Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 25 ta’ April 2007

 

Oriġene ta’ Lixandra

I: Ħajtu u kitbietu

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-meditazzjonijiet tagħna fuq il-personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem illum niġu għal waħda mill-aktar notevoli. Oriġene ta’ Lixandra hu tassew waħda mill-personalitajiet determinanti għall-iżvilupp kollu tal-ħsieb Nisrani. Hu jiġbor il-wirt ta’ Klement ta’ Lixandra, li fuqu mmeditajna l-Erbgħa li għadda, u jnidieh mill-ġdid lejn il-futur b’mod hekk innovattiv li kkawża żvolta irriversibbli fil-iżvilupp tal-ħsieb Nisrani. Kien tassew “mgħallem”, u hekk kienu jfakkruh b’nostalġija u sentimenti sbieħ l-alljievi tiegħu: mhux biss teologu brillanti, imma xhud eżemplari tat-tagħlim li kien jgħaddi. “Huwa għallem”, jikteb Ewsebju ta’ Ċesarija, bijografu mħeġġeġ tiegħu, “li l-imġiba għandha taqbel f’kollox mal-kelma, u kien fuq kollox għalhekk li, megħjun mill-grazzja ta’ Alla, wassal lil ħafna biex jixbhuh” (Storja Ekkl. 6,3,7).

 

Ħajtu kollha għexha b’xenqa bla heda għall-martirju. Kellu sbatax-il sena meta, fl-għaxar sena tal-Imperatur Settimu Severu, f’Lixandra faqqgħet il-persekuzzjoni kontra l-Insara. Klement, l-għalliem tiegħu, ħalla l-belt, u missier Oriġene, Leonide, ġie mixħut il-ħabs. Ibnu kellu ħeġġa kbira għall-martirju, imma ma setax iwettaq din ix-xewqa. Għalhekk kiteb lil missieru, u talbu biex ma jċedix milli jagħti l-ogħla xhieda tal-fidi. U meta lil Leonide qatgħulu rasu, iż-żagħżugħ Oriġene ħass li kellu jilqa’ l-eżempju ta’ ħajtu. Erbgħin sena wara, huwa u jipprietka f’Ċesarija, stqarr hekk: “Xejn ma jiswieli li missieri miet martri, jekk ma jkollix imġiba tajba u ma nagħmilx ġieħ lin-nobbiltà tar-razza tiegħi, jiġifieri lill-martirju ta’ missieri u x-xhieda li għamlitu hekk kbir fi Kristu” (Om. fuq Eżekjel 4,8). F’omelija aktar tard – meta, grazzi għat-tollerenza estrema tal-Imperatur Filippu l-Għarbi, donnha kienet sfumat għalkollox l-eventwalità ta’ xhieda biċ-ċarċir tad-demm – Oriġene stqarr: “Li kieku Alla tani li ninħasel f’demmi, u hekk nirċievi t-tieni magħmudija għax inkun ilqajt il-mewt għal Kristu, kont nitlaq fiż-żgur minn din id-dinja… Imma henjin dawk li jistħoqqilhom ħwejjeġ bħal dawn” (Om. fuq l-Imħallfin 7,12). Dawn l-espressjonijiet jikxfu n-nostalġija kollha li kellu Oriġene għall-magħmudija tad-demm. U fl-aħħar nett din ix-xewqa irreżistibbli, almenu f’parti minnha, qalagħha. Fis-sena 250, waqt il-persekuzzjoni ta’ Deċju, Oriġene ġie arrestat u ttorturat bi ħruxija kbira. Mifni bit-tbatijiet li ġarrab, miet xi sena wara. Kien għad mank kellu sebgħin sena.

 

Semmejna dik l-“iżvolta irreversibbli” li Oriġene ħalla fl-istorja tat-teoloġija u tal-ħsieb Nisrani. Imma fiex tikkonsisti din l-“iżvolta”, dan l-aspett ġdid li tant ġab konsegwenzi miegħu? Sostanzjalment tikkorrispondi għall-bidu tat-teoloġija fit-tifsir tal-Iskrittura. It-teoloġija għalih essenzjalment kienet li jfisser, ifiehem l-Iskrittura; jew nistgħu ngħidu wkoll li t-teoloġija tiegħu hi ż-żwieġ perfett bejn teoloġija u eseġesi. Fil-verità, it-timbru proprju tad-duttrina ta’ Oriġene donnu qiegħed sewwasew fl-istedina bla waqfien li jagħmlilna biex ngħaddu mill-ittra għall-ispirtu tal-Iskrittura, biex nimxu ’l quddiem fl-għarfien ta’ Alla. U dan l-hekk imsejjaħ “allegoriżmu”, kiteb von Balthasar, jaqbel preċiżament “mal-iżvilupp tad-domma Nisranija mwettaq mit-tagħlim tad-dutturi tal-Knisja”, li – min b’mod u min b’ieħor – laqgħu l-“lezzjoni” ta’ Oriġene. Hekk it-Tradizzjoni u l-Maġisteru, pedament u garanzija tat-tiftix teoloġiku, jaslu biex jitwaħħdu flimkien fi “Skrittura fis-seħħ” (ara Oriġene, Il mondo, Cristo e la Chiesa [Id-dinja, Kristu u l-Knisja], tr. Tal., Milan 1972, p. 43). Nistgħu ngħidu allura li l-qalba ċentrali tal-opra letterarja immensa ta’ Oriġene tikkonsisti fil-“qari tripliku” tiegħu tal-Bibbja. Imma qabel ma nuru x’inhu dan il-“qari” jeħtieġ nagħtu ħarsa sħiħa lejn il-produzzjoni letterarja ta’ Oriġene ta’ Lixandra. San Ġirolmu fl-Epistola 33 tiegħu jagħtina lista tal-ismijiet ta’ 320 ktieb u ta’ 310 omeliji ta’ Oriġene. B’xorti ħażina, il-parti l-kbira ta’ din l-opra ntilfet, imma anki l-ftit li baqgħalna jagħmlu minnu l-awtur l-aktar prolifiku tal-ewwel tliet sekli tal-Kristjaneżmu. Il-firxa ta’ interessi tiegħu titwessa’ mill-eseġesi għad-domma, għall-filosofija, għall-apoloġetika, għall-axxetika u għall-mistika. Hija viżjoni fundamentali u globali tal-ħajja Nisranija.

 

Il-qalba li tnebbaħ din l-opra hi, kif aċċennajna, il-“qari tripliku” tal-Iskrittura żviluppata minn Oriġene tul ħajtu. B’din l-espressjoni qed nalludu għat-tliet modi l-aktar importanti – mhux tant wara xulxin, imma spiss imqegħdin fuq xulxin – li bihom Oriġene ddedika ruħu għall-istudju tal-Iskrittura. Qabelxejn hu qara l-Bibbja bil-fehma li jaċċerta t-test tagħha u joffri l-aħjar edizzjoni tagħha. Dan hu l-ewwel pass: li tkun taf tassew x’hemm miktub u tagħraf din l-Iskrittura x’kellha l-ħsieb li tgħid fil-bidu. Għamel studju kbir b’dan il-għan u ġabar edizzjoni tal-Bibbja b’sitt kolonni ħdejn xulxin, mix-xellug għal-lemin, bit-test Lhudi b’karattri fl-Ebrajk – hu kellu wkoll kuntatt mar-rabbini biex seta’ jifhem tajjeb it-test oriġinali Lhudi tal-Bibbja –, imbagħad it-test Lhudi translitterat f’karattri Griegi, u mbagħad erba’ traduzzjonijiet differenti fl-ilsien Grieg, biex b’hekk seta’ jqabbel id-diversi possibbiltajiet ta’ traduzzjoni. Minn hawn it-titlu ta’ Esapla (“sitt kolonni”) attribwit lil din is-sinossi enormi. Dan hu l-ewwel punt: li tkun taf eżattament x’hemm miktub, it-test bħala tali.

 

It-tieni nett, Oriġene qara sistematikament il-Bibbja bil-Kummentarji ċelebri tiegħu. Dawn jirriproduċu fedelment l-ispjegazzjonijiet li l-imgħallem kien joffri fil-ħin tal-iskola, f’Lixandra u f’Ċesarija wkoll. Oriġene jimxi kważi vers b’vers, b’mod metikoluż, wiesa’ u fil-fond, b’noti ta’ karattru filoloġiku u duttrinali. Hu jaħdem b’eżattezza kbira biex jagħraf tajjeb x’riedu jgħidu l-awturi sagri.

 

Fl-aħħar nett, imqar minn qabel l-ordinazzjoni presbiterali tiegħu, Oriġene ddedika ruħu ħafna għall-predikazzjoni tal-Bibbja, u kellu ħila jadatta għal pubbliku magħmul minn firxiet wiesgħa ta’ semmiegħa. Hu x’inhu, mill-Omeliji joħroġ ukoll l-imgħallem, mogħti kollu kemm hu għall-interpretazzjoni sistematika tal-perikope li jkun qed jgħarbel, maqsuma biċċa biċċa vers wara l-ieħor. Anki fl-Omeliji Oriġene jaħtaf kull okkażjoni biex ifakkar fid-diversi dimensjonijiet tas-sens tal-Iskrittura Mqaddsa, li jgħinu jew jesprimu mixja li fiha wieħed jikber fil-fidi: hemm is-sens “litterali”, imma dan jostor ħwejjeġ profondi li ma jidhrux mal-ewwel daqqa t’għajn; it-tieni dimensjoni hi s-sens “morali”, x’għandna nagħmlu biex ngħixu l-Kelma; u fl-aħħar nett is-sens “spiritwali”, jiġifieri l-għaqda tal-Iskrittura kollha, li fl-iżvilupp sħiħ tagħha titkellem dwar Kristu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nifhmu l-kontenut Kristoloġiku u allura l-għaqda tal-Iskrittura fid-diversità tagħha. Interessanti nuruh dan. Ippruvajt xi ftit, fil-ktieb tiegħi Ġesù ta’ Nazaret, nuri fil-qagħda tal-lum dawn id-diversi dimensjonijiet tal-Kelma, tal-Iskrittura Mqaddsa, li qabelxejn għandha dejjem tiġi rrispettata fis-sens storiku tagħha. Imma dan is-sens jeħodna iktar lil hemm, lejn Kristu, fid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, u jurina t-triq, kif għandna ngħixu. Naqraw dwar dan, ngħidu aħna, fid-disa’ Omelija fuq in-Numri, fejn Oriġene jqabbel l-Iskrittura Mqaddsa ma’ ġewża: “Hekk hi d-duttrina tal-Liġi u tal-Profeti fl-iskola ta’ Kristu”, jafferma l-omelista; “morra hi l-ittra, li hi bħall-qoxra iebsa; imbagħad tasal għall-qoxra ta’ ġewwa, li hi d-duttrina morali; u fit-tielet post issib it-tifsira tal-misteri, mnejn jitrejqu l-erwieħ tal-qaddisin fil-ħajja ta’ issa u f’dik li ġejja” (9,7).

 

Fuq kollox minn din it-triq Oriġene jasal biex iħeġġeġ u jikkonvinċi għall-“qari Nisrani” tat-Testment il-Qadim, waqt li jxejjen b’mod brillanti l-isfida ta’ dawk l-eretiċi – fuq kollox Njostiċi u Marċjoniti – li kienu jpoġġu kontra xulxin iż-żewġ Testmenti u waslu biex ċaħdu l-Qadim. Dwar dan, fl-istess Omelija fuq in-Numri Oriġene jistqarr: “Jien ma nsejjaħx il-Liġi ‘Testment Qadim’, jekk nifhimha fid-dawl tal-Ispirtu. Il-Liġi ssir ‘Testment Qadim’ biss għal dawk li jridu jifhmuha skont il-ġisem”, jiġifieri jaslu biss sal-ittra tat-test. Imma “għalina, li nifhmuha u nħaddmuha fl-Ispirtu u fis-sens tal-Vanġelu, il-Liġi hija dejjem ġdida, u ż-żewġ Testmenti huma għalina Testment ġdid, mhux minħabba d-data taż-żmien tagħhom, imma minħabba t-tifsira ġdida… Imma, għall-midneb u għal dawk li ma jirrispettawx il-patt tal-imħabba, imqar il-Vanġeli jeqdiemu” (9,4).

 

Nistedinkom – u nagħlaq hawn – biex tilqgħu fi qlubkom it-tagħlim ta’ dan l-imgħallem kbir tal-fidi. Hu jfakkarna b’ħeġġa qawwija li, fil-qari tal-Iskrittura fi spirtu ta’ talb u fl-impenn koerenti tal-ħajja, il-Knisja dejjem tiġġedded u tibqa’ żagħżugħa. Il-Kelma ta’ Alla, li ma teqdiem qatt, u lanqas tispiċċa, hi mezz ipprivileġġjat għal dan il-għan. Fil-fatt hija l-Kelma ta’ Alla li, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, tiggwidana dejjem mill-ġdid lejn il-verità sħiħa (ara Benedittu XVI, Lill-parteċipanti fil-Kungress Internazzjonali għall-XL anniversarju tal-Kostituzzjoni dommatika “Dei Verbum”, f’Insegnamenti, vol. I, 2005, pp. 552-553). U nitolbu lill-Mulej jagħtina llum ħassieba, teologi, eseġeti li jsibu din il-multidimensjonalità, din l-attwalità permanenti tal-Iskrittura Mqaddsa, il-messaġġ ġdid tagħha għal-lum. Nitolbu li l-Mulej jgħinna naqraw fi spirtu ta’ talb l-Iskrittura Mqaddsa, biex nitrejqu tassew mill-veru ħobż tal-ħajja, mill-Kelma tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard