Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2008

 

San Pawl (13)

Id-duttrina tal-ġustifikazzjoni: mill-opri għall-fidi

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-mixja li qed nagħmlu taħt il-gwida ta’ San Pawl, nixtiequ issa nieqfu ftit fuq it-tema li tinsab fil-qalba tal-kontroversji tas-seklu tar-Riforma: il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni. Kif isir ġust il-bniedem f’għajnejn Alla? Meta Pawlu ltaqa’ mal-Irxoxt fit-triq ta’ Damasku hu kien bniedem realizzat: bla għajb quddiem il-ġustizzja li tiġi mil-Liġi (ara Fil 3:6), kien jgħaddi lil ħafna min-nies tamparu fl-osservanza tal-preċetti ta’ Mosè u kien żelanti fit-tħaddin tat-tradizzjonijiet ta’ missirijietu (ara Gal 1:14). Id-dawl fit-triq ta’ Damasku bidillu ħajtu mill-qiegħ: beda jqis il-merti kollha, li hu kiseb f’karriera reliġjuża virtuża, bħala “knis” quddiem il-kobor li jagħraf lil Ġesù Kristu (ara Fil 3:8). L-Ittra lill-Filippin toffrilna xhieda mqanqla ta’ kif Pawlu għadda minn ġustizzja mibnija fuq il-Liġi u miksuba bl-osservanza tal-opri preskritti, għal ġustizzja msejsa fuq il-fidi fi Kristu: hu kien fehem li dak li sa dakinhar f’għajnejh kien deher bħala gwadann, fir-realtà quddiem Alla kien telf, u għalhekk kien qatagħha li jagħti ħajtu kollha lil Ġesù Kristu (ara Fil 3:7). It-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra prezzjuża li fil-ksib tagħha kellu jinvesti l-bqija kollu ma kinux l-opri tal-Liġi, imma Ġesù Kristu, Sidu.

 

Ir-relazzjoni bejn Pawlu u l-Irxoxt saru hekk profondi li wassluh biex jisħaq li Kristu mhux biss kien ħajtu imma sar l-għajxien tiegħu, sal-punt li biex seta’ jasal għalih imqar il-mewt saret rebħ (ara Fil 1:21). Mhux għax stkerrah il-ħajja, imma għax fehem li għalih il-ħajja issa ma kien fadlilha ebda skop u allura ma kellu ebda xewqa oħra ħlief li jilħaq lil Kristu, bħal f’ġirja, biex jibqa’ dejjem miegħu: l-Irxoxt kien sar il-bidu u t-tmiem ta’ ħajtu, ir-raġuni u d-destinazzjoni tal-ġirja. Kienu biss it-tħassib għall-maturazzjoni fil-fidi ta’ dawk li hu kien evanġelizza u l-għożża għall-Knejjes kollha mwaqqfin minnu (ara 2 Kor 11:28) li wassluh biex inaqqas mill-ħeffa tal-ġiri lejn l-uniku Sid tiegħu, biex jistenna lid-dixxipli sabiex miegħu setgħu huma wkoll jiġru lejn id-destinazzjoni. Jekk qabel fl-osservanza tal-Liġi ma kien hemm xejn xi tmaqdar fih mill-perspettiva tal-integrità morali, issa li laħaq lil Kristu kien jippreferi ma jagħmilx ġudizzju tiegħu nnifsu (ara 1 Kor 4:3-4), imma llimita ruħu li jipproponi li jiġri biex jikseb lil Dak li minnu kien ġie mirbuħ (ara Fil 3:12).

 

Hu proprju minħabba din l-esperjenza personali tar-relazzjoni ma’ Ġesù Kristu li Pawlu issa jqiegħed fiċ-ċentru tal-Vanġelu tiegħu oppożizzjoni qawwija bejn żewġ mixjiet alternattivi lejn il-ġustizzja: waħda mibnija fuq l-opri tal-Liġi, l-oħra fuq il-grazzja tal-fidi fi Kristu. Hekk l-għażla bejn il-ġustizzja għall-opri tal-Liġi u dik għall-fidi fi Kristu ssir waħda mir-raġunijiet dominanti li nsibu fl-Ittri tiegħu: “Aħna, Lhud minn twelidna u mhux midinbin mill-Ġentili, aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-Liġi imma bil-fidi f’Ġesù Kristu, aħna wkoll emminna f’Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda bniedem ma jkun iġġustifikat” (Gal 2:15-16). U lill-Insara ta’ Ruma jtennilhom li “l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla; għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù” (Rum 3:23-24). U jżid: “Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi” (v. 28). Luteru hawn ittraduċa: “iġġustifikat bil-fidi waħidha”. Se nerġa’ lura għal dan il-punt lejn tmiem il-katekeżi. Qabel irridu niċċaraw x’inhi din il-“Liġi” li minnha niġu meħlusa u x’inhuma dawk l-“opri tal-Liġi” li ma jiġġustifikawx. Diġà fil-komunità ta’ Korintu kien hemm l-opinjoni li mbagħad reġgħet tfaċċat b’mod sistematiku matul l-istorja; l-opinjoni kienet li dan id-diskors kien fuq il-liġi morali u li l-libertà Nisranija allura kienet tfisser il-ħelsien mill-etika. U hekk f’Korintu kien hemm tiġri l-kelma “πάντα μοι έξεστιν” (kollox hu leċitu għalija). Huwa ovvju li din l-interpretazzjoni hi żbaljata: il-libertà Nisranija mhijiex libertiniżmu, il-ħelsien li dwaru jitkellem San Pawl ma jeħlisx lil dak li jkun milli jagħmel it-tajjeb.

 

Imma xi tfisser allura l-Liġi li minnha niġu meħlusin u li ma ssalvax? Għal San Pawl, kif ukoll għan-nies kollha ta’ żmienu, il-kelma Liġi kienet tfisser it-Torah fis-sħuħija tiegħu, jiġifieri l-ħames kotba ta’ Mosè. It-Torah kien jimplika, fl-interpretazzjoni Fariżajka, dik li Pawlu studja u għamilha tiegħu, ġabra ta’ mġibiet li kienu jmorru għall-qalba etika tal-osservanzi ritwali u kultwali li kienu jiddeterminaw sostanzjalment l-identità tal-bniedem ġust. Partikularment iċ-ċirkonċiżjoni, l-osservanzi dwar l-ikel pur u ġeneralment is-safa ritwali, ir-regoli dwar l-osservanza tas-Sibt, u l-bqija. Imġibiet li spiss jidhru wkoll fid-dibattiti bejn Ġesù u n-nies ta’ żmienu. Dawn l-osservanzi kollha li jesprimu identità soċjali, kulturali u reliġjuża kienu saru importanti ħafna fi żmien il-kultura Ellenistika, ibda mis-seklu III qk. Din il-kultura, li kienet saret il-kultura universali ta’ dak iż-żmien, u kienet kultura apparentement razzjonali, kultura politeista, apparentement tolleranti, kienet qed tpoġġi pressjoni lejn l-uniformità kulturali u hekk thedded l-identità ta’ Iżrael, li kien iħossu politikament imġiegħel jidħol f’din l-identità komuni tal-kultura Ellenistika, ħaġa li mbagħad twasslu biex jitlef l-identità tiegħu, u hekk jitlef ukoll il-wirt prezzjuż tal-fidi tal-Missirijiet, tal-fidi f’Alla wieħed u fil-wegħdiet ta’ Alla.

 

Kontra din il-pressjoni kulturali, li kienet qed thedded mhux biss l-identità Iżraelitika, imma anki l-fidi f’Alla wieħed u fil-wegħdiet tiegħu, kien hemm bżonn jinħoloq ħajt ta’ qasma, tarka ta’ difiża li tħares il-wirt prezzjuż tal-fidi; dan il-ħajt kien jikkonsisti sewwasew fl-osservanzi u l-preċetti Lhud. Pawlu, li kien fehem dawn l-osservanzi proprju fil-funzjoni difensiva tagħhom tad-don ta’ Alla, tal-wirt tal-fidi f’Alla wieħed, din l-identità raha mhedda mil-libertà tal-Insara: għalhekk ippersegwitahom. Fil-ħin tal-laqgħa tiegħu mal-Irxoxt fehem li bil-qawmien ta’ Kristu s-sitwazzjoni kienet inbidlet mill-qiegħ. Bi Kristu, Alla ta’ Iżrael, il-veru Alla wieħed sar Alla tal-popli kollha. Il-ħajt – hekk jgħid fl-Ittra lill-Efesin – bejn Iżrael u l-pagani ma kienx għad hemm bżonnu: huwa Kristu li jipproteġina kontra l-politeiżmu u t-tagħwiġ kollu tiegħu; huwa Kristu li jgħaqqadna ma’ Alla wieħed u fih; hu Kristu li jiggarantixxi l-identità vera tagħna fid-diversità tal-kulturi. Il-ħajt m’għadux meħtieġ, l-identità komuni tagħna fid-diversità tal-kulturi huwa Kristu, u hu li jiġġustifikana. Li nkunu ġusti jfisser sempliċiment li nkunu ma’ Kristu u fi Kristu. U dan hu biżżejjed. M’għadx hemm bżonn ta’ osservanzi oħra. Għalhekk l-espressjoni “sola fide” ta’ Luteru hija vera, jekk ma tpoġġix kontra xulxin il-fidi u l-karità, l-imħabba. Il-fidi tfisser inħarsu lejn Kristu, nafdaw fi Kristu, nintrabtu ma’ Kristu, nitwaħħdu ma’ Kristu, mal-ħajja tiegħu. U l-forma, il-ħajja ta’ Kristu hi l-imħabba; għalhekk li nemmnu jfisser nitwaħħdu ma’ Kristu u nidħlu fi mħabbtu. Għalhekk San Pawl fl-Ittra lill-Galatin, li fiha fuq kollox żviluppa d-duttrina tiegħu tal-ġustifikazzjoni, jitkellem fuq il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba (ara Gal 5:14).

 

Pawlu jaf li fl-imħabba kemm lejn Alla u kemm lejn il-proxxmu hemm preżenti u hi mwettqa l-Liġi kollha. Hekk fil-komunjoni ma’ Kristu, fil-fidi li ġġib l-imħabba, il-Liġi kollha hija mwettqa. Insiru ġusti billi nidħlu f’komunjoni ma’ Kristu li hu l-imħabba. L-istess ħaġa narawha fil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej, Solennità ta’ Kristu Re. Huwa l-Vanġelu tal-imħallef li l-uniku kriterju tiegħu hu l-imħabba. Dak li jistaqsi hu biss dan: Int ġejt iżżurni meta kont marid? Meta kont il-ħabs? Tajtni niekol meta kont bil-ġuħ, libbistni meta kont għeri? U hekk hi l-imħabba li taqta’ l-ħaqq. Hekk, fi tmiem dan il-Vanġelu, nistgħu kważi ngħidu: l-imħabba biss, il-karità waħidha. Imma ma hemmx kontradizzjoni bejn dan il-Vanġelu u San Pawl. Hija l-istess viżjoni, dik li skontha l-komunjoni ma’ Kristu, il-fidi fi Kristu toħloq l-imħabba. U l-imħabba hi t-twettiq tal-komunjoni ma’ Kristu. Hekk, hu meta nkunu magħqudin miegħu li nkunu ġusti, u bl-ebda mod ieħor.

 

Fl-aħħar nett, nistgħu biss nitolbu lill-Mulej jgħinna nemmnu. Nemmnu tabilħaqq; u hekk il-fidi ssir ħajja, għaqda ma’ Kristu, trasformazzjoni ta’ ħajjitna. U hekk, mibdulin minn imħabbtu, mill-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, nistgħu nkunu tassew ġusti f’għajnejn Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard