Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Ottubru 2008

 

San Pawl (10)

L-importanza tal-Kristoloġija: it-teoloġija tas-Salib

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-esperjenza personali ta’ San Pawl hemm fatt ċertissmu: waqt li fil-bidu kien persekutur u kien uża l-vjolenza kontra l-Insara, mill-mument tal-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku, kien għadda għan-naħa ta’ Kristu Msallab, u għamel minnu r-raġuni ta’ ħajtu u l-motiv tal-predikazzjoni tiegħu. Tiegħu kienet ħajja mogħtija kollha kemm hi għall-ġid tal-erwieħ (ara 2 Kor 12:15), u la kienet trankwilla u lanqas imkenna mill-perikli u d-diffikultajiet. Il-laqgħa ma’ Ġesù wrietu ċar it-tifsira ċentrali tas-Salib: kien fehem li Ġesù kien miet u qam għal kulħadd u għalih stess. It-tnejn kienu importanti; l-universalità: Ġesù miet tassew għal kulħadd, u s-suġġettività: hu miet għalija wkoll. Għalhekk, fis-Salib dehret l-imħabba b’xejn u ħanina ta’ Alla. Din l-imħabba Pawlu daqha qabelxejn fih innifsu (ara Gal 2:20) u minn midneb sar bniedem ta’ fidi, minn persekutur appostlu. Jum wara jum, fil-ħajja ġdida tiegħu, għaraf li s-salvazzjoni hija ‘grazzja’, li kollox ġej mill-mewt ta’ Kristu u mhux mill-merti tiegħu, li wara kollox lanqas kellu. Il-“vanġelu tal-grazzja” allura sar għalih l-uniku mod kif jifhem is-Salib, il-kriterju mhux biss tal-ħajja ġdida tiegħu, imma anki t-tweġiba għal dawk li kienu jisimgħuh. Fost dawn kien hemm, qabelxejn, il-Lhud li kienu jqiegħdu t-tama tagħhom fl-opri u minnhom kienu jittamaw is-salvazzjoni; kien hemm imbagħad il-Griegi li bl-għerf uman tagħhom kienu jeħduha kontra s-salib; u fl-aħħar, kien hemm dawk il-gruppi ta’ eretiċi, li kienu sawru idea tagħhom tal-Kristjaneżmu skont il-mudell ta’ ħajjithom stess.

 

Għal San Pawl is-Salib għandu primat fundamentali fl-istorja tal-umanità; jirrappreżenta l-punt ċentrali tat-teoloġija tiegħu, għax meta ssemmi s-Salib qed tgħid salvazzjoni bħala grazzja mogħtija lil kull ħlejqa. It-tema tas-salib ta’ Kristu ssir element essenzjali u ewlieni tal-predikazzjoni tal-Appostlu: l-aktar eżempju ċar hu tal-komunità ta’ Korintu. Quddiem Knisja fejn kienu preżenti b’mod preokkupanti diżordni u skandli, fejn il-komunjoni kienet mhedda minn partiti u firdiet interni li kienu qed ixellfu l-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu, Pawlu jippreżenta ruħu mhux bi kliem għoli jew ta’ għerf, imma bit-tħabbira ta’ Kristu, ta’ Kristu msallab. Il-qawwa tiegħu mhix fil-lingwaġġ persważiv imma, paradossalment, fid-dgħufija u t-tregħid ta’ min jafda lilu nnifsu biss fil-“qawwa ta’ Alla” (ara 1 Kor 2:1-4). Is-Salib, minħabba dak kollu li jirrappreżenta u allura anki minħabba l-messaġġ teoloġiku li fih, huwa skandlu u bluha. L-Appostlu dan jistqarru b’qawwa impressjonanti, li tajjeb nisimgħu kliemu stess: “    Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla… Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni. Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1:18-23).

 

L-ewwel komunitajiet Insara, li fuqhom idur qabelxejn Pawlu, jafu wisq tajjeb li Ġesù kien qam u hu ħaj; l-Appostlu jrid ifakkar mhux biss lill-Korintin jew lill-Galatin, imma lilna lkoll, li l-Irxoxt hu dejjem dak li ġie mislub. L-‘iskandlu’ u l-‘bluha’ tas-Salib qegħdin proprju fil-fatt li, hemm fejn donnu kien hemm falliment, tbatija, telfa, proprju hemmhekk tinsab il-qawwa kollha tal-Imħabba bla tarf ta’ Alla, għax is-Salib huwa espressjoni ta’ mħabba u l-imħabba hija l-vera qawwa li tinkixef proprju f’din li minn barra tidher dgħufija. Għal-Lhud is-Salib hu skandalon, jiġifieri nasba jew ġebla li tfixkel: hu donnu qed ifixkel il-fidi tal-Iżraelita devot, li jsibha bi tqila jsib xi ħaġa simili fl-Iskrittura Mqaddsa. Pawlu, b’ħafna kuraġġ, hawn donnu qed jgħid li l-isfida hawn hi waħda kbira ħafna: għal-Lhud is-Salib hu l-kontra tal-istess essenza ta’ Alla, li wera ruħu b’sinjali tal-għaġeb. Għalhekk, li taċċetta s-salib ta’ Kristu jfisser tgħaddi minn konverżjoni qawwija fil-mod kif tirrelata ma’ Alla. Jekk għal-Lhud ir-raġuni tar-rifjut tas-Salib tinsab fir-Rivelazzjoni, jiġifieri l-fedeltà lejn Alla ta’ missirijiethom, għall-Griegi, jiġifieri l-pagani, il-kriterju tal-ġudizzju kontra s-Salib hu r-raġuni. Fil-fatt, għal dawn tal-aħħar, is-Salib hu moría, bluha, litteralment injoranza, jiġifieri ikel bla melħ; allura, iżjed minn żball, hu insult għas-sens komun.

 

Pawlu nnifsu f’iktar minn okkażjoni waħda għamel l-esperjenza qarsa taċ-ċaħda tat-tħabbira Nisranija ġġudikata bħala ‘injoranza’, bla rilevanza, mank jixirqilha li jagħtu kasha fuq livell ta’ loġika razzjonali. Għal min, bħall-Griegi, kien jara l-perfezzjoni fl-ispirtu, fil-ħsieb pur, diġà kien inaċċettabbli li Alla seta’ jsir bniedem, u jidħol qalb il-limiti kollha tal-ispazju u taż-żmien. Żgur li mbagħad ma kinitx ħaġa immaġinabbli li jemmnu li Alla seta’ jispiċċa fuq Salib! U naraw kif din il-loġika Griega hi wkoll il-loġika komuni ta’ żmienna. Il-kunċett ta’ apátheiaindifferenza, kważi nuqqas ta’ passjonijiet f’Alla, kif seta’ xi darba jifhem Alla li sar bniedem u ġie mirbuħ, li saħansitra mbagħad reġa’ ħa l-ġisem biex jgħix bħala rxoxt? “Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra” (Atti 17:32) qalulu kważi b’ton ta’ stmerrija n-nies ta’ Ateni lil Pawlu, meta semgħuh jitkellem fuq il-qawmien mill-imwiet. Għalihom il-perfezzjoni kienet fil-ħelsien mill-ġisem li kienu jarawh qisu ħabs; kif setgħu ma jistkerrhux il-fatt li xi ħadd reġa’ ħa l-ġisem? Fil-kultura tal-qedem donnu ma kienx hemm wisa’ għall-messaġġ ta’ Alla inkarnat. Il-ġrajja kollha ta’ “Ġesù ta’ Nazaret” kienet tidher immarkata mill-akbar bluha u żgur li s-Salib kien l-aktar punt emblematiku tagħha.

 

Imma għaliex San Pawl proprju minn dan, mill-kelma tas-Salib, għamel il-punt fundamentali tal-predikazzjoni tiegħu? It-tweġiba mhix diffiċli: is-Salib juri “l-qawwa ta’ Alla” (ara 1 Kor 1:24), li hi differenti mill-poter uman; fil-fatt jikxef imħabbtu: “Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (v. 25). Ħafna sekli wara Pawlu, aħna nistgħu naraw kif fl-istorja rebaħ is-Salib u mhux l-għerf li ħadha kontra s-Salib. L-Imsallab huwa għerf, għax juri tassew min hu Alla, jiġifieri qawwa ta’ mħabba li titla’ sa fuq is-Salib biex issalva lill-bniedem. Alla jinqeda b’modi u strumenti li lilna mal-ewwel daqqa t’għajn jidhrulna sempliċiment dgħufija. L-Imsallab jikxef, minn naħa, id-dgħufija tal-bniedem u, mill-oħra, il-vera qawwa ta’ Alla, jiġifieri l-imħabba mogħtija b’xejn: proprju din l-imħabba mogħtija kollha kemm hi b’xejn hija l-veru għerf. Ta’ dan San Pawl għamel esperjenza sa f’ġismu stess u jixhidluna f’diversi partijiet tal-mixja spiritwali tiegħu, li saru punti preċiżi ta’ riferiment għal kull dixxiplu ta’ Ġesù: “Iżda hu weġibni: ‘Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef’” (1 Kor 12:9); u mill-ġdid: “Alla għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa” (1 Kor 1:28). L-Appostlu tant jidentifika ruħu ma’ Kristu li huwa wkoll, imqar jekk qalb tant provi, jgħix il-fidi fl-Iben ta’ Alla li ħabbu u ta lilu nnifsu għad-dnubiet tiegħu u ta’ kulħadd (ara Gal 1:4; 2:20). Dan il-fatt awtobijografiku tal-Appostlu jsir xempju għalina lkoll.

 

San Pawl offrielna ġabra mill-isbaħ tat-teoloġja tas-Salib fit-Tieni Ittra lill-Korintin (5:14-21), fejn kollox hu miġbur bejn żewġ stqarrijiet fundamentali: min-naħa l-waħda Kristu, li Alla qiesu dnub għalina (v. 21), miet għal kulħadd (v. 14); mill-oħra, Alla reġa’ ħabbibna miegħu, u ma ħallasniex skont ħtijietna (vv. 18-20). Hu b’dan il-“ministeru tar-rikonċiljazzjoni” li kull jasar issa hu mifdi (ara 1 Kor 6:20; 7:23). Hawn jidher kemm dan kollu hu rilevanti għal ħajjitna. Aħna wkoll jeħtieġ nidħu f’dan il-“ministeru tar-rikonċiljazzjoni”, li jitlob dejjem minna li nwarrbu s-superjorità tagħna u nagħżlu l-bluha tal-imħabba. San Pawl ċaħad l-istess ħajja tiegħu u ta lilu nnifsu kollu kemm hu għall-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, tas-Salib li hu salvazzjoni għalina lkoll. U dan irridu nagħrfu nagħmlu aħna wkoll: nistgħu nsibu l-qawwa tagħna proprju fl-umiltà tal-imħabba u l-għerf tagħna fid-dgħufija li niċħdu lilna nfusna biex hekk nistgħu nidħlu fil-qawwa ta’ Alla. Aħna lkoll għandna nsawru ħajjitna fuq dan l-għerf veru: ma ngħixux għalina nfusna, imma ngħixu bil-fidi f’dak Alla li għalih ilkoll nistgħu ngħidu: “Ħabbni u ta lilu nnifsu għalija”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard