2110, 2111.

[88] Ġwanni tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel, III, 38.

[89] Popolo in Cammini, Ancora, Milano, p.31.

[90] Mario Vassallo, op. cit., pp.96-104.

[91] J.F. Boissevain, Ħal Farruġ – A Village in Malta USA, Holt, Rinehart and Winston, 1969.

[92] Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte, 20.

[93] Redemptor Hominis, 14.

[94] Novo Millennio Ineunte, 29.

[95] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, 19.

[96] Gaudium et Spes, 1.

[97] Vatikan II, Gaudium et Spes, 40.

[98] Ibid. 45.

[99] Gaudium et Spes, 40-44.

[100] J. Fuellenbach SVD, Proclaiming His Kingdom, Logos Publications, Manila 1999.

[101] Kardinal C.M. Martini, ibid., p.34.

[102] B. Tonna, The Stunned Society, Media Centre, Malta, 1998.

[103] B. Tonna, Here and Now, Media Centre, Malta, 1998.

[104] B. Tonna, A Surge in Quality, Media Centre, Malta, 1999.

[105] Ara N. Lash, Vatican II: Of Happy Memory... or Hope, Discern Malta, 2002.

[106] Mid-Dokument Finali tas-Sinodu dwar Viżjoni tal-Knisja.

[107] Ara Lumen Gentium, Kap II, “Il-Poplu ta’ Alla”.

[108] Il-kelma “dixxiplu” hawn għandha żewġ tifsiriet: “wieħed li jitgħallem” u “xi ħadd li jmur wara Ġesù”, (ara P. Pawl Cremona O.P., Il-Knisja, Ikona tat-Trinità Qaddisa, Ed. Kerygma 2000, p.43).

[109] Ġwanni Pawlu II, fl-omelija tal-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 2001.

[110] Ġwanni XXIII, Mater et Magistra, 1 u 6.

[111] Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 73.

[112] Kardinal C.M. Martini, Journeying with the Lord, p.183.

[113] Ara Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 73.

[114] Pawlu VI, Diskors f’Nazaret, 5 ta’ Jannar 1964.

[115] Ara Christifedeles Laici, 61; Catechesi Tradendae 19, 23, 28, 43, 44.

[116] Catechesi Tradendae, 15.

[117] Don Tonino Bello, Il-Knisja tal-Fardal, Klabb Qari Nisrani, 2001.

[118] Ara 2 Sam 7,1-17; 1 Kron 17,1-5.

[119] Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 15.

[120] Lumen Gentium, 8.

[121] Ara Knisja, min hi? Segretarjat għall-Katekeżi, Malta 1999.

[122] Lumen Gentium, 4 u 1.

[123] Ġwanni Pwlu II, Novo Millennio Ineunte, 43.

[124] ibid., 49.

[125] Ġwanni Pawlu II Novo Millennio Ineunte, 29, 30, 37.

[126] Ġwanni Pawlu II, Tertio Millennio Adveniente, 37.

[127] Ara Vatikan II, Ad Gentes, 7.

[128] Don Tonino Bello, Il-Knisja tal-Fardal – Parroċċa, Klabb Kotba Maltin, 2000.