Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 31 ta’ Ottubru 2007

 

San Massimu ta’ Turin

 

Għeżież ħuti,

 

Bejn tmiem ir-raba’ seklu u l-bidu tal-ħames, Missier ieħor tal-Knisja, wara Sant’Ambroġ, ta sehem deċiżiv b’risq it-tixrid u t-tisħiħ tal-Kristjaneżmu fl-Italja ta’ fuq: dan hu San Massimu, li niltaqgħu miegħu bħala Isqof ta’ Turin fit-398, sena wara l-mewt ta’ Ambroġ. Ftit li xejn nafu dwaru; imma waslet għandna ġabra ta’ xi disgħin Prietka tiegħu. Minnhom toħroġ dik ir-rabta qawwija u ħajja tal-Isqof mal-belt tiegħu, li turi li kien hemm punt ta’ kuntatt ċar bejn il-ministeru episkopali ta’ Ambroġ u dak ta’ Massimu.

 

F’dan iż-żmien diversi tensjonijiet serji kienu qed qed iħarbtu l-ordni tal-konvivenza ċivili. Massimu, f’dan il-kuntest, irnexxielu jgħaqqad il-poplu Nisrani madwar il-persuna tiegħu ta’ Ragħaj u ta’ mgħallem. Il-belt kienet mhedda minn gruppi mifruxa ta’ barbari li daħlu min-naħa tal-Lvant u kienu qed jagħfsu sa fuq l-għatba tal-Alpi tal-Punent. Għalhekk Turin kienet kontinwament imħarsa minn truppi militari u saret, fil-mumenti kritiċi, il-kenn tal-popli li bdew jaħarbu mill-kampanja u miċ-ċentri urbani neqsin mill-protezzjoni. L-interventi ta’ Massimu, quddiem din is-sitwazzjoni, huma xhieda tal-impenn tiegħu li jirreaġixxi għad-degradazzjoni ċivili u għat-taħwid ta’ żmienu. Imqar jekk jibqa’ diffiċli li niddeterminaw il-kompożizzjoni soċjali tad-destinatarji tal-Prietki, jidher li l-predikazzjoni ta’ Massimu – biex jegħleb ir-riskju li jibqa’ ġeneriku – kienet indirizzata b’mod speċifiku għal nukleu magħżul tal-komunità Nisranija ta’ Turin, magħmul mis-sidien għonja tal-artijiet, li kellhom il-proprjetajiet tagħhom fil-kampanja ta’ Turin u d-dar fil-belt. Kienet għażla pastorali ċara tal-Isqof, li f’din ix-xejra ta’ predikazzjoni lemaħ l-aħjar triq biex iżomm u jsaħħaħ ir-rabta tiegħu mal-poplu.

 

Biex f’din il-perspettiva nuri x’kien il-ministeru ta’ Massimu fil-belt tiegħu, nixtieq nippreżenta ngħidu aħna l-Prietki 17 u 18, iddedikati għal tema dejjem attwali, dik tal-għana u tal-faqar fil-komunitajiet Insara. Anki f’dan il-qasam il-belt kienet għaddejja minn tensjonijiet kbar. L-għana kien jinġema’ u jinħeba. “Wieħed mhux jaħseb fil-bżonn tal-ieħor”, jgħid bi swied il-qalb l-Isqof fis-sbatax-il Prietka tiegħu. “Fil-fatt ħafna Nsara mhux biss ma jaqsmux ġidhom, imma jisirqu wkoll dak tal-oħrajn. Mhux biss, ngħid jien, meta jiġbru flushom ma jeħduhomx f’riġlejn l-Appostli, imma saħansitra jkaxkru bogħod minn riġlejn is-saċerdoti lil ħuthom li qed ifittxu l-għajnuna”. U jagħlaq: “Fil-belt tagħna hawn ħafna viżitaturi jew pellegrini. Agħmlu dak li wegħedtu” meta ħadtu l-fidi, “biex ma jingħadx lilkom ukoll dak li ntqal lil Ananija: ‘Mhux lill-bnedmin gdibt, imma lil Alla’” (Prietka 17,2-3).

 

Fil-Prietka ta’ wara, it-tmintax-il waħda, Massimu jikkundanna xejriet rikorrenti ta’ abbużi minn fuq dahar id-diżgrazzji ta’ ħaddieħor. “Għidli, Nisrani”, hekk l-Isqof iċanfar lill-fidili tiegħu, “għidli: għaliex ħtaft il-priża mwarrba mill-ħattafa tagħha? Għaliex daħħalt f’darek ‘gwadann’, kif int stess taħseb, żbranat u mniġġes?”. “Imma forsi”, ikompli, “inti tgħid li xtrajthom, u għalhekk taħseb li tista’ taħrab l-akkuża tar-regħba. Imma mhuwiex b’dan il-mod li tista’ tqabbel ix-xiri mal-bejgħ. Li tixtri hi ħaġa sewwa, imma fi żmien il-paċi dak li jista’ jinbiegħ liberament, mhux fi żmien il-ħtif dak li ġie misruq… Mela ġib ruħek ta’ Nisrani u ta’ ċittadin li jixtri biex irodd lura” (Prietka 18,3). Mingħajr ma jagħmilha ovvja żżejjed, Massimu allura jasal biex jipprietka relazzjoni profonda bejn id-dmirijiet tan-Nisrani u dawk taċ-ċittadin. F’għajnejh, li tgħix il-ħajja Nisranija jfisser ukoll tassumi l-impenji ċivili tiegħek. Bil-maqlub, kull Nisrani li, “imqar jekk jista’ jgħix bix-xogħol tiegħu, jaħtaf il-priża ta’ ħaddieħor bil-qilla ta’ bhejjem slavaġ”; li “jhedded lill-ġar tiegħu, li ta’ kuljum jipprova jnaqqar mill-konfini ta’ ħaddieħor, li jagħmel tiegħu l-prodotti tagħhom”, lanqas ixxebbhu mal-volpi li jħanxar ras it-tiġieġ, imma mal-lupu li jħarbat il-ħnieżer (Prietka 41,4).

 

Meta tqabbel l-atteġġjament prudenti ta’ difiża li ħa Ambroġ biex jiġġustifika l-inizjattiva famuża tiegħu li jifdi lill-priġunieri tal-gwerra, joħorġu b’mod ċar il-bidliet storiċi li seħħu fir-relazzjoni bejn l-Isqof u l-istituzzjonijiet tal-belt. Issa appoġġjat minn liġi li kienet tħeġġeġ lill-Insara jeħilsu l-priġunieri, Massimu, quddiem l-awtoritajiet ċivili tal-Imperu Ruman li kienu qed jikkrollaw, ħassu awtorizzat biżżejjed biex f’dan is-sens iħaddem setgħa vera ta’ kontroll fuq il-belt. Din is-setgħa mbagħad kellha ssir dejjem iktar wiesgħa u effikaċi, li għamlet tajjeb għan-nuqqasijiet tal-maġistrati u tal-istituzzjonijiet ċivili. F’dan il-kuntest Massimu mhux biss ħadem biex ikebbes mill-ġdid fil-fidili l-imħabba tradizzjonali lejn il-patrija, imma xandar ukoll id-dmir preċiż li wieħed iħallas it-taxxi dovuti, jidhru kemm jidhru piżijiet tqal (Prietka 26,2). F’kelma waħda, it-ton u s-sustanza tal-Prietki jissupponu għarfien ikbar tar-responsabbiltà politika tal-Isqof fiċ-ċirkustanzi storiċi speċifiċi. Huwa qisu “t-torri tal-għassa” fil-belt. Min huma dawn it-torrijiet, jistaqsi fil-fatt Massimu fil-Prietka 92, “jekk mhux l-imqaddsa Isqfijiet li, imqiegħda biex ngħidu hekk fuq blata għolja ta’ għerf għall-ħarsien tal-popli, jilmħu mill-bogħod id-deni li riesaq lejhom?”. U fil-Prietka 89 l-Isqof ta’ Turin juri lill-fidili l-ħidmiet tagħhom x’inhuma, billi jinqeda b’paragun uniku bejn il-funzjoni episkopali u dik tan-naħal: “Bħan-naħla”, jgħid hu, l-Isqfijiet “josservaw il-kastità tal-ġisem, jagħtu l-ikel tal-ħajja tas-sema, jużaw it-tingiża tal-liġi. Huma safja biex iqaddsu, ħelwin biex iserrħu, ibsin biex jikkastigaw”. Hekk San Massimu jfisser il-ħidma tal-Isqof fi żmienu.

 

Kollox ma’ kollox, l-analiżi storika u letterarja turi għarfien dejjem jikber tar-responsabblità politika tal-awtorità ekkleżjastika, f’kuntest li fih din bdiet tieħu post dik ċivili. Din hi fil-fatt il-linja ta’ żvilupp tal-ministeru tal-Isqof fil-majjistral tal-Italja, ibda minn Ewsebju, li “bħal monaku” għex f’beltu Vercelli, sa Massimu ta’ Turin, imqiegħed bħal “sentinella” fuq l-ogħla blata tal-belt. Huwa evidenti li l-kuntest storiku, kulturali u soċjali llum hu differenti qatigħ. Il-kuntest tal-lum pjuttost hu dak li semma l-Predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Eżortazzjoni postsinodali Ecclesia in Europa, fejn hu joffri analiżi mirquma tal-isfidi u tas-sinjali ta’ tama għall-Knisja fl-Ewropa llum (6-22). Hu x’inhu, barra l-kundizzjonijiet li nbidlu, jibqgħu dejjem validi d-dmirijiet li kull min jemmen għandu lejn il-belt tiegħu u art twelidu. In-nisġa tal-impenji taċ-“ċittadin onest” ma’ dawk tan-“Nisrani tajjeb” xejn affattu ma għadda żmienha.

 

Biex nagħlaq, nixtieq infakkar f’dak li tgħid il-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes biex tixħet dawl fuq wieħed mill-aspetti l-aktar importanti tal-għaqda tal-ħajja tan-Nisrani: il-koerenza bejn fidi u mġiba, bejn Vanġelu u kultura. Il-Konċilju jħeġġeġ lill-fidili “biex ifittxu jaqdu sewwa d-dmirijiet tagħhom tal-art, immexxijin mill-ispirtu tal-Evanġelju. Jiżbaljaw dawk li, għax jafu li hawn m’għandniex belt li tibqa’ għal dejjem imma qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi, jaħsbu li b’hekk jistgħu jħallu fil-ġenb id-dmirijiet tagħhom tal-art u ma jirriflettux li għall-kuntrarju hija sewwasew il-fidi stess li tobbligahom aktar li jħarsuhom skont is-sejħa ta’ kull wieħed” (n. 43). Fuq il-passi tal-maġisteru ta’ San Massimu u ta’ ħafna Missirijiet oħra, nagħmlu tagħna l-awgurju tal-Konċilju, li l-fidili jkunu dejjem iżjed xewqana li “jwettqu l-ħidmiet tagħhom kollha billi jgħaqqdu l-isforzi tagħhom umani, familjari, professjonali, xjentifiċi u tekniċi, f’sintesi waħda ta’ ħajja mal-valuri reliġjużi li taħt it-tmexxija għolja tagħhom il-ħwejjeġ kollha jkunu kkordinati għall-glorja ta’ Alla” (ibid.) u hekk għall-ġid tal-umanità.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard