Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mil--Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu V

L-Erbgħa 4 ta’ Frar 2009

 

San Pawl (20)

Il-martirju u l-wirt li ħallielna San Pawl

Għeżież ħuti,

 

Is-serje ta’ katekeżijiet tagħna fuq il-figura ta’ San Pawl waslet fl-għeluq tagħha: illum nixtiequ nitkellmu fuq it-tmiem ta’ ħajtu fuq din l-art. It-tradizzjoni Nisranija sa mill-qedem tagħti xhieda unanima li l-mewt ta’ Pawlu seħħet b’konsegwenza tal-martirju li ġarrab hawn Ruma. Il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid ma jsemmuhx dan il-fatt. L-Atti tal-Appostli jagħlqu r-rakkont tagħhom b’aċċenn għall-Appostlu fil-ħabs, li xorta waħda seta’ jilqa’ għandu lil dawk li kienu jmorru jżuruh (ara Atti 28:30-31). Biss fit-tieni Ittra lil Timotju nsibu dawn il-kelmiet profetiċi tiegħu: “Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal” (2 Tim 4:6; ara Fil 2:17). Hawn jintużaw dawn iż-żewġ xbihat, dik kultwali tas-sagrifiċċju, li Pawlu diġà kien inqeda biha fl-Ittra lill-Filippin huwa u jinterpreta l-martirju bħala parti mis-sagrifiċċju ta’ Kristu, u dik marittima ta’ min iħoll l-irbit minn mal-moll għat-tluq: żewġ xbihat li flimkien b’mod diskret jalludu għall-ġrajja tal-mewt u ta’ mewt imdemmija.

 

L-ewwel xhieda espliċita fuq it-tmiem ta’ ħajjet San Pawl diġà tasal għandna sa minn nofs is-snin 90 tal-ewwel seklu, jiġifieri ftit iżjed minn tliet deċennji wara l-mewt tiegħu. Qed nitkellmu sewwasew fuq l-Ittra li l-Knisja ta’ Ruma, bl-Isqof tagħha Klement I, kitbet lill-Knisja ta’ Korintu. Dak it-test epistolari jistedinhom biex iżommu quddiem għajnejhom l-eżempju tal-Appostli, u, dritt wara li jsemmi l-martirju ta’ Pietru, naqraw hekk: “Minħabba fl-għira u fit-tilwim Pawlu ħass li kellu jurina kif għandna niksbu l-premju tas-sabar. Arrestat seba’ darbiet, eżiljat, imħaġġar, kien il-ħabbar ta’ Kristu fil-Lvant u fil-Punent, u għall-fidi tiegħu kiseb l-akbar glorja. Wara li pprietka l-ġustizzja lid-dinja kollha, u wara li wasal sa truf il-Punent, ġarrab il-martirju quddiem il-kapijiet; hekk telaq minn din id-dinja u wasal fil-post il-qaddis, u b’hekk sar l-akbar xempju ta’ sabar” (1 Klem 5:2). Is-sabar li fuqu jitkellem it-test hu espressjoni tal-komunjoni ta’ Pawlu mal-passjoni ta’ Kristu, tal-ġenerożità u l-perseveranza li bihom hu laqa’ dik it-triq twila ta’ tbatija, biex seta’ jasal jgħid: “Jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu” (Gal 6:17). Smajna fit-test ta’ San Klement kif Pawlu wasal sa “truf il-Punent”. Hemm diskussjoni jekk dan huwiex aċċenn għal vjaġġ lejn Spanja li seta’ għamel San Pawl. Ma teżisti ebda ċertezza fuq hekk, imma huwa minnu li San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jesprimi l-fehma tiegħu li jmur Spanja (ara Rum 15:24).

 

Mill-banda l-oħra, fl-ittra ta’ Klement interessanti ħafna kif jissemmew wara xulxin iż-żewġ ismijiet ta’ Pietru u ta’ Pawlu, anki jekk imbagħad jinqalbu fix-xhieda ta’ Ewsebju ta’ Ċesarija tas-seklu erbgħa, li meta jitkellem fuq l-imperatur Neruni, jikteb hekk: “Tul is-saltna tiegħu Pawlu ġie mogħti l-qtugħ ir-ras sewwasew f’Ruma u Pietru hemm ukoll ġie msallab. Ir-rakkont hu kkonfermat mill-isem ta’ Pietru u ta’ Pawlu, li sal-lum għadu miżmum fuq l-oqbra tagħhom f’dik il-belt” (Hist. eccl. 2,25,5). Ewsebju mbagħad ikompli jġib stqarrija iktar bikrija ta’ presbiteru Ruman jismu Gajju, li tmur lura għall-bidu tas-seklu tnejn: “Jien nista’ nurik it-trofej tal-Appostli: jekk tmur il-Vatikan jew fuq Via Ostiense, hemm issib it-trofej tal-fundaturi tal-Knisja” (ibid. 2,25,6-7). It-“trofej” huma l-monumenti fuq l-oqbra, u hawn qed jitkellem fuq l-istess oqbra fejn indifnu Pietru u Pawlu, li sal-lum għadna nqimu wara żewġ millennji fl-istess postijiet: kemm hawn fil-Vatikan fil-każ ta’ San Pietru, u kemm fil-Bażilika ta’ San Pawl fuori le Mura fuq Via Ostiense fil-każ tal-Appostlu tal-ġnus.

 

Interessanti nosservaw li ż-żewġ Appostli kbar huma msemmija flimkien. Imqar jekk l-ebda fonti antika ma titkellem fuq il-ministeru tagħhom flimkien f’Ruma, l-għarfien li ġie wara fost l-Insara, fuq il-bażi tal-ministeru tagħhom li seħħ fl-istess żmien fil-kapitali tal-imperu, rabathom ma’ xulxin ukoll bħala fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma. Fil-fatt hekk naqraw f’Irinew ta’ Lyons, lejn tmiem it-tieni seklu, dwar is-suċċessjoni appostolika fid-diversi Knejjes: “Billi jeħdilna wisq fit-tul biex insemmu s-suċċessjonijiet tal-Knejjes kollha, ħa nieħdu l-Knisja wisq kbira u antika u fostna lkoll magħrufa, il-Knisja mwaqqfa u mibdija f’Ruma miż-żewġ Appostli l-aktar glorjużi Pietru u Pawlu” (Adv. hær. 3,3,2).

 

Imma issa ħa nħallu fil-ġenb il-figura ta’ Pietru u nikkonċentraw fuq dik ta’ Pawlu. Il-martirju tiegħu nsibuh irrakkontat għall-ewwel darba mill-Atti ta’ Pawlu, miktuba lejn tmiem it-tieni seklu. Dawn jgħidulna kif Neruni kkundannah għall-mewt tal-qtugħ ir-ras, li seħħ dritt wara (ara 9:5). Id-data tal-mewt diġà tvarja fil-fonti antiki, li jqegħduha bejn il-persekuzzjoni li faqqa’ Neruni nnifsu wara l-ħruq ta’ Ruma f’Lulju tas-sena 64 u l-aħħar sena tas-saltna tiegħu, jiġifieri 68 (ara Ġirolmu, De viris ill. 5,8). Il-kalkolu jiddependi ħafna fuq il-kronoloġija tal-wasla ta’ Pawlu f’Ruma, diskussjoni li fiha ma nistgħux nidħlu hawn. Tradizzjonijiet li ġew wara ppreċiżaw żewġ elementi oħra. Waħda, l-iżjed leġġendarja, hi li l-martirju seħħ fl-Aquæ Salviæfuq Via Laurentina, bir-ras li ħabtet tliet darbiet mal-art, u kull darba ħareġ minn hemm gelgul ilma, u għalhekk il-post ġie msejjaħ sal-lum “Tre Fontane” (Atti ta’ Pietru u Pawlu tal-Psewdo Marċell, tas-seklu ħamsa). L-oħra, fi qbil max-xhieda antika, diġà msemmija, tal-presbiteru Gajju, hi li d-difna tiegħu saret mhux biss “barra l-belt… fit-tieni mil fuq Via Ostiense”, imma b’mod iżjed preċiż “fuq l-art ta’ Luċina”, li kienet mara Nisranija miżżewġa (Passjoni ta’ Pawlu tal-Psewdo Abdija, tas-seklu sitta). Hawn, fis-seklu erbgħa, l-imperatur Kostantinu bena l-ewwel knisja, warajh imkabbra ħafna iżjed bejn is-seklu erbgħa u ħamsa mill-imperaturi Valentinjanu II, Teodosju u Arkadju. Wara l-ħruq ta’ Lulju 1823, hawn inbniet il-Bażilika tal-lum ta’ San Pawl fuori le Mura.

 

Hu x’inhu, il-figura ta’ San Pawl togħla wisq aktar ’il fuq mill-ħajja tiegħu fuq din l-art u mill-mewt tiegħu; fil-fatt hu ħallielna wirt spiritwali tal-għaġeb. Hu wkoll, bħala veru dixxiplu ta’ Ġesù, sar sinjal ta’ kontradizzjoni. Waqt li fost l-hekk imejħa “Ebjoniti” – kurrent Ġudeo-Kristjan – kien meqjus bħala apostata tal-liġi ta’ Mosè, diġà fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli tidher qima kbira lejn l-Appostlu Pawlu. Nixtieq issa nħalli għall-ġenb il-letteratura apokrifa, bħall-Atti ta’ Pawlu u Tekla u epistolarju apokrifu bejn l-Appostlu Pawlu u l-filosfu Seneka. Qabelxejn importanti ngħidu li l-Ittri ta’ San Pawl ma damux ma daħlu fil-liturġija, fejn l-istruttura profeta-appostlu-Vanġelu hi determinanti għal kif inhi msawra l-Liturġija tal-Kelma. Hekk, grazzi għal din il-“preżenza” fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Knisja, il-ħsieb tal-Appostlu mill-ewwel isir bħal ikel spiritwali li jgħajjex il-fidili ta’ kull żmien.

 

Huwa ovvju li Missirijiet il-Knisja u mbagħad it-teologi kollha xorbu mill-Ittri ta’ San Pawl u mill-ispiritwalità tiegħu. Hekk, tul is-sekli, hu baqa’, sal-lum, il-veru mgħallem u appostlu tal-ġnus. L-ewwel kumment Patristiku, li waslilna, fuq kitba tat-Tesment il-Ġdid hu dak tat-teologu kbir minn Lixandra, Origene, li jikkummenta l-Ittra ta’ Pawlu lir-Rumani. Dan il-kummentarju b’xorti ħażina waslitilna biss parti minnu. San Ġwann Kriżostmu, barra li jikkummenta l-Ittri tiegħu, kiteb dwaru seba’ Paneġierki memorabbli. Santu Wistin lilu jaf il-pass deċiżiv tal-konverżjoni tiegħu, u jerġa’ lura għal Pawlu kemm-il darba matul il-medda ta’ ħajtu. Minn dan id-djalogu permanenti mal-Appostlu toħroġ it-teoloġija kbira tiegħu fuq il-grazzja, li baqgħet fundamentali għat-teoloġija Kattolika u anki għal dik Protestanta ta’ kull żmien. San Tumas ta’ Aquino ħallielna kummentarju sabiħ fuq l-Ittri Pawlini, li jirrappreżenta l-frott l-iżjed matur tal-eseġesi Medjevali. Bidla vera seħħet fis-seklu sittax mar-Riforma Protestanta. Il-mument deċiżiv fil-ħajja ta’ Luteru kienu l-hekk imsejjaħ “Turmerlebnis (aktarx fl-1517), fejn ħabta u sabta sab interpretazzjoni ġdida tad-duttrina Pawlina fuq il-ġustifikazzjoni. Interpretazzjoni li ħelsitu mill-iskrupli u mill-ansjetajiet tal-ħajja tiegħu ta’ qabel u tatu fiduċja ġdida u radikali fit-tjieba ta’ Alla li kollox jaħfer mingħajr ebda kundizzjoni. Minn dak il-ħin Luteru beda jidentifika l-legaliżmu Ġudeo-Kristjan, ikkundannat mill-Appostlu, mal-ordni tal-ħajja tal-Knisja Kattolika. U l-Knisja għalhekk bdiet tidher għalih bħala espressjoni tal-jasar tal-liġi li kontriha hu poġġa l-libertà tal-Vanġelu. Il-Konċilju ta’ Trento (1545-1563) interpreta b’mod profond il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni u sab fil-linja tat-tradizzjoni Kattolika kollha l-vera sintesi bejn Liġi u Vanġelu, fi qbil mal-messaġġ tal-Iskrittura Mqaddsa moqrija fit-totalità u l-unità tagħha.

 

Is-seklu dsatax, huwa u jiġbor l-aħjar wirt tal-Illuminiżmu, ra tiġdid tal-Pawliniżmu fuq kollox fuq il-livell tal-ħidma xjentifika żviluppata mill-interpretazzjoni storika-kritika tal-Iskrittura Mqaddsa. Hawn se nwarrbu għall-ġenb il-fatt li anki f’dak is-seklu, kif imbagħad ġara wkoll fis-seklu għxorin, dehret kritika inġusta ta’ San Pawl. Jiġini f’moħħi fuq kollox Nietzsche li kien iżeblaħ it-teoloġija tal-umiltà ta’ San Pawl, u ħadha qatta’ bla ħabel kontriha bil-filosofija tiegħu tal-bniedem b’saħħtu u setgħan: is-superman. Inħallu dan warajna u nħarsu lejn il-kurrent essenzjali tal-interpetazzjoni xjentifika ġdida tal-Iskrittura Mqaddsa u tal-Pawliniżmu ġdid tas-seklu għoxrin. Hawn ġie enfasizzat fuq kollox bħala ċentrali fil-ħsieb Pawlin il-kunċett tal-libertà: fih dehret il-qalba tal-ħsieb Pawlin, kif wara kollox kien diġà fehem Luteru. Imma issa l-kunċett ta’ libertà reġa’ ġie interpretat fil-kuntest tal-liberaliżmu modern. U mbagħad insibu enfasi qawwija fuq id-distinzjoni bejn it-tħabbira ta’ San Pawl u t-tħabbira ta’ Ġesù. U San Pawl jidher kważi bħala fundatur ġdid tal-Kristjaneżmu. Huwa minnu li f’San Pawl iċ-ċentralità tas-Saltna ta’ Alla, determinanti għax-xandir ta’ Ġesù, tiġi mibdula fiċ-ċentralità tal-Kristoloġija, li l-punt determinanti tagħha hu l-Misteru Paskwali. U mill-Misteru Paskwali joħorġu s-Sagramenti tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija, bħala preżenza permanenti ta’ dan il-misteru, li minnu jikber il-Ġisem ta’ Kristu, tinbena l-Knisja. Imma rrid ngħid, bla ma nidħol fi żżejjed dettalji, li sewwasew fiċ-ċentralità ġdida tal-Kristoloġija u tal-Misteru Paskwali sseħħ is-Saltna ta’ Alla, isir konkret, preżenti u attiv ix-xandir awtentiku ta’ Ġesù. Rajna fil-katekeżi ta’ qabel kif proprju dan l-aspett ġdid ta’ San Pawl hu l-fedeltà l-aktar profonda għat-tħabbira ta’ Ġesù nnifsu. Fil-progress tal-eseġesi, fuq kollox fl-aħħar mitejn sena, l-eseġesi Kattolika u l-eseġesi Protestanta jibdew jiltaqgħu iżjed u hekk jaslu għal kunsens qawwi proprju fuq il-punt li kien fl-oriġni tal-ikbar dissens storiku: il-ġustifikazzjoni. Għalhekk hawn għandna tama kbira għall-kawża tal-ekumeniżmu, hekk ċentrali għall-Konċilju Vatikan II.

 

U fl-aħħar nixtieq fil-qosor naċċenna għad-diversi movimenti reliġjużi, li seħħu fl-epoka moderna fi ħdan il-Knisja Kattolika, f’isem San Pawl. Hekk ġara fis-seklu sittax bil-“Kongregazzjoni ta’ San Pawl” imsejħa tal-Barnabiti, fis-seklu dsatax bil-“Missjunarji ta’ San Pawl” jew Pawlisti, u fis-seklu għoxrin bil-“Familja Pawlina” mwaqqfa mill-Beatu Giacomo Alberione, biex ma nsemmix l-Istitut Sekulari tal-“Kumpanija ta’ San Pawl”. Tibqa’ mhux ftit iddawwalna l-figura ta’ appostlu u ta’ ħassieb Nisrani estremament għammiel u profond, li kull min jersaq lejh jista’ jikseb ħafna ġid. F’wieħed miż-żewġ paniġierki tiegħu, San Ġwann Kriżostmu jagħmel paragun oriġinali bejn Pawlu u Noè, u jesprimi ruħu hekk: Pawlu “ma rabatx twavel ma’ xulxin biex jibni arka; pjuttost, flok ġabar twavel tal-injam, niseġ ittri u hekk ħeles minn ħalq l-imwieġ, mhux tnejn, tlieta jew ħames membri mill-familja tiegħu, imma l-wiċċ kollu tal-art li kien għoddu wasal biex jinqered” (Paneg. 1,5). Huwa sewwasew dan li għadu jista’ jagħmel issa u dejjem l-Appostlu Pawlu. Jekk nixorbu minnu, kemm mill-eżempju tiegħu daqskemm mit-tagħlim tiegħu, dan iħeġġiġna, jekk mhux ukoll jiggarantilna, li nsaħħu l-identità Nisranija tagħna u nżommu l-Knisja kollha dejjem żagħżugħa.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard