Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 24 ta’ Ottubru 2007

 

Sant’Ambroġ

 

Għeżież ħuti,

 

L-Isqof qaddis Ambroġ – li dwaru se nkellimkom illum – miet f’Milan fil-lejl bejn it-3 u l-4 ta’ April 397. Kien sbiħ Sibt il-Għid. Il-ġurnata ta’ qabel, lejn il-5.00pm, kien beda jitlob, mixħut fis-sodda, b’dirgħajh miftuħa f’għamla ta’ salib. U hekk ħa sehem, fit-Tridu solenni tal-Għid, fil-mewt u l-qawmien tal-Mulej. “Aħna stajna nilmħu xufftejh jitħarrku”, jixhed Pawlinu, id-djaknu fidil li fuq stedina ta’ Wistin kiteb il-Ħajja tiegħu, “imma leħnu ma stajniex nisimgħuh”. F’ħin minnhom, is-sitwazzjoni dehret sejra għall-agħar. Onoratu, Isqof ta’ Vercelli, li kien qed jassisti li Ambroġ u kien rieqed fis-sular ta’ fuq, ħassu mqajjem minn leħen li tennielu: “Qum, malajr! Ambroġ qed imut…”. Onoratu niżel jiġri – ikompli Pawlinu – “u ta lill-Qaddis il-Ġisem tal-Mulej. Malli ħadu u bela’ l-ostja, Ambroġ radd ruħu, u hekk ħa miegħu l-Vjatku mqaddes. Hekk ruħu, mitmugħa mill-virtujiet ta’ dak l-ikel, issa qed tgawdi l-kumpanji tal-anġli” (Ħajja 47). F’dik il-Ġimgħa l-Kbira tat-397 id-dirgħajn miftuħa beraħ ta’ Ambroġ fil-punt tal-mewt esprimew is-sehem mistiku tiegħu fil-mewt u l-qawmien tal-Mulej. Din kienet l-aħħar katekeżi tiegħu: fis-skiet tal-kliem, hu tkellem iżjed bix-xhieda ta’ ħajtu.

 

Ambroġ ma kienx imdaħħal wisq fiż-żmien meta miet. Bilkemm kellu sittin sena, ladarba kien twieled lejn is-sena 340 fi Treviri, fejn missieru kien Prefett tal-artijiet Galliċi. Il-familja tiegħu kienet Nisranija. Mal-mewt ta’ missieru, ommu ħaditu Ruma meta kien għadu tifel, u ħejjietu għall-karriera ċivili, u żguratlu istruzzjoni soda rettorika u ġuridika. Lejn it-370 ġie mibgħut imexxi l-provinċji tal-Emilja u l-Ligurja, bis-sede f’Milan. Proprju hemm kienet għaddejja l-ġlieda bejn ortodossi u Arjani, fuq kollox wara l-mewt tal-Isqof Arjan Awsenzju. Ambroġ indaħal fin-nofs biex iġib il-paċi bejn il-qlub taż-żewġ fazzjonijiet kontra xulxin, u l-awtorità tiegħu kienet hekk kbira li, imqar jekk kien għadu sempliċi katekumenu, il-poplu riedu bil-qawwa Isqof ta’ Milan.

 

Sa dak il-mument Ambroġ kien l-ogħla maġistrat tal-Imperu fit-tramuntana tal-Italja. Ippreparat qatigħ kulturalment, imma daqstant ieħor sajjem mill-għarfien tal-Iskrittura, l-Isqof il-ġdid minnufih inxteħet għall-istudju tagħhom. Tgħallem jagħraf u jikkummenta l-Bibbja mill-opri ta’ Oriġene, bla dubju ta’ xejn l-imgħallem tal-“iskola Lixandrina”. B’dan il-mod Ambroġ għadda għall-ambjent Latin il-meditazzjoni tal-Iskrittura li beda Oriġene, u daħħal fil-Punent il-prattika tal-lectio divina. Il-metodu tal-lectio wasal biex dawwal il-predikazzjoni u l-kitbiet kollha ta’ Ambroġ, li ħarġu sewwasew mis-smigħ fit-talb tal-Kelma ta’ Alla. Daħla ċelebri  ta’ waħda mill-katekeżijiet ta’ Ambroġ turi b’mod eċċellenti kif l-Isqof qaddis kien japplika t-Testment il-Qadim għall-ħajja Nisranija: “Meta konna naqraw l-istejjer tal-Patrijarki u s-sentenzi tal-Proverbji, ittrattajna ta’ kuljum il-morali”, qal l-Isqof ta’ Milan lill-katekumeni tiegħu u lill-imgħammdin ġodda, “sakemm, iffurmati u mgħallma minnhom, intom drajtu tidħlu fit-triq tal-Padri u timxu fl-ubbidjenza tal-preċetti divini” (Il-misteri 1,1). Fi kliem ieħor, l-imgħammdin ġodda u l-katekumeni, skont l-Isqof, wara li tgħallmu l-arti tal-ħajja tajba, issa setgħu jqisu ruħhom imħejjijin għall-misteri kbar ta’ Kristu.  Hekk il-predikazzjoni ta’ Ambroġ – li tirrappreżenta l-qalba li fuqha tinbena l-opra letterarja vasta tiegħu – titlaq mill-qari tal-Kotba mqaddsa (“il-Patrijarki”, jiġifieri l-Kotba Storiċi, u “l-Proverbji”, jiġifieri l-Kotba tal-Għerf), biex wieħed jgħix f’għaqda mar-Rivelazzjoni divina.

 

Huwa ċar li x-xhieda personali tal-predikatur u l-livell ta’ ħajja eżemplari tal-komunità Nisranija għandhom qawwa fuq l-effikaċja tal-predikazzjoni. Minn din il-perspettiva għandu sinifikat qawwi passaġġ mill-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin. Hu kien mar Milan bħala professur tar-rettorika; kien xettiku, għadu mhux Nisrani. Kien qed ifittex, imma ma kienx kapaċi jsib tassew il-verità Nisranija. Dak li mess il-qalb tal-għaref żagħżugħ Afrikan huwa u jfittex, dak li wasslu għall-konverżjoni defenittiva tiegħu, ma kinux qabelxejn l-omeliji sbieħ (imqar jekk apprezzati ferm minnu) ta’ Ambroġ. Pjuttost kienet ix-xhieda tal-Isqof u tal-Knisja tiegħu f’Milan, li kienet titlob u tkanta, magħquda f’ġisem wieħed: Knisja li kapaċi tieqaf kontra l-prepotenza tal-imperatur u ta’ ommu, li fl-ewwel jiem tas-sena 386 kienu reġgħu bdew jippretendu li jieħdu taħt idejhom binja tal-kult għaċ-ċerimonji tal-Arjani. Fil-binja li riedu jaħtfu – jirrakkonta Wistin – “il-poplu twajjeb tiegħek kien jishar… imħejji li jmut mal-isqof tiegħu”. Din ix-xhieda tal-Istqarrijiet hi prezzjuża, għax turi li kien hemm xi ħaġa tinħema fil-qalb ta’ Wistin, li jkompli: “Aħna, għad li konna għadna ma ssaħħanniex bin-nar tal-Ispirtu tiegħek, ħassejna ruħna mqanqlin minħabba l-istagħġib u l-inkwiet li kien hemm fil-belt” (Stqarrijiet, 9,7).

 

Mill-ħajja u mill-eżempju tal-Isqof Ambroġ, Wistin tgħallem jemmen u jipprietka. Nistgħu nirreferu għal prietka ċelebri tal-Afrikan, li stħaqqilha tiġi kkwotata bosta sekli wara fil-Kostituzzjoni Konċiljari Dei Verbum: “Jeħtieġ”, twissi fil-fatt id-Dei Verbum fin-nru 25, “li l-kjeriċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-Kelma, iżommu rwieħhom dejjem magħqudin mal-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta’ spiss u ta’ studju tajjeb, li ma jsirx ‘predikatur fieragħ tal-Kelma ta’ Alla minn barra, dak li ma jismagħhiex minn ġewwa’”. Minn Ambroġ kien tgħallem sewwasew dan is-“smigħ minn ġewwa”, din l-assidwità fil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa f’atteġġjament ta’ talb, biex hekk seta’ jilqa’ tassew fil-qalb tiegħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmilha tiegħu f’ħajtu.

 

Għeżież ħuti, nixtieq nipproponilkom mill-ġdid għamla ta’ “ikona Patristika” li, interpretata fid-dawl ta’ dak li għadna kemm għidna, tirrappreżenta b’mod effikaċi “l-qalba” tad-duttrina Ambrożjana. Fis-sitt ktieb tal-Istqarrijiet Wistin jirrakkonta l-laqgħa tiegħu ma’ Ambroġ, ċertament laqgħa ta’ importanza kbira fl-istorja tal-Knisja. Hu jniżżel testwalment li, meta kien imur għand l-Isqof ta’ Milan, spiss kien isibu impenjat ma’ catervæ ta’ persuni mimlija problemi, li hu kien jaħseb għall-ħtiġijiet tagħhom. Dejjem kien ikun hemm ringiela twila ta’ nies tistenna biex tkellem lil Ambroġ sabiex issib fih faraġ u tama. Meta Ambroġ ma kienx ikun magħhom, man-nies (u dan kien jiġri minħabba l-ftit żmien li kellu), jew kien ikun jaħji lil ġismu bl-ikel meħtieġ, jew kien ikun jitma’ lil ruħu bil-qari. Hawn Wistin jistagħġeb, għax Ambroġ kien jaqra l-Iskrittura b’fommu magħluq, b’għajnejh biss (ara Stqarrijiet 6,3). Fil-fatt, fl-ewwel sekli tal-ħajja Nisranija l-qari kien mifhum strettament għall-fini tax-xandir, u li wieħed jaqra b’vuċi għolja, anki għal min jaqra kien jagħmilha eħfef biex jifhem. Li Ambroġ kellu l-ħila jiġri minn paġna għall-oħra b’għajnejh biss, għal Wistin – kollu ammirazzjoni – kien ifisser ħila unika ta’ qari u ta’ familjarità mal-Iskrittura. U allura, f’dak il-“qari minn taħt l-ilsien”, fejn il-qalb tħabrek biex tilħaq l-intelliġenza tal-Kelma ta’ Alla – hawn hi “l-ikona” li qed nitkellmu fuqha –, nistgħu nilmħu l-metodu tal-katekeżi ta’ Ambroġ: hija l-Iskrittura nfisha, milqugħa b’mod intimu, li tissuġġerixxi l-kontenut li għandu jiġi mxandar biex iwassal għall-konverżjoni tal-qlub.

 

Hekk, skont il-maġisteru ta’ Ambroġ u ta’ Wistin, il-katekeżi ma tistax tifridha mix-xhieda tal-ħajja. Jista’ jkun ta’ siwi wkoll għall-katekista dak li jiena ktibt fl-Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu dwar it-teologu. Min jeduka għall-fidi ma jistax jirriskja li jidher bħal speċi ta’ buffu fuq palk, li qed jirreċta parti “tal-mestier”. Pjuttost – biex nużaw xbieha għażiża għal Oriġene, kittieb partikularment apprezzat minn Ambroġ – hu għandu jkun dejjem bħad-dixxiplu l-maħbub, li serraħ rasu fuq il-qalb tal-Imgħallem, u minn hemm fehem il-mod kif għandu jaħseb, jitkellem, iġib ruħu. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dixxiplu veru hu dak li jħabbar il-Vanġelu bl-aktar mod kredibbli u effikaċi.

 

Bħall-Appostlu Ġwanni, l-Isqof Ambroġ – li qatt ma kien jehda jtenni: “Omnia Christus est nobis!  Kristu hu kollox għalina!” – jibqa’ xhud awtentiku tal-Mulej. Bl-istess kelmiet tiegħu, mimlija mħabba għal Ġesù, nagħlqu hekk il-katekeżi tagħna: “Omnia Christus est nobis! Jekk trid iddewwi ġerħa, Huwa t-tabib; jekk telagħlek id-deni, Huwa l-għajn; jekk tħossok mifni mill-ħażen, Huwa l-ġustizzja; jekk int imxennaq għas-sema, Huwa t-triq; jekk tinsab fid-dlamijiet, Huwa d-dawl… Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej: hieni l-bniedem li jistkenn fih!” (Il-verġinità 16,99). Ħa nistkennu aħna wkoll fi Kristu. Hekk inkunu hienja u ngħixu fis-sliem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard