Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 14 ta’ Jannar 2009

 

San Pawl (18)

Il-viżjoni teoloġika tal-Ittri lill-Kolossin u lill-Efesin

 

Għeżież ħuti,

 

Fost l-Ittri tal-epistolarju Pawlin, hemm tnejn, dawk lill-Kolossin u lill-Efesin, li f’ċertu sens jistgħu jitqiesu tewmin. Fil-fatt, il-waħda u l-oħra għandhom stil ta’ kif jgħidu l-affarijiet li nsibuh biss fihom, u ġie kkalkulat li iżjed minn terz tal-kliem fl-Ittra lill-Kolossin insibuh ukoll f’dik lill-Efesin. Ngħidu aħna, waqt li f’Kolossin naqraw litteralment l-istedina “widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla” (Kol 3:16), f’Efesin bl-istess mod hu rrakkomandat: “Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Efes 5:19). Nistgħu nimmeditaw fuq dawn il-kelmiet: il-qalb trid tgħanni, u hekk ukoll il-leħen, b’salmi u innijiet biex tidħol fit-tradizzjoni tat-talb tal-Knisja kollha tat-Testment il-Qadim u tal-Ġdid; u hekk nitgħallmu nkunu flimkien bejnietna, u ma’ Alla. Barra dan, fiż-żewġ Ittri nsibu, biex ngħidulu hekk, “kodiċi domestiku”, nieqes mill-Ittri l-oħra Pawlini, jiġifieri serje ta’ rakkomandazzjonijiet lill-koppji miżżewġa, lil ġenituri u wlied, lil sidien u lsiera (ara rispettivament Kol 3:18-4:1 u Efes 5:22-6:9).

 

Iżjed importanti minn hekk hu li naraw kif f’dawn iż-żewġ Ittri biss insibu t-titlu ta’ “ras”, kefalé, mogħti lil Ġesù Kristu. U dan it-titlu jintuża fuq żewġ livelli. Fl-ewwel sens, Kristu hu mifhum bħala ras tal-Knisja (ara Kol 2:18-19 u Efes 4:15-16). Dan ifisser żewġ affarijiet: qabelxejn, li hu l-kap, id-diriġent, ir-responsabbli li jrieġi l-komunità Nisranija bħala l-mexxej tagħha u s-Sid tagħha (ara Kol 1:18: “Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja”; u mbagħad it-tifsira l-oħra hi li hu bħar-ras li tgħajjex u żżomm sħaħ il-partijiet l-oħra tal-ġisem li għalihom hi responsabbli (fil-fatt, skont Kol 2:19 hemm bżonn li wieħed “iżomm mar-Ras li minnha l-ġisem kollu jieħu l-għajxien u l-għaqda”): jiġifieri mhuwiex biss dak li jikkmanda, imma dak li organikament hu marbut magħna, li minnu ġejja wkoll il-qawwa biex ngħixu tajjeb.

 

Fiż-żewġ każi, il-Knisja hi dik li toqgħod għal Kristu, kemm biex timxi wara t-treġija aktar għolja tiegħu – il-kmandamenti –, u kemm biex tilqa’ l-ħajja kollha li toħroġ minnu. Il-kmandamenti tiegħu mhumiex kliem biss, ordnijiet, imma huma qawwa ħajja li tiġi mingħandu biex tgħinna.

 

Din l-idea hi partikularment żviluppata f’Efesin, fejn saħansitra l-ministeri tal-Knisja, flok ma huma attribwiti lill-Ispirtu s-Santu (ara 1 Kor 12), huma mogħtija minn Kristu Rxoxt: huwa hu li “ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin” (4:11). U huwa minnu li “l-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha, …biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba” (4:16). Fil-fatt kulma jrid Kristu hu li “jressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Efes 5:27). B’dan qed jgħidilna li l-qawwa li biha jibni l-Knisja, li biha jmexxi lill-Knisja, li biha jagħti wkoll id-direzzjoni tajba lill-Knisja, hija sewwasew dik ta’ mħabbtu.

 

Għalhekk l-ewwel sinifikat hu Kristu Ras tal-Knisja: kemm f’dik li hi treġija, u kemm, fuq kollox, f’dak li hu tnebbiħ u ħajja organika li jiġu minn imħabbtu. Imbagħad, it-tieni sens hu li Kristu hu meqjus mhux biss ras tal-Knisja, imma ras tal-qawwiet tas-sema u tal-kożmu kollu. Hekk f’Kolossin naqraw li Kristu “neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat, u għamel wirja minnhom quddiem id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu” (2:15). Bl-istess mod f’Efesin insibu miktub li, bil-qawmien, Alla qiegħed lil Kristu “’l fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, ’il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej” (1:21). B’dawn il-kelmiet iż-żewġ Ittri jagħtuna messaġġ tassew pożittiv u għammiel, li hu dan: Kristu m’għandux għax jibża’ mill-ebda kurrent li jista’ jeħodha kontrih, għax hu ogħla minn kull għamla ta’ poter li jipprova jbaxxi lill-bniedem. Hu biss “ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina” (Efes 5:2). Għalhekk, jekk aħna magħqudin ma’ Kristu, ma għandna għax nibżgħu mill-ebda għadu u mill-ebda kuntrarju; imma dan allura jfisser li rridu nżommu sodi fih, mingħajr qatt nitilfuh minn quddiem għajnejna!

 

Għad-dinja pagana, li kienet temmen f’dinja mimlija spirti, fil-parti l-kbira tagħhom perikolużi u li minnhom wieħed irid jiddefendi ruħu, kienet tidher tassew ħelliesa l-aħbar li Kristu kien l-uniku rebbieħ u li min kien ma’ Kristu ma kellu għax jibża’ minn ħadd. L-istess jista’ jingħad għall-paganiżmu tal-lum, għax anki fi żmienna s-segwaċi ta’ ideoloġiji simili jaraw id-dinja mimlija b’poteri perikolużi. Lil dawn hemm bżonn inħabbrulhom li Kristu huwa r-rebbieħ, hekk li min hu ma’ Kristu, min jibqa’ magħqud miegħu, ma għandu għax jibża’ minn ħadd u minn xejn. Jidhirli li dan hu importanti għalina wkoll, li rridu nitgħallmu naffrontaw il-biżgħat kollha, għax hu fuq kull ħakma oħra, hu l-veru Sid tad-dinja.

 

Saħansitra l-kożmu kollu hu mqiegħed taħtu, u hu f’għaqda miegħu bħallikieku mar-ras tiegħu. Huma ċelebri l-kelmiet tal-Ittra lill-Efesin, li titkellem dwar il-pjan ta’ Alla li “kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art” (1:10). Bl-istess mod fl-Ittra lill-Kolossin naqraw li “fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art, dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx” (1:16) u li “…bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (1:20). Jiġifieri ma hemmx, fuq naħa, id-dinja kbira materjali, u fuq l-oħra din ir-realtà ċkejkna tal-istorja tad-dinja tagħna, id-dinja tal-persuni: kollox hu ħaġa waħda fi Kristu. Huwa r-ras tal-kożmu; anki l-kożmu hu maħluq minnu, hu maħluq għalina ladarba aħna magħqudin miegħu. Din hi viżjoni razzjonali u personalistika tal-univers. U ngħid ukoll li viżjoni iżjed universalistika minn din ma stajtx timmaġina, u din tixraq biss lil Kristu Rxoxt. Kristu hu l-Pantokrátor, li lejh imilu l-ħwejjeġ kollha: il-ħsieb tagħna jmur appuntu għal Kristu Pantokrator, li jimla l-arzelel tal-absidejiet tal-knejjes Biżantini, xi drabi muri bilqiegħda fl-għoli fuq id-dinja sħiħa jew saħansitra fuq qawsalla biex jidher li hu daqs Alla nnifsu, li fuq il-lemin tiegħu jinsab bilqiegħda (ara Efes 1:20; Kol 3:1), u allura anki l-funzjoni tiegħu – li bħalha oħra ma hemmx – ta’ dak li għandu f’idejh id-destin tal-bnedmin.

 

Viżjoni bħal din tista’ tikkonċepiha biss il-Knisja, mhux fis-sens li din trid b’xi mod żbaljat tagħmel tagħha dak li mhuwiex, imma f’sens ieħor doppju: kemm għax il-Knisja tagħraf li b’xi mod Kristu hu ikbar minnha, ladarba l-ħakma tiegħu tinfirex anki lil hemm mill-konfini tagħha, u kemm għax il-Knisja biss hi kkwalifikata bħala Ġisem ta’ Kristu, mhux il-kożmu. Dan kollu jfisser li aħna rridu nħarsu b’mod pożittiv lejn ir-realtajiet ta’ din l-art, għax Kristu jiġborhom kollha fih, u fl-istess waqt irridu ngħixu fil-milja tagħha l-identità speċifika ekkleżjali tagħna, li hi l-iżjed waħda li tqarreb lejn l-identità ta’ Kristu nnifsu.

 

Hemm imbagħad kunċett speċjali, li hu tipiku ta’ dawn iż-żewġ Ittri, u dan hu l-kunċett ta’ “misteru”. Hemm fejn jitkellem fuq “misteru tar-rieda” ta’ Alla (Efes 1:9), waqt li drabi oħra fuq il-“misteru ta’ Kristu” (Efes 3:4; Kol 4:3) jew saħansitra fuq il-“misteru ta’ Alla li hu Kristu. Fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u l-għaqal” (Kol 2:2-3). B’dan il-kliem irid ifisser kemm hu misterjuż il-pjan divin fuq il-bniedem, fuq il-popli u fuq id-dinja. B’dan il-lingwaġġ iż-żewġ Epistoli jgħidulna li hu fi Kristu li jsib il-milja tiegħu dan il-misteru. Jekk aħna ma’ Kristu, anki jekk bil-moħħ tagħna ma nistgħux nifhmu kollox, nafu li qegħdin fil-qalba tal-“misteru” u fit-triq tal-verità. Huwa hu fit-totalità tiegħu, u mhux biss f’aspett wieħed tal-persuna tiegħu jew f’mument wieħed tal-eżistenza tiegħu, li jiġbor fih il-milja tal-pjan misterjuż tas-salvazzjoni. Fih jieħu l-għamla tiegħu dak li jissejjaħ l-“għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi” (Efes 3:10), għax fih “hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem” (Kol 2:9). Minn issa ’l quddiem, għalhekk, ma nistgħux naħsbu u nqimu r-rieda ta’ Alla, il-kmand sovran tiegħu, mingħajr ma nikkonfrontaw ruħna personalment ma’ Kristu nnifsu, li fih dak il-“misteru” jitlaħħam u nistgħu nifhmuh bis-sensi tagħna. Hekk naslu biex nikkontemplaw l-“għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu” (Efes 3:8), li jmur lil hemm minn kull għarfien tal-bniedem. Mhux li Alla ma ħalliex xi ħjiel ta’ mnejn għadda, għax hu Kristu nnifsu l-pass ta’ Alla fuq l-art, l-aqwa marka li ħalla; imma nintebħu “x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond” ta’ dan il-misteru li “jisboq kull għerf” (Efes 3:18-19). Is-sempliċi kategoriji intellettwali hawn huma insuffiċjenti, u, aħna u nagħrfu li ħafna ħwejjeġ huma lil hemm mill-ħiliet razzjonali tagħna, hemm bżonn nafdaw fil-kontemplazzjoni umli u hienja mhux biss tal-moħħ imma anki tal-qalb. Mill-bqija, Missirijiet il-Knisja jgħidulna li l-imħabba tifhem iżjed mir-raġuni waħidha.

 

Kelma tal-aħħar irridu ngħiduha dwar il-kunċett, li diġà aċċennajt għalih qabel, tal-Knisja bħala sieħba u għarusa ta’ Kristu. Fit-Tieni Ittra lill-Korintin l-Appostlu Pawlu kien qabbel il-komunità Nisranija ma’ għarusa, u kiteb hekk: “Jiena għajjur għalikom bl-istess għira ta’ Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex irressaqkom quddiem Kristu” (2 Kor 11:2). L-Ittra lill-Efesin tiżviluppa din ix-xbieha, u tippreċiża li l-Knisja mhijiex biss għarusa mwiegħda, imma l-għarusa vera miżżewġa lil Kristu. Hu, biex ngħidu hekk, kisibha għalih, u dan għamlu billi ħallas bil-prezz ta’ ħajtu: kif jgħid it-test, “ta ħajtu għaliha” (Efes 5:25). X’wirja ta’ mħabba ikbar minn din jista’ jkun hemm? Imma, iżjed minn hekk, hu mħasseb għall-ġmiel tagħha: mhux biss dak li diġà kisbet bil-magħmudija, imma wkoll dak li jeħtieġ tikber fih ta’ kuljum grazzi għal ħajja eżemplari, “bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb”, fl-imġiba morali tagħha (ara Efes 5:26-27). Minn hawn għall-esperjenza komuni taż-żwieġ il-pass hu qasir; anzi, bilkemm hu ċar għall-awtur tal-Ittra liema hu l-punt ta’ riferiment tal-bidu: jekk hux ir-relazzjoni Kristu-Knisja, li fid-dawl tagħha mbagħad wieħed jaħseb fl-għaqda bejn ir-raġel u l-mara, jew jekk hux il-fatt esperjenzali tal-għaqda konjugali, li fid-dawl tiegħu wieħed jista’ jaħseb fir-relazzjoni bejn Kristu u l-Knisja. Imma ż-żewġ aspetti jiddawlu minn xulxin: nitgħallmu x’inhu ż-żwieġ fid-dawl tal-komunjoni ta’ Kristu u tal-Knisja, nitgħallmu kif Kristu jingħaqad magħna billi naħsbu fil-misteru taż-żwieġ. Hu x’inhu l-każ, l-Ittra tagħna tinsab kważi nofs triq bejn il-Profeta Hosegħa, li wera r-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu f’termini ta’ żwieġ li diġà seħħ (ara Hos 2:4,16,21), u l-Veġġent tal-Apokalissi, li jħabbar il-laqgħa eskatoloġika bejn il-Knisja u l-Ħaruf bħala żwieġ hieni u perfett (ara Apok 19:7-9; 21:9).

 

Jibqa’ ħafna iżjed xi ngħidu, imma jidhirli li, minn dak li rajna, diġà nistgħu nifhmu li dawn iż-żewġ Ittri huma katekeżi kbira, li minnha nistgħu nitgħallmu mhux biss kif inkunu Nsara tajbin, imma anki kif insiru tassew bnedmin. Jekk nibdew nifhmu li l-kożmu hu l-marka tal-passi ta’ Kristu, nitgħallmu kif għandu nġibu ruħna l-aħjar miegħu, bil-problemi kollha tal-konservazzjoni tal-kożmu. Nitgħallmu nħarsu lejh bir-raġuni, imma b’raġuni mħarrka mill-imħabba, u bl-umiltà u r-rispett li jagħtuna li naġixxu b’mod rett. U jekk naħsbu kif il-Knisja hija l-Ġisem ta’ Kristu, kif Kristu ta lilu nnifsu għaliha, nitgħallmu ngħixu ma’ Kristu l-imħabba reċiproka, l-imħabba li tgħaqqadna ma’ Alla u tgħinna naraw fil-persuna l-oħra x-xbieha ta’ Kristu, lil Kristu nnifsu. Nitolbu lill-Mulej jgħinna nimmeditaw tajjeb l-Iskrittura Mqaddsa, il-Kelma tiegħu, u hekk nitgħallmu tassew ngħixu ħajja tajba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard