
Il-Papa Benedittu XVI
fil-lejl tal-Għid |

BENEDITTU XVI
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 19 ta’ April 2006
Meditazzjoni fuq it-tifsira
tal-Għid
Għeżież ħuti,
Fil-bidu tal-Udjenza ġenerali
tal-lum, li qed isseħħ fil-klima
hienja tal-Għid, nixtieq
flimkien magħkom irrodd ħajr
lill-Mulej, li wara li sejjaħli
eżattament sena ilu biex naqdi
lill-Knisja bħala Suċċessur
tal-Appostlu Pietru – grazzi
tal-ferħ tagħkom, grazzi
tal-applaws tagħkom –, qatt ma
jehda jieqaf miegħi bl-għajnuna
tiegħu li mingħajrha ma nistax
ngħaddi. Kif itir iż-żmien! Diġà
għaddiet sena minn meta, b’mod
għalija assolutament mhux
mistenni u sorprendenti,
il-Kardinali miġbura f’Konklavi
riedu jagħżlu lili biex
nissuċċiedi lill-mibki u maħbub
Qaddej ta’ Alla, il-kbir Papa
Ġwanni Pawlu II. Niftakar
b’emozzjoni l-ewwel impatt li
kelli mil-Loġġa ċentrali
tal-Bażilika, dritt wara l-ħatra
fqajra tiegħi, bil-fidili
miġbura f’din l-istess Pjazza.
Tibqa’ mmarkata f’moħħi u
f’qalbi dik il-laqgħa li warajha
ġew bosta oħrajn, li dewquni
kemm hu minnu dak li mbagħad
għidt tul il-konċelebrazzjoni
solenni li biha nidejt
solennement it-tħaddim
tal-ministeru Petrin: “Jiena
konxju tabilħaqq li m’għandix
għax inġorr waħdi dak li
fir-realtà ma nista’ qatt inġorr
waħdi”. U qed inħoss dejjem
iżjed li waħdi ma nistax
inwettaq dan id-dmir, din
il-missjoni. Imma nħoss ukoll
lilkom qed iġġorruh miegħi: hekk
ninsab f’komunjoni kbira u
flimkien nistgħu nwettqu
l-missjoni tal-Mulej. Ta’
sostenn għalija li xejn ma
jista’ jeħodlu postu huwa
l-ħarsien mis-Sema ta’ Alla u
tal-qaddisin, u twennisni
l-qrubija tagħkom, għeżież
ħbieb, li ma tħallunix nieqes
mid-don tal-aċċettazzjoni u
tal-imħabba tagħkom. Grazzi
tassew minn qalbi lil dawk
kollha li b’diversi modi huma
qrib tiegħi u jsegwuni
mill-bogħod spiritwalment
bl-imħabba u bit-talb tagħhom.
Lil kull wieħed u waħda nitlob
li tkomplu tweżnuni billi
titolbu lil Alla jagħtini li
nkun ragħaj twajjeb u sod
tal-Knisja tiegħu.
Jirrakkonta l-evanġelista Ġwanni
li Ġesù sewwasew wara l-qawmien
tiegħu sejjaħ lil Pietru biex
jieħu ħsieb tal-merħla tiegħu
(ara Ġw 21:15,23). Dakinhar min
kien ħa jimmaġina umanament
l-iżvilupp li kellu jara matul
is-sekli dak il-grupp ċkejken
ta’ dixxipli tal-Mulej? Pietru
flimkien mal-Appostli u mbagħad
is-suċċessuri tagħhom, l-ewwel
f’Ġerusalemm u mbagħad
sat-trufijiet tal-art, xerrdu
b’kuraġġ il-messaġġ evanġeliku
li l-qalba fundamentali u
essenzjali tiegħu hi l-Misteru
tal-Għid: il-passjoni, il-mewt u
l-qawmien ta’ Kristu. Dan
il-misteru l-Knisja tiċċelebrah
fl-Għid, u ttawwal l-eku hieni
tiegħu fil-jiem ta’ wara; tkanta
l-Hallelujah għat-trijonf ta’
Kristu fuq il-ħażen u fuq
il-mewt: “Iċ-ċelebrazzjoni
tal-Għid skont data
tal-kalendarju”, jinnota l-Papa
San Ljun il-Kbir, “tfakkarna
fil-festa eterna li tirbaħ kull
żmien uman. L-Għid ta’ issa”,
ikompli jinnota, “mhux għajr
id-dell tal-Għid futur. Huwa
għalhekk li niċċelebrawh biex
ngħaddu minn festa annwali għal
festa li sa tkun eterna”.
Il-ferħ ta’ dawn il-jiem
jitwessa’ għas-sena liturġika
kollha u jiġġedded
partikularment il-Ħadd, jum
iddedikat għat-tifkira
tal-qawmien tal-Mulej. Fih, li
huwa bħal “Għid ċkejken” ta’
kull ġimgħa, il-ġemgħa liturġika
miġbura flimkien għall-Quddiesa
xxandar fil-Kredu li Ġesù qam
fit-tielet jum, u żżid li aħna
nistennew “il-qawma mill-imwiet
u l-ħajja taż-żmien li ġej”.
B’hekk tindika li l-ġrajja
tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù
hija l-qalba tal-fidi tagħna u
hu fuq din it-tħabbira li hi
mibnija u tikber il-Knisja.
Ifakkarna b’mod inċiżiv Santu
Wistin: “Ejjew inqisu, l-aktar
għeżież, il-Qawmien ta’ Kristu:
fil-fatt, kif il-Passjoni tiegħu
fissret il-ħajja qadima tagħna,
hekk il-qawmien tiegħu hu
sagrament ta’ ħajja ġdida…
Emmint, ġejt mgħammed: il-ħajja
l-qadima hi mejta, maqtula
fis-salib, midfuna
fil-Magħmudija. Ġiet midfuna
l-qadima li fiha inti għext:
tqum mill-mewt il-ġdida. Għix
tajjeb: għix b’mod li tgħix
tassew, biex meta tkun mitt, ma
tmutx” (Sermo Guelferb. 9, 3).
Ir-rakkonti tal-Vanġelu, li
jirriferu għad-dehriet
tal-Irxoxt, normalment jagħlqu
bl-istedina biex tingħeleb kull
inċertezza, biex il-ġrajja tiġi
mqabbla mal-Iskrittura, biex
jiġi mħabbar li Ġesù, lil hemm
mill-mewt, huwa dak li hu dejjem
ħaj, għajn ta’ ħajja ġdida għal
dawk kollha li jemmnu. Hekk
iseħħ, ngħidu aħna, fil-każ ta’
Marija Maddalena (ara Ġw
20:11-18), li ssib il-qabar
miftuħ u battal, u minnufih
tibża’ li l-ġisem tal-Mulej
serquh. U hemm il-Mulej
isejħilha b’isimha, u f’dak
il-ħin isseħħ fiha bidla
qawwija: in-niket u
d-diżorjentament jinbidlu f’ferħ
u entużjażmu. Bil-ħeġġa kollha
tmur għand l-Appostli u
tħabbrilhom: “Rajt il-Mulej” (Ġw
20:18). Araw: min jiltaqa’ ma’
Ġesù Rxoxt jinbidel minn ġewwa;
ma tistax “tara”
lill-Irxoxt mingħajr ma
“temmen” fih. Nitolbuh
isejjaħ lil kull wieħed u waħda
minna b’isimna u hekk jibdilna,
jiftħilna qalbna għall-“viżjoni”
tal-fidi. Il-fidi titwieled
mil-laqgħa personali ma’ Kristu
Rxoxt, u ssir qabża kollha
kuraġġ u libertà li trid
tgħajjat lid-dinja: Ġesù qam u
jgħix għal dejjem. Hija din
il-missjoni tad-dixixipli
tal-Mulej f’kull żmien u anki
f’dan iż-żmien tagħna: “Jekk
intom irxuxtajtu ma’ Kristu”,
iħeġġiġna Pawlu, “fittxu
l-ħwejjeġ tas-sema… aħsbu
fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux
f’dawk tal-art” (Kol 3:1-2). Dan
ma jfissirx naljenaw ruħna
mill-ħidmiet ta’ kuljum, ma
nagħtux kas tar-realtajiet ta’
din l-art; pjuttost ifisser
nagħtu ħajja ġdida lil kull
ħidma umana bħal b’nifs
sopranaturali, ifisser insiru
ħabbara hienja u xhieda
tal-qawmien ta’ Kristu, ħaj għal
dejjem (ara Ġw 20:25; Lq
24:33-34).
Għeżież ħuti, fl-Għid ta’ Ibnu
l-waħdieni Alla juri lilu nnifsu
b’mod sħiħ, il-qawwa rebbieħa
tiegħu fuq is-setgħat tal-ħażen,
il-qawwa tal-Imħabba Trinitarja.
Il-Verġni Marija, li kienet
intimament marbuta mal-passjoni,
il-mewt u l-qawmien tal-Iben u
f’riġlejn is-Salib saret Omm
dawk kollha li jemmnu, tgħinna
hi biex nifhmu dan il-misteru
ta’ mħabba li jibdel il-qlub u
jgħinna niggustaw b’mod sħiħ
il-ferħ tal-Għid, biex nistgħu
mbagħad ngħadduh aħna wkoll
lill-bnedmin tat-tielet
millennju.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|