Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 12 ta’ Novembru 2008

 

San Pawl (12)

Eskatoloġija: l-istennija tal-Parusija

 

Għeżież ħuti,

 

It-tema tal-qawmien, li fuqha waqafna l-ġimgħa l-oħra, tiftaħ perspettiva ġdida, dik tal-istennija tar-ritorn tal-Mulej, u għalhekk twassalna biex nirriflettu fuq ir-relazzjoni bejn iż-żmien ta’ issa, żmien il-Knisja u s-Saltna ta’ Kristu, u l-futur (éschaton) li hemm jistenniena, meta Kristu jgħaddi s-Saltna lil Missieru (ara 1 Kor 15:24). Kull diskors Nisrani fuq il-ħwejjeġ tal-aħħar, imsejjaħ eskatoloġija, jitlaq dejjem mill-ġrajja tal-qawmien: f’din il-ġrajja l-ħwejjeġ tal-aħħar diġà bdew u, f’ċertu sens, diġà huma preżenti.

 

Aktarx fis-sena 52 San Pawl kiteb l-ewwel fost l-ittri tiegħu, l-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, fejn jitkellem fuq dan ir-ritorn ta’ Ġesù, imsejjaħ parusia, avvent, preżenza ġdida, definittiva u li tidher (ara 4:13-18). Lit-Tessalonkin, li kellhom id-dubji u l-problemi tagħhom, l-Appostlu jiktbilhom hekk: “Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù” (4:14). U jissokta: “Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen tal-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej” (4:16-17). Pawlu jfisser il-parusija ta’ Kristu b’aċċenti dejjem ħajjin u bi xbihat simboliċi, li imma jittrasmettu messaġġ sempliċi u profond: fl-aħħar se nkunu għal dejjem mal-Mulej. Lil hemm mix-xbihat, huwa dan il-messaġġ essenzjali: il-futur tagħna hu li “nkunu mal-Mulej”; bħala nies ta’ fidi, fil-ħajja tagħna aħna diġà qegħdin mal-Mulej; il-futur tagħna, il-ħajja ta’ dejjem, diġà bdiet minn issa.

 

Fit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin Pawlu jibdel il-perspettiva; jitkellem fuq ġrajjiet negattivi, li għad iridu jseħħu qabel dik tal-aħħar u konklużiva. Ma rridux nitqarrqu – jgħid – bħallikieku jum il-Mulej kien tassew fil-qrib, skont xi kalkolu kronoloġiku: “Għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna. Tħallux ’il min iqarraq bikom, b’ebda mod!” (2:1-3). Dan it-test ikompli jħabbar li qabel il-miġja tal-Mulej se jkun hemm l-apostasija u se jinkixef dak li hu identifikat sempliċiment bħala l-‘Bniedem tad-dnub’, l-‘ikkundannat għat-telfien’ (2:3), li t-tradizzjoni mbagħad sejħitlu l-Antikrist. Imma l-intenzjoni ta’ din l-Ittra ta’ San Pawl hi qabelxejn waħda prattika; hu jikteb: “Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh” (3:10-12). Fi kliem ieħor, l-istennija tal-parusija ta’ Ġesù ma tiffrankalniex li nħabirku f’din id-dinja, imma bil-maqlub, toħloq responsabbiltà quddiem l-Imħallef divin dwar l-imġiba tagħna f’din id-dinja. Proprju hekk tiżdied ir-responsabbiltà tagħna li naħdmu f’din id-dinja u għaliha. L-istess ħaġa se narawha l-Ħadd li ġej fil-Vanġelu tat-talenti, fejn il-Mulej jgħidilna li hu fada t-talenti f’idejn kulħadd u l-Imħallef se jitlob kont tagħhom billi jgħidilna: Għamiltu frott? Għalhekk l-istennija tar-ritorn timplika responsabbiltà għal din id-dinja.

 

L-istess ħaġa u l-istess rabta bejn parusija – ir-ritorn tal-Imħallef/Feddej – u l-impenn fil-ħajja tagħna tidher f’kuntest ieħor u b’aspetti ġodda fl-Ittra lill-Filippin. Pawlu jinsab il-ħabs u qed jistenna s-sentenza li tista’ tkun ta’ kundanna għall-mewt. F’din is-sitwazzjoni hu jaħseb fil-futur tiegħu mal-Mulej, imma jaħseb ukoll fil-komunità ta’ Filippi li għandha bżonn ta’ missierha, ta’ Pawlu, u jikteb: “Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. Minn dan jiena żgur; għalhekk naf li se nibqa’ hawn, u nkun magħkom għall-ġid u l-hena tagħkom fil-fidi. Mela, meta nerġa’ niġi għandkom, ikollkom aktar biex tiftaħru bija fi Kristu Ġesù” (1:21-26). Pawlu mhux jibża’ mill-mewt, bil-maqlub: fil-fatt hu qed jurina kif hekk ikun għalkollox ma’ Kristu. Imma Pawlu jagħmel tiegħu wkoll is-sentimenti ta’ Kristu, li ma għexx għalih innifsu, imma għalina. Li jgħix għall-oħrajn isir il-programm ta’ ħajtu u għalhekk juri d-disponibbiltà perfetta tiegħu għar-rieda ta’ Alla, għal dak li jiddeċiedi Alla. Hu disponibbli fuq kollox, anki fil-futur, biex jgħix fuq din l-art għall-oħrajn, biex jgħix għal Kristu, biex jgħix għall-preżenza ħajja tiegħu u allura għat-tiġdid tad-dinja. Naraw kif din il-ħajja tiegħu ma’ Kristu toħloqlu libertà interjuri kbira: libertà quddiem it-theddida tal-mewt, imma libertà wkoll quddiem it-taħbit u t-tbatijiet kollha tal-ħajja. Hu sempliċiment miftuħ għal Alla u tassew ħieles.

 

U wara li stħarriġna d-diversi aspetti tal-istennija tal-parusija ta’ Kristu, ngħaddu issa biex nistaqsu lilna nfusna: liema huma l-atteġġjamenti fundamentali tan-Nisrani dwar il-ħwejjeġ tal-aħħar: il-mewt, l-aħħar tad-dinja? L-ewwel atteġġjament huwa ċ-ċertezza li Ġesù qam, jinsab mal-Missier, u proprju għalhekk hu magħna, għal dejjem. U ħadd ma hu aqwa minn Kristu, għax hu jinsab mal-Missier, jinsab magħna. Għalhekk aħna fiż-żgur, meħlusin mill-biża’. Dan kien effett essenzjali tal-predikazzjoni Nisranija. Il-biża’ mill-ispirti, mill-allat kien mifrux mad-dinja kollha tal-qedem. U llum ukoll il-missjunarji, flimkien ma’ tant elementi tajbin tar-reliġjonijiet naturali, isibu wkoll il-biża’ mill-ispirti, mis-setgħat tal-ħażen li jhedduna. Kristu jgħix, rebaħ fuq il-mewt u għeleb dawn is-setgħat kollha. F’din iċ-ċertezza, f’din il-libertà, f’dan il-ferħ ngħixu. Dan hu l-ewwel aspett tal-ħajja tagħna dwar il-futur.

 

It-tieni, iċ-ċertezza li Kristu jinsab miegħi. U kif fi Kristu d-dinja futura diġà bdiet, dan jagħtina wkoll iċ-ċertezza tat-tama. Il-futur mhuwiex dalma li fiha kulħadd iħossu mitluf u bla direzzjoni. Mhuwiex hekk. Mingħajr Kristu, illum ukoll għad-dinja l-futur huwa dalma, hemm tant biża’ mill-futur. In-Nisrani jaf li d-dawl ta’ Kristu hu aqwa u għalhekk jgħix b’tama li mhix vojta, b’tama li timliena biċ-ċertezza u l-kuraġġ biex naffrontaw il-futur.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet atteġġjament. L-Imħallef li jirritorna – hu mħallef u feddej fl-istess ħin – ħallielna f’idejna l-impenn li ngħixu f’din id-dinja skont il-mod kif jgħix hu. Għaddielna f’idejna t-talenti tiegħu. Għalhekk it-tielet atteġġjament tagħna hu: responsabbiltà għad-dinja, għal ħutna quddiem Kristu, u fl-istess waqt anki ċertezza mill-ħniena tiegħu. It-tnejn li huma importanti. Aħna ma ngħixux bħallikieku t-tajjeb u l-ħażin kienu bħal xulxin, għax Alla jista’ jkun biss ħanin. Dan ikun ingann. Fir-realtà, aħna ngħixu b’responsabbiltà kbira. Għandna t-talenti, aħna ġejna mqabbdin naħdmu biex din id-dinja tinfetaħ għal Kristu, tiġi mġedda. Imma mqar jekk nirsistu u fir-responsabbiltà tagħna nafu li Alla hu mħallef tassew, aħna wkoll żguri li dan l-imħallef hu twajjeb, nafuh wiċċu, il-wiċċ ta’ Kristu Rxoxt, ta’ Kristu msallab għalina. Għalhekk nistgħu nibqgħu żguri mit-tjieba tiegħu u nimxu ’l quddiem b’kuraġġ kbir.

 

Fatt ieħor mit-tagħlim Pawlin dwar l-eskatoloġija hu dak tal-universalità tas-sejħa għall-fidi, li tiġbor flimkien sew Lhud u sew Ġentili, jiġifieri l-pagani, bħala sinjal u antiċipazzjoni tar-realtà futura, u li mħabba fiha għalhekk nistgħu ngħidu li aħna diġà qegħdin bilqiegħda fis-smewwiet ma’ Ġesù Kristu, imma biex nuru l-għana tal-grazzja fiż-żmien li ġej (ara Efes 2:6s): il-wara jsir qabel biex juri l-istat tat-twettiq tal-bidu li fih qegħdin ngħixu. Dan jgħinna nissaportu t-tbatijiet ta’ issa, li xorta ma jistgħux jitqabblu mal-glorja li għad trid tiġi (ara Rum 8:18). Mexjin bil-fidi u mhux bil-viżjoni, u mqar jekk nixtiequ noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru ngħixu fi ħdan il-Mulej, dak li jiswa wara kollox hu li, sew jekk ngħixu fil-ġisem u sew jekk noħorġu minnu, aħna nkunu nintgħoġbu quddiemu (ara 2 Kor 5:7-9).

 

Fl-aħħar nett, punt tal-aħħar li forsi jidher xi ftit diffiċli għalina. San Pawl fl-għeluq tal-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin itenni u jpoġġi fuq fomm il-Korintin ukoll talba li nibtet mill-komunitajiet Insara tal-bidu fir-reġjun tal-Palestina: Maranà, thà! li litteralment tfisser “Ejja, Mulej tagħna!” (16:22). Kienet it-talba tal-ewwel Insara, u anki l-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid, l-Apokalissi, jagħlaq b’din it-talba: “Mulej, ejja!”. Nistgħu nitolbu hekk aħna wkoll? Jidhirli li anki għalina llum, fil-ħajja tagħna, fid-dinja tagħna, diffiċli nitolbu b’mod sinċier biex tintemm din id-dinja, biex tiġi Ġerusalemm il-ġdida, biex jasal l-aħħar ġudizzju u l-imħallef, Kristu. Naħseb li sinċerament ma nissugrawx nitolbu hekk għal ħafna raġunijiet, għad li b’mod ġust u korrett aħna wkoll nistgħu ngħidu, mal-Insara tal-bidu: “Ejja, Mulej Ġesù!”. Ċertament, ma rridux li jasal issa l-aħħar tad-dinja. Imma, mill-banda l-oħra, irridu wkoll li tintemm din id-dinja inġusta. Irridu aħna wkoll li d-dinja tinbidel mill-qiegħ, li titnieda ċ-ċiviltà tal-imħabba, li tasal dinja ta’ ġustizzja, ta’ paċi, bla vjolenza, bla ġuħ. Dan kollu rriduh: u kif jista’ jiġri dan mingħajr il-preżenza ta’ Kristu? Mingħajr il-preżenza ta’ Kristu qatt mhi ħa tasal dinja tassew ġusta u mġedda. U mqar jekk ninsabu f’dinja differenti, totalment u b’mod profond, nistgħu u għandna ngħidu aħna wkoll, b’urġenza kbira u fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna: Ejja, Mulej! Ejja fid-dinja tiegħek, bil-manjieri li taf inti. Ejja fejn hemm l-inġustizzji u l-vjolenza. Ejja fil-kampijiet tar-rifuġjati, fid-Darfur, fin-Nord-Kivu, f’tant partijiet tad-dinja. Ejja fejn hemm taħkem id-droga. Ejja wkoll qalb dawk l-għonja li nsewk, li jgħixu biss għalihom infushom. Ejjew fejn ma jafukx. Ejja bil-mod tiegħek u ġedded id-dinja tal-lum. Ejja wkoll fi qlubna, ejja u ġedded il-ħajja tagħna, ejja fil-qalb tagħna biex aħna stess nistgħu nsiru dawl ta’ Alla, preżenza tiegħek. F’dan is-sens nitolbu ma’ San Pawl: Maranà, thà! “Ejja, Mulej Ġesù!”, u nitolbu biex Kristu jkun tassew preżenti llum fid-dinja tagħna u jġeddidha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard