Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 8 ta’ Ottubru 2008

 

San Pawl (7)

Ir-relazzjoni ma’ Ġesù storiku

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar katekeżijiet fuq San Pawl tkellimt fuq il-laqgħa tiegħu ma’ Kristu Rxoxt, li bidel mill-qiegħ il-ħajja tiegħu, u mbagħad fuq ir-relazzjoni tiegħu mat-tnax-il Appostlu msejħin minn Ġesù – partikularment ma’ Ġakbu, Kefa u Ġwanni – u fuq ir-relazzjoni tiegħu mal-Knisja ta’ Ġerusalemm. Issa jibqa’ l-kwistjoni fuq x’kien jaf San Pawl dwar Ġesù ta’ din l-art, dwar ħajtu, dwar it-tagħlim tiegħu, dwar il-passjoni tiegħu. Qabel ma nidħol f’dan l-argument, jista’ jkun utli nżommu quddiem għajnejna li San Pawl innifsu jagħżel bejn żewġ modi kif insiru nafu lil Ġesù u b’mod iżjed ġenerali żewġ modi kif insiru nafu persuna. Jikteb fit-Tieni Ittra lill-Korintin: “Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk” (5:16). Li nsiru nafu lil xi ħadd “skont il-ġisem”, b’mod karnali, ifisser li nsiru nafuh biss minn barra, bi kriterji esterjuri: nistgħu nkunu rajna persuna bosta drabi, jiġifieri sirna nafu l-fattizzi tagħha u d-diversi dettalji ta’ mġibitha: kif titkellem, kif tiċċaqlaq, u l-bqija. Madankollu, imqar jekk tkun taf lil xi ħadd hekk, ma tkunx tafu tassew, ma tkunx taf il-qalba tal-persuna. Bil-qalb biss tista’ tkun taf persuna tassew. Fil-fatt, il-Fariżej u s-Sadduċej kienu jafu lil Ġesù minn barra, semgħu t-tagħlim tiegħu, tant dettalji dwaru, imma ma kinux jafuh fil-verità tiegħu. Hemm distinzjoni tixxiebah f’kelma ta’ Ġesù. Wara t-Trasfigurazzjoni, hu jistaqsi lill-Appostli: “In-nies min tgħid li jien?” u “Intom min tgħidu li jien?”. In-nies kienet tafu, imma mill-qoxra; taf ħafna ħwejjeġ fuqu, imma ma tafux tassew. Imma t-Tnax, grazzi għall-ħbiberija tal-qalb, tal-inqas fehmu fis-sustanza u bdew jagħrfu min hu Ġesù. Illum ukoll jeżisti dan il-mod differenti kif insiru nafuh: hemm persuni għorrief li jafu lil Ġesù fil-ħafna dettalji tiegħu u hemm persuni sempliċi li dawn id-dettalji ma jafuhomx, imma lilu għarfuh fil-verità tiegħu: “qalb tkellem lil qalb”. U Pawlu essenzjalment irid jgħidilna li lil Ġesù hekk jafu, bil-qalb, u li hekk essenzjalment jaf il-persuna fil-verità tagħha; u mbagħad, iktar tard, isir jaf ukoll id-dettalji tagħha.

 

Imqar jekk hu hekk, tibqa’ l-mistoqsija: x’sar jaf San Pawl mill-ħajja konkreta, mill-kliem, mill-passjoni, mill-mirakli ta’ Ġesù? Donnha ħaġa żgura li ma ltaqax miegħu tul il-ħajja tiegħu fuq din l-art. Permezz tal-Appostli u l-Knisja tal-bidu żgur li sar jaf ukoll dettalji dwar il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art. Fl-Ittri tiegħu nistgħu nsibu tliet għamliet ta’ riferiment għal Ġesù ta’ qabel l-Għid. L-ewwel nett, hemm riferimenti espliċiti u diretti. Pawlu jitkellem fuq in-nisel ta’ Ġesù minn David (ara Rum 1:3), jaf li kellu “ħutu” jew qraba (1 Kor 9:5; Gal 1:19), jaf kif żvolġiet l-Aħħar Ċena (ara 1 Kor 11:23), jaf bi kliem ieħor ta’ Ġesù, ngħidu aħna dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ (ara 1 Kor 7:10 ma’ Mk 10:11-12), dwar il-ħtieġa li min iħabbar il-Vanġelu jgħix mill-komunità ladarba l-ħaddiem ħaqqu ħlasu (ara 1 Kor 9:14 ma’ Lq 10:7); Pawlu jaf bil-kelmiet li lissen Ġesù fl-Aħħar Ċena (ara 1 Kor 11:24-25 ma’ Lq 22:19-20) u jaf ukoll bis-salib ta’ Ġesù. Dawn huma riferimenti diretti għal kelmiet u fatti mill-ħajja ta’ Ġesù.

 

It-tieni nett, f’xi frażijiet tal-Ittri Pawlini nistgħu naraw kemm-il ħjiel għat-tradizzjoni li jixhdulna għaliha l-Vanġeli Sinottiċi. Ngħidu aħna, il-kelmiet li naqraw fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, dwar kif “Jum il-Mulej jiġi għall-għarrieda bħal ħalliel billejl” (5:2) ma nistgħux nispjegawhom b’riferenza għall-profeziji tat-Testment il-Qadim, ladarba l-paragun tal-ħalliel li jiġi billejl insibuh biss fil-Vanġelu ta’ Mattew u ta’ Luqa, allura hu meħud proprju mit-tradizzjoni Sinottika. Hekk, meta naqraw li “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja…” (1 Kor 1:27-28), bħal nisimgħu l-eku fidil tat-tagħlim ta’ Ġesù fuq is-sempliċi u l-foqra (ara Mt 5:3; 11:25; 19:30). Imbagħad hemm il-kelmiet imlissna minn Ġesù fit-tqanqila ta’ hena messjaniku: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin”. Pawlu jaf – dan hu l-għerf missjunarju tiegħu – kemm huma minnhom dawn il-kelmiet, jiġifieri li proprju s-sempliċi għandhom qalbhom miftuħa biex jagħrfu lil Ġesù. Anki l-aċċenn għall-ubbidjenza ta’ Ġesù “sal-mewt”, li naqraw f’Fil 2:8, ma jistax ma jfakkarniex fid-disponibbiltà totali ta’ Ġesù fuq din l-art biex iwettaq ir-rieda ta’ Missieru (ara Mk 3:35; Ġw 4:34). Mela Pawlu jaf bil-passjoni ta’ Ġesù, is-salib tiegħu, il-mod kif hu għex l-aħħar waqtiet ta’ ħajtu. Is-salib ta’ Ġesù u t-tradizzjoni fuq din il-ġrajja tas-salib jinsabu fil-qalba tal-Kerygma Pawlin. Pilastru ieħor tal-ħajja ta’ Ġesù li kien jaf bih San Pawl hu d-Diskors tal-Muntanja, li minnu jikkwota xi elementi kważi kelma b’kelma, meta jikteb lir-Rumani: “Ħobbu lil xulxin… Bierku lil dawk li jippersegwitawkom… Għixu fis-sliem ma’ kulħadd… Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb…”. Għalhekk fl-Ittri tiegħu hemm rifless fidil tad-Diskors tal-Muntanja (ara Mt 5-7).

 

Fl-aħħar nett, nistgħu naraw it-tielet mod ta’ preżenza tal-kliem ta’ Ġesù fl-Ittri ta’ Pawlu: huwa meta hu jwettaq għamla ta’ traspożizzjoni mit-tradizzjoni ta’ qabel l-Għid għas-sitwazzjoni wara l-Għid. Każ tipiku hu t-tema tas-Saltna ta’ Alla. Din żgur tinsab fil-qalba tal-predikazzjoni ta’ Ġesù storiku (ara Mt 3:2; Mk 1:15; Lq 4:43). F’Pawlu nistgħu nilmħu traspożizzjoni ta’ tin it-tema, għax wara l-qawmien hu ċar li Ġesù nnifsu, l-Irxoxt, hu s-Saltna ta’ Alla. Għalhekk is-Saltna tasal hemm fejn qed jasal Ġesù. U hekk neċessarjament it-tema tas-Saltna ta’ Alla, li fiha kien antiċipat il-misteru ta’ Ġesù, tinbidel fi Kristoloġija. Madankollu, l-istess dispożizzjonijiet mitluba minn Ġesù biex wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla jgħoddu eżattament għal Pawlu meta jitkellem dwar il-ġustifikazzjoni bil-fidi: kemm id-dħul fis-Saltna u kemm il-ġustifikazzjoni jitolbu atteġġjament ta’ umiltà u disponibbiltà kbira, ħielsa minn kull preżunzjoni, biex jilqa’ l-grazzja ta’ Alla. Ngħidu aħna, il-parabbola tal-Fariżew u tal-pubblikan (ara Lq 18:9-14) tagħtina tagħlim li nsibuh tali kwali f’Pawlu, meta jisħaq fuq l-esklużjoni doveruża ta’ kull ftaħir personali quddiem Alla. Anki l-frażi ta’ Ġesù fuq il-pubblikani u l-prostituti, iżjed lesti mill-Fariżej biex jilqgħu l-Vanġelu (ara Mt 21:31; Lq 7:36-50), u fuq l-għażliet tiegħu li jiekol magħhom fuq il-mejda (ara Mt 9:10-13; Lq 15:1-2), nistgħu nsibu rifless sħiħ tagħhom fit-tagħlim ta’ Pawlu fuq l-imħabba ħanina ta’ Alla mal-midinbin (ara Rum 5:8-10; u anki Efes 2:3-5). Hekk it-tema tas-Saltna ta’ Alla jipproponihielna f’xejra ġdida, imma dejjem f’fedeltà sħiħa għat-tradizzjoni ta’ Ġesù storiku.

 

Eżempju ieħor ta’ trasformazzjoni fidila tal-ħsieb ċentrali tat-tagħlim ta’ Ġesù nsibuh fit-“titli” li jingħatawlu. Qabel l-Għid hu nnifsu jsejjaħ lilu nnifsu Bin il-bniedem; wara l-Għid joħroġ ċar li Bin il-bniedem hu wkoll Bin Alla. Għalhekk it-titlu preferut ta’ Pawlu li bih isejjaħ lil Ġesù hu Kýrios, Mulej (ara Fil 2:9-11), li jindika d-divinità ta’ Ġesù. Il-Mulej Ġesù, b’dan it-titlu, jidher fid-dawl sħiħ tal-qawmien. Fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, fil-mument tal-ikbar tbatija ta’ Ġesù (ara Mk 14:36), id-dixxipli qabel ħadhom in-ngħas kienu semgħuh jitkellem mal-Missier u jsejjaħlu “Abbà – Missier”. Hija kelma familjari ħafna li tixbah lill-“pa” tagħna, użata biss minn tfal żgħar ma’ missierhom. Sa dak il-mument wieħed ma kienx jgħaddilu l-iċken ħsieb li Lhudi sa juża kelma bħal din biex ikellem lil Alla; imma Ġesù, bħala veru iben, f’din is-siegħa ta’ intimità jitkellem hekk u jgħid: “Abbà, Missier”. Fl-Ittri ta’ San Pawl lir-Rumani u lill-Galatin, ħaġa tal-għaġeb din il-kelma “Abbà”, li tesprimi l-esklussività tal-filjolanza ta’ Ġesù, tidher fuq fomm l-imgħammdin (ara Rum 8:15; Gal 4:6), għax irċivew l-“Ispirtu tal-Iben” u issa jġorru fihom dan l-Ispirtu u jistgħu jitkellmu bħal Ġesù u ma’ Ġesù bħalma jagħmlu wlied veri ma’ Missierhom, jistgħu jgħidu “Abbà” għax saru wlied fl-Iben.

 

U fl-aħħar nixtieq naċċenna għad-dimensjoni salvifika tal-mewt ta’ Ġesù, li aħna nsibu fil-kliem tal-Vanġelu li “hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45; Mt 20:28). Ir-rifless fidil ta’ din il-kelma ta’ Ġesù jidher fit-tagħlim Pawlin fuq il-mewt ta’ Ġesù bħala prezz li bih inxtrajna (ara 1 Kor 6:20), bħala fidwa (ara Rum 3:24), bħala ħelsien (ara Gal 5:1) u bħala rikonċiljazzjoni (ara Rum 5:10; 2 Kor 5:18-20). Hawn qiegħda l-qalba tat-teoloġija Pawlina, li tissejjes fuq din il-kelma ta’ Ġesù.

 

Biex nagħlqu, San Pawl ma jaħsibx f’Ġesù fil-vesti ta’ wieħed storiku, bħallikieku kien persuna tal-imgħoddi. Bla dubju jaf it-tradizzjoni kbira fuq il-ħajja, il-kliem, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, imma dan kollu ma jittrattahx bħala ħaġa tal-imgħoddi; jipproponih bħala realtà ta’ Ġesù ħaj. Il-kliem u l-għemejjel ta’ Ġesù għal Pawlu mhumiex ħaġa taż-żmien storiku, tal-imgħoddi. Ġesù qed jgħix issa u issa jitkellem magħna u jgħix għalina. Dan hu l-mod veru kif insiru nafu lil Ġesù u nilqgħu t-tradizzjoni dwaru. Irridu aħna wkoll nitgħallmu nagħrfu lil Ġesù mhux skont il-ġisem, bħala persuna tal-imgħoddi, imma bħala Sidna u Ħuna, li llum jinsab magħna u jurina kif għandna ngħixu u kif għandna mmutu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard