Laikos

 

    -    Aktar dwar San Pawl mill-Papa Benedittu XVI

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 3 ta’ Settembru 2008

 

San Pawl (3)

Il-“konverżjoni” ta’ San Pawl

 

Għeżież ħuti,

 

Il-katekeżi tal-lum se tkun iddedikata lill-esperjenza li San Pawl kellu fit-triq ta’ Damasku u allura dik li komunement tissejjaħ il-konverżjoni tiegħu. Sewwasew fit-triq ta’ Damasku, fl-ewwel snin 30 tas-seklu I, u wara perjodu li fih kien ippersegwita lill-Knisja, seħħ il-mument deċiżiv tal-ħajja ta’ Pawlu. Fuqu nkiteb ħafna u naturalment minn diversi perspettivi. Li hu żgur hu li hemm seħħet bidla, anzi taqliba sħiħa ta’ perspettiva. Hemm, bla mistenni, hu beda jqis bħala “telf” u “knis” dak kollu li qabel kien għalih l-ogħla ideal, kważi r-raġuni tal-eżistenza tigħu (ara Fil 3:7-8). X’kien ġara?

 

Dwar dan għandna żewġ xorta ta’ għejun. L-ewwel xorta, l-aktar magħrufa, huma r-rakkonti mill-pinna ta’ Luqa, li għal darba, tnejn, tlieta jirrakkonta l-ġrajja fl-Atti tal-Appostli (ara 9:1-19; 22:3-21; 26:4-23). Il-qarrej normali forsi hu ttentat jieqaf iżżejjed fuq xi dettalji, bħalma huma d-dawl mis-sema, il-waqgħa fl-art, il-leħen li jsejjaħ, il-kundizzjoni ġdida ta’ għama, il-fejqan, kif ukoll il-qxur li jaqa’ minn fuq l-għajnejn u s-sawma. Imma dawn id-dettalji kollha jeħduna għall-qalba tal-ġrajja: Kristu Rxoxt jidher bħala dawl kollu ġmiel u jkellem lil Sawl, jibdillu l-ħsieb tiegħu u l-istess ħajja tiegħu. Il-ġmiel tal-Irxoxt jagħmih: hekk tidher anki minn barra dik li kienet ir-realtà ġewwa fih, l-għama tiegħu għall-verità, għad-dawl li hu Kristu. U mbagħad l-“iva” definittiva tiegħu għal Kristu fil-magħmudija terġa’ tiftaħ mill-ġdid lil għajnejh, tagħmlu jara tassew.

 

Fil-Knisja tal-qedem il-magħmudija kienet tissejjaħ ukoll “tidwil”, għax dan is-sagrament jagħti d-dawl, jgħinna naraw tassew. Dak li jindika dan teoloġikament, f’Pawlu jseħħ anki fiżikament: imfejjaq mill-għama ġewwieni tiegħu, jibda jara sew. Għalhekk San Pawl ġie mibdul mhux minn xi ħsieb imma minn ġrajja, mill-preżenza irreżistibbli tal-Irxoxt, li minn wara dakinhar ma seta’ qatt jiddubitaha tant kemm kienet qawwija l-evidenza tal-ġrajja, ta’ din il-laqgħa. Din bidlet fundamentalment il-ħajja ta’ Pawlu; f’dan is-sens nistgħu u għandna nitkellmu fuq konverżjoni. Din il-laqgħa hija l-qalba tar-rakkont ta’ San Luqa, li hu possibbli ħafna li nqeda b’rakkont li aktarx twieled fi ħdan il-komunità ta’ Damasku. Iġagħalna naħsbu dan, il-kulur lokali mogħti mill-preżenza ta’ Ananija u mill-ismijiet kemm tat-triq u kemm tal-proprjetarju tad-dar li fiha qagħad Pawlu (ara Atti 9:11).

 

It-tieni xorta ta’ għajn fuq il-konverżjoni huma l-istess Ittri ta’ San Pawl. Hu qatt ma tkellem fid-dettall dwar din il-ġrajja, naħseb għax seta’ jissupponi li kulħadd kien jaf il-ġist ta’ din l-istorja tiegħu, kulħadd kien jaf li minn persekutur kien ġie mibdul f’appostlu ħerqan ta’ Kristu. U dan kien seħħ mhux wara riflessjoni tiegħu, imma wara ġrajja qawwija, wara laqgħa tiegħu mal-Irxoxt. Imqar jekk ma jitkellimx dwar id-dettalji, hu jaċċenna kemm-il darba għal dan il-fatt importantissmu, li allura hu wkoll sar xhud tal-qawmien ta’ Ġesù, li tiegħu rċieva minnufih minn Ġesù nnifsu r-rivelazzjoni, flimkien mal-missjoni ta’ appostlu. L-iktar test ċar fuq dan il-punt insibuh fir-rakkont tiegħu fuq dak li jagħmel iċ-ċentru tal-istorja tas-salvazzjoni: il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u d-dehriet lix-xhieda (ara 1 Kor 15). Bi kliem ta’ tradizzjoni mill-aktar antika, li hu wkoll irċieva mill-Knisja ta’ Ġerusalemm, jgħid li Ġesù li miet mislub, ġie midfun, u qam mill-mewt, issa deher, wara l-qawmien tiegħu, l-ewwel lil Kefa, jiġifieri Pietru, wara lit-Tnax, imbagħad lil ħames mitt aħwa li fil-parti l-kbira tagħhom fi żmienu kienu għadhom ħajjin, imbagħad lil Ġakbu, u mbagħad lill-Appostli kollha. U ma’ dan ir-rakkont li hu rċieva mit-tradizzjoni jżid: “Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd” (1 Kor 15:8). Hekk irid jurina li dan hu l-fundament tal-appostolat tiegħu u tal-ħajja ġdida tiegħu. Hemm ukoll testi oħra li fihom tidher l-istess ħaġa: “Permezz ta’ Kristu aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat” (ara Rum 1:5); u mill-ġdid: “Ma rajtx lil Sidna Ġesù?” (1 Kor 9:1), kliem li bih hu jalludi għal ħaġa li kulħadd kien jaf. U fl-aħħar it-test l-aktar magħruf naqrawh f’Gal 1:15-17: “Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku”. F’din l-“awtoapoloġija” jisħaq b’mod qawwi li anki hu huwa veru xhud tal-Irxoxt, għandu missjoni tiegħu li hu rċieva minnufih mingħand l-Irxoxt.

 

Hekk nistgħu naraw li ż-żewġ għejun, l-Atti tal-Appostli u l-Ittri ta’ San Pawl, jiftiehmu u jaqblu fuq il-punt fundamentali: l-Irxoxt kellem lil Pawlu, sejjaħlu għall-appostolat, għamel minnu veru appostlu, xhud tal-qawmien, bil-missjoni speċifika li jxandar il-Vanġelu lill-pagani, lid-dinja Griega-Rumana. U fl-istess waqt Pawlu tgħallem li, minkejja l-immedjatezza tar-relazzjoni tiegħu mal-Irxoxt, hu kellu jidħol fil-komunjoni tal-Knisja, kellu jitgħammed, kellu jgħix f’sintonija mal-appostli l-oħra. Kien biss f’din il-komunjoni ma’ kulħadd li hu seta’ jkun veru appostlu, kif jikteb b’mod ċar fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: “Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom” (15:11). Hemm biss tħabbira waħda tal-Irxoxt, għax Kristu hu wieħed biss.

 

Kif nistgħu naraw, f’dawn is-siltiet kollha Pawlu ma jinterpreta qatt dan il-mument bħala fatt ta’ konverżjoni. Għaliex? Hemm ħafna ipoteżijiet, imma għalija r-raġuni hi ċarissma. Din l-iżvolta f’ħajtu, din il-bidla ta’ dak kollu li kien ma kinitx frott ta’ proċess psikoloġiku, ta’ maturazzjoni jew evoluzzjoni intellettwali u morali, imma ġiet minn barra: ma kinitx il-frott tal-ħsieb tiegħu, imma tal-laqgħa ma’ Kristu Ġesù. F’dan is-sens ma kinitx sempliċiment konverżjoni, maturazzjoni tal-“jien” tiegħu, imma kienet mewt u qawmien għalih innifsu: mietet ħajja tiegħu u twieldet waħda ġdida ma’ Kristu Rxoxt. Bl-ebda mod ieħor ma nistgħu nfissru dan it-tiġdid ta’ Pawlu. L-analiżijiet psikoloġiċi kollha ma jistgħux jiċċaraw u jsolvu l-problema. Il-ġrajja biss, il-laqgħa qawwija ma’ Kristu, hija l-muftieħ biex nifhmu x’ġara: mewt u qawmien, tiġdid min-naħa ta’ Dak li kien deher u tkellem miegħu. F’dan is-sens iktar profond nistgħu u għandna nitkellmu fuq konverżjoni. Din il-laqgħa hija tiġdid veru li bidel il-kriterji kollha ta’ ħajtu. Issa jista’ jgħid li dak li qabel għalih kien essenzjali u fundamentali, sar għalih “knis”; m’għadux “rebħ”, imma telf, għax issa li tgħodd hi biss il-ħajja fi Kristu.

 

Madankollu ma rridux naħsbu li Pawlu kien hekk magħluq fi ġrajja għamja. Il-maqlub hu l-veru, għax Kristu Rxoxt huwa d-dawl tal-verità, id-dawl ta’ Alla nnifsu. Dan wessagħlu qalbu, fetaħhielu iktar għal kulħadd. F’dan il-mument ma tilifx dak li kien tajjeb u veru f’ħajtu u fil-wirt tiegħu, imma fehem b’mod ġdid l-għerf, il-verità, il-profondità tal-liġi u tal-profeti, għamilhom tiegħu b’mod ġdid. Fl-istess waqt, ir-raġuni tiegħu nfetħet għall-għerf tal-pagani; miftuħ għal Kristu b’qalbu kollu, kiseb ħila għal djalogu wiesa’ ma’ kulħadd, kellu l-ħila jsir kollox għal kulħadd. Hekk tabilħaqq seta’ jsir l-Appostlu tal-pagani.

 

U jekk issa niġu għalina nfusna, nistaqsu dan x’inhu jgħidilna. Ifisser li anki għalina l-Kristjaneżmu mhuwiex filosofija ġdida jew morali ġdida. Insara nkunu biss jekk niltaqgħu ma’ Kristu. Bla dubju hu ma jurix ruħu lilna b’dan il-mod irreżistibbli, imdawwal, kif għamel ma’ Pawlu biex għamlu l-Appostlu tal-ġnus kollha. Imma aħna wkoll nistgħu niltaqgħu ma’ Kristu, fil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa, fit-talb, fil-ħajja liturġika tal-Knisja. Nistgħu mmissu l-qalb ta’ Kristu u nħossu lilu jmiss il-qalb tagħna. Huwa biss f’din ir-relazzjoni personali ma’ Kristu, huwa biss f’din il-laqgħa mal-Irxoxt li nsiru tabilħaqq Insara. U hekk tinfetaħ quddiemna r-raġuni tagħna, jinfetaħ l-għerf kollu ta’ Kristu u l-għana kollu tal-verità. Għalhekk ejjew nitolbu lill-Mulej idawwalna, biex jagħtina fid-dinja tagħna l-laqgħa mal-preżenza tiegħu: u hekk jagħtina fidi ħajja, qalb miftuħa, imħabba kbira għal kulħadd, li kapaċi ġġedded id-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard