Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 23 ta’ Diċembru 2009

 

L-oriġni tal-Milied

 

Għeżież ħuti,

 

Bin-Novena tal-Milied, li qed niċċelebraw f’dawn il-jiem, il-Knisja tistedinna ngħixu b’mod intens u profond it-tħejjija għat-Twelid tal-Feddej, li issa hu fil-qrib. Ix-xewqa li lkoll inġorru f’qalbna hi li l-festa li ġejja tal-Milied tagħtina, qalb il-ġenn tal-ġranet tagħna, ferħ seren u profond biex inħallu tmissna b’idejha t-tjieba ta’ Alla tagħna u timliena b’kuraġġ ġdid.

 

Biex nifhmu aħjar it-tifsira tat-Twelid tal-Mulej nixtieq nagħmel aċċenn qasir għall-oriġni storika ta’ din is-solennità. Fil-fatt, is-Sena liturġika tal-Knisja għall-bidu ma żviluppatx madwar it-twelid ta’ Kristu, imma madwar il-fidi fil-qawmien tiegħu. Għalhekk l-eqdem festa Nisranija mhijiex il-Milied, imma l-Għid; fuq il-qawmien ta’ Kristu hi mibnija l-fidi Nisranija, għax hu fil-bażi tat-tħabbira tal-Vanġelu u minnu twieldet il-Knisja. Allura li nkunu Nsara jfisser ngħixu bħala nies tal-Għid, u nidħlu fid-dinamiżmu li beda mill-Magħmudija u li jwassalna biex immutu għad-dnub biex ngħixu ma’ Alla (ara Rum 6:4).

 

L-ewwel li stqarr b’mod ċar li Ġesù twieled fil-25 ta’ Diċembru kien Ippolitu ta’ Ruma, fil-kummentarju tiegħu għall-Ktieb tal-Profeta Danjel, miktub fis-sena 204. Xi eseġeta mbagħad iniżżel li f’dak il-jum kienet tiġi ċċelebrata l-festa tad-Dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, imwaqqfa minn Ġuda l-Makkabew fis-sena 164 qabel Kristu. Il-koinċidenza tad-dati allura tfisser li ma’ Ġesù, li deher bħala dawl ta’ Alla fil-lejl, twettqet tassew il-konsagrazzjoni tat-tempju, il-Miġja ta’ Alla fuq din l-art.

 

Fil-Kristjaneżmu l-festa tal-Milied ħadet xejra defenittiva fis-seklu 4, meta ħadet post il-festa Rumana tas-“Sol invictus”, ix-xemx mhux mirbuħa; hekk deher li t-twelid ta’ Kristu hu r-rebħa tad-dawl veru fuq id-dlamijiet tal-ħażen u tad-dnub. Madankollu, l-atmosfera spiritwali partikolari u intensa madwar il-Milied żviluppat fil-Medjuevu, grazzi għal San Franġisk ta’ Assisi, li kien innamrat b’mod qawwi mal-bniedem Ġesù, ma’ Alla-magħna. L-ewwel bijografu tiegħu, Tumas ta’ Celano, fil-Vita seconda jirrakkonta kif San Franġisk “kien jiċċelebra b’qima mill-aktar speċjali fuq il-festi l-oħrajn kollha t-Twelid tat-tfajjel Ġesù, u kien jgħid li din hi l-festa tal-festi, għaliex hi l-jum li fih Alla, li sar tarbija ċkejkna, beda jerda’ l-ħalib minn sider ta’ omm” (Fonti Francescane, n. 199, p. 492). Minn din id-devozzjoni partikulari lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni bdiet iċ-ċelebrazzjoni famuża tal-Milied fi Greccio. Aktarx li San Franġisk tnebbaħ għaliha mill-pellegrinaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa u mill-presepju ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma. Dak li kien jixgħel qalb il-Fqajjar ta’ Assisi kienet ix-xewqa li jduq b’mod konkret, ħaj u attwali l-kobor umli tal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Tarbija u li jwasslu b’ferħ lil kulħadd.

 

Fl-ewwel bijografija, Tumas ta’ Celano jitkellem fuq il-lejl tal-presepju ta’ Greccio b’mod ħaj u li jmiss il-qalb, u hekk joffri kontribut deċiżiv għat-tixrid tal-isbaħ tradizzjoni tal-Milied, dik tal-presepju. Fil-fatt, il-lejl ta’ Greccio radd lill-Kristjaneżmu l-intensità u l-ġmiel tal-festa tal-Milied, u eduka lill-Poplu ta’ Alla biex jilqa’ l-messaġġ l-iżjed awtentiku tagħha, is-sħana partikulari tagħha, u biex iħobb u jadura l-umanità ta’ Kristu. Din il-viżjoni partikulari tal-Milied offriet lill-fidi Nisranija dimensjoni ġdida. L-Għid kien ikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq il-qawwa ta’ Alla li tirbaħ fuq il-mewt, tniedi ħajja ġdida u tgħallimna nittmaw fid-dinja li għad trid tiġi. Ma’ San Franġisk u l-presepju tiegħu dehru l-imħabba sempliċi ta’ Alla, l-umiltà u t-tjieba tiegħu, li fl-Inkarnazzjoni tal-Verb juri ruħu lill-bnedmin biex jgħallimhom mod ġdid kif jgħixu u kif iħobbu.

 

Celano jirrakkonta li, f’dak il-lejl tal-Milied, Franġisku rċieva l-grazzja ta’ viżjoni tal-għaġeb. Ra mimduda bla ma tiċċaqlaq fil-maxtura tarbija ċkejkna, li qamet mir-raqda tagħha meta qorob lejha Franġisku. U jżid: “Lanqas ma nistgħu ngħidu li din id-dehra ma kinetx taqbel mal-fatti, għax it-tfajjel Ġesù, li kien ġie minsi fil-qlub ta’ ħafna, bil-grazzja tiegħu, u permezz tal-qaddej tiegħu San Franġisk ġie mqajjem, u t-tifkira tiegħu baqgħet imnaqqxa fil-qiegħnett tal-moħħ u tal-qalb tagħhom” (Vita prima, op. cit., n. 86, p. 307). Din ix-xena tfisser bi preċiżjoni kbira x’għaddew lill-festa Nisranija tal-Milied il-fidi ħajja u l-imħabba ta’ Franġisku għall-umanità ta’ Kristu: l-iskoperta li Alla juri ruħu fil-ġisem tari tal-Bambin Ġesù. Grazzi għal San Franġisk, il-poplu Nisrani seta’ jifhem li fil-Milied Alla tabilħaqq sar l-“Għimmanuel”, Alla magħna, li ma hemm hemm ebda ħajt jew bogħod li jista’ jifridna minnu. F’dik it-Tarbija, Alla tant qorob lejn kull wieħed u waħda minna, ġie hekk qrib tagħna, li nistgħu nqisuh b’wieħed ta’ ġewwa u jkollna miegħu relazzjoni kunfidenzjali ta’ mħabba profonda, l-istess kif nagħmlu ma’ tarbija tat-twelid.

 

Fil-fatt, f’dik it-Tarbija juri ruħu Alla-Mħabba: Alla jiġi għandna mingħajr armi, kważi bla saħħa, għax ma għandux fi ħsiebu li jikkonkwista, biex ngħidu hekk, minn barra, imma pjuttost irid li jkun milqugħ mill-bniedem fil-libertà; Alla jsir Tarbija bla saħħa biex jegħleb is-suppervja, il-vjolenza, il-kilba għall-ġid li għandu l-bniedem. F’Ġesù, Alla ħa fuqu din il-kundizzjoni fqajra u li żżarmana biex tirbaħna bl-imħabba u twassalna għall-vera identità tagħna. Ma rridux ninsew li l-ogħla titlu ta’ Ġesù Kristu hu sewwasew dak ta’ “Iben”, Bin Alla; id-dinjità divina tiġi indikata b’terminu, li jkompli jtawwal fiż-żmien ir-riferiment għall-qagħda umli tal-maxtura ta’ Betlehem, imqar jekk fl-istess waqt jaqbel b’mod uniku mad-divinità tiegħu, li hi d-divinità tal-“Iben”.

 

Il-qagħda tiegħu ta’ Tarbija turina wkoll kif nistgħu niltaqgħu ma’ Alla u ngawdu mill-preżenza tiegħu. Hu fid-dawl tal-Milied li nistgħu nifhmu kliem Ġesù: “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 18:3). Min ma fehemx il-misteru tal-Milied, ma fehemx l-element deċiżiv tal-ħajja Nisranija. Min ma jilqax lil Ġesù b’qalb ta’ tfajjel żgħir, ma jistax jidħol fis-Saltna tas-smewwiet: dan hu li Franġisku ried ifakkar lill-Insara ta’ żmienu u ta’ kull żmien, sal-lum. Nitolbu lill-Missier jagħti lill-qalb tagħna dik is-sempliċità li fit-Tarbija tagħraf lill-Mulej, l-istess kif għamel Franġisku fi Greccio. Hekk jista’ jiġri lilna wkoll dak li Tumas ta’ Celano – meta jirreferi għall-esperjenza tar-ragħajja fil-Lejl Imqaddes (ara Lq 2:20) – jirrakkonta dwar dawk li kienu preżenti għall-ġrajja ta’ Greccio: kulħadd reġa’ lura lejn daru mimli b’ferħ li ma jitfissirx” (Vita prima, op. cit., n. 86, p. 479).

 

Dan hu l-awgurju li bi mħabba nagħmel lilkom ilkoll, lill-familji tagħkom u li dawk li huma għeżież għalikom. Il-Milied it-tajjeb lilkom ilkoll!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard