Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2008

 

San Pawl (8)

Id-dimensjoni ekkleżjoloġika tal-ħsieb ta’ Pawlu

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-Erbgħa li għadda tkellimt fuq ir-relazzjoni ta’ Pawlu ma’ Ġesù ta’ qabel l-Għid fil-ħajja tiegħu fuq din l-art. Il-kwistjoni kienet: “X’kien jaf Pawlu fuq il-ħajja ta’ Ġesù, fuq x’qal, fuq il-passjoni tiegħu?”. Illum nixtieq nitkellem fuq it-tagħlim ta’ San Pawl dwar il-Knisja. Jeħtieġ nibdew billi ngħidu li din il-kelma, “Knisja” fi lsienna – bħal fit-Taljan “Chiesa”, fil-Franċiż “Église” u fl-Ispanjol “Iglesia” – hi meħuda mill-Grieg ekklēsía”! Din ġejja mit-Testment il-Qadim u tfisser il-ġemgħa tal-poplu ta’ Iżrael, imsejħa minn Alla, partikularment il-ġemgħa eżemplari f’riġlejn is-Sinaj. B’din il-kelma issa nfissru l-komunità ġdida ta’ dawk li jemmnu fi Kristu u jħossuhom ġemgħa ġdida ta’ Alla msejħa minn qalb il-popli, min-naħa ta’ Alla u quddiemu. Il-kelma ekklēsía tgħaddi l-ewwel darba minn taħt il-pinna ta’ Pawlu, li hu l-ewwel awtur ta’ kitba Nisranija. Dan narawh fl-incipit tal-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, fejn Pawlu jdur bi kliemu fuq “il-Knisja ta’ Tessalonika” (ara mbagħad ukoll “il-Knisja ta’ Loadiċija” f’Kol 4:16). F’Ittri oħra hu jitkellem fuq il-Knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu (ara 1 Kor 1:2; 2 Kor 1:1), li hi fil-Galazja (Gal 1:2, eċċ) – jiġifieri Knejjes partikulari – imma jgħid ukoll li ppersegwita “l-Knisja ta’ Alla”: mhux komunità lokali partikulari, imma “l-Knisja ta’ Alla”. Hekk naraw li din il-kelma “Knisja” għandha tifsira ta’ bosta dimensjonijiet: minn naħa tindika l-ġemgħat ta’ Alla f’postijiet partikulari (belt, pajjiż, dar), imma tfisser ukoll il-Knisja kollha bħala ġabra waħda u sħiħa. U hekk naraw kif “il-Knisja ta’ Alla” mhix biss il-ġabra ta’ diversi Knejjes lokali, imma li d-diversi Knejjes lokali min-naħa tagħhom huma t-twettiq tal-Knisja waħda ta’ Alla. Ilkoll flimkien huma “l-Knisja ta’ Alla”, li tiġi qabel il-Knejjes lokali partikulari u tesprimi ruħha, titwettaq fihom.

 

Importanti nosservaw li kważi dejjem il-kelma “Knisja” tidher biż-żieda magħha tal-kwalifika “ta’ Alla”: mhijiex assoċjazzjoni umana, imwielda minn ideat jew interessi komuni, imma hu Alla li jiġborha flimkien. Hu laqqagħha u għalhekk hi waħda fit-twettiqat kollha tagħha. L-għaqda li hemm f’Alla toħloq l-għaqda tal-Knisja fl-imkejjen kollha fejn tinsab. Iżjed tard, fl-Ittra lill-Efesin, Pawlu jelabora fit-tul il-kunċett ta’ għaqda tal-Knisja, f’kontinwità mal-kunċett ta’ Poplu ta’ Alla, Iżrael, meqjus mill-profeti bħala “għarusa ta’ Alla”, imsejħa biex tgħix relazzjoni ta’ għerusija miegħu. Pawlu jippreżenta l-Knisja waħda ta’ Alla bħala “għarusa ta’ Kristu” fl-imħabba, ġisem wieħed u ruħ waħda ma’ Kristu nnifsu. Nafu li ż-żagħżugħ Pawlu kien avversarju akkanit tal-moviment ġdid magħmul mill-Knisja ta’ Kristu. Kien avversarju tagħha, għax f’dan il-moviment huwa kien ra theddida lill-fedeltà għat-tradizzjoni tal-poplu ta’ Alla, li kien jgħix bil-fidi f’Alla wieħed. Din il-fedeltà kienet tesprimi ruħha fuq kollox fiċ-ċirkonċiżjoni, fl-osservanza tar-regoli tas-safa kultwali, tal-astensjoni minn ċertu ikel, fir-rispett għall-jum tas-Sibt. Din il-fedeltà l-Iżraeliti kienu ħallsu għaliha bid-demm tal-martri, fi żmien il-Makkabej, meta r-reġim Ellenista ried jobbliga lill-popli kollha jbaxxu rashom għall-kultura waħdanija Ellenistika. Ħafna Iżraeliti kienu ddefendew b’demmhom il-vokazzjoni ta’ Iżrael. Il-martri kienu ħallsu b’ħajjithom stess għall-identità tal-poplu tagħhom, li kienet tesprimi ruħha permezz ta’ dawn l-elementi. Wara l-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, Pawlu fehem li l-Insara ma kinux tradituri; bil-maqlub, fis-sitwazzjoni l-ġdida, Alla ta’ Iżrael, permezz ta’ Kristu, kien wessa’ s-sejħa tiegħu għall-ġnus kollha, u sar Alla tal-popli kollha. B’dan il-mod twettqet il-fedeltà lejn Alla wieħed; ma kienx għad hemm bżonn tas-sinjali distintivi magħmula minn normi u osservanzi partikulari, għax ilkoll kienu msejħa, fil-varjetà tagħhom, biex jagħmlu parti mill-poplu wieħed ta’ Alla fil-“Knisja ta’ Alla” fi Kristu.

 

Ħaġa waħda kienet minnufih ċara għal Pawlu fis-sitwazzjoni l-ġdida: il-valur fundamentali u fundanti ta’ Kristu u tal-“kelma” li tħabbru. Pawlu kien jaf li mhux biss ma nsirux Insara għax imġiegħla, imma li fit-tiswir intern tal-komunità ġdida l-aspett istituzzjonali kien inevitabbilment marbut mal-“kelma” ħajja, max-xandir ta’ Kristu ħaj li fih Alla jinfetaħ għall-popli kollha u jgħaqqadhom flimkien f’poplu waħdieni ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li Luqa fl-Atti tal-Appostli juża kemm-il darba, anki f’rabta ma’ Pawlu, il-frażi “jxandar il-kelma” (Atti 4:29,31; 8:25; 11:19; 13:46; 14:25; 16:6,32), bil-fehma ċara li juri bl-aqwa mod l-importanza deċiżiva tal-“kelma” tax-xandir. B’mod konkret, din il-kelma hi magħmula mis-salib u mill-qawmien ta’ Kristu, li fih sabet il-milja tagħha l-Iskrittura kollha. Il-Misteru tal-Għid, li wassal għall-bidla ta’ ħajtu fit-triq ta’ Damasku, ovvjament jinsab fiċ-ċentru tal-predikazzjoni tal-Apposstlu (ara 1 Kor 2:2; 15:14). Dan il-Misteru, imxandar bil-kelma, jitwettaq fis-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija u mbagħad isir realtà fil-karità Nisranija. L-opra tal-evanġelizzazzjoni ta’ Pawlu m’għandhiex għan ieħor ħlief li xxettel il-komunità ta’ dawk li jemmnu fi Kristu. Din l-idea qiegħda fl-istess etimoloġija tal-kelma ekklēsía, li Pawlu, u miegħu l-Kristjaneżmu kollu, ipprefera mit-terminu l-ieħor ta’ “sinagoga”: mhux biss għax oriġinarjment l-ewwel wieħed hu iżjed ‘lajk’ (ġej mill-prassi Griega tal-ġemgħa politika u mhux eżattament reliġjuża), imma anki għax dan jimplika direttament l-idea iżjed teoloġika ta’ sejħa ab extra, mela mhux ta’ sempliċiment laqgħa flimkien; dawk li jemmnu huma msejħin minn Alla, li jiġborhom f’komunità waħda, il-Knisja tiegħu.

 

F’din il-linja nistgħu nifhmu wkoll il-kunċett oriġinali, esklussivament Pawlin, tal-Knisja bħala “Ġisem ta’ Kristu”. Dwar dan, jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna ż-żewġ dimensjonijiet ta’ dan il-kunċett. Waħda hi ta’ karattru soċjoloġiku, u tara l-ġisem bħala magħmul mill-komponenti tiegħu u ma jistax jeżisti mingħajrhom. Din l-interpretazzjoni tidher fl-Ittra lir-Rumani u fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, fejn Pawlu juża xbieha li diġà kienet teżisti fis-soċjoloġija Rumana: hu jgħid li poplu hu bħal ġisem b’ħafna membri differenti, kull parti minnhom għandha l-funzjoni tagħha, imma kollha, anki l-iċken u dawk li jafu jidhru insinifikanti, huma meħtieġa biex il-ġisem jista’ jgħix u jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant l-Appostlu josserva li fil-Knisja hemm tant vokazzjonijiet: profeti, appostli, għalliema, persuni sempliċi, ilkoll imsejħa jgħixu ta’ kuljum l-imħabba, ilkoll meħtieġa biex tinbena l-għaqda ħajja ta’ dan l-organiżmu spiritwali. L-interpretazzjoni l-oħra tħares lejn l-istess Ġisem ta’ Kristu. Pawlu jisħaq li l-Knisja mhijiex biss organizzazzjoni, imma ssir tabilħaqq il-ġisem ta’ Kristu fis-sagrament tal-Ewkaristija, fejn ilkoll nirċievu l-Ġisem tiegħu u nsiru tabilħaqq Ġismu. Hekk jitwettaq il-misteru tal-għerusija li lkoll insiru ġisem wieħed u ruħ waħda fi Kristu. Hekk ir-realtà tmur wisq iktar lil hemm mix-xbieha soċjoloġika, u tesprimi l-essenza profonda tagħha, jiġifieri l-għaqda tal-imgħammdin kollha fi Kristu, meqjusin mill-Appostlu “wieħed” fi Kristu, ħaġa waħda fis-sagrament ta’ Ġismu.

 

Meta jgħid dan, Pawlu qed juri li jaf tajjeb u jfiehem lilna lkoll li l-Knisja mhijiex tiegħu u mhijiex tagħna: il-Knisja hi l-ġisem ta’ Kristu, u “Knisja ta’ Alla”, “għalqa ta’ Alla, bini ta’ Alla,… tempju ta’ Alla” (1 Kor 3:9,16). Din l-aħħar tifsira hi partikularment interessanti, għax tattribwixxi lil nisġa ta’ relazzjonijiet interpersonali terminu li komunement kien iservi biex juri post fiss, meqjus sagru. Allura r-relazzjoni bejn Knisja u tempju tibda tassumi żewġ dimensjonijiet kumplimentari għal xulxin: minn naħa, tiġi applikata għall-komunità ekkleżjali l-karatteristika ta’ separatezza u purità li kienet tixraq lill-binja sagra, imma, mill-oħra, jiġi wkoll issuperat il-kunċett ta’ spazju materjali, biex dan il-valur jingħata lir-realtà ta’ komunità ħajja ta’ fidi. Jekk qabel it-tempji kienu meqjusa postijiet tal-preżenza ta’ Alla, issa nafu u naraw li Alla ma jgħixx f’binjiet magħmula mill-ġebel, imma l-post tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja huwa l-komunità ħajja ta’ dawk li jemmnu.

 

Diskors apparti jixraqlu l-isem ta’ “poplu ta’ Alla”, li f’Pawlu hu applikat sostanzjalment għall-poplu tat-Testment il-Qadim u mbgħad għall-pagani li kienu “dawk li mhumiex poplu” u saru huma wkoll poplu ta’ Alla grazzi għad-dħul tagħhom fi Kristu permezz tal-kelma u tas-sagrament. U fl-aħħar nett sfumatura oħra. Fl-Ittra lil Timotju Pawlu lill-Knisja jsejħilha “dar ta’ Alla” (1 Tim 3:15); u din hi definizzjoni tassew oriġinali, għax tirreferi għall-Knisja bħala binja komunitarja fejn jgħixu relazzjonijiet ħajja bejn il-persuni ta’ natura familjari. L-Appostlu jgħinna nifhmu dejjem iżjed fil-fond il-misteru tal-Knisja fid-diversi dimensjonijiet tagħha ta’ ġemgħa ta’ Alla fid-dinja. Dan hu l-kobor tal-Knisja u l-kobor tas-sejħa tagħna: aħna tempju ta’ Alla fid-dinja, post fejn Alla jgħammar tassew, u aħna, fl-istess waqt, komunità, familja ta’ Alla, li hu mħabba. Bħala familja u dar ta’ Alla jeħtieġ inwettqu fid-dinja l-imħabba ta’ Alla u hekk inkunu, bil-qawwa li tiġi mill-fidi, post u sinjal tal-preżenza tiegħu. Nitolbu lill-Mulej jagħtina li nkunu dejjem iżjed il-Knisja tiegħu, Ġismu, il-post tal-preżenza tal-imħabba tiegħu f’din id-dinja tagħna u fl-istorja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard