Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 28 ta’ Novembru 2007

 

San Efrem, is-Sirjan

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-fehma komuni tal-lum, il-Kristjaneżmu hu reliġjon Ewropea, li mbagħad esportat il-kultura ta’ dan il-Kontinent f’pajjiżi oħra. Imma r-realtà hi ħafna iżjed kumplessa minn hekk, għax l-għeruq tar-reliġjon Nisranija nsibuhom fit-Testment il-Qadim u allura f’Ġerusalemm u fid-dinja Semitika. Il-Kristjaneżmu jixrob dejjem minn dawn l-għeruq tat-Testment il-Qadim. Anki l-espansjoni tiegħu fl-ewwel sekli seħħet kemm lejn il-Punent – lejn id-dinja Griega-Latina, fejn imbagħad nebbaħ il-kultura Ewropea – u kemm lejn il-Lvant, sal-Persja, l-Indja, u hekk ta kontribut biex nibtet kultura speċifika, b’ilsna Semitiċi, b’identità tagħha. Biex nuri dawn il-ħafna xejriet kulturali tal-fidi waħda Nisranija tal-bidu, fil-katekeżi tal-Erbgħa li għaddiet tkellimt fuq rappreżentant ta’ dan il-Kristjaneżmu l-ieħor, Afrate, il-Persjan għaref, li bilkemm nafuh. Fl-istess linja llum nixtieq nitkellem fuq San Efrem tas-Sirja, li twieled Nisibis lejn is-sena 306 f’familja Nisranija. Hu kien l-aktar rappreżentant insinji tal-Kristjaneżmu ta’ lingwa Sirjaka u rnexxielu jbewwes b’mod uniku l-vokazzjoni ta’ teologu ma’ dik ta’ poeta. Ifforma ruħu u kiber qrib Ġakbu, Isqof ta’ Nisibis (303-338), u flimkien miegħu waqqaf l-iskola teoloġika ta’ beltu. Ordnat djaknu, għex intensament il-ħajja tal-komunità Nisranija lokali sas-sena 363, is-sena li fiha Nisibis waqgħet f’idejn il-Persjani. Hawn Efrem emigra lejn Edessa, fejn kompla bil-ħidmiet tiegħu ta’ predikatur. Miet f’din il-belt fit-373, għax spiċċa ttieħed hu wkoll mill-morda tal-pesta li kien jikkura. Ma nafux b’ċertezza kienx monaku, imma hu x’inhu, hu żgur li baqa’ djaknu għal ħajtu kollha u li ħaddan il-verġinità u l-faqar. Hekk fl-ispeċifiċità tal-espressjoni kulturali tiegħu tidher l-identità komuni u fundamentali Nisranija: il-fidi, it-tama – din it-tama li tippermetti li wieħed jgħix fqir u kast fid-dinja, għax jixxennaq f’kollox għall-Mulej – u fl-aħħar nett l-imħabba, sal-għotja tiegħu nnifsu fil-kura tal-morda bil-pesta.

 

San Efrem ħallielna wirt teoloġiku kbir. Il-produzzjoni konsiderevoli tiegħu tista’ tiġborha f’erba’ kategoriji: kitbiet ta’ proża ordinarja (l-opri polemiċi tiegħu, jew aħjar il-kummentarji bibliċi); opri ta’ proża poetika; omeliji metriċi; u fl-aħħar nett l-innijiet, li żgur huma l-aktar opra wiesgħa ta’ Efrem. Huwa awtur għani u interessanti għal diversi aspetti, imma speċjalment minn lenti teoloġika. L-ispeċifiċità tax-xogħol tiegħu hi li fih jiltaqgħu flimkien teoloġija u poeżija. Jekk irridu nersqu lejn it-tagħlim tiegħu, irridu ninsistu sa mill-bidu fuq dan: fuq il-fatt li hu t-teoloġija jagħmilha f’bixra poetika. Il-poeżija tippermettilu li jinżel fil-fond tar-riflessjoni teoloġika permezz ta’ paradossi u xbihat. Fl-istess waqt it-teoloġija tiegħu ssir liturġija, issir mużika: fil-fatt hu kien kompożitur kbir, mużiċista. Teoloġija, riflessjoni fuq il-fidi, poeżija, kant, tifħir lil Alla, kollha jmorru flimkien; u hu proprju f’dan il-karattru liturġiku li fit-teoloġija ta’ Efrem tidher b’mod ċar il-verità divina. Fit-tiftix tiegħu ta’ Alla, fil-mod kif jagħmel teoloġija, huwa jimxi fit-triq tal-paradoss u tas-simbolu. Ix-xbihat imqiegħda kontra xulxin huma pprivileġġjati qatigħ minnu, għax jaqduh biex jagħfas fuq il-misteru ta’ Alla.

 

Hawn ma nistax nippreżenta wisq minnu, anki għax il-poeżija diffiċli tittraduċiha, imma biex nagħti tal-inqas idea tat-teoloġija poetika tiegħu, nixtieq nikkwota parti minn żewġ innijiet. Qabelxejn, anki fid-dawl tal-Avvent li riesaq, nipproponilkom xi xbihat mill-isbaħ meħuda mill-Innijiet fuq in-Natività ta’ Kristu. Quddiem il-Verġni, Efrem juri b’ton imnebbaħ il-ġmiel kollu tagħha:

 

“Il-Mulej ġie fiha

biex isir qaddej.

Il-Verb ġie fiha

biex jiskot fil-ġuf tagħha.

Ir-ragħad ġie fiha

biex ma jagħmel ebda ħoss.

Ir-Ragħaj ġie fiha

u araw il-Ħaruf imwieled, bil-bikja dgħajfa tiegħu.

Għax il-ġuf ta’ Marija

qaleb l-ordni tal-ħwejjeġ:

Dak li ħalaq kollox

daħal u ħa pussess tiegħu, imma fil-faqar.

L-Aktar Għoli niżel fiha (Marija),

imma daħal umli.

Il-ġmiel ġie fiha,

imma mlibbes bi drapp fqajjar.

Dak li jsawwab kull ġid

tah il-ġuħ.

Dak li jisqi lil kulħadd

tah il-għatx.

Għeri u mneżża’ ħareġ minn ġo fiha,

Dak li jlibbes (bil-ġmiel) il-ħwejjeġ kollha”

(Innu fuq in-Natività 11, 6-8).

 

Biex jesprimi l-misteru ta’ Kristu, Efrem jinqeda b’firxa kbira ta’ temi, ta’ espressjonijiet, ta’ xbihat. F’wieħed mill-innijiet tiegħu, hu jorbot b’mod effikaċi lil Adam (fil-ġenna tal-art) ma’ Kristu (fl-Ewkaristija):

 

“Bix-xabla tal-kerubin

ingħalqet

it-triq għas-siġra tal-ħajja.

Imma għas-saħħa tal-ġnus,

Sid din is-siġra

ngħata bħala ikel

hu nnifsu fis-sagrifiċċju (Ewkaristiku).

Is-siġar tal-Għeden

ingħataw bħala ikel

għall-għajxien tal-ewwel Adam.

Għas-saħħa tagħna, il-ġennien

tal-Ġnien innifsu

sar ikel

għar-ruħ tagħna.

Fil-fatt aħna lkoll konna ħriġna

mill-Ġenna flimkien ma’ Adam,

li ħallieha warajh.

Issa li x-xabla tneħħiet

hemm isfel (fuq is-salib) mil-lanza,

aħna nistgħu nerġgħu lura fiha”

(Innu 49,9-11).

 

Biex jitkellem dwar l-Ewkaristija, Efrem jinqeda b’żewġ xbihat: il-ġamra taqbad u l-perla. It-tema tal-ġamra ħadha mill-profeta Iżaija (ara 6:6). Hija x-xbieha tas-Serafin, li jaqbadha bi mqass, u sempliċiment imiss xofftejn il-profeta biha biex isaffihom; in-Nisrani, min-naħa tiegħu, imiss u jiekol il-Ġamra taqbad, li hu Kristu nnifsu:

 

“Fil-ħobż tiegħek hemm moħbi l-Ispirtu,

li ma jistax jittiekel;

fl-inbid tiegħek hemm in-nar, li ma jistax jinxtorob.

L-Ispirtu fil-ħobż tiegħek, in-nar fl-inbid tiegħek:

dan hu l-għaġeb li jilqgħu xofftejna.

Is-Serafin ma setax iressaq subgħajh lejn il-ġamra,

li tressqet biss lejn fomm Iżaija;

la s-subgħajn ma qabduha, lanqas ix-xufftejn ma belgħuha;

imma lilna l-Mulej tana li nagħmlu t-tnejn li huma.

In-nar niżel bil-korla biex jeqred il-midinbin,

imma n-nar tal-grazzja jinżel fuq il-ħobż u jibqa’ fih.

Flok in-nar li jeqred lill-bniedem,

aħna kilna min-nar fil-ħobż

u ħadna l-ħajja”

(Innu fuq il-fidi 10,8-10).

 

U hawn mill-ġdid eżempju ieħor mill-innijiet ta’ San Eferem, fejn hu jitkellem dwar il-perla bħala simbolu tal-għana u tal-ġmiel tal-fidi:

 

“Poġġejt (il-perla), ħuti, fuq il-wiċċ ta’ idi,

biex stajt ngħarbilha bir-reqqa.

Qgħadt ngħarbilha minn naħa u minn oħra:

kellha l-istess dehra minn kull naħa.

(Hekk) hi impenetrabbli t-tiftixa tal-Iben,

għax hija kollha dawl.

Fiċ-ċarezza tagħha, jiena lmaħt lis-Safi,

li ma jiċċajparx;

u fis-safa tagħha,

is-sinjal kbir tal-ġisem ta’ Sidna,

li hu safi.

Fl-għaqda tagħha li ma tinfiridx, jiena lmaħt il-verità,

li ma tistax tinqasam”

(Innu dwar il-perla 1,2-3).

 

Il-figura ta’ Efrem għadha għalkollox attwali għall-ħajja tad-diversi Knejjes Insara. Niskopruh qabelxejn bħala teologu, li ibda mill-Iskrittura Mqaddsa jirrifletti poetikament fuq il-misteru tal-fidwa tal-bniedem imwettaq minn Kristu, il-Verb ta’ Alla inkarnat. Din tiegħu hi riflessjoni teoloġika espressa bi xbihat u simboli meħuda min-natura, mill-ħajja ta’ kuljum u mill-Bibbja. Lill-poeżija u lill-innijiet għal-liturġija, Efrem jagħtihom karattru didattiku u kateketiku; huma innijiet teoloġiċi u fl-istess ħin adatti biex jingħadu jew jitkantaw fil-liturġija. Efrem jinqeda b’dawn l-innijiet biex ixerred, fl-okkażjoni tal-festi liturġiċi, it-tagħlim tal-Knisja. Maż-żmien huma dehru bħala mezz kateketiku estremament effikaċi għall-komunità Nisranija.

 

Importanti hi r-riflessjoni ta’ Efrem fuq it-tema ta’ Alla ħallieq: xejn fil-ħolqien ma hu iżolat, u d-dinja hi, flimkien mal-Iskrittura Mqaddsa, Bibbja ta’ Alla. Meta juża b’mod żbaljat il-libertà tiegħu, il-bniedem jaqleb ta’ taħt fuq l-ordni tal-univers. Għal Efrem hu rilevanti r-rwol tal-mara. Il-mod li bih jitkellem dwarha hu dejjem imnebbaħ minn sensibbiltà u rispett: l-għamara ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija refgħet bil-kbir id-dinjità tal-mara. Għal Efrem, kif ma hemmx fidwa mingħajr Ġesù, hekk ma hemmx inkarnazzjoni mingħajr Marija. Id-dimensjonijiet divini u umani tal-misteru tal-fidwa tagħna diġà nsibuhom fit-testi ta’ Efrem; b’mod poetiku u bi xbihat fundamentalment Skritturistiċi, hu jantiċipa l-isfond teoloġiku u b’xi mod l-istess lingwaġġ tad-definizzjonijiet il-kbar Kristoloġiċi tal-Konċilji tal-ħames seklu.

 

Efrem, imweġġaħ mit-tradizzjoni Nisranija bit-titlu ta’ “ċetra tal-Ispirtu s-Santu”, baqa’ djaknu tal-Knisja tiegħu għal ħajtu kollha. Kienet għażla deċiżiva u emblematika: hu kien djaknu, jiġifieri qaddej, kemm fil-ministeru liturġiku, kemm, b’mod iżjed radikali, fl-imħabba għal Kristu, li hu għanna b’mod li ma deherx ieħor bħalu, u kemm fl-aħħar nett fil-karità lejn l-aħwa, li hu b’maestrija rari introduċa fl-għarfien tar-Rivelazzjoni divina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard